Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0193

    Rapport mill-Kummissjoni - Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea - Rapport Annwali 2008 kif ukoll Rapport dwar l-esperjenza li nkisbet wara sitt snin ta' applikazzjoni tal-istrument il-ġdid

    /* KUMM/2009/0193 finali */

    52009DC0193

    Rapport mill-Kummissjoni - Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea - Rapport Annwali 2008 kif ukoll Rapport dwar l-esperjenza li nkisbet wara sitt snin ta' applikazzjoni tal-istrument il-ġdid /* KUMM/2009/0193 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 23.4.2009

    KUMM(2009) 193 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea Rapport Annwali 2008 kif ukoll Rapport dwar l-esperjenza li nkisbet wara sitt snin ta' applikazzjoni tal-istrument il-ġdid

    WERREJ

    Il-Parti 1: Ir-Rapport Annwali 2008 3

    1. Id-daħla 3

    2. l-applikazzjonijiet pendenti u ġodda li waslu fl-2008 3

    3. Il-Finanzjament 5

    4. L-Għeluq 6

    Il-Parti 2: Ir-Rapport dwar l-esperjenza li nkisbet wara sitt snin ta' applikazzjoni tal-istrument il-ġdid 7

    1. Id-daħla 7

    2. Ir-riżultati globali tal-implimentazzjoni tal-Fond 7

    3. Il-limitazzjonijiet u d-dgħufijiet fl-operat tal-Fond 8

    4. Ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Fond ta' Solidarjetà 9

    5. Il-Konklużjonijiet: It-titjib tat-tħaddim tal-istrument 10

    Anness 1: L-Applikazzjonijiet tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea fl-2008 12

    Annex 2 : L-applikazzjonijie għall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE mill-2002 'il hawn 13

    IL-PARTI 1: IR-RAPPORT ANNWALI 2008

    1. Id-daħla

    Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) twaqqaf fil-15 ta’ Novembru 2002[1]. L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem - "Ir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà") jipprevedi li jiġi ppreżentat rapport dwar l-attività tal-Fond matul is-sena ta' qabel lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-ewwel parti ta' dan ir-rapport tippreżenta l-attivitajiet tal-Fond fl-2008 li jkopri, bħal fir-rapporti preċedenti, il-ġestjoni ta' applikazzjonijiet pendenti u ġodda u l-valutazzjoni tar-rapporti ta' implimentazzjoni bil-ħsieb li dawn jitħejjew biex jingħalqu.

    2. l-applikazzjonijiet pendenti u ġodda li waslu fl-2008

    Fl-2008 l-Kummissjoni ħadet ħsieb erba' applikazzjonijiet li tressqu fl-2007 u rċeviet żewġ applikazzjonijiet ġodda għal għajnuna tal-FSUE. L-Anness 1 jagħti deskrizzjoni ġenerali ta' dawn il-każijiet li ġew ivvalutati fid-dawl tal-kriterji stipulati fir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà u tal-informazzjoni li l-Istati applikanti setgħu jipprovdu.

    Ir-Renju Unit

    Wara għargħar maġġuri f'partijiet differenti tar-Renju Unit f'Ġunju u f'Lulju 2007 l-awtoritajiet tar-Renju Unit ressqu applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja fl-20 ta' Awwissu 2007, li tlestiet fis-26 ta' Ottubru 2007. Minħabba li l-ħsarat diretti totali ta' 'l fuq minn EUR 4.6 biljun qabżu l-livell massimu ta' EUR 3.267 biljun applikabbli għar-Renju Unit għall-attivazzjoni tal-FSUE, id-diżastru kkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri" u għalhekk waqa' taħt il-qasam ewlieni ta' applikazzjoni tal-Fond. Fl-10 ta' Diċembru 2007 l-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi lill-awtorità tal-baġit biex timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà u tagħti għajnuna finanzjarja li tammonta għal EUR 162.388 miljun. Fl-2008, il-proċedura tal-baġit fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew tlestiet u l-għotja tħallset lir-Renju Unit fis-27 ta' Ottubru 2008.

    Franza (Il-Martinique u l-Guadeloupe)

    F'Awwissu 2007 d-dipartimenti Franċiżi lil hinn minn Franza tal-Martinique u tal-Guadeloupe, żewġ gżejjer fl-Antilli Franċiżi ntlaqtu mill-uragan "Dean" li kkawża ħsarat serji fl-infrastrutturi u f'setturi differenti tal-ekonomija. Franza ressqet applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja mill-FSUE fis-26 ta' Ottubru 2007, li tlestiet fit-8 ta' Jannar 2008. Minħabba li kkawżat ħsarat li kienu jammontaw għal EUR 511-il miljun it-tempesta ma laħqitx il-kriterji stipulati fir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà għal "diżastri maġġuri". Minkejja dan, fid-dawl tal-vulnerabilità partikolari ta' dan ir-reġjun l-aktar remot (speċifikament imsemmi fir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà) u l-impatt u r-riperkussjonijiet serji, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tilħaq il-kriterji speċifiċi fir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà għal diżastri reġjonali straordinarji. Fl-10 ta' Settembru 2008 l-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza għajnuna finanzjarja ta' EUR 12.780 miljun Wara l-proċedura tal-baġit tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew, l-għotja tħallset lil Franza fl-24 ta' Diċembru 2008.

    Il-Greċja

    F'Awwissu 2007 parti estensiva tal-Greċja ġiet affettwata minn nirien fil-foresti, li kkawżaw ħsara maġġuri lil setturi differenti tal-ekonomija u lill-ambjent naturali. L-awtoritajiet Griegi talbu l-għajnuna mill-FSUE fit-30 ta' Ottubru 2007 u lestew l-applikazzjoni fl-24 ta' Jannar 2008. Il-ħsara totali diretta kienet stmata għal EUR 2.118 -il biljun. Minħabba li dan l-ammont jaqbeż il-limitu massimu ta' EUR 1 066.497 miljun (jiġifieri 0.6 % tad-DGN), applikabbli għall-Greċja, id-diżastru kkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri". Fit-8 ta' April 2008 l-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza għajnuna finanzjarja ta' EUR 89.769 miljun. Wara l-proċedura tal-baġit tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew, l-għotja tħallset lill-Greċja fid-29 ta' Settembru 2008.

    Is-Slovenja

    F'nofs Settembru 2007, partijiet mis-Slovenja ntlaqtu minn xita qawwija u tempesti, li wasslu għal għargħar u valangi serji. Id-diżastru kkawża ħsara sinifikanti lill-infrastruttura, il-bini pubbliku u privat, in-negozju u l-agrikoltura. L-awtoritajiet Sloveni ppreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna mill-FSUE fid-19 ta' Novembru 2007. Il-ħsara totali diretta kienet stmata għal EUR 233.39 biljun. Minħabba li dan l-ammont jaqbeż il-limitu massimu ta' EUR 164.27 miljun (jiġifieri 0.6 % tad-DGN) applikabbli għas-Slovenja, id-diżastru kkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri". Fit-3 ta' Marzu 2008 l-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza għajnuna finanzjarja ta' EUR 8.254 miljun. Wara l-proċedura tal-baġit tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew, l-għotja tħallset lis-Slovenja fit-12 ta' Diċembru 2008.

    Ċipru

    Fl-2008, Ċipru sofriet minn nuqqas ta' xita li wassal għal effetti serji fuq il-kundizzjonijiet tal-ħajja, l-ekonomija u l-ambjent naturali. L-awtoritajiet Ċiprijotti ressqu applikazzjoni għal għajnuna mill-FSUE fl-1 ta' Lulju 2008, li tlestiet fis-16 ta' Ottubru 2008. Din kienet l-ewwel applikazzjoni relatata ma' nixfa. Ir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà jirrikjedi li applikazzjoni ssir mhux aktar tard minn għaxar ġimgħat wara l-ewwel ħsara kkawżata mid-diżastru. Fid-dawl tal-perjodu ta' tliet snin ta' livelli baxxi straordinarji ta' xita, fl-aħħar tal-istaġun tax-xita, f'April 2008, in-nuqqas ta' xita laħaq il-quċċata tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li t-22 ta' April 2008, jiġifieri għaxar ġimgħat qabel ma waslet l-applikazzjoni, setgħet tiġi aċċettata bħala d-data ta' bidu tad-diżastru maġġuri.

    L-awtoritajiet Ċiprijotti stmaw id-dannu dirett totali, li sofrew wara t-22 ta' April 2008, għal EUR 176.15-il miljun. Minħabba li dan l-ammont jaqbeż il-limitu massimu ta' EUR 84.673 miljun (jiġifieri 0.6 % tad-DGN) applikabbli għal Ċipru, id-diżastru kkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri". Il-Kummissjoni nnutat il-fatt li l-kriżi kkonċernat "diżastru maġġuri", li affettwa t-territorju sħiħ tal-pajjiż. Miżuri maġġuri ta' emerġenza ttieħdu mill-awtoritajiet pubbliċi minn April/Mejju 2008 biex jindirizzawha. L-ispejjeż tal-attivitajiet essenzjali ta' emerġenza huma relatati mat-trasport ta' ilma mill-Greċja u investimenti immedjati fl-infrastruttura tal-ilma biex jiġi żgurat it-tħaddim tan-netwerk ta' distribuzzjoni f'kundizzjonijiet ta' fluss wieqaf tal-ilma. Fl-24 ta' Ottubru 2008 l-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza għajnuna finanzjarja ta' EUR 7.605 miljun.

    Ir-Rumanija

    F’Lulju 2008 parti pjuttost estensiva tar-Rumanija ntlaqtet minn xita qawwija, li wasslet għal għargħar u valangi serji. L-awtoritajiet Rumeni applikaw għal għajnuna mill-FSUE fl-1 ta' Ottubru 2008. Il-ħsara totali diretta kienet stmata għal EUR 471.41 miljun. Minħabba li dan l-ammont baqa' taħt il-limitu massimu ta' "diżastru maġġuri" għar-Rumanija (EUR 566.84 miljun, jiġifieri 0.6 % tad-DNG tar-Rumanija), iżda minkejja dan jirrappreżenta madwar 83 % tal-limitu massimu, l-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont il-kriterju hekk imsejjaħ "diżastru reġjonali straordinarju".

    Ir-reġjun affettwat huwa żona koerenti, li jinkludi ħames pajjiżi fil-parti tal-Grigal tar-Rumanija, b'popolazzjoni ta' 3.046 miljun ruħ. Il-parti ewlenija tal-popolazzjoni fiż-żona affettwata ġiet affetwata, b'qerda parzjali jew totali tad-djar privati u tal-uċuħ tar-raba'. Tressqet evidenza biex turi r-riperkussjonijiet serji u fit-tul fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-istabilità ekonomika tar-reġjun milqut. Ġiet irrappurtata ħsara serja fl-infrastruttura bażika, fl-agrikoltura, il-forestrija, il-bhejjem tat-trobbija u d-djar privati. Id-diżastru ħalla riperkussjonijiet fit-tul fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien fir-reġjun milqut, b’madwar 14 644 unità meqruda, indisponibilità fit-tul ta' infrastruttura bażika (ilma/enerġija), u infrastuttura ta’ trasport li ġarrbet ħsara serj li qed twassal għall-iżolament komplet ta' madwar 100 muniċipalità. Fit-22 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tilħaq il-kriterji għal diżastri reġjonali straordinarji, u pproponiet li tagħti għajnuna li tammonta għal EUR 11.785 miljun.

    3. Il-Finanzjament

    L-erba' każijiet mill-2007 li għalihom il-proċedura tal-baġit s'issa għadha ma tlestietx qabel it-tmiem tas-sena (għargħar fir-Renju Unit u s-Slovenja, nirien tal-foresti fil-Greċja u uragan fi Franza/fil-Martinique u l-Guadaeloupe) ġew trattati fi tliet baġits ta' emenda. Abbozz ta' Baġit ta' Emenda Preliminari Nru 1/2008[2], 3/2008[3] u 7/2008[4] ġew approvati mill-Awtorità Baġitarja fid-9 ta' April 2008, il-5 ta' Ġunju 2008 u l-21 ta' Ottubru 2008 rispettivament. Il-ħlasijiet setgħu jsiru wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-għotja u wara li ġie ffirmat il-ftehim ta’ implimentazzjoni.

    Fl-2008 l-Fond ġie mmobilizzat għal każ ġdid (nixfa f'Ċipru)[5]. L-ammont tal-għajnuna f’kull każ ġie ddeterminat skont il-metodu standard li kien ġie żviluppat qabel mill-Kummissjoni u li huwa spjegat fid-dettall fir-rapport annwali 2002/2003. L-ammonti tal-għajnuna fl-2008 kienu dawn li ġejjin:

    Il-Benefiċjarju | Id-Diżastru | Il-Kategorija | Ammont ta’ għajnuna (EUR) |

    Ir-Renju Unit | Għargħar | maġġuri | 162 387 985 |

    Il-Greċja | Nirien fil-foresti | maġġuri | 89 769 009 |

    Is-Slovenja | Għargħar | maġġuri | 8 254 203 |

    Franza/Il-Martinique u l-Guadeloupe | Uragan | reġjonali/ ultraperiferali | 12 780 000 |

    Ċipru | Nixfa | maġġuri | 7 605 445 |

    Total | 280 796 642 |

    Għal applikazzjoni mir-Rumanija (Nixfa) li waslet fl-2008 l-proċedura tal-baġit ma setgħetx titlesta qabel tmiem is-sena. Għal din l-applikazzjoni l-Kummissjoni ppreżentat Abbozz ta' Baġits ta' Emenda Preliminari Nru 1/2009[6], ir-rapport annwali tas-sena li jmiss se jirrapporta dwar dan il-każ.

    4. L-Għeluq

    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament 2012/2002 jistipula li mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-iskadenza tal-perjodu ta' sena mid-data tal-ħlas tal-għotja, l-Istat benefiċjarju għandu jippreżenta rapport dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-għotja (minn hawn 'il quddiem: “rapport dwar l-implimentazzjoni”) bi stqarrija li tiġġustifika n-nefqa (minn hawn 'il quddiem: “stqarrija ta’ validità”). Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni għandha tistralċja l-għajnuna mill-Fond.

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-każ relatat mat-tempesta ("Gudrun") 2005 fl-Iżvezja, li r-rapport tiegħu wasal fis-17 u fl-20 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni nnutat li n-nefqa dikjarata ammontat għal EUR 66 455 534. Minħabba li l-għajnuna finanzjarja totali kienet tammonta għal EUR 81 724 975, ġie rkuprat il-bilanċ li fadal ta' EUR 15 269 441. Il-Kummissjoni stralċjat l-għajnuna fit-8 ta' Lulju 2008.

    Fl-2008, il-Kummissjoni rċeviet rapporti finali ta' implimentazzjoni għal għotjiet magħmula fl-2006 mill-Bulgarija (relatati mal-għargħar f'Mejju u Awwissu 2005), ir-Rumanija (relatati mal-għargħar f'April u f'Lulju 2005) u l-Awstrija (relatati mal-għargħar f'Awwissu 2005). Fl-aħħar tal-perjodu kopert minn dan ir-rapport annwali kienet għadha għaddejja l-valutazzjoni ta' dawn ir-rapporti ta' implimentazzjoni.

    Il-Parti 2: Ir-Rapport dwar l-esperjenza li nkisbet wara sitt snin ta' applikazzjoni tal-istrument il-ġdid

    1. Id-daħla

    Fl-2002, wara għargħar kbir fl-Ewropea Ċentrali, l-EUSF twaqqaf biex jirreaġixxi għal okkażjonijiet bħal dawn fi ħdan l-UE u l-pajjiżi li fetħu n-negozjati tal-Adeżjoni. Matul l-ewwel sitt snin tal-implimentazzjoni tiegħu, il-Fond għen biex itaffi l-piż finanzjarju fuq pajjiżi affettwati minn diżastru u għalhekk għamel tajjeb għall-mod kif jaraw l-Unjoni ċ-ċittadini tagħha, filwaqt li offra għajnuna u riżorsi addizzjonali fi żminijiet ta' tbatija partikolari.

    Wara analiżi profonda tat-tħaddim tal-Fond il-Kummissjoni pproponiet f'April 2005 regolament rivedut tal-Fond ta' Solidarjetà. L-elementi ewlenin tal-proposta huma ambitu mwessa', li jippermetti l-Komunità biex tirreaġixxi għal diżastri li mhumiex ta' oriġini naturali, il-provvista ta' ħlasijiet bil-quddiem, biex tiġi aċċellerata r-rata ta' reazzjoni u l-viżibilità tal-appoġġ tal-Unjoni u simplifikazzjoni, permezz tal-introduzzjoni ta' kriterji aktar ċari għall-attivazzjoni tal-Fond.

    2. Ir-riżultati globali tal-implimentazzjoni tal-Fond

    Minn mindu nħoloq il-Fond fl-2002, il-Kummissjoni rċeviet 62 applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja minn 21 pajjiż differenti: 21 minn dawn l-applikanti jaqgħu fil-kategorija ta' "diżastri maġġuri", 39 taħt "diżastri reġjonali" u tnejn taħt il-kriterju "pajjiżi ġirien". Minn dawn l-applikazzjonijiet, 31 wasslu għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju li jammonta għal aktar minn EUR 1.5 biljun. Il-Kummissjoni rrifjutat 29 talba u żewġ applikazzjonijiet ġew irtirati mill-Istati applikanti. It-talbiet ikkonċernaw tipi differenti ħafna ta' diżastri naturali bħalma huma tempesti, għargħar, terremoti, eruzzjoni volkanika, nirien tal-foresti u nixfa. L-Anness 2 jagħti deskrizzjoni fil-qosor tal-applikazzjonijiet kollha li waslu mill-2002 'il hawn.

    Kif jidher fid-deskrizzjoni ġenerali tal-istatistika hawn taħt, l-esperjenza mill-2002 'il hawn uriet li l-maġġoranza tal-applikazzjonijiet għal għajnuna tal-FSUE ma jitressqux għad-diżastri maġġuri li jirrappreżentaw l-ambitu ewlieni tal-Fond, iżda fi ħdan il-kriterji eċċezzjonali għal diżastri reġjonali. Dawn il-kriterji – li skont ir-Regolament għandhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni “bl-ikbar rigorożità” – għadhom relattivament diffiċli biex jiġu sodisfatti. Ir-rata ta' kważi żewġ terzi tal-applikazzjonijiet għall-kriterji reġjonali (eċċezzjonali) li jfallu, għadha għolja. Għal applikazzjonijiet dwar diżastri maġġuri li għalihom japplika biss kriterju kwantitattiv wieħed, il-valutazzjonijiet pożittivi s’issa kellhom rata ta’ 100 %.

    Deskrizzjoni ġenerali tal-istatistika.

    Nru totali ta' applikazzjonijiet li waslu li minnhom diżastri maġġuri diżastri reġjonali il-kriterju ta' "pajjiż ġirien" | 62 21 39 2 | 34 % mill-applikazzjonijiet 63 % 3 % |

    Applikazzjonijiet aċċettati Applikazzjonijiet rifjutati Applikazzjonijiet irtirati | 31 29[7] 2 | 50 % mill-applikazzjonijiet 47 % 3 % |

    3. IL-LIMITAZZJONIJIET U D-DGħUFIJIET FL-OPERAT TAL-FOND

    Filwaqt li l-Fond qiegħed b'mod ġenerali jaqħdem tajjeb, l-esperjenza li nkisbet matul l-ewwel sitt snin tal-implimentazzjoni turi li hemm limitazzjonijiet u dgħufijiet importanti fl-operat tal-Fond. Dawn għandhom x'jaqsmu man-nuqqas ta' rapidità li biha jsir disponibbli l-finanzjament tal-Fond, it-trasparenza tal-kriterji għall-immobilizzar tal-Fond fil-każ ta' "diżastri reġjonali" u l-limitazzjoni għal diżastri ta' oriġini naturali.

    Ir-Rapidità

    Il-kwistjonijiet li ħarġu fir-rigward tar-rapidità huma intrinsiċi għall-kundizzjonijiet u l-proċeduri imposti mir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà. Il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE spiss jitqies b'mod żbaljat għal strument ta' reazzjoni rapida għal ġestjoni tal-kriżi, li ma nħoloqx għaliha. Huwa strument li jgħin il-finanzjament mill-ġdid ta' attivitajiet ta' emerġenza finanzjati inizjalment mill-awtoritajiet pubbliċi fil-pajjiż milqut. Għandu jitqies li, l-ewwelnett, il-Kummissjoni ma tistax taġixxi b'inizjattiva tagħha biex timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà. Trid tistenna biex titressaq applikazzjoni formali mill-awtoritajiet nazzjonali li normalment jużaw l-għaxar ġimgħat sħaħ mill-bidu tad-diżastru permessi mir-Regolament biex jagħmlu l-applikazzjoni tagħhom. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-Kummissjoni trid titlob tagħrif kumplementari. It-tieni, il-Fond ta' Solidarjetà mhuwiex disponibbli minnufih fil-baġit tal-UE. Jeħtieġ li jinġabar permezz ta' sforż finanzjarju supplementari tal-Istati Membri, apparti l-kontribuzzjonijist normali tagħhom tal-UE. Qabel ma tkun tista' titħallas l-għajnuna l-Kummissjoni trid titlob lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex japprovaw baġit ta' emenda. li jinvolvi proċedura pjuttost diffiċli (li ddum normalment bejn xahrejn u 4 xhur).

    It-Trasparenza

    Id-definizzjoni ta' "diżastru reġjonali" fir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà hija pjuttost vaga u l-kundizzjonijiet għal applikazzjoniiet li jirnexxu diffiċli jintlaħqu. Meta l-limitu massimu ta' "diżastru maġġuri" ma jintlaħaqx, b'mod eċċezzjonali, il-Fond jista' jiġi mobilizzat jekk diżastru reġjonali straordinarju jolqot lill-maġġoranza tal-popolazzjoni ta' reġjun u jekk ikollu effetti serji fit-tul fuq l-istabilità ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien. Skont ir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tivvaluta "bl-ikbar rigorożità" kull applikazzjoni ta' diżastru reġjonali. B'riżultat ta' dan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jinvestu ħin u sforzi konsiderevoli biex, rispettivament iħejju u jivvalutaw l-applikazzjonijiet għal diżastri reġjonali iżgħar li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet xorta jwasslu għal rifjuti.

    L-Ambitu

    Li ssir reazzjoni xierqa fil-livell tal-UE għal kriżijiet maġġuri li mhumiex ta' oriġini naturali bl-istrumenti eżistenti hija estremament diffiċli jew saħansitra impossibbli, kif jidher mill-aċċidenti industrijali bħal dak tat-tixrid taż-żejt fil-baħar tal- Prestige , jew l-atti terroristiċi bħal bomba f'Madrid f'Marzu 2004. Bl-istess mod, bħalissa mhux possibbli li tingħata għajnuna mill-FSUE jekk isseħħ kriżi serja ta' saħħa pubblika - bħat-tixrid ta' epidemija simili għas-SARS fl-Ewropa jew bħal dik ikkawżata mill-aċċident tat-tip ta' Chernobyl - li tista' faċilment tiskorri l-kapaċitajiet ta' reazzjoni ta' Stati individwali.

    Il-Prevenzjoni tar-Riskju

    Il-Kummissjoni se tivvaluta modi aqwa biex jiġi integrat aħjar it-tħassib dwar il-prevenzjoni tar-riskju fir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà.

    4. Ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-Fond ta' Solidarjetà

    Fl-2008, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ippreżentat ir-riżultati ta' verifika finanzjarja ta' prestazzjoni tal-FSUE. Il-verifika finanzjarja vvalutat jekk il-Fond kienx rapidu, effiċjenti u flessibbli biex jipprovdi għajnuna u jekk l-istati benefiċjrji kenux sodisfatti bil-Fond. Għal dan il-għan, il-Qorti analizzat l-applikazzjonijiet kollha sal-aħħar tal-2006 u għamlet survey billi indirizzat kwestjonarji lill-istati applikanti. Ir-rapport ġie ppubblikat mill-Qorti fit-18 ta' Ġunju 2008 (ir-Rapport Speċjali Nru 3/2008[8]).

    Il-Qorti sabet li spejjeż diretti assoċjati mal-ġestjoni tal-Fond mill-Kummissjoni kienu baxxi u għalhekk il-Fond tqies li qiegħed jaħdem b'mod effiċjenti. Il-proċeduri amministrattivi tnaqqsu għal livell li jiżgura li l-proċeduri huma effiċjenti għall-istati benefiċjarji wkoll. F'dak li għandu x'jaqsam mal-flessibilità, il-Qorti ma sabet l-ebda każ fejn il-Kummissjoni wriet nuqqas ta' flessibilità fil-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Minkejja dan ġie nnutat li l-kundizzjonijiet għal applikazzjoni li tirnexxi għal 'diżastri reġjonali' iżgħar (meta mqabbel ma' 'diżastri maġġuri') huma aktar diffiċli biex jintlaħqu. Ir-rapport jirreferi wkoll għad-definizzjoni vaga ta' diżastri reġjonali fir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà u n-nuqqas possibbli ta' ċarezza meta jiġu rifjutati diżastri bħal dawn. Il-Qorti rriservat l-ikbar kritika tagħha għan-nuqqas ta' rapidità tal-istrument. Iż-żmien li jgħaddi bejn l-applikazzjoni u l-ħlas kien normalment ta' madwar sena. Għalhekk il-Qorti sabet li l-Fond ma pprovdiex reazzjoni rapida. Minkejja l-proċess imtawwal involut għall-kisba tal-għajnuna mill-Fond, l-istati li rċevew il-flus kienu sodisfatti jew sodisfatti ħafna bil-Fond. Għalhekk il-Qorti sabet li l-Fond laħaq l-għan prinċipali li juri solidarjetà mal-Istati Membri fi żminijiet ta' diżastru. Ġie rrakkomandat li l-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-applikanti u parir ta' kif tinkiseb il-preżentazzjoni bla dewmien ta' applikazzjonijiet.

    Il-Kummissjoni taqbel kompletament mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti. Hija ppubblikat linjigwida għall-Istati Membri applikanti u spjegat fid-dettall il-mod li bih tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà. Biex tissimplifika l-proċedura u biex tgħin biex jiġi evitat dewmien fil-preżentazzjoni tat-tagħrif, il-Kummissjoni żviluppat formola standard ta' applikazzjoni kif ukoll nota dettaljata ta' gwida għall-applikazzjonijiet. Iż-żewġ dokumenti huma disponibbli fuq websajt speċjali, iddedikat għall-Fond ta' Solidarjetà (http://ec.europa.eu/regional_policy/funds/solidar/solid_en.htm). Il-Kummissjoni għandha wkoll tissokta tfittex kuntatt dirett mal-korp li jħejji t-talba, kif suġġerit mill-Qorti. Minkejja dan, f'bosta każijiet fl-imgħoddi, l-applikazzjonijiet tressqu " ad hoc" , mingħajr ma l-istati applikanti fittxew xi kuntatt preċedenti mal-Kummissjoni. Biex tissimplifika l-ewwel kuntatt minn pajjiżi applikanti potenzjali, il-Kummissjoni indikat fuq il-websajt tagħha tal-Fond ta' Solidarjetà d-dettalji ta' kuntatt min-naħa tal-Kummissjoni.

    Kollox ma' kollox, il-Kummissjoni tqis li l-kummenti kritiċi tal-Qorti f'dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' rapidità tal-istrument u l-ġestjoni ta' diżastri reġjonali jappoġġjaw il-ħtieġa ta' strument rivedut bi kriterji aktar sempliċi u aktar faċli għall-attivazzjoni tiegħu f'inqas ħin, kif propost mill-Kummissjoni.

    5. Il-Konklużjonijiet: It-titjib tat-tħaddim tal-istrument

    Filwaqt li l-Fond ġeneralment kien qed jaħdem tajjeb, partikolarment fir-rigward ta' diżastri naturali li inizjalment twaqqaf għalihom, l-esperjenzi li nkisbu s'issa jenfasizzaw li hemm ħtieġa għal żvilupp ulterjuri tal-istrument. Dan jikkonċerna b'mod partikolari n-nuqqas ta' rapidità li bih il-finanzjament isir disponibbli lil stati benefiċjarji u t-trasparenza tal-kriterji għall-mobilizzazzjoni tal-Fond fil-każ ta' diżastri reġjonali. Iż-żewġ punti huma identifikati mill-Qorti tal-Awdituri. Barra dan, l-istrument jista' jittejjeb biex jippermetti reazzjoni xierqa fil-livell tal-UE għal kriżijiet maġġuri li mhumiex ta' oriġini naturali. Huwa minħabba f'dan li l-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà ġdid fis-6 ta' April 2005 (COM(2005) 108), li essenzjalment kien appoġġjat fil-Parlament Ewropew. Il-proposta wessgħet l-ambitu tal-Fond u introduċiet għadd ta' modifiki għall-attività tiegħu.

    Il-formolizzazzjoni ta' Fond aktar trasparenti

    Il-Kummissjoni tibqa' favur tat-titjib tat-trasparenza u s-sempliċità tal-kriterji li jamministraw il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà. Dan għandu jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali biex ikollhom idea aktar ċara ta' meta l-Fond x’aktarx li jkun kapaċi jappoġġjahom biex jirkupraw minn diżastru. Għalhekk element importanti huwa definizzjoni ġdida tal-kriterji għall-attivazzjoni tal-Fond. Il-proposta li jitnaqqas il-limitu massimu (għal EUR 1 biljun/0.5 % tad-DGN, skont liema minnhom ikun l-iċken) filwaqt li titneħħa l-mobilizzazjoni eċċezzjonali tal-Fond għal diżastri reġjonali, meħuda flimkien, għandhom itejbu t-trasparenza tal-Fond u jevitaw tama mqarrqa meta l-applikazzjonijiet jiġu rifjutati. Alternattiva oħra, ibbażata fuq ir-regolament eżistenti u fl-istess ħin li żżomm il-possibilità ta' mobilizzazzjoni tal-Fond għal diżastri reġjonali, għandha tkun l-introduzzjoni ta' limitu massimu kwantitattiv ċar għal diżastri reġjonali, jiġifieri perċentwal tal-PGD reġjonali (NUTS I jew NUTS II). Iż-żewġ alternattivi għandhom jippermettu l-mobilizzazzjoni tal-Fond skont kriterju wieħed ċar - l-importanza tal-ħsara - f'dawk il-każijiet kollha fejn is-Solidarjetà Ewropea hija tassew meħtieġa, inklużi dawk id-diżastri li għalihom il-kriterju diffiċli reġjonali jintuża llum. Permezz ta' bidla bħal din, it-trattament ugwali għandu jkun żgurat u l-Istati Membri għandhom ikunu f'pożizzjoni aqwa biex jivverifikaw il-prospett ta' applikazzjoni. Ir-rata aktar baxxa sussegwenti ta' rifjut mill-Kummissjoni (qrib iż-żewġ terzi fil-każ ta' diżastri reġjonali) għandha wkoll tikkontribwixxi għad-dehra pożittiva tal-Fond tas-Solidarjetà bħala strument ta' solidarjetà.

    Issir possibbli reazzjoni aktar mgħaġġla għal diżastru

    Biex jippermetti reazzjoni aktar mgħaġġla, jista' jiġi previst ċertu titjib ta' attivitajiet li jippermettu li tittieħed azzjoni immedjata ta' solidarjetà billi jsir ħlas bil-quddiem hekk kif l-Istat milqut japplika għal għajnuna. Dan il-ħlas parzjali għandu jitqies bħala ħlas bil-quddiem fuq l-għajnuna li se tingħata meta l-proċedura ta' valutazzjoni u dik baġitarja jkunu tlestew. Minkejja dan, kriterji ċari u trasparenti għal mobilizzazzjoni tal-Fond huma rekwiżit għal reazzjoni aktar mgħaġġla bħal din għal diżastru minħabba li l-Istat applikant ikollu jħallas lura l-ħlas bil-quddiem lill-Kummissjoni fil-każ li applikazzjoni tiġi rrifjutata.

    Jitwessa' l-ambitu

    Fil-każ ta' diżastri maġġuri li mhumiex ta' oriġini naturali ċ-ċittadini ġustament jistennew lill-UE li tkun preżenti u tgħin - u dan joħroġ ċar mis-sejħiet fil-livell politiku biex l-UE ssir iżjed attiva. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-Fond ta' Solidarjetà għandu jkun kapaċi jirreaġixxi fil-każ ta' kriżi maġġuri, irrispettivament min-natura jew l-oriġini tiegħu. Ir-regolament il-ġdid propost tal-2005 jwessa' l-ambitu tal-FSUE biex jinkludi diżastri tas-saħħa, terroristiċi jew industrijali/teknoloġiċi (fi ħdan il-limitu tan-nefqa ġenerali annwali tal-FSUE).

    It-triq ’il quddiem

    Għalkemm ma sar l-ebda progress fil-Kunsill fuq ir-Regolament propost tal-Fond ta' Solidarjetà mill-2005 'l hawn, il-Kummissjoni tkompli tkun ippreparata li tappoġġja b'mod attiv it-tfittxija għal kompromess. L-għan huwa li jiġu identifikati oqsma fejn jista' jintlaħaq kompromess biex jippermettu lill-Kummissjoni temenda l-proposta tagħha. Għalhekk hija ssejjaħ lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex janalizzaw mill-ġdid il-proposta tal-Kummissjoni tal-2005 fid-dawl tar-rapport biex jippermettu lill-Kummissjoni toħroġ bi proposta emendata fl-2009.

    ANNESS 1: L-APPLIKAZZJONIJIET TAL-FOND TA’ SOLIDARJETÀ TAL-UNJONI EWROPEA FL-2008

    Id-data ta' applikazzjoni* | 20/8/07 | 26/10/07 | 30/10/07 | 19/11/07 | 01/07/2008 | 1/10/2008 |

    It-tagħrif sħiħ disponibbli fi | 22/10/07 | - | 20/12/07 | - | - | - |

    Il-limitu massimu ta' diżastru maġġuri (EUR m) | 3 266.629 | 3 266.629 | 1 066.497 | 164.272 | 84.673 | 566.84 |

    Il-ħsara diretta totali (EUR m)** | 4612 | 511.2 | 2118.27 | 223.28 | 176.15 | 471.41 |

    Il-Kategorija | maġġuri | reġjonali | maġġuri | maġġuri | maġġuri | reġjonali |

    Il-ħsara/il-limitu massimu | 141.19% | 15.65% | 198.62% | 135.92% | 208.03 % | 83.16% |

    L-ispiża ta' attivitajiet eliġibbli ta' emerġenza (EUR m)** | 356.7 | 119.9 | 1007 | 154.39 | 59.45 | 390.81 |

    L-ispiża eliġibbli/ ħsara totali | 7.73% | 23.45% | 47.52% | 69.15% | 33.74% | 82.9% |

    L-għajnuna/l-ispiża eliġibbli | 45.53% | 10.66 | 8.91% | 4.95% | 12.79% | 3.01% |

    Ir-rata tal-għajnuna (% tal-ħsara totali) | 3.52% | 2.5 | 4.24% | 3.42% | 4.31% | 2.49% |

    Id-data tad-deċiżjoni tal-għotja | 17/06/2008 | 25/11/2008 | 08/092008 | 22/09/2008 | 2009 | 2009 |

    id-data tal-ftehim tal-Implimentazzjoni | 07/08/2008 | 11/12/2008 | 08/092008 | 07/11/2008 | 2009 | 2009 |

    2 | CZ | Għargħar | 2 300 | maġġuri | 129 |

    3 | FR | Għargħar (Le Gard) | 835 | reġjonali | 21 |

    4 | DE | Għargħar | 9 100 | maġġuri | 444 |

    L-għajnuna totali għall-applikazzjonijiet għall-2002 | 728 |

    2 0 0 3 | 1 | ES | Tixrid taż-żejt fil-baħar (Prestige) | 436 | reġjonali | 8.626 |

    2 | IT | Terremot (Molise/Apulia) | 1 558 | regional | 30.826 |

    3 | IT | Eruzzjoni ta' vulkan (Etna) | 894 | reġjonali | 16.798 |

    4 | IT | Għargħar (Il-Punent tal-Italja) | 1 900 | (maġġuri.) | Rifjutata (skadenza ta' żmien) |

    5 | GR | Temp xitwi kiefer | mhux ċara | (maġġuri.) | Rifjutat (skadenza ta' żmien) |

    6 | PT | Nirien fil-foresti | 1 228 | maġġuri | 48.539 |

    7 | FR | Nirien fil-foresti (it-Tramuntana ta' Franza) | 531 | (reġjonali) | Rifjutata |

    8 | ES | Nirien fil-foresti (Fruntiera tal-Portugall) | 53 | pajjiż ġar | 1.331 |

    9 | MT | Għargħar | 30 | maġġuri | 0.961 |

    10 | IT | Għrgħar (Friuli Venezia Giulia) | 525 | reġjonali | Rifjutata |

    L-għajnuna totali għall-applikazzjonijiet tal-2003 | 107.081 |

    2 0 0 4 | 1 | FR | Għargħar (id-delta tar-Rhone) | 785 | reġjonali | 19.625 |

    2 | ES | Għargħar (Malaga) | 73 | (reġjonali) | Rifjutata |

    3-9 | ES | Nirien fil-foresti (7 applikazzjonijiet) | (480) | (reġjonali) | is-7 kollha rifjutati |

    10 | SK | Għargħar | 29 | (reġjonali) | Rifjutata |

    11 | SI | Terremot | 13 | (reġjonali) | irtirata |

    L-għajnuna totali għall-applikazzjonijiet tal-2004 | 19.625 |

    2 | IT | Għargħar (Sardenja) | (223, sovrastmata) | (reġjonali) | Rifjutata |

    3 | EE | Tempesta | 48 | maġġuri | 1.29 |

    4 | LV | Tempesta | 193 | maġġuri | 9.487 |

    5 | SE | Tempesta "Gudrun" | 2297 | maġġuri | 81.725 |

    6 | LT | Tempesta | 15 | pajjiż ġar | 0.379 |

    7 | EL | Għargħar ta' Evros | (112) | (reġjonali) | Rifjutata |

    8 | RO | Għargħar tar-rebbiegħa | 489 | maġġuri | 18.798 |

    9 | BG | Għargħar tar-rebbiegħa | 222 | maġġuri | 9.722 |

    10 | BG | Għargħar tas-sajf | 237 | maġġuri | 10.632 |

    11 | RO | Għargħar tas-sajf | 1050 | maġġuri | 52.4 |

    12 | AT | Għargħar (Tyrol/Vorarlberg) | 592 | reġjonali | 14.799 |

    L-għajnuna totali għall-applikazzjonijiet tal-2005 | 204.891 |

    2 0 0 6 | 1 | UK | Splużjoni tad-depow taż-żejt ta' Buncefield | (700) | (reġjonali) | irtirata |

    2 | EL | Għargħar ta' Evros | 372 | reġjonali | 9.306 |

    3 | HU | Għargħar | 519 | maġġuri | 15.064 |

    4 | ES | Nirien fil-foresti ta' Galicia | (91) | (reġjonali) | Rifjutata |

    L-għajnuna totali għall-applikazzjonijiet tal-2006 | 24.370 |

    2 0 0 7 | 1 | DE | It-tempesta "Kyrill" | 4750 | maġġuri | 166.9 |

    2 | FR | La Réunion, Iċ-ċiklun "Gamede" | 211 | reġjonali | 5.29 |

    3 | ES | Għargħar ta' EL Hierro | (18) | (reġjonali) | Rifjutata |

    4 | ES | Għargħar ta' La Mancha | 66 | (reġjonali) | Rifjutata |

    5 | UK | Għargħar | 4 612 | maġġuri | 162.387 |

    6 | CY | Nirien fil-foresti | 38 | (reġjonali) | Rifjutata |

    7 | ES | Nirien fil-foresti tal-Gżejjer Canary | 144 | (reġjonali) | Rifjutata |

    8-16 | IT | 9 applikazzjonijiet għal nirien fil-foresti f'9 reġjuni | - | (reġjonali) | mhux ammissibbli, skada ż-żmien |

    17 | FR | It-tempesta Dean/Martinique | 509 | reġjonali | 12.78 |

    18 | EL | Nirien fil-foresti | 2 118 | maġġuri | 89.769 |

    19 | SI | Għargħar | 233 | maġġuri | 8.254 |

    L-għajnuna totali għall-applikazzjonijiet tal-2007 | 445.38 |

    2 0 0 8 | 1 | CY | Nixfa | 165.4 | maġġuri | 7.605 |

    2 | RO | Għargħar | 471.4 | reġjonali | 11.785 |

    [1] ĠU L 311, 14.11.2002.

    [2] COM(2008) 15; Baġit ta' Emenda 1/2008 adottat fid-9 ta' April 2008, ĠU L 175, p. 1 tal-4 ta' Lulju 2008

    [3] COM(2008) 201; Baġit ta' Emenda 3/2008 adottat fil-5 ta' Ġunju 2008, ĠU L 208, p. 1 tal-5 ta' Awwissu 2008

    [4] COM(2008) 556; Baġit ta' Emenda 7/2008 adottat fil-21 ta' Ottubru 2008, ĠU L 315, p. 1 tal-25 ta' Novembru 2008

    [5] COM(2008) 732; Baġit ta' Emenda 10/2008 adottat fit-18 ta' Diċembru 2008, ĠU L 27, p. 91 tat-30 ta' Jannar 2009

    [6] COM(2009) 22

    [7] Mid-29 applikazzjoni rifjutata, 27 kienu jikkonċernaw applikazzjonijiet ta' "diżastru reġjonali".

    [8] "Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea kemm huwa rapidu, effiċjenti u flessibbli?" ĠU C 153, 18.6.2008

    [9] Id-dejta bil-korsiv hija soġġetta għal verifika/konferma mill-Kummissjoni

    Top