Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XX0806(01)

    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

    ĠU C 200, 6.8.2008, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 200/1


    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika f'passaporti u dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri

    (2008/C 200/01)

    IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

    ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

    1.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fit-18 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Proposta għal Regolament (minn issa 'l quddiem “il-proposta”) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li għandha l-għan li temenda r-Regolament (KE) Nru 2252/2004 (1). Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ma kienx ikkonsultat dwar din il-proposta, għalkemm, skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-KEPD, meta tadotta proposta leġislattiva rigward il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' l-indvidwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali.

    2.

    Il-KEPD jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kkonformatx ma' dan l-obbligu legali tagħha li tikkonsultah u jistenna li fil-ġejjieni jiġi kkonsultat dwar il-proposti kollha li jaqgħu taħt l-ambitu ta' l-Artikolu 28(2). Il-KEPD iddeċieda li joħroġ opinjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess. Minħabba l-karattru obbligatorju ta' l-Artikolu 28 (2), din l-opinjoni għandha tissemma fil-preambolu tat-test.

    3.

    L-isfond tal-proposta hu dan li ġej. Fit-13 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2252/2004 dwar l-istandards tas-sigurtà u l-bijometrika għal passaporti u dokumenti oħrajn ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri sabiex jintroduċu data bijometrika fil-passaporti. Flimkien ma' elementi ta' sigurtà, id-data bijometrika għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rabta bejn il-passaport u d-detentur ta' dan id-dokument. Fit-28 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni adottat l-ewwel part ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (2) dwar il-ħażna tax-xbieha tal-wiċċ tad-detentur fuq ċippa mingħajr kuntatt. Fit-28 ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat it-tieni Deċiżjoni (3) dwar il-ħażna ulterjuri ta' żewġ marki tas-swaba' fuq iċ-ċippa tal-passaport.

    4.

    Bil-ħsieb li jiġu armonizzati l-eċċezzjonijiet għall-passaport bijometriku, il-proposta żiedet il-miżuri li ġejjin: it-tfal taħt l-età ta' 6 snin huma eżentati mill-obbligu li jittieħdulhom il-marki tas-swaba', u għandhom ukoll ikunu eżentati minn dan ir-rekwiżit, persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jittieħdulhom il-marki tas-swaba'.

    5.

    Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi l-obbligu ta' “persuna waħda-passaport wieħed” li ġie deskritt bħala miżura ta' sigurtà supplimentari u ħarsien addizjonali għat-tfal.

    6.

    Il-KEPD jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ħadet kont tal-punt fir-rigward tal-proċeduri ta' rimedju, li ddikjara fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu, kif issemma' fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta.

    7.

    Il-KEPD jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni ta' l-impatt dwar din il-proposta. Għalhekk, mhuwiex ċar kif il-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li tevalwa l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-proposta fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data mingħajr l-appoġġ ta' valutazzjoni rigoruża ta' l-impatt. Analiżi bħal din ma għandhiex tkun limitata għall-infiq minn miżuri ġodda u hija tista' tibbenifika minn kwistjonijiet simili li jkunu tqajmu diġà fil-kuntest ta' proposti oħrajn bħal dik dwar ir-reviżjoni ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni (4). In-nuqqas ta' valutazzjoni ta' l-impatt tenfasizza wkoll il-ħtieġa li ssir reviżjoni tal-limitu ta' l-età indikata fil-proposta kif inhu aktar spjegat fil-parti 2.1 ta' din l-opinjoni.

    2.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

    2.1.   Eżenzjonijiet bijometriċi

    8.

    F'diversi okkażżjonijiet, il-KEPD irrikonoxxa l-vantaġġi previsti mill-użu ta' bijometriċi, iżda enfasizza wkoll li dawn il-benefiċċji huma dipendenti fuq l-applikazzjoni ta' miżuri stretti ta' salvagwardja. Fl-opinjoni tiegħu dwar is-SIS II (5), l-KEPD ippropona lista mhux eżawrjentia ta' obbligi jew ħtiġiet komuni li għandhom ikunu rispettati meta d-data bijometrika tiġi użata f'sistema. Dawn l-elementi ser jikkontribwixxu sabiex d-detentur ta' passaport ma jkollux għalfejn iġorr il-piż ta' l-imperfezzjonijiet tas-sistema, bħall-impatt ta' identifikazzjoni ħażina jew in-nuqqas ta' reġistrazzjoni.

    9.

    Għalhekk, il-KEPD jappoġġa bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li jiġu introdotti eżenzjonijiet mill-obbligu li jittieħdu l-marki tas-swaba' abbażi ta' l-età tal-persuna jew il-kapaċità tiegħu/tagħha li jittieħdulu/jittieħdulha l-marki tas-swaba'. Dawn l-eżenzjonijiet huma parti mill-proċeduri ta' rimedju li għandhom jiġu implimentati. Il-KEPD jilqa' wkoll-isforz tal-Kummissjoni li tadotta approċċ koerenti fl-istrumenti differenti li jittrattaw kwistjonijiet simili minħabba li diġà ġiet introdotta proposta għall-eżenzjoni fil-proposta għar-reviżjoni ta' l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni.

    10.

    Madankollu, il-KEPD għadu jikkunsidra dawn l-eżenzjonijiet mhux sodisfaċenti, minħabba li ma jindirizzawx il-kwistjonijiet potenzjali u rilevanti kollha li tqajmu mill-imperfezzjonijiet li hemm fis-sistemi bijometriċi, u b'mod aktar speċifiku dawk relatati mat-tfal u ma' l-anzjani.

    Il-każ tat-tfal

    11.

    Fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni tagħmel referenza għal proġetti pilota f'xi Stati Membri li enfasizzaw li l-marki tas-swaba' minn “tfal taħt l-età ta' 6 snin ma dehrux li kienu ta' kwalità suffiċjenti għal verifika personali ta' l-identità”. Madankollu, ftit li xejn hemm informazzjoni disponibbli dwar dawn il-proġetti pilota u ċ-ċirkostanzi li fihom twettqu; s'issa għadu ma ġiex spjegat xi tfisser “kwalità suffiċjenti”.

    12.

    Skond il-KEPD, il-limitu ta' l-età biex jittieħdu l-marki tas-swaba' tat-tfal għandu jkun definit minn studju konsistenti u fil-fond li għandu jidentifika b'mod xieraq l-preċiżjoni tas-sistemi miksuba taħt kondizzjonijiet reali, u li għandu jirrifletti d-diversità tad-data proċessata. Il-proġetti pilota minnhom infushom ma jipprovdux biżżejjed informazzjoni li fuqha jistgħu jiġu bbażati għażliet fundamentali tal-leġislatur Komunitarju.

    13.

    Fl-opinjoni tiegħu (6) dwar il-proposta għal Regolament li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni, il-KEPD diġà enfasizza l-ħtieġa għal studju bħal dan qabel ma ssir kwalunkwe definizzjoni tal-limitu ta' l-età. La l-litteratura xjentifika disponibbli u lanqas l-istudju dwar l-impatt preċedenti mwettaq mill-Kummissjoni fil-kwadru tal-proposta dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viżi (7) ma ppreżentaw evidenza dwar il-limitu ta' l-età tat-tfal b'bażi soda.

    14.

    Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda li l-limitu ta' l-età magħżul fil-proposta għandu jkun ikkunsidrat bħala wieħed proviżorju. Wara tliet snin, il-limitu ta' l-età għandu jkun rivedut u appoġġat minn studju fuq skala kbira u fil-fond. Minħabba s-sensittività tad-data bijometrika, kif ukoll id-dimensjoni kompetittiva tas-sistemi bijometriċi, il-KEPD jissuġġerixxi li dan l-istudju għandu jibbenifika mill-immaniġġar ta' istituzzjoni Ewropea waħda li għandha għarfien espert ċar u faċilitajiet ta' apparat għat-testijiet f'dan il-qasam (8). Il-partijiet interessati rilevanti kollha mill-industrija għall-awtoritajiet ta' l-istati membri għandhom jiġu mistiedna jikkontribwixxu għal dan l-istudju.

    15.

    Qabel ma jiġi definit b'mod ċar il-limitu ta' l-età f'dan l-istudju u bil-għan li tiġi evitata kwalunkwe implimentazzjoni perikoluża, il-KEPD jirrakkomanda li l-limitu applikat jikkorrispondi għal dawk li diġà ġew adottati għall-popolazzjonijiet kbar fir-Regolament dwar is-Sistema Eurodac (9) fir-rigward ta' dawk li jfittxu ażil (il-limitu ta' l-età għall-ġbir ta' marki tas-swaba' hu ta' erbatax-il sena) jew il-programm taż-Żjara fl-Istati Uniti (10) (il-limitu ta' l-età huwa wkoll ta' erbatax-il sena). Dawn il-limit setgħu kienu anke ftit aktar baxxi minħabba li l-użu tad-data bijometrika hu strettament limitat għall-proċess ta' verifika (paragun ta' wieħed ma' wieħed) skond l-Artikolu 4 (3) tar-Regolament (KE) Nru 2252/2004. Fil-fatt, normalment isiru anqas żbalji minn proċess bħal dan, b'paragun ma' proċess ta' identifikazzjoni (paragun 1 għal n) li jippreżenta rati iżjed għolja.

    Il-każ ta' l-anzjani

    16.

    L-imperfezzjonijiet tas-sistemi ta' marki tas-swaba' ma jikkonċernawx biss it-tfal iż-żgħar iżda wkoll l-anzjani. Fil-fatt, ġie muri li l-preċiżjoni u l-potenzjal ta' l-użu tal-marki tas-swaba' jonqsu hekk kif il-persuni javvanzaw fl-età (11) u li aspetti ta' konvenjenza u ergonomija huma wkoll speċjalment rilevanti. B'konformità mar-raġunament tal-limitu ta' l-età tat-tfal, il-KEPD jirrakkomanda li, bħala eżenzjoni addizzjonali, jiġi introdott limitu ta' l-età għall-anzjani li jista' jkun ibbażat fuq esperjenzi simili fis-seħħ (Iż-Żjara fl-Istati Uniti għandha limitu ta' 79 sena). Il-kwalità tal-marki tas-swaba' għall-proċessi ta' reġistru u tqabbil għandha wkoll tkun parti mill-istudju propost aktar kmieni.

    17.

    Fl-aħħarnett, il-KEPD ifakkar li dawn l-eżenzjonijiet m'għandhom bl-ebda mod ikasbru jew jiddiskriminaw kontra dawk l-individwi li għandhom ikunu eżentati, minħabba l-età tagħhom bħala prinċipju ta' prekawzjoni jew minħabba li jippreżentaw marki tas-swaba' li huwa ċar li ma jistgħux jinqraw.

    2.2.   “Persuna waħda — passaport wieħed”

    18.

    Kif inhu spjegat fis-sit elettroniku ta' l-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), ir-rakkomandazzjoni għall-“kunċett persuna waħda-passaport wieħed” (12) ġiet imfassla prinċipalment bħala soluzzjoni potenzjali għar-riżoluzzjoni tan-nuqqas ta' standardizzazzjoni fir-rigward tal-passaporti tal-familja u l-iżvilupp ta' passaporti li jistgħu jinqraw minn magna. Il-KEPD jirrikonoxxi li dan il-kunċett jista', bħala benefiċċju addizzjonali, jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal. Madankokku, l-għan prinċipali ta' passaport hu li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar taċ-ċittadini Ewropej u mhux il-ġlieda kontra s-sekwestru ta' tfal li għaliha qed jiġu żviluppati miżurikonkreti u effiċjenti addizzjonali.

    19.

    Skond studju reċenti (13), il-biċċa l-kbira tar-riskji tat-traffikar jew is-sekwestru huma assoċjati mal-minuri li jivjaġġaw waħedhom. Huwa ċar li għal din il-kategorija, il-pussess ta' dokument ta' l-ivvjaġġar personali jikkostitwixxi ħarsien ulterjuri. Madankollu, għandu jkun issottolinjat li skond l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (IATA), tfal taħt l-età ta' 6 snin mhumiex permessi jivjaġġaw mingħajr il-persuna li għandha s-setgħa tal-ġenitur.

    20.

    Fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni turi l-ħtieġa għal din il-miżura ta' sigurtà permezz ta' eżempju ta' ġenitur u t-tfal tiegħu rreġistrati fl-istess passaport, u l-fatt li d-data bijometrika tat-tfal ma għandux jiddaħħal fiċ-ċippa filwaqt li għandu jiddaħħal biss dak tal-ġenitur. Għandu jkun issottolinjat li, fi kwalunkwe każ, għat-tfal ta' taħt l-limitu ta' l-età propost mill-Kummissjoni d-data bijometrika tagħhom ma għandhiex tiddaħħal fil-passaport. F'dan il-każ, il-piż tan-nefqa addizzjonali u l-proċedura għall-ġenituri, kif ukoll il-ġabra addizzjonali ta' data personali fir-rigward tat-tfal, jidher li huma eċċessivi meta wieħed jikkunsidra l-valur miżjud potenzjali li joffri dan il-prinċipju.

    21.

    Għandu jkun issottolinjat ukoll li l-ftuħ ta' aċċess għal u reġistru ta' data teknikament vijabbli (permezz tal-provvista ta' passaport bijometriku lit-tfal li huma eżentati) f'ħafna każijiet, isir mezz b'saħħtu li jwassal għall-adeżjoni de facto jew għall-ġabra ta' dik id-data. Wieħed jista' jassumi mingħajr periklu, li jintużaw mezzi tekniċi ladarba dawn ikunu disponibbli; fi kliem ieħor, xi drabi huma l-mezzi li jintużaw li jiġġustifikaw ir-riżultat li jinkiseb u mhux bil-kontra. Dan jista' jwassal għal talbiet sussegwenti għal ħtiġiet anqas stretti (u limitu ta' l-età aktar baxx) biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' dawn id-disponibbiltajiet tekniċi. Għalhekk, il-bidliet legali jistgħu biss jikkonfermaw il-prattiki li huma fis-seħħ diġà.

    22.

    Il-KEPD jirrakkomanda li l-prinċipju ta' “persuna waħda-passaport wieħed” japplika biss għat-tfal 'il fuq mill-limitu ta' l-età propost mill-Kummissjoni jew dak li ser jiġi rivedut u kkonfermat mill-istudju msemmi aktar kmieni.

    2.3.   Dokumenti “ta' nisel”

    23.

    Il-ħruġ ta' passaport fl-Istati Membri ta' l-UE hu trattat skond il-liġi nazzjonali ta' dawk l-Istati Membri. Il-liġi nazzjonali teħtieġ il-preżentazzjoni ta' diversi dokumenti, bħaċ-ċertifikat tat-twelid, iċ-ċertifikat ta' ċittadinanza, il-ktieb tal-familja, l-awtorizzazzjoni tal-ġenituri, il-liċenzja tas-sewqan, il-kontijiet ta' utilità, eċċ. Dawn id-dokumenti huma normalment imsejħa dokumenti “ta' nisel”, minħabba li l-passaporti jistgħu joħorġu minnhom.

    24.

    F'dan ir-rigward, hemm differenzi kbar bejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. Il-mod kif jiġu prodotti d-dokumenti “ta' nisel” fl-Istati Membri kif ukoll id-dokumenti li huma meħtieġa għall-ħruġ ta' passaport juru diversità kbira ta' sitwazzjonijiet u proċeduri, li huma previsti li jnaqqsu l-kwalità tad-data fil-passaporti u anke trawwem ir-riskju ta' serq ta' identità.

    25.

    Minħabba li normalment igawdu minn anqas karatteristiċi ta' sigurtà, id-dokumenti “ta' nisel” huma aktar soġġetti għall-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni meta mqabbla ma' passaport imsaħħaħ permezz ta' l-użu ta' data bijometrika mħarsa minn sistemi tal-PKI (Public Key Infrastructure).

    26.

    Għalkemm il-KEPD jilqa' l-objettiv tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-miżuri ta' sigurtà tal-passaport, hu jixtieq jenfasizza li l-passaport huwa biss ħolqa waħda ta' katina ta' sigurtà li tibda minn dawn id-dokumenti “ta' nisel” u tispiċċa fil-postijiet ta' kontroll mal-fruntieri; u li din il-katina tista' titqies sigura daqs l-idgħjef ħolqa tagħha. Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tipproponi miżuri addizzjonali għall-armonizzazzjoni tal-mod li bih jiġu prodotti d-dokumenti “ta' nisel” u liema minnhom huma meħtieġa għal passaport.

    2.4.   Implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2252/2004 u kwistjonijiet li qegħdin jinbtu

    Il-ħażna ta' data bijometrika

    27.

    Skond stħarriġ fil-fond (14) imwettaq mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data ta' l-Artikolu 29 fuq talba tal-kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew u ffukat fuq il-prattiki ta' l-implimentazzjoni fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 2252/2004, diversi Stati Membri pprevedew l-implimentazzjoni ta' database ċentrali għall-ħażna tad-data bijometrika tal-passaport. Għalkemm huwa possibbli għal Stat Membru li jimplimenta biss proċedura ta' verifika ta' data bijometrika permezz ta' l-użu ta' database ċentralizzata, minħabba li hemm limitu strett fir-Regolament, din l-għażla tippreżenta riskji addizzjonali fir-rigward tal-ħarsien ta' data personali, bħall-iżvilupp ta' finijiet ulterjuri mhux previsti fir-regolament, jew saħansitra spedizzjonijiet ta' sajd fid-database li huma diffiċli li jittaffew (15).

    28.

    Il-KEPD jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri ta' armonizzazzjoni ulterjuri sabiex timplimenta bissl-użu ta' ħażna deċentralizzata (fiċ-ċippa ta' bla fili tal-passaport) fir-rigward tad-data bijometrika miġbura għal passaporti ta' l-Istati Membri.

    Proċessi ta' reġistru u qbil

    29.

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (16) tat-28 ta' Ġunju 2006, C(2006) 2909, iddefiniet biss il-format u l-kwalità tax-xbiehat tal-marki tas-swaba' li għandhom jiġu proċessati kif ukoll il-mod li bih iridu jiġu mħarsin (il-Kontroll Estiż ta' l-Aċċess). Fil-proposta m'hemm l-ebda indikazzjoni la dwar ir-rata ta' Nuqqas ta' Reġistrazzjoni (FER) u lanqas tar-rati fir-rigward tal-proċess ta' qbil. Fil-fatt, il-proposta pprevediet proċedura ta' rimedju għat-tfal iż-żgħar (il-limitu ta' l-età), iżda l-limitu li jindika meta l-marki tas-swaba' mhumiex tajbin biżżejjed biex jiġu rreġistrati mhuwiex definit.

    30.

    Fir-rigward tal-proċess ta' qbil, il-proposta tonqos ukoll milli tiddefinixxi liema Rata ta' Rifjut Falz (FRR) għandha tiġi applikata fil-fruntieri u kif għandhom jiġu trattati l-persuni li jidhru li ġew rifjutati b'mod falz. Dan in-nuqqas ta' rati uniformi jista' jwassal għal proċessi differenti ta' data bijometrika ta' ċittadini ta' l-UE, skond il-fruntiera magħżula mill-persuna għall-aċċess taż-żona Schengen, u għalhekk, jista' jwassal għal nuqqas ta' trattament ugwali taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tar-riskju residwu tas-sistemi bijometriċi. Minħabba li l-proċess hu wieħed ta' verifika wieħed ma' wieħed, il-KEPD jirrikonoxxi li l-FFR għandha tkun aktar baxxa minn dik applikata għal proċess ta' identifikazzjoni u għalhekk għandu jkun hemm anqas każijiet li jridu jiġu trattati. Madankollu, il-proċeduri ta' rimedju jridu wkoll jiġu definiti b'mod armonizzat u sodisfaċenti għal dawk il-persuni.

    31.

    Il-KEPD jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tipproponi rati komuni għall-proċessi ta' reġistru u ta' qbil kompluti permezz ta' proċeduri ta' rimedju flimkien ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

    3.   KONKLUŻJONI

    32.

    L-emendi proposti għar-regoli eżistenti dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta' sigurtà u l-bijometrika fil-passaporti u d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, jagħtu lok għal kwistjonijiet simili bħal dawk li tqajmu fl-opinjonijiet preċedenti, għalkemm il-KEPD jilqa' l-fatt li issa ttieħed kont tal-ħtieġa għal proċeduri ta' rimedju.

    33.

    Il-KEPD jilqa' wkoll l-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet ibbażati fuq l-età tal-persuna u l-kapaċità li tiegħu/tagħha li jittieħdulu/jittieħdulha l-marki tas-swaba', kif ukoll l-isforz li jiġi adottat approċċ koerenti fi strumenti differenti li jittrattaw kwistjonijiet simili.

    34.

    Madankollu, il-KEPD għadu jqis dawn l-eżenzjonijiet mhux sodisfaċenti, minħabba li ma jindirizzawx il-kwistjonijiet potenzjali u rilevanti kollha li jirriżultaw mill-imperfezzjonijiet li hemm fis-sistemi bijometriċi, u b'mod aktar speċifiku dawk relatati mat-tfal u ma' l-anzjani.

    35.

    Għalhekk, il-limitu ta' l-età għat-tfal għandu jiġi definit minn studju konsistenti u fil-fond li għandu jidentifika b'mod xieraq l-preċiżjoni tas-sistemi miksuba taħt kondizzjonijiet reali, u li għandu jirrifletti d-diversità tad-data proċessata. L-istudju għandu jitwettaq minn istituzzjoni Ewropea b'għarfien espert ċar u faċilitajiet xierqa f'dan il-qasam.

    36.

    Qabel ma jiġi definit il-limitu ta' l-età mill-istudju u sabiex tiġi evitata l-implimentazzjoni perikoluża, il-limitu proviżorju għandu jikkorrispondi għal dawk li diġà ġew adottati għall-popolazzjonijiet kbar, jew fis-sistema Eurodac jew fil-programm taż-Żjara fl-Istati Uniti (l-età ta' erbatax-il sena), jew ikun ftit aktar baxx fil-kuntest tal-proċess ta' verifika biss.

    37.

    Għandu jiġi introdott bħala eżenzjoni addizzjonali l-limitu ta' l-età għall-anzjani li jista' jkun ibbażżat fuq esperjenzi simili (Żjara fl-Istati Uniti: l-età ta' 79 sena). Eżenzjonijiet bħal dawn ma għandhom bl-ebda mod ikasbru jew jiddiskriminaw kontra l-individwi kkonċernati.

    38.

    Il-prinċipju ta' “persuna waħda-passaport wieħed” għandu jiġi applikat biss għat-tfal ta' età 'il fuq mill-limitu ta' l-età rilevanti.

    39.

    Minħabba d-diversità eżistenti skond il-liġijiet nazzjonali fir-rigward ta' dokumenti meħtieġa għall-ħruġ ta' passaporti, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri addizzjonali biex jiġu armonizzati l-produzzjoni u l-użu ta' dokumenti “ta' nisel” bħal dawn.

    40.

    Il-Kummissjoni għandha tipproponi wkoll miżuri ta' armonizzazzjoni ulterjuri sabiex timplimenta biss l-ħażna deċentralizzata ta' data bijometrika miġbura għal passaporti ta' l-Istati Membri.

    41.

    Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni għandha tipproponi rati komuni għall-proċessi ta' reġistru u ta' qbil kompluti permezz ta' proċeduri ta' rimedju flimkien ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, fis-26 ta' Marzu 2008.

    Peter HUSTINX

    Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


    (1)  COM(2007) 619 finali.

    (2)  Deċiżjoni C(2005) 409 tista' tinsab hawn:

    http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/freetravel/documents/doc_freetravel_documents_en.htm

    (3)  Deċiżjoni C(2006) 2909 tista' tinsab hawn:

    http://ec.europa.eu/justice_home/doc_centre/freetravel/documents/doc_freetravel_documents_en.htm

    (4)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għal missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' bijometriċi inklużi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tar-riċeviment u l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal viża (COM(2006) 269 finali).

    (5)  Opinjoni tad-19 ta' Ottubru 2005 dwar tliet Proposti fir-rigward tas-Sistema ta' Informazzjoni Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (COM(2005) 230 finali, COM(2005)236 finali u COM(2005) 237 finali), ĠU C 91, 19.4.2006, p. 38.

    (6)  Opinjoni tas-27 ta' Ottubru 2006 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għal missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' bijometriċi inklużi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tar-riċeviment u l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet għal viża (COM(2006) 269 finali) — 2006/0088 (COD), ĠU C 321, 29.12.2006, p. 38.

    (7)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema ta' l-Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal żjarat qosra (COM(2004) 835 finali) ippreżentata mill-Kummissjoni fit-28 ta' Diċembru 2004.

    (8)  Il-KEPD jissuġġerixxi l-possibbiltà li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea għandu jkun fdat b'din il-missjoni.

    (9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000 tal-11 ta' Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta' “Eurodac” għat-tqabbil ta' marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta' Dublin, ĠU L 316, 15.12.2000, p. 1.

    (10)  l-eżenzjonijiet dwar iż-żjarat ta' l-Istati Uniti jistgħu jinsabu hawn:

    http://www.dhs.gov/xtrvlsec/programs/editorial_0527.shtm

    (11)  Fingerprint Image Quality Evaluation: Elderly and Younger Populations N.C. Sickler & S.J. Elliott, Ph.D., Department of Industrial Technology, School of Technology, Purdue University, West Lafayette, IN 47907,

    A. Hicklin and R. Khanna, The Role of Data Quality in Biometric Systems, MTS, 9 February 2006,

    (12)  http://www.icao.int/icao/en/atb/fal/passport_concept.htm

    (13)  L-istudju jista' jinsab hawn:

    http://www.childfocus.be/fr/activities_5_2.php?id=112

    Sommarju Ingliż ta' l-istudju jista' jinsab hawn:

    http://www.childfocus.be/uploads/documents/114-414-samenvatting %20eng %20definitief.doc

    (14)  Ara l-ittra ta' l-10 ta' Diċembru 2007, bl-anness, mill-President tal-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 lill-President tal-Kumitat LIBE dwar il-passaporti ta' l-UE, f'dawn is-siti:

    http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/others/2007_12_10_letter_cavada_biopassports_en.pdf

    http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/others/2007_12_10_letter_cavada_biopassports_replies_en.pdf

    (15)  Ara l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 nru 3/2005 tat-30 ta' Settembru 2005 (WP 112).

    (16)  Ara in-nota 3 f'qiegħ il-paġna.


    Top