This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0573
Report from the Commission to the European Parliament - 27th annual Report on the community's anti-dumping, anti-subsidy and safeguard activities (2008) [SEC(2009)1413]
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlment Ewropew - Is-27°Rapport annwali dwar l-attivitajiet Komunitarji ta’ antidumping, kontra s-sussidji u ta’ salvagwardja (2008) [SEC(2009)1413]
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlment Ewropew - Is-27°Rapport annwali dwar l-attivitajiet Komunitarji ta’ antidumping, kontra s-sussidji u ta’ salvagwardja (2008) [SEC(2009)1413]
/* KUMM/2009/0573 finali */
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlment Ewropew - Is-27°Rapport annwali dwar l-attivitajiet Komunitarji ta’ antidumping, kontra s-sussidji u ta’ salvagwardja (2008) [SEC(2009)1413] /* KUMM/2009/0573 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.10.2009 KUMM(2009) 573 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLMENT EWROPEW Is-27°rapport annwali dwar l-attivitajiet Komunitarji ta’ antidumping, kontra s-sussidji u ta’ salvagwardja (2008) [SEC(2009)1413] RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLMENT EWROPEW Is-27°rapport annwali dwar l-attivitajiet Komunitarji ta’ antidumping, kontra s-sussidji u ta’ salvagwardja (2008) Introduzzjoni Dan ir-rapport tal-2008 huwa ppreżentat lill-Parlament Ewropew wara r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 1981 dwar l-attivitajiet ta’ antidumping tal-Komunità, u r-rapport tal-Kumitat tiegħu dwar l-industrija, il-kummerċ estern, ir-riċerka u l-enerġija. Dan ir-rapport qasir jagħti ħarsa ġenerali lejn l-avvenimenti ewlenin matul l-2008 u huwa appoġġjat, bħal fis-snin ta' qabel, minn Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni aktar dettaljat, flimkien ma' annessi dettaljati. Dan ir-rapport għandu l-istess struttura ġenerali tad-Dokument ta' Ħidma, inklużi l-intestaturi kollha tiegħu, għal riferiment faċli għal tagħrif aktar komprensiv. Ir-rapport attwali u d-Dokument ta’ Ħidma sħiħ huma disponibbli wkoll għall-pubbliku fis-sit http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/anti_dumping/legis/index_en.htm 1. DESKRIZZJONI QASIRA TAL-LEġIżLAZZJONI L-investigazzjonijiet tal-antidumping, kontra s-sussidji u ta’ salvagwardja jitwettqu fuq il-bażi ta’ Regolamenti bażiċi tal-Kunsill. Fid-Dokument ta’ Ħidma tingħata ħarsa ġenerali tal-leġiżlazzjoni attwali. It-testi bażiċi antidumping u kontra s-sussidji minn issa ’l quddiem se jissejħu "Regolament(i) bażiku/bażiċi". 2. KUNċETTI BAżIċI L-intestatura 2 fid-dokument ta’ ħidma tagħti ħarsa ġenerali lejn it-terminoloġija u l-proċeduri użati fl-investigazzjonijiet tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ. 3. REVIżJONI TA’ STRUMENT GħAD-DIFIżA TAL-KUMMERċ – Iż-żMIEN GħAR-RIFLESSJONI BEDA Fil-bidu tal-2008, il-Kummissarju tal-Kummerċ ikkonkluda li jinħtieġ iktar żmien għar-riflessjoni biex ikun hemm konverġenza fl-opinjonijiet dwar il-passi li jmiss fir-rigward tar-reviżjoni tal-Istrumenti tad-Difiża tal-Kummerċ (“il-proċess tal-Green Paper”). Kundizzjoni importanti li jeħtieġ teżisti qabel biex jittejjeb it-tħaddim tas-Sistema tad-Difiża tal-Kummerċ hija li jissaħħaħ il-kunsens fost il-partijiet kollha interessati mill-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti. Dan il-kunsens għadu ma jeżistix – la fost l-industrija, la fil-Kunsill Ewropew u lanqas fil-Parlament Ewropew. 4. STATUS TAL-EKONOMIJA TAS-SUQ GħALL-PAJJIż KOLLU (MES) Għall-iskopijiet tal-investigazzjonijiet antidumping, pajjiż għandu jitqies bħala ekonomija sħiħa tas-suq jekk jissodisfa l-ħames kriterji li huma stipulati fid-dettall fid-Dokument ta' Ħidma mehmuż ma' dan ir-rapport. Matul l-2008 is-servizzi tal-Kummissjoni komplew jeżaminaw talbiet għal MES għall-pajjiż kollu miċ-Ċina, il-Vjetnam, l-Armenja, il-Każakstan u l-Mongolja. Il-ħames pajjiżi lkoll komplew jipprovdu informazzjoni addizzjonali matul is-sena biex isostnu t-talbiet tagħhom. Il-pajjiżi kkonċernati huma fi stadji diversi fil-progress tagħhom kif inhuma wkoll l-evalwazzjonijiet għal MES. Barra minn għadd ta’ laqgħat bilaterali mal-pajjiżi kkonċernati, f’April 2008 seħħet ukoll it-tmien laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma speċifiku għal MES taċ-Ċina. Wara nħareġ rapport komprensiv ta’ valutazzjoni preliminari fejn ġie rikonoxxut li sar xi progress iżda ġibed l-attenzjoni lejn xi nuqqasijiet ukoll. Ir-rapport ġie diskuss mal-Istati Membri f’Settembru 2008 u ngħata appoġġ unanimu. Il-kooperazzjoni mill-qrib maċ-Ċina se tissokta fl-2009. Il-ħidma kunċettwali u tal-abbozzar għar-rapport tal-valutazzjoni preliminari tal-Vjetnam bdiet fi tmiem l-2008. Ir-rapport mistenni għad-diskussjoni mal-Istati Membri fi tmiem l-ewwel nofs tas-sena 2009. F’Ottubru 2008, iltaqa’ l-Kunsill tal-Kooperazzjoni bejn il-Każakstan u l-UE, fejn ġiet diskussa l-kwistjoni tal-MES. Il-Kummissjoni kienet lesta li tagħmel missjoni ta’ verifika oħra fil-Mongolja fil-Ħarifa tal-2008. Madankollu, b’konsegwenza tad-deċiżjoni tal-Gvern tal-Mongolja, din il-missjoni ġiet posposta. Il-ħidma fuq il-fajl tal-Armenja kien ikkaratterizzat minn analiżi profonda tal-informazzjoni li ngħatat mill-Gvern tal-Armenja u minn sorsi oħra. 5 L-UFFIċJAL TAS-SMIGħ L-2008 kienet l-ewwel sena ta’ attività għall-Uffiċjal tas-Smigħ tad-DĠ tal-Kummerċ, li beda jaħdem f’April 2007. L-Uffiċjal tas-Smigħ huwa marbut amministrattivament mad-Direttur Ġenerali tad-DĠ iżda jaġixxi indipendentement. Huwa jirrapporta lid-Direttur Ġenerali. Il-kompitu ewlieni tal-Uffiċjal tas-Smigħ huwa li jiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kummerċjali quddiem il-Kummissjoni Ewropea. L-Uffiċjal tas-Smigħ jagħti pariri wkoll lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ tal-Kummerċ dwar kwistjonijiet marbuta mal-proċessi u l-amministrazzjoni tajba u dwar kull kwistjoni li toħroġ minn proċedimenti tal-kummerċ, fejn xieraq. Fl-2008, l-Uffiċjal tas-Smigħ irċieva 19-il talba għal seduta fi 11-il proċediment tal-antidumping (inkluż impenn wieħed) u għamel 16-il seduta. L-Uffiċjal tas-Smigħ kellu wkoll żewġ laqgħat kontenzjużi li matulhom il-partijiet interessati, inkluż l-industrija tal-Komunità, il-produtturi esportaturi u l-importaturi setgħu jressqu l-argumenti tagħhom. Filwaqt li r-raġuni l-iktar frekwenti għar-rikors lill-Uffiċjal tas-Smigħ mill-partijiet interessati donna hija l-ħtieġa ta’ iktar spjegazzjonijiet dettaljati meta t-talbiet/l-argumenti jiġu miċħuda, kwistjonijiet oħra li ġew indirizzati kienu l-kwalità tal-fajls mhux kunfidenzjali, l-ambitu tal-prodott, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-konklużjonijiet dwar MET jew IT u argumenti dwar il-ħsara u l-interess Komunitarju. Aktar dettalji dwar is-seduti u l-laqgħat, inkluż il-kwistjonijiet ewlenin koperti, jistgħu jinsabu fid-Dokument ta’ Ħidma tar-Rapport Annwali. 6. ATTIVITAJIET TA’ TAGħRIF U KOMUNIKAZZJONI/ KUNTRATTI BILATERALI Il-Helpdesk tad-Difiża Kummerċjali għall-SMEs twaqqfet fid-dawl tal-kumplessità tal-proċedimenti dwar l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ, speċjalment għall-SMEs minħabba d-daqs żgħir u l-frammentazzjoni tagħhom. Ir-rwol tagħha huwa li tindirizza kwistjonijiet u problemi speċifiċi għall-SMEs marbuta mal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, ta’ natura ġenerali jew speċifika għall-każ. Parti mill-websajt tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ hija ddedikata lill-SMEs u tirreferi għall-punti ta’ kuntatt tal-Helpdesk tad-Difiża Kummerċjali. Fl-2008, dawn il-punti ta’ kuntatt irċevew ħafna talbiet għall-informazzjoni, li kollha ġew indirizzati minnufih. Dawn it-talbiet kienu jikkonċernaw il-proċeduri kif ukoll il-kontenut tal-proċedimenti dwar l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ. Kien hemm għadd ta’ seminars organizzati għal pajjiżi terzi dwar Kwistjonijiet tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ – il-pajjiżi kienu jinkludu l-Indoneżja, is-Serbja, il-Ġordan, l-Ukraina, il-GCC, l-Albanija u l-Libanu. Barra minn hekk, saret diskussjoni mal-Indja dwar kwistjonijiet marbuta mas-sussidji. 7. ĦARSA ġENERALI LEJN L-INVESTIGAZZJONIJIET U L-MIżURI TAL-ANTIDUMPING, KONTRA S-SUSSIDJI U TA' SALVAGWARDJA 7.1. Ġenerali Fi tmiem l-2008, il-Komunità kellha fis-seħħ 128 miżura tal-antidumping (ara l-Anness O) u tmien miżura kontra s-sussidji (ara l-Anness P). Fl-2008, 0,6 % tal-importazzjonijiet totali fil-Komunità kienu affettwati mill-miżuri tal-antidumping jew ta’ kontra s-sussidji. Jekk jogħġbok innota li d-dettalji dwar il-kwistjonijiet huma mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma mehmuż ma’ dan ir-rapport. Ir-referenzi għall-Annessi tad-Dokument ta’ Ħidma jistgħu jinstabu biswit it-titoli. 7.2. Investigazzjonijiet ġodda (ara l-Annessi A sa E u l-Anness N) Fl-2008, inbdew 20 investigazzjoni[1]. Ġew imposti dazji proviżorji f'ħames proċedimenti. Ġew konklużi 16-il każ bl-impożizzjoni ta’ dazji definittivi. Ġew konklużi tliet proċeduri mingħajr miżuri. Żewġ miżuri oħra antidumping tħallew jiskadu b’mod awtomatiku wara t-tul ta’ żmien tagħhom ta’ ħames snin. 7.3. Investigazzjoni tar-reviżjoni L-investigazzjonijiet tar-reviżjoni għadhom jirrappreżentaw parti kbira mix-xogħol tas-servizzi tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ. Tul il-perjodu 2004-2008 kienu jgħoddu għal 62 % tal-investigazzjonijiet kollha mibdija. It-Tabella 2 fid-Dokument ta’ Ħidma tipprovdi l-istatistika għas-snin 2004-2008. 7.3.1. Reviżjonijiet tal-iskadenza (ara l-Anness F) L-Artikoli 11(2) u 18 tar-Regolamenti bażiċi jipprovdu għall-iskadenza tal-miżuri wara ħames snin, sakemm reviżjoni tal-iskadenza ma turix li għandhom jinżammu fil-forma oriġinali tagħhom. Matul l-2008, inbdew seba' investigazzjonijiet ta’ reviżjoni tal-iskadenza. Disa' reviżjonijiet tal-iskadenza ġew konklużi bil-konferma tad-dazju għall-perjodu ieħor ta' ħames snin. Ħames reviżjonijiet tal-iskadenza ġew konklużi bit-tmiem tal-miżuri. 7.3.2. Reviżjonijiet interim (ara l-Anness G) L-Artikoli 11(3) u 19 tar-Regolamenti bażiċi jipprovdu għar-reviżjoni tal-miżuri matul il-perjodu ta' validità tagħhom. Ir-reviżjonijiet jistgħu jkunu limitati għal aspetti ta’ dumping/sussidjar jew ta’ ħsara. Matul l-2008, inbeda total ta’ 13-il reviżjoni interim. 20 reviżjoni interim ġew konklużi bil-konferma jew bl-emenda tad-dazju. Sitt investigazzjonijiet ġew konklużi mat-tmiem tal-miżuri. 7.3.3. Reviżjonijiet interim “oħrajn” (ara l-Anness H) Serje ta’ reviżjonijiet oħra, li ma jaqgħux taħt l-Artikoli 11(3) jew 19 tar-Regolamenti bażiċi jew li għalihom ma kienx ippubblikat avviż ta’ bidu fil-Ġurnal Uffiċjali, ġiet konkluża matul l-2008. Ġew konklużi 13-il reviżjoni bħal din fl-2008 bil-konferma jew l-emenda tal-miżuri u waħda ġiet konkluża bit-terminazzjoni tal-miżuri. Dawn jikkonċernaw speċifikament, fost oħrajn, il-monitoraġġ effettiv tal-impenji, l-azzjonijiet li jsegwu l-proċedimenti tad-WTO DSU, is-sospensjoni tal-miżuri, eċċ. 7.3.4. Reviżjonijiet tal-esportaturi l-ġodda (ara l-Anness I) L-Artikoli 11(4) u 20 tar-Regolamenti bażiċi rispettivament jistipulaw reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” u “aċċellerata” sabiex tistabbilixxi marġini individwali tad-dumping jew dazju individwali kumpensatorju għall-esportaturi l-ġodda li jinsabu fil-pajjiż esportatur ikkonċernat u li ma esportax il-prodott tul il-perjodi tal-investigazzjoni. Dawn l-esportaturi għandhom juru li huma tassew esportaturi ġodda u li tassew bdew jesportaw lejn il-Komunità wara l-perjodu tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, dazju individwali, li normalment hu inqas mid-dazju għall-pajjiż kollu, jista’ jiġi kkalkulat għalihom. Fl-2008, inbdiet reviżjoni waħda ta’ esportatur ġdid. 7.3.5. Investigazzjoni ta’ assorbiment (ara l-Anness J) Meta jkun hemm biżżejjed tagħrif li juri li, wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u qabel jew wara l-impożizzjoni tal-miżuri, il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu jew li ma kienx hemm, jew ma kienx hemm biżżejjed, moviment fil-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet ta’ bejgħ sussegwenti tal-prodott importat fil-Komunità, tista' titnieda reviżjoni ta’ “assorbiment” biex jiġi eżaminat jekk il-miżuri kellhomx effett fuq il-prezzijiet imsemmija hawn fuq. Il-limiti tad-dumping jistgħu għalhekk jiġu kkalkulati mill-ġdid u d-dazji miżjuda sabiex jitqiesu dawn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni baxxi. Il-possibbiltà ta’ reviżjonijiet ta’ “assorbiment”, hija inkluża fl-Artikoli 12 u 19(3) tar-Regolamenti bażiċi. Fl-2008, ma kienx hemm reviżjonijiet kontra l-assorbiment mibdija jew konklużi. 7.3.6. Investigazzjonijiet ta' ċirkomvenzjoni (ara l-Anness K) Il-possibbiltà li jerġgħu jinfetħu investigazzjonijiet f’ċirkostanzi fejn tinstab evidenza li turi li qed isseħħ ċirkomvenzjoni tal-miżuri hi prevista fl-Artikoli 13 u 23 tar-Regolamenti bażiċi. Fl-2008, inbdiet investigazzjonijiet waħda minn dawn. Investigazzjoni waħda kontra ċ-ċirkomvenzjoni ġiet konkluża b'estensjoni tad-dazju u waħda ġiet konkluża mingħajr estensjoni tad-dazju. 7.4. Investigazzjoni ta' salvagwardja (ara l-Anness L) Matul l-2008, ma kienx hemm attività ta’ salvagwardja fil-KE. 8. INFURZAR TAL-MIżURI ANTIDUMPING/KONTRA S-SUSSIDJI 8.1. Miżuri ta’ segwitu Miżuri ta’ segwitu li jikkonċernaw il-miżuri fis-seħħ ġew iffokati fuq erba’ oqsma ewlenin: (1) il-prevenzjoni tal-frodi; (2) is-sorveljanza tal-flussi tal-kummerċ u l-iżviluppi tas-suq; (3) it-titjib tal-effettività bi strumenti xierqa u (4) reazzjoni għal prassi irregolari. Dawn l-attivitajiet għenu lis-servizzi tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ biex ikunu aktar proattivi milli sempliċiment reattivi fil-qasam tal-infurzar. 8.2. Monitoraġġ tal-impenji (ara l-Annessi M u Q) Il-monitoraġġ tal-impenji jifforma parti mill-attivitajiet ta’ infurzar, peress li l-impenji huma forma ta’ miżuri ta’ antidumping jew kontra s-sussidji. Huma aċċettati mill-Kummissjoni jekk tkun sodisfatta li jistgħu jeliminaw effettivament l-effetti ta’ ħsara tad-dumping jew tas-sussidji. Fil-bidu tal-2008, kien hemm 38 impenn fis-seħħ. Matul l-2008, seħħew il-bidliet li ġejjin lill-portafoll tal-impenji: l-impenji ta’ tliet kumpaniji ntemmu u ġew aċċettati 11-il offerta għal impenji. Dan itella’ n-numru totali ta' impenji fis-seħħ għal 46 fi tmiem l-2008. 9. RIMBORż (ARA L-ANNESS U) L-Artikoli 11(8) u 21(1) tar-Regolamenti bażiċi jippermettu lill-importaturi li jitolbu għal rifużjoni tad-dazji relevanti miġbura fejn jintwera li l-limitu tad-dumping/sussidju, li fuq il-bażi tiegħu tħallsu d-dazji, tneħħa jew tnaqqas għal livell inqas minn dak tad-dazju fis-seħħ. Matul l-2008, tressqu 25 talba ġdida għar-rifużjoni (li jkopru 55 sottomissjoni). Disa’ każijiet ingħalqu, ma ngħatawx rimborżi totali jew parzjali, tliet talbiet għal rimborż ġew miċħuda u sitt talbiet ġew rtirati. 10. IR-REVIżJONI ġUDIZZJARJA: DEċIżJONIJIET MOGħTIJA MILL-QORTI TAL-ġUSTIZZJA / QORTI TAL-PRIM'ISTANZA Fl-2008, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim'Istanza taw tmien sentenzi b’kollox f'oqsma marbuta mal-antidumping jew kontra s-sussidju. Ħarġu wkoll 10 ordnijiet bejniethom fl-andament tas-sena fuq kwistjonijiet tal-antidumping u kontra s-sussidji. Fid-Dokument ta’ Ħidma jingħata sommarju dettaljat ta’ xi wħud mis-sentenzi. Fl-2008 tressqu 16-il każ ġdid, 10 quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u sitta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Lista ta’ każijiet tal-antidumping/kontra s-sussidji li tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja li kienu għadhom pendenti fi tmiem l-2008 tinsab fl-Anness S tad-Dokument ta’ Ħidma. 11. ATTIVITAJIET FIL-QAFAS TAL-ORGANIZZAZZJONI DINJIJA TAL-KUMMERċ (WTO) 11.1. Riżoluzzjoni tat-tilwim fil-qasam tal-antidumping, kontra s-sussidji u s-salvagwardja. Id-WTO tipprovdi għal proċedura rigoruża għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn Membri tad-WTO fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ftehimiet tad-WTO. F’Jannar 2008 ġie adottat ir-Rapport tad-WTO li kien inħareġ minn Bord tad-WTO matul l-2007 f’każ imressaq min-Norveġja fejn marret kontra il-miżuri antidumping tal-UE fir-rigward tas-salamun. Il-miżuri biex jimplimentaw is-sejbiet tar-rapport twettqu mill-UE matul l-2008. F’Diċembru 2008, l-Indja ressqet talba quddiem id-WTO għall-konsultazzjonijiet mal-UE dwar il-miżuri antidumping u kontra s-sussidji fis-seħħ għal Polyethylene terephthalate (PET). Iktar dettalji fuq il-każijiet jingħataw fid-Dokument ta’ Ħidma mehmuż ma’ dan ir-rapport. 11.2. Attivitajiet oħra tad-WTO Fl-2008, il-Grupp tan-Negozjati dwar l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp għar-regoli, ltaqa’ fl-ewwel nofs tas-sena biex jiddiskuti l-abbozz tat-test tal-ewwel President li ġie ċċirkolat f’Novembru 2007. Maġġoranza vasta tal-membri tad-WTO, inkluża l-UE, saħqet dwar in-natura mhux bilanċjata tat-test. Dan kien partikolarment il-każ fl-abbozzi tat-testi dwar l-antidumping u s-sussidji għas-sajd. Ħafna talbu biex il-President joħroġ test ġdid, iktar ibbilanċjat, malajr kemm jista’ jkun. Din is-sena laħqet il-quċċata bil-Konferenza Ministerjali li saret tard f’Lulju; madankollu, ir-regoli ma ġewx indirizzati speċifikament matulha. Waqt li kienu qegħdin iseħħu dawn l-attivitajiet, il-parteċipazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni fix-xogħol regolari tal-Kumitati tal-Antidumping, Antisussidji u Antikumpensatorji u tas-Salvagwardja baqgħet għaddejja. Il-Kumitati ltaqgħu darbtejn f’sessjonijiet regolari biex jirrevedu n-notifiki u jqajmu kwistjonijiet ta’ interess speċjali. Dwar l-antidumping, il-kumitat qabel dwar format komuni ġdid għar-rapporti semiannwali tal-azzjonijiet antidumping. Dwar is-sussidji, il-kumitat qed jindirizza n-notifika ta' sussidji ġodda jew sħaħ tal-2007 tal-KE u bosta tweġibiet qed jingħataw għall-mistoqsijiet tal-Istati Membri. 12. KONKLUżJONI L-2008 rat żieda sinifikanti fl-għadd ta’ każijiet ġodda mibdija meta mqabbla mas-sena ta’ qabel kif ukoll żieda fil-miżuri definittivi imposti. Madankollu, hemm tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta’ investigazzjonijiet mitmuma mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri u l-għadd ta’ miżuri provviżorji imposti. Fir-rigward tar-reviżjonijiet, il-livell ta’ attività naqas kollox ma’ kollox u l-inizjazzjonijiet u r-reviżjonijiet konklużi jew mitmuma naqsu mil-livelli tal-2007. Fir-rigward tal-proċess tal-‘Green Paper’, fl-2008 kien hemm aċċettazzjoni ġenerali li kien jinħtieġ iktar żmien biex jissaħħaħ il-kunsens dwar l-operat tal-Istrumenti tad-Difiża Kummerċjali. Is-servizzi tal-Istrumenti tad-Difiża Kummerċjali komplew iwettqu l-investigazzjonijiet bl-ogħla standards fl-2008. F’dan il-kuntest, is-servizzi komplew jiżguraw li d-drittijiet tal-partijiet kollha jitqiesu fil-proċess. Din kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ attività għall-Uffiċjal tas-Smigħ. Fl-aħħar nett, permezz tas-seminars għall-partijiet interessati varji kif ukoll għall-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi, is-servizzi tal-Istrumenti tad-Difiża Kummerċjali żguraw għarfien u fehim ikbar tal-ħafna kwistjonijiet involuti. [1] It-tabella 1 fid-Dokument ta’ Ħidma tipprovdi l-istatistika dwar l-investigazzjonijiet il-ġodda għas-snin 2007 - 2003 li twettqu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 10 tar-Regolamenti bażiċi.