Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0675

    Rapport mill-Kummissjoni - Is-26 Rapport annwali dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt komunitarju (2008) {SEG(2009) 1683} {SEG(2009) 1684} {SEG(2009) 1685}

    /* KUMM/2009/0675 finali */

    52009DC0675

    Rapport mill-Kummissjoni - Is-26 Rapport annwali dwar il-kontroll tal-applikazzjoni tad-dritt komunitarju (2008) {SEG(2009) 1683} {SEG(2009) 1684} {SEG(2009) 1685} /* KUMM/2009/0675 finali */


    [pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

    Brussel 15.12.2009

    KUMM(2009) 675 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    Is- 26 RAPPORT ANNWALI DWAR IL-KONTROLL TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DRITT KOMUNITARJU (2008)

    {SEG(2009) 1683}{SEG(2009) 1684}{SEG(2009) 1685}

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    Is- 26 RAPPORT ANNWALI DWAR DWAR IL-KONTROLL TAL-APPLIKAZZJONI TAD-DRITT KOMUNITARJU (2008)

    1. INTRODUZZJONI

    Fl-2007 il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Ewropa li Tikseb ir-Riżultati – l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju' [1] iddikjarat li l-Kummissjoni se tiżviluppa l-enfasi fir-rapport annwali tagħha fuq kwistjonijiet strateġiċi, evalwazzjoni tal-istat attwali tal-liġi, prijoritajiet u pprogrammar tax-xogħol għall-ġejjieni. Ir-rapport tas-sena l-oħra[2] kien iffoka fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet u sfidi attwali ippreżentati skont is-settur u skont l-azzjonijiet prioritarji fil-forma ta’: miżuri preventivi; azzjoni għall-ġestjoni tal- acquis; soluzzjonijiet għall-problemi taċ-ċittadini; il-ġestjoni tal-ksur u leġiżlazzjoni ġdida li toħroġ miċ-ċiklu regolatorju.

    Ir-rapport ta’ din is-sena se jimxi fuq struttura li tagħmel użu minn selezzjoni aktar wiesgħa u kummenti iktar dettaljati fuq ċerti setturi, ibbażat fuq l-istampa iktar dettaljata ppreżenata fid-dokument anċillari għal dan ir-rapport “Il-qagħda fis-setturi varji”. Ir-Rapport ġeneralment jirreferi għal azzjonijiet li ttieħdu taħt it-Trattat KE. L-azzjoni taħt it-Trattat ta’ Liżbona se tkun is-suġġett ta’ rapporti fil-futur. Għall-2010 hemm ippjanata komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 tat- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , rigward l-awtorità li għandha l-Kummissjoni biex titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet fuq Stat Membru.

    2. INFORMAZZJONI ĠENERALI

    2.1. Introduzzjoni

    Taħt it-Trattat KE, ir-responsabbiltà prinċipali għall-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja hija tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha l-awtorità u r-responsabbiltà li tiggarantixxi r-rispett tad-dritt Komunitarju. Fl-aħħar tal-2008, ir-regoli tat-Trattat ġew supplimentati b’madwar 8 200 regolament u bi ftit inqas minn 1 900 direttiva b’seħħ fis-27 Stati Membri.

    2.2. Ilmenti u proċeduri ta’ ksur

    Il-proċess ta' ksur għandu rwol essenzjali sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tal-liġi. L-aħħar figuri juru li madwar 68% tal-ilmenti jingħalqu fl-ewwel pass formali fil-proċedura dwar il-ksur; madwar 84% tal-proċeduri dwar il-ksur ibbażati fuq ilment jingħalqu qabel l-istadju tal-opinjoni motivata u madwar 94% qabel deċiżjoni mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

    Meta wieħed iqabbel is-snin ta’ reġistrazzjoni tal-infrazzjonijiet 1999-2003 mal-1999-2007, iż-żmien medju sabiex jiġu pproċessati l-infrazzjonijiet, mill-ftuħ tal-każ sakemm tintbagħat l-ittra ta' applikazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat KE, niżel minn 27 xahar għal 24. Iż-żmien medju meħtieġ sabiex jiġu pproċessati każi rigward nuqqas ta' notifika dwar miżuri mill-Istati Membri għat-traspożizzjoni ta' direttivi baqa' madwar 14-il xahar. Fl-2008, ma saret ebda tieni referenza lill-Qorti taħt l-Artikolu 228 tat-Trattat, ipparagunat ma' 7 każi fl-2007.

    Fl-aħħar tal-2008, il-Kummissjoni kienet qed tiġġestixxi iktar minn 3 400 każ ta' ilmenti u infrazzjonijiet. L-għadd totali ta’ każi żdied bi ftit inqas minn wieħed fil-mija mill-2007, bi tnaqqis ta’ 15% fil-proċedimenti għan-nuqqas ta' notifika ta' miżuri ta' traspożizzjoni tad-direttivi. Kien hemm 54% mit-total li kienu lmenti, jew inkella 64% tal-każi kollha dwar kwistjonjiet li ma jirrigwardjawx traspożizzjoni tardiva, tnaqqis ta' 9% mill-2007. In-numru ta' każi ġodda ta' ex officio li kienu qed jiġu eżaminati fl-aħħar tal-2008 naqas bi 3% ikkomparat mal-2007.

    Medja ta’ 55% tat-total meħtieġ ta’ miżuri għat-traspożizzjoni fl-2008 kienu tard, ikkomparati ma’ 64% għall-2007, fil-kuntest ta’ tnaqqis konsiderevoli fin-numri ta’ direttivi li ma ġewx trasposti fl-2008.

    2.3. Petizzjonijiet

    In-numru ta' petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew li jqajmu kwistjonijiet rigward l-applikazzjoni korretta tad-dritt Komunitarju jiddependi mid-deċiżjonijiet li jieħdu ċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà ċivili biex juru t-tħassib tagħhom b’dan il-mod. Anki jekk ħafna mill-petizzjoni ma jikkonċernawx, jew ma jwasslux, għal proċedimenti ta' ksur, dawn jipprovdu lill-Parlament u lill-Kummissjoni b'informazzjoni utili dwar it-tħassib taċ-ċittadini.

    Fil-qasam tal-Ambjent tressaq għadd konsistentement għoli ta’ petizzjonijiet partikolarment għas-settur tal-iskart. Fil-qasam tat-trasport għadd għoli ħafna ta’ petizzjoinjiet kien jirrigwarda s-sigurtà fit-toroq. Fis-settur tas-Suq Intern kważi nofs il-petizzjoinjiet imressqa kien jirrigwarda r-rikonoxximent tad-diplomi. Fil-qasam tat-Tassazzjoni u d-dwana l-iktar suġġett rikurrenti tal-petizzjoinjiet huwa t-tassazzjoni fuq il-karrozzi.

    Wasal ukoll għadd sinifikanti ta’ petizzjonijiet fis-settur tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, b’mod partikolari rigward l-applikazzjoni mhux korretta tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri (Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-persuni u d-drittijiet fundamentali.

    3. KWISTJONIJIET ATTWALI FL-IMPLIMENTAZZJONI, IL-ĠESTJONI U L-INFURZAR LI JIKKONTRIBWIXXU GĦAĊ-ĊIKLI REGOLATORJI

    3.1. Introduzzjoni

    Id-dritt Komunitarju jevolvi maż-żmien skont l-esperjenza tal-applikazzjoni tiegħu, sentenzi interpretattivi, teknoloġija li qed tiżviluppa, aspettativi dejjem jiżdiedu dwar l-effiċjenza u objettivi politiċi li jevolvu. Il-proċess ta’ bidla leġiżlattiva hija ġestita permezz ta’ sensiela ta’ fażijiet inklużi r-reviżjoni u l-konsultazzjoni li jwasslu għal proposta, addozzjoni, implimentazzjoni, applikazzjoni, ġestjoni u infurzar leġiżlattiv u iktar revizjoni u konsultazzjoni. Kull settur juri kumbinazzjoni differenti ta’ elementi li jwasslu għal ċikli leġiżlattivi li jistgħu jieħdu minn sentejn sa għoxrin sena.

    It-taqsimiet li ġejjin jidentifikaw xi aspetti ewlenin tal-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-infurzar tad-dritt Komunitarju, filwaqt li jindikaw il-kontribuzzjoni li jagħtu għaċ-ċikli leġiżlattivi, inklużi xi eżempji importanti li ttieħdu mis-setturi li huma deskritti f’iktar dettal fid-dokument anċillari “Iċ-ċiklu regolartorju – Setturi ta’ eżempju”[3].

    3.2. Traspożizzjoni u rappurtaġġ tard – żieda fl-ippjanifikar tal-implimentazzjoni u azzjoni preventiva

    It-traspożizzjoni tard ta’ direttivi tkompli tikkostitwixxi xkiel mifrux u b’effetti estensivi għat-twettiq f’waqtu tal-liġi. Fl-2008, 55% tat-traspożizzjoinjiet meħtieġa kienu tard, b’diversi eżempji jestendu fuq sentejn jew aktar. Iċ-ċiklu leġiżlattiv ta’ bejn wieħed u ieħor erba’ snin għall-addozzjoni u l-implimentazzjoni huwa għalhekk estiż regolarment, xi drabi għal snin sħaħ. Dan id-dewmien inaqqas il-potenzjal tal-UE li twieġeb b’mod effiċjenti għall-interessi taċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi tagħha. Jimmina l-koerenza fis-sistema legali, inaqqas iċ-ċertezza legali, it-trasparenza u l-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni. Ix-xogħol ta’ segwitu biex jiżgura l-applikazzjoni korretta tad-dritt jiddewwem. Is-sitwazzjoni mqabbla mas-sena l-oħra tjiebet, iżda l-15% titjib għall-UE-25 trid tinqara flimkien ma’ tnaqqis ta’ 40% fil-volum ta’ traspożizzjonijiet meħtieġa. It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 19 identifikat li f’Mejju 2009, kien hemm 22 direttiva li kellhom skadenzi ta’ traspożizzjoni sentejn ilu kull waħda b’minn Stat Membru wieħed sa ħamsa li kienu għadhom ma finalizzawx it-traspożizzjoni.

    Flimkien ma’ traspożizzjoni tard hemm il-kwistjoni ta’ tipi oħra ta’ notifikazzjoni meħtieġa mid-direttivi li jiġu kkomunikati tard. Pereżempju, fl-‘iskambju tal-kwoti ta’ emissjonijiet fil-bdil tal-klima’ kellhom jitniedu proċedimenti ta’ ksur kontra ħafna Stati Membri għan-notifikazzjoni tard ta’ Pjani Nazzjonali ta’ Allokazzjoni (PNA) għall-2008 – 2012. Bħala riżultat ta' dan inżamm milli jiġu żviluppati iktar l-implimentazzjoni tal- acquis attwali u l-emendi tiegħu. Dan ir-rappurtaġġ tard ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għal dewmien fil-passi li jmiss li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-2020.

    Minn parti waħda biex tiġi evitata t-traspożizzjoni tard u minn parti oħra biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta, f’dawn l-aħħar snin baqa’ jiżdied ir-rikors għal miżuri preventivi fil-forma ta’ laqgħat bejn l-esperti u djalogu bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru dwar kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni, u b’hekk titjieb il-possibbiltà ta' riżoluzzjoni ta' problemi potenzjali qabel ma' jiġu ffissati fil-liġi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri żviluppaw impenn addizzjonali sostanzjali għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi bil-għan li jiġi iktar żgurat li l-objettivi tiegħu jintlaħqu. Eżempju ċar huwa l-programm ta’ ħidma attwali fuq l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-Servizzi. Pjan dettaljat u estensiv ta’ traspożizzjoni ipprovda bażi għal iktar minn 30 laqgħa bilaterali ma’ Stati Membri u 13-il laqgħa tal-grupp ta’ esperti fl-2008 dwar l-implimentazzjoni u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern biex tippermetti skambju dirett ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    Spiss ukoll jitħejjew linji gwida biex jassistu l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, kif kien b’mod estensiv il-każ taħt ir-regolament REACH. Elenki ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet li jsiru spiss jitqegħdu fuq l-Internet, pereżempju dwar id-direttivi rigward sustanzi perikolużi, splussivi u fertilizzanti.

    Għandha tingħata attenzjoni mill-qrib mill-Kummissjoni fi kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u infurzar, u mill-Parlament u mill-Kunsill meta jiġu biex jaddottaw leġiżlazzjoni ġdida biex jiżguraw l-applikazzjoni kmieni u korretta tal-liġi. Ir-reviżjoni mill-Parlament Ewropew tal-implimentazzjoni tad-dritt Komunitarju u l-kuntatti mal-parlamenti nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu għal riżultati aħjar. Id-diskussjoni inter-istituzzjonali għandha tidentifika metodi xierqa li għandhom jiġu applikati biex jiżguraw riżultati aħjar.

    3.3. Il-qafas, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tiegħu

    L-addozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida tal-KE hija ħafna drabi il-bidu, iktar milli t-tmiem, ta’ proċess. Leġiżlazzjoni qafas teħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni. L-iżvilupp xjentifiku u tekniku jwassal biex jiġu introdotti metodi ġodda ta’ xogħol. Informazzjoni bil-quddiem dwar azzjoni regolatorja ġdida possibbli fil-livell tal-Istati Membri tista’ tgħin biex ma jkunx hemm ostakoli ġodda għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu l-aħjar jiżguraw ġestjoni tajba tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni billi regolarment jirrevedu l-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u applikazzjoni.

    Pereżempju, direttivi inizjali dwar prodotti li jipproteġu l-pjanti mil-livelli tal-pestiċidi addottati fis-snin 70, 80 u 90 progressivament estendew il-qasam kopert mir-regoli tal-UE dwar ir-residwi għal uċuħ tar-raba’ differenti. Dan il-proċess kien jinvolvi xogħol implimentattiv addizzjonali, b’sitt direttivi implimentattivi tal-Kunsill adottati minn nofs l-1993 sa nofs l-1997 u 60 direttiva oħra tal-Kummissjoni adottati fl-għaxar snin ta’ wara qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) 396/2005[4] li kkonsolida u ssimplifika l- acquis .

    B’mod parallel, l-implimentazzjoni f’fażijiet tar-Regolament 91/414/KEE[5] dwar l-evalwazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ prodotti li jipproteġu l-pjanti kienet organizzata permezz ta’ programmi li ġew adottati fl-1992, fl-2000, fl-2002 u fl-2004, li wasslu għall-proposta tal-Kummissjoni fl-2006 għal regolament biex jikkonsolida u jkompli jiżviluppa l- acquis [6].

    Iktar minn ħidma tal-kumitat, hemm metodi oħra li bihom tkun ġestita l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet li jeħtieġu notifikazzjoni minn qabel dwar abbozzi ta’ regolamenti u proċeduri biex isegwu problemi li jiġu identifikati. Fil-qasam ta’ standards tekniċi għal prodotti u servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni biss[7], matul l-2008 ġew ġestiti iktar minn 630 notifikazzjoni kif ukoll kważi 200 intervent tal-Kummissjoni u ftit iktar minn 180 intervent tal-Istati Membri.

    3.4. Spezzjonijiet u kontrolli – Azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri

    L-ispezzjonijiet u r-rappurtaġġ mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni wkoll jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jitkejjel safejn ikunu ntlaħqu l-objettivi fil-konkret, billi jidentifikaw tipi differenti ta’ problemi li hemm bżonn jiġu indirizzati permezz ta’ proċessi amministtrattivi jew proċedimenti dwar ksur jew emendi leġiżlattivi.

    Pereżempju, fis-sigurtà tal-avjazzjoni, il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-bidu tas-snin 2000 ipprovdiet għal żvilupp fil-programmi ta’ sigurtà fl-avjazzjoni ċivili fl-Istati Membri wara li kienu ġew stabbiliti standards bażiċi komuni kif ukoll verifiki nazzjonali minn Stati Membri u spezzjonijiet mill-Kummissjoni. Huwa stmat li l-programm estensiv ta’ spezzjonijiet li sar ikkontribwixxa għal 16% ta’ osservanza aħjar filwaqt li identifika l-ħtieġa għal iktar armonizzazzjoni, kjarifikazzjoni u simplifikazzjoni. Għalhekk fl-2008 ġiet addottata leġiżlazzjoni li temenda mill-Parlament u mill-Kunsill, li kompliet ittejjeb it-tiswir tar-regoli u stipulat prinċipji bażiċi rigward firxa iktar estensiva ta’ programmi ta’ sigurtà u kontroll tal-kwalità intern biex jiġu addottati mill-operaturi tal-ajruporti, kumpaniji tal-ajru u entitajiet oħra li jimplimentaw miżuri tas-sigurtà. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni estendiet il-kontroll inter pares fil-programm ta’ spezzjoni fil-kuntest ta’ titjib tal-metodoloġija tagħha ta’ spezzjonar.

    Eżempju ieħor, fis-sikurezza tal-ikel, hija l-ħidma tal-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (UAV), li fl-2008 skeda 256 verifika u spezzjoni biex jiżgura sistemi ta’ kontroll effettivi u biex jevalwa l-osservanza mal-istandards tal-UE fi ħdan l-UE, u f’pajjiżi terzi rigward l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE.

    3.5. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-ġbir ta’ informazzjoni u rappurtaġġ marbut mal-iżvilupp leġiżlattiv

    Hemm varjetà ta’ tekniki wżati fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-leġiżlazzjoni fil-post u biex jeżaminaw jekk l-objettivi humiex qed jintlaħqu.

    Dwar il-‘Tibdil fil-klima’, pereżempju, f’Jannar 2008 l-Kummissjoni pproponiet skema ta’ skambji dwar l-emissjoni tal-gassijiet b’effett serra imtejba u estiża. Il-proposta rriżultat minn konsultazzjonijiet estensivi mal-patijiet interessati matul l-ewwel perjodu ta’ skambju 2005-2007. Dawn ikkonfermaw nuqqas ta’ dejta verifikata dwar l-emissjonijiet biex jikkorroboraw il-Pjani ta' Allokazzjoni Nazzjonali (PAN) inizjali, li wasslu għal: Ħruġ eċċessiv ta’ krediti u f’xi każi ta’ profitti mhux mistennija għall-industrija li ġiegħelet lill-konsumaturi jħallsu għal krediti tal-emissjoinjiet li hi rċeviet b’xejn; metodi u livelli ta’ allokazzjoni li kienu jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor; u proċess ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-PAN twil u kumpless wisq. Il-proposta tal-2008 għalhekk biex tiġi emedata l-liġi ressqet approċċ totalment armonizzat għal massimu ta’ konċessjonijiet li jonqos kull sena matul l-UE kollha, li jimmira lejn tnaqqis ta’ 21% bejn l-2005 u l-2020, filwaqt li jiddaħħal ftit ftit l-irkantar bħala metodu prinċipali ta’ allokazzjoni ta’ konċessjonijiet.

    Eżempju ieħor jikkoċerna l-ħlasijiet tard li jaqgħu taħt kuntratti kummerċjali, fejn tħassib inizjali ġie indikat mill-Parlament Ewropew fl-1994 u li wassal għal rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni fl-1995 bħala triq possibbli mhux leġiżlattiva sabiex isir titjib. Wara proċess ta’ iktar konsultazzjoni li kkonferma n-nuqqas ta’ progress sinifikanti, il-Kummissjoni pproponiet direttiva li ġiet addottata fis-sena 2000. Rapport fl-2006 imbagħad wassal għal studju, konsultazzjoni mal-Bord Pilota dwar in-Negozju Ewropew u konsultazzjoni pubblika “Il-Vuċi tiegħek fl-Ewropa” fl-2008. Ir-riżultati, flimkien ma’ stħarriġ orgaizzat fl-istress ħinn minn partijiet interessati fl-Istati Membri, ikkonfermaw il-ħtieġa għal iktar tisħiħ tar-regoli, li l-Kummissjoni ppropniet fl-2009.

    Rigward il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġiż (IPPC), id-direttiva oriġinali fl-1996 stipulat programm ta’ implimentazzjoni fuq għaxar snin għall-ħruġ ta’ permessi għal stallazzjonijiet industrijali bbażat fuq l-impenn tagħhom li jimplimentaw l-aqwa tekniki possibbli disponibbli għall-kontroll tal-emissjoni tat-tniġġiż. Fl-1999 il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri biex fl-2003 jirrappurtaw għall-perjodu ta’ implimentazzjoni 2000-2002. Ir-riżultati wasslu għar-rapport li għamlet il-Kummissjoni fl-2005. Dan identifika dewmien sinifikanti fit-traspożizzjoni, nuqqas ta’ ċarezza suffiċjenti fil-leġiżlazzjoni u l-ħtieġa kemm ta’ iżjed koordinazzjoni u veloċità fl-implimentazzjoni kif ukoll ta’ konsolidazzjoni tad-dispożizzjonijiet; li wassal għall-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-implimentazzjoni.

    Matul l-2006 u l-2007, il-Kummissjoni għamlet reviżjoni oħra dwar l-implimentazzjoni mal-partijiet interessati kollha, ibbażata fuq ir-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2003-2005 kif ukoll għadd ta’ analiżi esterni addizzjonali. Ir-riżultati pprovdew evidenza ċara tal-ħtieġa ta’ reviżjoni leġiżlattiva. Il-Kummissjoni għalhekk f’Diċembru 2007 addottat Proposta għal Direttiva mfassla mill-ġdid dwar l-Emissjonijiet Industrijali biex tikkonsolida, testendi u tiċċara d-dispożizzjoinjiet attwali, trażżan il-limit tal-emissjonijiet u żżid il-monitoraġġ u l-infurzar. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-implimentazzjoni ġie wkoll aġġornat, li kien jinvolvi ġbir ta’ dejta iktar armonizzata, evalwazzjoni u proċeduri iktar sempliċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Dan ipprovda qafas biex jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjoinjiet eżistenti sal-2012 meta l-attenzjoni hija mistennija timxi għall-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida li hi ppjanata.

    3.6. Il-ġestjoni tal-leġiżlazzjoni minn gruppi esperti

    Jittieħdu miżuri preventivi bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni f’waqtha u korretta tal-liġi, għalhekk tiġi evitata l-ħtieġa ta’ proċedimenti dwar ksur. Il-ġestjoni ta’ kuljum tal- acquis permezz ta’ madwar 250 kumitat u 1 000 grupp ta’ esperti, l-implimentazzjoni u x-xogħol ta’ aġġornament tekniku jgħinu jżommu l-validità kurrenti u l-operabbiltà prattika tal- acquis leġiżlattiv, u b’hekk tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ problemi li altrimenti jsiru s-suġġett ta' proċedimenti dwar ksur, u s-soluzzjoni ta' proċedimenti li jinsabu għaddejjin.

    3.7. Soluzzjoinjiet għall-problemi taċ-ċittadini, in-negozji u l-interessi tas-soċjetà ċivili

    Diversi kwistjonijiet dwar l-interpreazzjoni u l-applikazzjoni prattika tal-liġi jistgħu jiġu ttrattati malajr u b’mod effikaċi, u b’effett matul l-UE kollha, permezz tal-ħidma tal-esperti fil-kumitati u fil-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Strumenti ħfief orizzontali, bħal SOLVIT u l-Pilota UE, huma wkoll imfassla biex jipprovdu mezzi veloċi u diretti biex jissolvew il-problemi iktar individwali taċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà ċivili mad-dritt Komunitarju kif japplika għalihom.

    Strumenti oħra iktar speċifiċi għas-settur, bħall-approvazzjoni ta’ kontijiet fl-agrikoltura, li jiżguraw li ħlasijiet ta’ sostenn finanzjarju jiddependu fuq rispett għar-regoli, urew li huma għodda effettivi għall-infurzar applikabbli f’ċert oqsma tal- acquis . Ġew introdotti wkoll mekkaniżmi fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-KE li jipprovdu mezzi għal operaturi kummerċjali biex ikollhom rikors kontra l-awtoritajiet nazzjonali. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet għall-appell minn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet kontra deċiżjonijiet tar-regolaturi nazzjonali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Hemm ukoll dispożizzjoinjiet dwar rimedji fl-appaltar pubbliku mmotivati parzjalment mill-volum kbir ta’ ilmenti li dejjem tirċievi l-Kummissjoni u l-proċedimenti dwar ksur li jirriżultaw minnhom b’rispett għar-regoli tal-Kummissjoni fil-proċess individwali tal-appaltar. Dawn ir-rimedji jipprovdu mezzi iktar diretti u f’waqthom għal rikors għall-impriżi kkonċernati milli għal proċedimenti imressqa mill-Kummissjoni li, min-natura tagħhom ma jiffukawx fuq l-interessi tal-partijiet tal-proċess tal-appaltar per se.

    Xi leġiżlazzjoni tal-Komunità tinkludi wkoll garanziji ta’ rikors proċedurali bejn iċ-ċittadini u l-operaturi kummerċjali. Pereżempju, it-tkabbir u d-diversifikazzjoni tas-servizzi elettroniċi tal-komunikazzjoni u l-għadd dejjem jiżdied ta’ fornituri tas-servizzi wasslu għall-introduzzjoni, taħt id-Direttiva dwar is-Servizz Universali, ta’ mekkaniżmu biex jissolvew id-disputi bejn il-konsumaturi u l-fornituri tas-servizzi b’mod iktar flessibbli, inqas kostuż u inqas formali mill-proċedimenti fil-qrati. It-tisħiħ tal-proċeduri dwar il-pretensjonijiet fil-każ ta’ dewmien fit-tluq jew tħassir ta’ vjaġġi bl-ajru fis-settur tat-trtasport bl-ajru jikkostitwixxu eżempji ulterjuri. Il-liġi ambjentali tal-KE diġà tipprovdi għal mekkaniżmi ta' reviżjoni fejn it-tilwim jikkonċerna rifjuti ta' għoti ta' informazzjoni ambjentali jew ta' konsultazzjoni pubblika relatati ma' valutazzjonijiet tal-impatt u deċiżjonijiet dwar permessi għal prevenzjoni u kontroll integrat tat-tniġġis.

    Il-prestazzjoni ta’ dawn is-sistemi hija ssorveljata u rrappurtata regolarment, u l-ewwel Rapport ta’ Evalwazzjoni dwar il-Pilota UE qed jitħejja.

    3.8. Ir-rwol tal-proċedimenti dwar il-ksur

    Il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedimenti dwar ksur ibbażati fuq diversi tipi ta’ pretensjonijiet. Volum kbir ta’ proċedimenti jikkonċernaw id-dewmien fil-komunikazzjoni ta’ miżuri minn Stati Membri ta’ direttivi dwar it-traspożizzjoni. Dawn il-proċedimenti ġeneralment ma jdumux iktar minn sitt xhur, iżda jistgħu jwasslu għal sentenza legali awtoritattiva u l-applikazzjoni ta’ multi jekk it-traspożizzjoni tiddewwem. L-ikbar numru ta’ każi jingħalqu qabel l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Biex jiġu ġestiti dawn il-proċedimenti huwa meħtieġ volum kbir ta’ xogħol .

    Proċedimenti dwar il-ksur jintużaw ukoll biex jiġi segwit nuqqas ta’ konformità ta’ liġijiet jew regolamenti ta’ Stati Membri u prattika amministrattiva ħażina. Is-sejba mill-Kummissjoni ta’ ksur potenzjali tad-dritt Komunitarju b’metodi diversi marbuta mal-funzjonijiet diversi tal-Kummissjoni. Dawn il-funzjonijiet jinkludu r-reviżjoni li tagħmel hi stess dwar il-konformità tal-miżuri tal-Istati Membri għat-traspożizzjoni tad-direttivi, ħidma tal-kumitati u tal-gruppi ta’ esperti dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-korrispondenza u l-ilemnti taċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà ċivili u ħidma mal-Istati Membri li tipproduċi rapporti dwar l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju

    Il-Kummissjoni teħtieġ tiżgura koerenza, effikaċja u trattament ġust mill-Istati Membri fil-ġestjoni ta’ ksur potenzjali li jaslu għall-attenzjoni tagħha. Il-Kummissjoni jeħtieġ tevalwa jekk huwiex iktar ġustifikat li tittieħed azzjoni speċifika dwar ksur potenzjali individwali li jitressaq għall-attenzjoni tagħha jew li tibda proċedimenti paralleli jew kollettivi fuq firxa ta’ ċirkustanzi fattwali u legali differenti li jistgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħha. Teħtieġ tevalwa l-iktar forma xierqa ta’ azzjoni li trid tittieħed fi kwalunkwe mument partikolari, meta wieħed iqis il-volum u l-varjetà ta’ problemi li jirriżultaw, bil-konsegwenza għaż-żmien li jieħu kwalunkwe rikors għall-proċedimenti ta’ ksur.

    L-esperjenza turi li huwa ħafna drabi iktar effiċjenti u ġust li wieħed ifittex li jsolvi problemi li jqumu spiss jew li huma mifruxa permezz ta’ approċċ iktar sistematiku. Eżempji ta’ ksur sistematiku li l-Kummissjoni indirizzat, jew qed tindirizza, fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent ġew spjegati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-2008 dwar l-Implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-Komunità Ewropea[8]. Dawn jinkludu ksur ta’ standards tal-ilma għall-għawm u għax-xorb u n-nuqqas li jinġabar u jiġi ttrattat l-ilma tad-drenaġġ urban, it-tolleranza għal metodi illegali ta’ rimi ta’ skart u n-nuqqas lejn ir-regoli tal-kaċċa jew kundizzjonijiet ta’ deroga fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura.

    Problemi rikurrenti jew mifruxa jistgħu jindikaw ukoll nuqqas ta’ ċarezza fl-abbozzar leġiżlattiv li jista’ wkoll iktar isib soluzzjoni xierqa permezz ta’ emendar leġiżlattiv milli f’azzjoni ta’ infurzar. L-emendar leġiżlattiv jista’ jkollu l-benefiċċju addizzjonali ta’ żvilupp legali. Anke fejn l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’każ partikolari tista’ tqajjem implikazzjonijiet varji għall-Istat Membru, azzjoni ta’ segwitu mill-Kummisssjoni permezz ta’ proċedimenti dwar ksur f’diversi Stati Membri tista’ tikkostitwixxi proċess legali iktar imtawwal u kumpless li jwassal għal riżultati iktar varji u inqas trasparenti milli l-addozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li temenda, li tista' ġġib garanziji addizzjonali ta’ kjarifika u aċċessibbiltà.

    Bl-istess mod, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat huma normalment infurzati b’mod dirett u effettiv permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur, azzjoni kkoordinata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri tista’ tikkostitwixxi wkoll mezz effikaċi, konsistenti u kollaborattiv biex tiġi indirizzata firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet li jinqalgħu. Pereżempju, id-diversità tal-ekonomija tas-servizzi u l-varjetà ta’ kwistjonijiet li jqumu xi drabi minn kuntesti li jvarjaw ħafna jistgħu jrendu approċċ ta’ armonizzazzjoni mhux adattat filwaqt li l-infurzar dirett tar-regoli tat-Trattat jitlob approċċ każ b’każ. Huwa għalhekk li l-leġiżlatur tal-Komunità addotta d-Direttiva dwar is-Servizzi fl-2006 sabiex jiġu kkodifikati u speċifikati l-kriterji stabbiliti fit-Trattat KE applikabbli għad-dritt tal-istabbiliment u l-forniment transkonfinali ta’ servizzi u biex titnieda reviżjoni wiesgħa tas-sistemi ta’ awtorizzazzjoni u tal-ħtiġijiet legali fl-Istati Membri għall-aċċess għal, jew l-eżerċizzju ta’, attivitajiet ta’ servizz. Kunsiderazzjonijiet simili mmotivati mill-addozzjoni fl-2008 tal-“pakkett ta’ prodotti” ta’ miżuri li jinkludu r-regolamentazzjoni ta’ aspetti proċedurali tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti. Dawn il-miżuri jistgħu, fil-fatt, ikunu akkumpanjati minn infurzar dirett u kontinwu tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur.

    Proċedimenti ta’ ksur m’għandhom fl-ebda każ isiru funzjoni awtomatika, minħabba li mhux dejjem jistgħu jiġu ġestiti fi żmien strett determinat biss fil-kuntest ta’ kull fajl individwali. Għandhom pjuttost jiġu ġestiti f’kuntest iktar wiesa’ ta’ kunsiderazzjonijiet bħal: Rikors possibbli għal mezzi eħfef u iktar effettivi għas-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet; iċ-ċertezza legali in ġenerali fis-settur ikkonċernat, kwistjonijiet paralleli fi Stati Membri oħra li jqajmu kunsiderazzjonijiet ta' proċess dovut u ġust u l-iktar mezzi effikaċi biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tad-dritt Komunitarju.

    3.9. Simplifikazzjoni leġiżlattiva – mira ta’ Regolamentazzjoni aħjar

    L-aġenda tal-Kummissjoni dwar ‘Regolamentazzjoni Aħjar – Simplifikazzjoni’ wasslet ukoll għal emendi leġiżlattivi biex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-produtturi, tiżdied it-trasparenza u l-aċċess għas-suq u tiġi ċċarata l-liġi. Pereżempju, dwar il-prodotti ta’ kostruzzjoni, il-mandat dwar Regolamentazzjoni Aħjar wassal għat-tnedija ta’ konsultazzjoni wiesgħa dwar it-tħaddim tad-direttiva addottata fl-aħħar tas-snin 80. Dan imbagħad wassal għal riforma estensiva imfassla biex ittejjeb il-ftehim u l-aċċess, tnaqqas l-ispejjeż ta’ osservanza u ttejjeb iċ-ċarezza u l-effettività, partikolarment għal manifatturi żgħar. Ir-riforma ffukat fuq it-twassil ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-prodotti, il-kjarifikazzjoni tal-garanziji li joħorġu mill-marka CE, l-iżvilupp ta’ kriterji iktar stretti għal korpi indipendenti li jivverifikaw il-prestazzjoni u l-introduzzjoni ta’ iktar flessibbiltà fit-talbiet biex jiġu ttestjati l-prodotti.

    Filwaqt li l-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tista’ tipprovoka kjarifika leġiżlattiva u simplifikazzjoni, tista’ wkoll tillimita r-rikors għal leġiżlazzjoni, b’ġustifikazzjoni għal konsultazzjoni sostanzjali u ttestjar tas-suq qabel ma jsir il-każ għal inizjattiva leġiżlattiva, kif diġà deskritt b’konnessjoni mal-iżvilupp tal-liġi tal-KE dwar il-ħlasijiet tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali.

    3.10. Ir-rwol tal-leġiżlazzjoni biex ikunu żgurati t-trasparenza u l-aċċess għal-liġi.

    It-traparenza, l-għarfien tal-liġi u l-kapaċità tal-infurzar huma lkoll mgħejjuna minn ġabriet ta’ dispożizzjoinjiet legali komuni u konsistenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Fejn jeżistu flimkien leġiżlazzjoni u każistika ċari jista’ xorta waħda jkun hemm ġustifikazzjoni għal emendar leġiżlattiv biex titjieb it-trasparenza u l-aċċess għal-liġi, bħal meta sekwenza ta’ emendi leġiżlattivi tal-KE titlob għal kodifikazzjoni. Dan jispjega l-interazzjoni bejn il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-iżvilupp leġiżlattiv tal-KE, b’taħlita tat-tnejn ħafna drabi meħtieġa biex jinkiseb ir-riżultat mixtieq.

    4. KONKLUżJONIJIET

    F’dan ir-rapport il-Kummissjoni tirrevedi ċert aspetti tal-pożizzjoni attwali fl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u:

    - tissuġġerixxi djalogu inter-istituzzjonali dwar il-kawżi u l-mezzi possibbli biex titnaqqas it-traspożizzjoni tard;

    - tenfasizza l-importanza li tingħata attenzjoni lill-ippjanar tal-implimentazzjoni u mekkaniżmi tal-infurzar fl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida;

    - tiġbed l-attenzjoni għal varjetà ta’ strumenti ta’ ġestjoni u infurzar li huma disponibbli biex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi u tikkommetti lilha nfisha għal politika trasparenti dwar it-tħaddim ta’ dawn l-istrumenti biex jipproduċu l-ikbar ftehim, ċarezza, u effettività tal-liġi;

    - tikkonferma l-prijoritajiet għall-ħidma tal-Kummissjoni stipulati fid-dokument anċillari “Il-Qagħda fis-Setturi Varji”[9] għal dan ir-Rapport, inkluż il-ġestjoni tal-proċedimenti ta’ ksur biex jiġu massimizzati l-benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji

    [1] COM(2007) 502.

    [2] COM(2008) 777.

    [3] SEG(2009) 1683

    [4] Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

    [5] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1)

    [6] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (SEC(2006) 930 u SEC(2006) 931)

    [7] Direttiva 98/34/KE li tistipula proċedura gġall-forniment ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ standards u regolamenti tekniċi u ta’ regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni.

    [8] COM(2008) 773.

    [9] SEG(2009) 1684

    Top