Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0083

    Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji fir-rigward ta' mikroentitajiet {SEG(2009) 206} {SEG(2009) 207} (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    /* KUMM/2009/0083 finali - COD 2009/0035 */

    52009PC0083




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 26.2.2009

    KUMM(2009) 83 finali

    2009/0035 (COD)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji fir-rigward ta' mikroentitajiet

    {SEG(2009) 206}{SEG(2009) 207}

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1 L-għanijiet tal-proposta

    L-għan ta' din il-proposta ta' emenda għad-Direttiva 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji (ir-4 Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji)[1] huwa biex tissimplifika l-ambjent tan-negozju u partikolarment ir-rekwiżiti tar-rapportar finanzjarju għall-mikroentitajiet sabiex tittejjeb il-kompetittività tagħhom u jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom ta' tkabbir. Il-bidliet għandhom iwasslu biex jitnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li tiġi ssalvagwardjata protezzjoni u informazzjoni adegwati għall-partijiet konċernati u biex tippermetti l-alinjament tar-rekwiżiti tar-rapportar għall-mikroentitajiet mal-ħtiġijiet reali tal-utenti u l-fassala.

    1.2 Kuntest ġenerali

    Il-Kunsill Ewropew tat-8-9 ta' Marzu 2007 enfasizza li t-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa importanti għat-tisħiħ tal-ekonomija Ewropea, speċjalment meta jitqiesu l-benefiċċji potenzjali li dan jista' jġib għall-SMEs. Saħaq ukoll li sforz konġunt qawwi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huwa meħtieġ biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fi ħdan l-UE[2]. Fil-laqgħa tiegħu ta' Marzu 2008, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tidentifika proposti leġiżlattivi "mgħaġġla" ġodda sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi[3]. Il-kontabbiltà u l-verifika ġew identifikati bħala l-oqsma ewlenija għat-tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-kumpaniji Ewropej.

    Wara l-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni ħarġet "Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku" biex terġa' tinbena l-fiduċja tal-konsumaturi u n-negozju. Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku jimmira li jnaqqas il-piż fuq l-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-mikroentitajiet billi, fost l-oħrajn, "ineħħi r-rekwiżit għall-mikroimpriżi biex iħejju l-kontijiet annwali"[4].

    Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew iħeġġeġ ukoll “lill-Kummissjoni biex tkompli l-attivitajiet tagħha fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji, tal-kontabbiltà u tal-verifika..., b'mod partikulari tar-Raba' u s-Seba' Direttiva[i] dwar il-[tal-]Liġi tal-Kumpaniji”[5] u bla tlaqliq jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tippermetti lill-Istati Membri biex jeżentaw impriżi lokali u reġjonali mill-ambitu tad-Direttivi tal-Kontabbiltà[6].

    Ir-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji ġiet adottata fl-1978 sabiex tinħoloq ġabra ta' rekwiżiti għar-rapportar estern tal-kumpaniji ta' responsabbilità limitata fl-UE. Fl-1983, ġiet adottata s-Seba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji u żiedet ġabra komuni ta' rekwiżiti għar-rapporti finanzjarji konsolidati. Ir-Raba' u s-Seba' Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji (id-Direttivi tal-Kontabbiltà) flimkien joħolqu l-qofol tal-acquis dwar il-kontabbiltà Tul dawn l-aħħar 30 sena d-Direttivi tal-Kontabbiltà ġew emendati bosta drabi. Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà (ir-Regolament IAS)[7] kumpaniji kwotati (u dawk b'dejn kwotat) iridu jippreżentaw il-kontijiet IFRS, u għalhekk inħelsu mill-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti tar-Raba' u tas-Seba' Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji. Madankollu dawn id-Direttivi għadhom jiffurmaw il-bażi għall-kontabbiltà għall-SMEs fl-UE[8].

    Id-Direttivi tal-Kontabbiltà waslu għal ambjent imtejjeb għar-rappurtar finanzjarju fl-UE. Kull żieda sussegwenti għad-Direttivi tal-Kontabbiltà madankollu ħolqot rekwiżiti ġodda, u filwaqt li kull rekwiżit miżjud seta' kien per se ġustifikat, illum huwa importanti li nirrikunsidraw jekk rekwiżiti mhux daqstant utli għandhomx jitneħħew jew jitbiddlu.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE[9] tiddefenixxi mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju. Madankollu, il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri wrew li l-limiti massimi għall-mikroimpriżi f'dik ir-Rakkomandazzjoni jistgħu jkunu wisq għolja għall-finijiet tal-kontabbiltà. Din il-proposta tissuġġerixxi li tista' tiġi introdotta fil-qafas leġiżlattiv tal-UE[10] kategorija ta' mikroentitajiet bħala l-iżgħar impriżi. Il-kumpaniji li fid-data tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbżux il-limiti ta' tnejn mill-kriterji li ġejiin: it-total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR 500 000, fatturat net ta' EUR 1 000 000 u/jew għadd medju ta' impjegati matul is-sena finanzjarja ta' 10 persuni jitqiesu bħala mikroentitajiet. Il-mikroentitajiet bħalissa huma soġġetti għall-istess regoli bħall-kumpaniji akbar, imma mal-mgħodija taż-żmien instab li r-regoli estensivi tar-rapportar applikabbli għalihom mhumiex proporzjonati mal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom ta' kontabbiltà u joħolqu piż ta' spejjeż u jistgħu jxekklu l-użu effiċjenti tal-kapital għal finijiet produttivi.

    L-emenda proposta tirrappreżenta bidla ffukata għar-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji[11] li għandha twassla għal simplifikazzjoni konsiderevoli tal-leġiżlazzjoni fil-perspettiva ta' żmien qasir. Din il-proposta hija parti mill-Programm Rikurrenti ta' Simplifikazzjoni tal-Kummissjoni li huwa prijorità ewlenija tal-aġenda għar-Regolamentazzjoni Aħjar.

    Barra minn hekk, din il-proposta għandha titqies ukoll bħala parti minn riforma usa' tar-Raba' u s-Seba' Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji li hija prevista fil-Programm ta' Ħidma Leġiżlattiv tal-Kummissjoni għat-tielet kwart tal-2009. Fil-kuntest ta' din il-modernizzazzjoni/bidla pjanata tal-qafas tal-kontabbiltà tal-UE, dalwaqt ser titnieda konsultazzjoni pubblika.

    2. IR-RIżULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    2.1 Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

    Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu riċerka sabiex jidentifikaw ir-rekwiżiti l-aktar ta' piż tad-Direttivi tal-Kontabbiltà[12]. Ir-riżultati inizjali indikaw li setgħu jsiru diversi emendi sabiex jiġu ssimplifikati.

    Minn Diċembru 2006 'l hawn dawn l-ideat u suġġerimenti inizjali ġew diskussi f'diversi laqgħat mal-Istati Membri fil-Kumitat Regolatorju tal-Kontabbiltà (ARC). Wara dawn id-diskussjonijiet, il-Kummissjoni f'Lulju 2007[13] ppubblikat Komunikazzjoni li tidentifika l-emendi/bidliet potenzjali għad-Direttivi tal-Kontabbiltà. Is-Servizzi tal-Kummissjoni identifikaw alternattivi ta' politika li jridu jitqiesu u fost l-oħrajn ipproponew li tiġi introdotta kategorija ġdida ta' "mikroentitajiet" fir-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji, li fakultattivament ikunu jistgħu jiġu eżentati mill-ambitu tagħha mill-Istati Membri. Il-maġġoranza tal-partijiet konċernati li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika kienu favur l-eżenzjoni tal-mikroentitajiet mir-rekwiżiti tad-Direttivi tal-Kontabbiltà minħabba li dan iwassal għal tnaqqis kbir fil-piż amministrattiv għal dawk l-entitajiet u jinkuraġġixxi l-bidu ta' oħrajn ġodda.

    Il-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Konċernati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi (Grupp ta' Livell Għoli)[14] iddiskuta l-modi kif jitnaqqas il-piż fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji u l-kontabbiltà, u kkonkluda li bosta mill-obbligi tal-kontabbiltà li joriġinaw mid-Direttivi tal-Kontabbiltà mhumiex neċessarji. Għalhekk fir-rapport tagħhom[15] il-Grupp ta' Livell Għoli jappella għal leġiżlar rapidu tal-fakultà ta' eżenzjoni tal-mikroentitajiet mill-Istati Membri.

    2.2 Valutazzjoni tal-impatt

    Is-Servizzi tal-Kummissjoni ppreżentaw valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta lill-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt li approvaha fit-28 ta’ Jannar 2009. Il-kummenti li għamel il-Bord ġew ikkunsidrati.

    Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li t-tneħħija proposta tal-mikroentitajiet mill-ambitu tar-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji hija mistennija li jkollha impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv tar-rapportar għall-mikroentitajiet, u toħloq opportunitajiet għall-forniment ta' informazzjoni rilevanti u li tiftiehem aktar mill-utenti ewlenin, kredituri u l-maniġment filwaqt li ma jkollha l-ebda impatt negattiv konsiderevoli fuq l-informazzjoni lill-partijiet konċernati esterni u l-protezzjoni tal-kredituri u għall-kummerċ transkonfinali. Ser ikollha impatt fuq id-disponibbiltà tad-dejta statistika f'xi Stati Membri li twassal għall-bidliet fil-ġbir tad-dejta statistika. Dan jista', pereżempju, jingħeleb permezz ta' stħarriġ statistiku addizzjonali. Il-proposta ser twassal ukoll għal tnaqqis fl-informazzjoni li tkun disponibbli għall-pubbliku. Madankollu, ir-rwol tar-rapporti finanzjarji pubblikati fir-rigward tal-mikroentitajiet huwa limitat, bħal pereżempju, l-impjegati ta' tali kumpaniji normalment ikollhom kuntatt dirett mall-maniġment u s-sid(ien). Fir-rigward tal-pubbliku ġenerali, l-interess fl-informazzjoni dwar il-mikroentitajiet huwa ġeneralment baxx ħafna[16].

    2.3 Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

    Din il-proposta għandha titqies b'rabta ma' miżuri oħra ta' simplifikazzjoni fir-rigward tar-Raba' u s-Seba' Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji u l-impatt u l-evalwazzjoni tagħhom għandhom jitwettqu flimkien. Il-Kummissjoni ser timmonitorja l-implimentazzjoni flimkien mal-Istati Membri u ser torganizza werkxops dwar l-implimentazzjoni. L-evalwazzjoni tal-effetti u l-funzjonament tal-eżenzjoni għall-mikroentitajiet ser jinkludi valutazzjoni fir-rigward tal-għanijiet ewlenin ta' alinjament aħjar tar-regoli tal-kontabbiltà mal-ħtiġijiet tal-utenti u l-fassala tar-rapporti finanzjarji u t-tnaqqis kumplessiv fil-piż amministrattiv.

    Riforma ġenerali tar-Raba' u s-Seba' Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji prevista fil-Programm ta' Ħidma Leġiżlattiv tal-Kummissjoni għat-tielet kwart tal-2009 għandha tiżvolġi l-kwistjoni tal-monitoraġġ b'mod aktar preċiż.

    3. ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA

    3.1 Bażi ġuridika

    L-Artikolu 44(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[17].

    3.2 Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

    Il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Azzjoni fil-livell tal-UE hija meħtieġa minħabba li l-obbligi tar-rapportar finanzjarju għall-mikroentitajiet joriġinaw minn direttiva tal-UE. Sabiex l-Istati Membri jitħallew jeżentaw il-mikroentitajiet minn dawn ir-rekwiżiti, ir-Raba' u s-Seba' Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji teħtieġ li tinbidel; azzjoni fil-livell tal-UE għalhekk hija ġġustifikata. It-tibdil propost huwa proporzjonat għall-mira li jitneħħa l-piż amministrattiv mhux meħtieġ għall-mikroentitajiet.

    Il-proposta tapplika l-approċċ Komunitarju abbażi tal-prinċipju għar-regolamentazzjoni tal-Kontabbiltà fl-UE. Barra minn hekk, id-Direttivi tal-Kontabbiltà jirrappreżentaw "armonizzazzjoni minima"[18]. Dan jiżgura l-proporzjonalità u jippermetti flessibbiltà għall-Istati Membri dwar kif għandhom jissodisfaw l-għanijiet filwaqt li jimminimizzaw il-piż finanzjarju u amministrattiv fuq il-mikroentitajiet. Għaldaqstant, meta tkun qed tiġi implimentata din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ukoll janalizzaw u jqisu l-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li jistgħu jkunu rakkomandabbli aktar miżuri ta' simplifikazzjoni fil-livell nazzjonali. Għandu wkoll jiġi nnutat f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li jibqa' f'idejn l-Istati Membri biex jikkontrollaw u jimmonitorjaw jekk il-kriterji tal-mikroentitajiet jibqgħux jiġu ssodisfati mill-kumpaniji esklużi mill-ambitu tar-Raba' u s-Seba' Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji. L-Istati Membri għandu jkollhom l-informazzjoni rilevanti neċessarja għad-dispożizzjoni tagħhom (statistika, dejta soċjali, eċċ). Fl-ispirtu tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni deliberatament għażlet din l-alternattiva.

    3.3 Għażla ta’ strument

    L-istrument propost jemenda d-direttivi eżistenti u għalhekk huwa direttiva.

    4. SIMPLIFIKAZZJONI

    F'Ottubru 2005, wara li ħarġet il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Regolamentazzjoni aħjar għat-Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea"[19], il-Kummissjoni varat fażi ġdida għas-simplifikazzjoni tad-dritt eżistenti tal-UE billi fasslet programm rikorrenti[20], inizjalment ikopri s-snin 2005-2008. F'Jannar 2009, il-Kummissjoni ppreżentat It-Tielet Reviżjoni Strateġika dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar u aġġornat il-Programm Rikorrenti tagħha tas-Simplifikazzjoni[21]. Il-proposta preżentata hija prevista f'dan il-Programm Rikorrenti tas-Simplifikazzjoni adottat mill-Kummissjoni fl-2009[22] bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttivi tal-Kontabbiltà biex jitqiesu l-interessi tan-negozji ż-żgħar u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Din il-proposta aktar ġenerali teħtieġ aktar żmien għat-tħejjija tagħha. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li, bi qbil mal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, jinħtieġu miżuri għaż-żmien immedjat biex jitnaqqas il-piż fuq il-mikroentitajiet. Qegħdin jiġu proposti benefiċċji sinifikanti ta' simplifikazzjoni.

    Skont l-istimi disponibbli għall-Kummissjoni hemm madwar 5.3 miljun mirkoentità fl-UE li jissodisfaw tal-anqas tnejn mill-kriterji ta' definizzjoni[23]. Kull kumpanija jiswilha medja ta' EUR 1 558 biex tissodisfa l-obbligi tar-rapportar tad-Direttivi tal-Kontabbiltà. Ġie vvalutat li mingħajr xi obbligi legali, il-kumpaniji xorta jonfqu madwar 25 % ta' dak l-ammont biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom maniġerjali u ta' informazzjoni esterna. Għaldaqstant il-bqija ta' 75 % jew EUR 1 169 huwa stima tal-piż tal-kontabbiltà li jġorru dawn il-kumpaniji. Dan jammonta għal piż tal-kontabbiltà ta' EUR 6.3 bn. B'hekk, fix-xenarju l-aktar estrem fejn l-Istati Membri kollha jeżentaw il-mikrokumpaniji u ma jimponux rekwiżiti addizzjonali l-istima l-aktar pożittiva tal-iffrankar potenzjali li jirriżulta mill-proposta huwa ta' EUR 6.3 bn (b'firxa ta' EUR 5.0 bn sa EUR 6.9 bn).

    5. SPJEGAZZJONI TAL-PROPOSTA

    Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tiġi stabbilita fakultà għall-Istati Membri biex ineħħu l-mikroentitajiet mill-ambitu tar-Raba' u s-Seba' Direttivi tal-Liġi tal-Kumpaniji u, b'hekk, jeħilsuhom mir-rekwiżit li jħejju l-kontijiet annwali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jiżdied Artikolu ġdid 1a għar-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji li jestendi d-diskrezzjoni tal-Istati Membri biex ineħħu lill-mikroentitajiet mill-ambitu tar-Raba' Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji.

    Madankollu, jinħtieġ li jitfakkar, li l-kumpaniji, inkluż il-mikroentitajiet, iżommu r-reġistri tal-bejgħ u t-tranżazzjonijiet għall-finijiet maniġerjali tagħhom u għar-rapportar fiskali. Id-Direttiva ser tippermetti lill-Istati Membri biex jalinjaw ir-rapportar finanzjarju ma' ħtiġijiet oħra bħal dawn tar-rapportar biex jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ. Il-mikroentitajiet xorta jistgħu fuq bażi volontarja jfasslu l-kontijiet annwali, jivverifikawhom b'awditur u jibgħatuhom lir-reġistru nazzjonali.

    6. IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT

    Ma hemm l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitajru.

    2009/0035 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji fir-rigward ta' mikroentitajiet

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 44(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[24],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[25],

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

    Billi:

    (1) Il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 fil-konklużjonijiet tiegħu saħaq li t-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa importanti għat-tqawwija tal-ekonomija Ewropea u li jinħtieġ sforz konġunt f'saħħtu biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fi ħdan l-UE.

    (2) Il-kontabbiltà ġiet identifikata bħala wieħed mill-oqsma ewlenin għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji fi ħdan il-Komunità.

    (3) Il-Komunikazzjoni tagħha dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabbiltà u l-verifika[26] il-Kummissjoni identifikat emendi possibbli għar-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji[27], inkluż fakultà għall-Istati Membri biex jeżentaw il-mikroentitajiet mill-obbligu li jfasslu l-kontijiet annwali skont dik id-Direttiva.

    (4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE[28] tiddefenixxi mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju. Madankollu, il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri wrew li l-limiti massimi għall-mikroimpriżi f'dik ir-Rakkomandazzjoni jistgħu jkunu wisq għolja għall-finijiet tal-kontabbiltà. Għalhekk, sottogrupp ta' mikroimpriżi, hekk imsejħa mikroentitajiet, għandu jiġi introdott biex ikopri kumpaniji b'total tal-karta tal-bilanċ u fatturat nett aktar baxx mil-limiti stipulati għall-mikroimpriżi.

    (5) Il-mikroentitajiet bosta drabi joperaw f'negozju fil-livell lokali jew reġjonali bi ftit, jew xejn, attività transkonfinali u għandhom riżorsi limitati biex jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji impenjattivi. Barra minn hekk, il-mikroentitajiet huma importanti għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, it-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda.

    (6) Il-mikroentitajiet madankollu spiss ikunu soġġetti għall-istess regoli tar-rappurtar bħall-kumpaniji akbar. Dawk ir-regoli kienu ta' piż għalihom li ma hux proporzjonat mad-daqs tagħhom u għalhekk huwa sproporzjonat għall-iżgħar impriżi meta mqabbla mal-impriżi akbar. Għalhekk għandu jkun possibli li jiġu eżentati l-mikroentitajiet mill-obbligu li jfasslu l-kontijiet annwali, anki jekk tali kontijiet jipprovdu sors ta' informazzjoni statistika.

    (7) Il-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Konċernati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi fl-opinjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2008 appella għal-leġiżlar rapidu tal-fakultà għall-Istati Membri sabiex jeżentaw il-mikroentitajiet mill-obbligu li jfasslu l-kontijiet annwali skont id-Direttiva 78/660/KEE.

    (8) Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar ir-rekwiżiti tal-kontabbiltà fir-rigward tal-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju[29], partikolarment il-mikroentitajiet, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li tagħti l-fakultà lill-Istati Membri biex jeżentaw lill-mikroentitajiet mill-ambitu tad-Direttiva 78/660/KEE.

    (9) Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-mirkoentitajiet, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (10) Għalhekk, id-Direttiva 78/660/KE għandha tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1 Emenda għad-Direttiva 78/660/KEE

    Fid-Direttiva 78/660/KE jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

    “Artikolu 1a

    1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni mill-obbligi skont din id-Direttiva għall-kumpaniji li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jkunux jeċċedu l-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji li ġejiin:

    (a) total tal-karta tal-bilanċ: EUR 500 000;

    (b) fatturat nett: EUR 1 000 000;

    (c) l-għadd medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 10.

    2. Fejn fid-data tal-karta tal-bilanċ tagħha, kumpanija taqbeż il-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji stipulati fil-paragrafu 1 f'sentejn finanzjarji konsekuttivi dik il-kumpanija ma tkunx tista' tgawdi aktar mill-eżenzjoni msemmija f'dak il-paragrafu.

    Fejn fid-data tal-karta tal-bilanċ tagħha, kumpanija ma tibqax taqbeż il-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji stipulati fil-paragrafu 1, tkun tista' tgawdi mill-eżenzjoni msemmija f'dak il-paragrafu sakemm ma tkunx qabżet dawk il-limiti għal sentejn konsekuttivi.

    3. Fil-każ ta’ dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro, l-ammont li fil-munita nazzjonali ekwivalenti għall-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat billi tintuża r-rata tal-kambju ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dakinhar tad-dħul fis-seħħ ta' kwalunkwe Direttiva li tistabbilixxi dawk l-ammonti.

    4. It-total tal-karta tal-bilanċi msemmi fil-paragrafu 1(a) għandu jikkonsisti jew fl-attivi msemmija fil-punti A sa E taħt "Assi" fl-Artikolu 9 jew l-attivi msemmija fil-punti A sa E fl-Artikolu 10.

    Artikolu 2 Traspożizzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva fejn u meta jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 1a tad-Direttiva 78/660/KEE. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3 Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

    Artikolu 4 Id-destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussel,

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    [1] ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

    [2] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell - dok. 7224/07, il-punt 24.

    [3] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell -dok. 7652/08, il-punt 9.

    [4] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku - COM (2008) 800, 26.11.2008, il-punt 4, disponibbli fuq is-sitweb tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/pdf/Comm_20081126.pdf

    [5] Rapport dwar l-Istandards Internazzjonali ta’ Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) u t-tmexxija tal-Bord ta’ l-Istandards Internazzjonali ta’ Kontabbiltà (IASB) (2006/2248(INI)), Il-PE, Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Rapporteur: Alexander Radwan, A6-0032/2008, 5.2.2008, p. 10.

    [6] Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar ir-rekwiżiti dwar ir-rekwiżiti tal-kontabbiltà fir-rigward tal-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju, b'mod partikulari l-mikroentitajiet, P6_TA(2008)0635.

    [7] Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà, ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    [8] Direttiva separata tistipula r-rekwiżiti għall-verifika tal-kontijiet annwali (id-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

    [9] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

    [10] Dan il-grupp ta' entitajiet ġodda joriġina fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' Lujlu 2007 (il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabbiltà u l-verifika - COM(2007) 394, 10.7.2007. Disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/company/simplification/index_en.htm).

    [11] Is-Seba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji ma teħtieġx li tiġi emendata, minħabba li minnufih it-test preżenti ta' din id-Direttiva jagħti l-opportunità lill-Istati Membri biex jeskludi mill-obbligu tat-tfassil tar-rapporti finanzjarji konsolidati lill-kumpaniji li jridu jiġu kkonsolidati u li flimkien ma jaqbżux il-limitu ta' kumpanija ta' daqs medju kif iddefinit fir-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji (l-Art. 6(1) tas-Seba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji).

    [12] Inkluż l-istudju mmexxi minn Ramboll Management, li ġie kkomissjonat mill-Kummissjoni: Study on Administrative Costs of the EU Company Law Acquis, Lulju 2007, disponibbli fuq is-sitweb tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/simplification/final_report_company_law_administrative_costs_en.pdf

    [13] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabbiltà u l-verifika - COM(2007) 394, 10.7.2007. Disponibbli fuq is-sitweb tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/internal_market/company/simplification/index_en.htm

    [14] Għad-dettalji dwar il-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Konċernati ara s-sitweb tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/enterprise/regulation/better_regulation/high_level_group_is_en_version.htm

    [15] Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli:

    http://ec.europa.eu/enterprise/admin-burdens-reduction/docs/080710_hlg_op_comp_law_final.pdf

    [16] Il-Valutazzjoni tal-Impatt tiddeskrivi bosta alternattivi ta' politika li s-Servizzi tal-Kummissjoni kkunsidraw: Alternattiva 0 tikkonsisti f'li ma jsiru ebda bidliet fir-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji, Alternattiva 1 tinkuraġġixxi l-Istati Membri biex jużaw bis-sħiħ l-alternattivi eżistenti fir-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji kif inhi llum, Alternattiva 2 tipprevedi eżenzjoni obbligatorja għall-mikroentitajiet mill-ambitu tar-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji, Alternattiva 3 tistabbilixxi fakultà għall-Istati Membri biex jeżentaw il-mikroentitajiet mill-ambitu tar-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji, Alternattiva 4 tinkludi sistema mandatorja simplifikata tal-kontabbiltà għall-mikroentitajiet u Alternattiva 5 tipprevedi emendi għar-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji mingħajr l-introduzzjoni tal-kategorija l-ġdida tal-mikroentitajiet.

    Wara li sar paragun tal-alternattivi kollha msemmija hawn fuq, il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li l-istabbilment ta' fakultà għall-Istati Membri biex jeżentaw lill-mikroentitajiet mill-ambitu tar-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji (l-Alternattiva 3 hawn fuq) tipprovdi l-akbar tnaqqis tal-piż u tista' tkun ukoll implimentata fl-iqsar żmien possibbli u għalhekk hija l-aktar alternattiva xierqa sabiex jitnaqqas konsiderevolment il-piż amministrattiv tan-negozji ż-żgħar u talinja r-rekwiżiti tar-rapportar mal-ħtiġijiet tal-utenti u l-fassala.

    [17] ĠU C 325, 24.12.2002, p. 35.

    [18] L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu rekwiżiti aktar estensivi fuq livell nazzjonali. Id-Direttivi diġà fihom bosta alternattivi għall-SMEs, iżda ħafna minn dawn ma ġewx adottati mill-Istati Membri.

    [19] COM(2005) 97, 16.3.2005.

    [20] COM(2005) 535, 25.10.2005.

    [21] COM(2009) 17, 28.1.2009.

    [22] u hija rreferenzjata wkoll fl-Ippjanar tal-Agenda tal-Kummissjoni bħala 2009/MARKT/051.

    [23] It-total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR 500 000, fatturat nett ta' EUR 1 000 000 u/jew għadd medju ta' impjegati matul is-sena finanzjarja ta' 10 persuni.

    [24] ĠU C [...] [...], p. [...].

    [25] ĠU C [...] [...], p. [...].

    [26] COM(2007) 394.

    [27] ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

    [28] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

    [29] ĠU C [… ] […], p. […].

    Top