Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0052

    Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet — Il-ġlieda kontra l-frodi — Rapporti annwali 2005 u 2006
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad- 19 ta' Frar 2008 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet — Il-ġlieda kontra l-frodi — Rapporti annwali 2005 u 2006 (2006/2268(INI))

    ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 8–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.8.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 184/8


    It-Tlieta, 19 ta' Frar 2008
    Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet — Il-ġlieda kontra l-frodi — Rapporti annwali 2005 u 2006

    P6_TA(2008)0052

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2008 dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet — Il-ġlieda kontra l-frodi — Rapporti annwali 2005 u 2006 (2006/2268(INI))

    2009/C 184 E/02

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew għall-Ġlieda Kontra l-Frodi (OLAF),

    wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta' Lulju 2006, mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolat “Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet — Il-ġlieda kontra l-frodi — Rapport annwali 2005’ (COM(2006)0378), inklużi l-annessi (SEC(2006)0911 u SEC(2006)0912) tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tas-6 ta' Lulju 2007, mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolat “Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet — Il-ġlieda kontra l-frodi — Rapport annwali 2006’ (COM(2007)0390), inklużi l-annessi (SEC(2007)0930 u SEC(2007)0938) tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività tal-OLAF għall-2005 (1),

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività tal-OLAF għall-2006 (2),

    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Attività tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF għall-perjodu Diċembru 2005 sa Mejju 2007 (3),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2005 (4),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2006 (5),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 276(3) u 280(5) tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6),

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u kontra irregolarijiet oħra (7),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6–0009/2008),

    A.

    wara li kkunsidra s-sustanza tal-Artikolu 280(1) u (2) tat-Trattat KE,

    B.

    billi l-Artikolu 53(b)(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (8) (ir-Regolament Finanzjarju) jistipula dan li ġej:

    ‘2.   Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet komplementari inklużi fir-regolamenti rilevanti speċifiċi skond is-settur, u sabiex fl-amministrazzjoni kondiviża jiġi żgurat li l-fondi jiġu użati skond ir-regoli u l-prinċipji applikabbli, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi kollha meħtieġa jew miżuri oħrajn meħtieġa biex iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. Għal dan il-għan huma għandhom partikolarment:

    a)

    jaċċertaw lilhom infushom li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit fil-fatt jitwettqu u jiżguraw li dawn jiġu implimentati b'mod korrett;

    b)

    jipprevjenu u jindirizzaw l-irregolaritajiet u l-frodi;

    c)

    jirkupraw fondi mħallsa b'mod ħażin jew użati b'mod mhux korrett jew fondi mitlufin bħala riżultat ta' irregolaritajiet jew żbalji;

    d)

    jiżguraw, permezz ta' regolamenti rilevanti speċifiċi għas-settur u f'konformità mal-Artikolu 30(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post adegwata tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit.

    Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli u għandhom iwaqqfu sistema effettiva u effiċjenti ta' kontroll intern, (…)’

    Ammont ta' irregolaritajiet notifikati

    1.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-rapporti dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, u b'mod partikolari r-rapport dwar is-sena finanzjarja 2006, saru aktar analitiċi; madankollu, jinnota li l-istatistiki joqogħdu fuq strutturi nazzjonali li huma differenti ħafna, b'sistemi amministrattivi u ġudizzjarji u sistemi ta' sorveljanza u ta' spezzjonijiet differenti;

    2.

    Jitlob li r-rapporti annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u r-rapporti mfassla mill-Parlament fuq il-bażi ta' dawk ir-rapporti jiġu inklużi fl-aġenda tal-Kunsill, u li l-Kunsill sussegwentement jgħaddi l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni;

    3.

    Jinnota li fl-oqsma tar-riżorsi proprji, in-nefqa agrikola u l-azzjonijiet strutturali tal-Istati Membri, l-irregolaritajiet li ġew innotifikati fl-2006 ammontaw għal EUR 1 143 miljun (ikkumparati ma' EUR 1 024 miljun fl-2005, EUR 982.3 miljuni fl-2004, EUR 922 miljun fl-2003 u EUR 1 150 miljun fl-2002); l-ammonti nnotifikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fl-2006 jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej:

    riżorsi proprji: EUR 353 miljun (EUR 328,4 miljuni fl-2005, EUR 212,4 miljuni fl-2004, EUR 269,9 miljuni fl-2003 u EUR 367 miljun fl-2002),

    garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (EAGGF): EUR 87 miljun (EUR 102 miljun fl-2005, EUR 82,1 miljun fl-2004, EUR 169,7 miljuni fl-2003 u EUR 198,1 miljun fl-2002),

    azzjonijiet strutturali: EUR 703 miljun (EUR 601 miljun fl-2005, EUR 694,5 miljuni fl-2004, EUR 482,2 miljuni fl-2003 u EUR 614,1 miljun fl-2002);

    jinnota wkoll li fil-qasam tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni, l-irregolaritajiet li ġew notifikati ammontaw għal EUR 12,32 miljuni (EUR 17,6 miljuni fl-2005);

    4.

    Jikkunsidra li hemm ħafna fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-varjazzjonijiet annwali fl-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet;

    5.

    Jenfasizza li n-numru kbir ta' irregolaritajiet li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mhux neċessarjment jimplika livell għoli ta' frodi; jista' juri wkoll li l-arranġamenti tas-sorveljanza li hemm fis-seħħ huma effettivi u li hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fir-rapport annwali tagħha għall-2006, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta' din il-koperazzjoni;

    Analiżi ġenerali

    6.

    Jinnota li, fir-rigward tar-riżorsi proprji, l-ammont affetwat mill-irregolaritajiet żdied b'7 %minn EUR 328 miljun fl-2005 għal EUR 353 miljun fl-2006; il-prodotti li kienu affettwati l-aktar mill-irregolaritajiet kienu t-televixins (EUR 69 miljun fl-2005; EUR 62.3 miljuni fl-2006) u s-sigaretti (EUR 30.9 miljuni fl-2005; EUR 27.6 miljuni fl-2006); in-numru ta' każijiet fl-Italja (+122 %) u fl-Olanda (+81 %) żdied b'mod konsiderevoli; EUR 113.4 miljuni (32 %) ġew irkuprati fl-2006;

    7.

    Jinnota li, fir-rigward tan-nefqa agrikola, l-ammont affetwat mill-irregolaritajiet naqas b'EUR 105 miljun fl-2005 għal EUR 87 miljun fl-2006; Spanja, Franza u l-Italja kienu responsabbli għal 57.2 %tal-irregolaritajiet, jew total ta' EUR 64.9 miljuni, filwaqt li s-setturi li kienu affettwati l-aktar kienu l-iżvilupp rurali, iċ-ċanga u l-vitella, u l-frott u l-ħxejjex;

    8.

    Jilqa' l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni (9) (CAP) li għandu l-għan li jipprovdi qafas legali ssimplifikat u iktar effettiv sabiex l-Istati Membri jirkupraw il-ħlasijiet irregolari; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-applikazzjoni ta' dak l-att u sabiex tippreżenta rapport lill-Parlament;

    9.

    Huwa inkuraġġut li s-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS), li permezz tagħha jiġu pproċessati 68 %tal-operazzjonijiet, qed taħdem tajjeb u għamlitha possibbli li jiġi identifikat proporzjon kbir ta' irregolaritajiet;

    10.

    Jinnota, bi tħassib, li l-livell ta' rkupru tas-somom imħallsa bla bżonn għadu baxx u jvarja bejn l-Istati Membri u, minħabba li ċ-ċans ta' rkupru jonqos maż-żmien, jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb ir-rata ta' rkupru tas-somom imħallsa bla bżonn;

    11.

    Huwa tal-opinjoni li, meta fi Stat Membru speċifiku l-irkupru jibqa' baxx b'mod sistematiku, il-Kummissjoni għandha tapplika miżuri korrettivi;

    12.

    Jiżgura lill-Kummissjoni dwar l-appoġġ sħiħ tiegħu fl-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni dwar is-sospensjoni ta' pagamenti, u jħeġġeġ li l-iffinanzjar tal-CAP għandu jkun suġġett ukoll għall-istess proċedura bħall-miżuri li diġà bdew (10) fil-każ tan-nuqqas ta' trasferiment ta' fondi fejn il-Kummissjoni m'għandhiex garanzija assoluta tal-affidabilità tas-sistemi ta' mmaniġġjar u kontroll tal-Istat Membru li jkun il-benefiċjarju ta' dawn il-fondi;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistemi ta' monitoraġġ relatati mal-pagamenti tal-bdiewa fil-kuntest tar-rapport annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

    14.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tat-Task Force Irkupru (11), li rnexxielha ssolvi numru kbir ta' irregolaritajiet mis-snin preċedenti (mill-1971 sa l-2006: EUR 3 061 miljun); għaldaqstant, l-Istati Membri rkupraw EUR 898 miljun, u EUR 1 200 miljun ġew imħallsa permezz tal-proċedura ta' “approvazzjoni tal-kontijiet”; madankollu, jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ikunu iktar viġilanti sabiex jiġu evitati l-irregolaritajiet u sabiex jiġu rkuprati l-flus;

    15.

    Jinnota l-adozzjoni mill-Kummissjoni tat-tieni rapport tagħha dwar in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tas-sistema tal-“blacklist” (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1469/95 (12)), u jistieden dibattitu usa', fl-istituzzjonijiet tal-UE, dwar il-prospettivi għall-futur, b'żieda sostanzjali fil-pieni għall-Istati Membri li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-pagament lura ta' somom imħallsa bla bżonn minħabba li dan huwa l-aktar approċċ ovvju;

    16.

    Jinnota li l-ammont affetwat mill-irregolaritajiet rigward l-azzjonijiet strutturali żdied bi 17 %, minn EUR 601 miljun fl-2005 għal EUR 703 miljun fl-2006 (Fondi Strutturali EUR 517 miljun, Fondi ta' Koeżjoni EUR 186 miljun); dawn l-irregolaritajiet kienu prinċipalment (75 %) relatati mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (l-ERDF); Il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, il-Portugall u r-Renju Unit kienu responsabbli għal madwar 85 %tal-ammont affetwat (EUR 438.1 miljun) relatat mal-Fondi Strutturali 2006; f'ħafna każijiet il-benefiċjarji kienu ffatturaw għal spejjeż mhux eliġibbli; id-dettalji ġew żvelati wara l-verifika tad-dokumenti;

    17.

    Jiddispjaċih li, mill-95 proġett iffinanzjat mill-Fondi Strutturali u vverifikati matul il-perjodu ta' għoti ta' programmazzjoni attwali, 60 kienu affettwati minn żbalji materjali fl-infiq iddikjarat tal-proġett, li jirrappreżentaw żieda fin-numru ta' irregularitajiet meta mqabbla mas-sena ta' qabel; jikkunsidra li għandu jiġi vverifikat numru ikbar ta' proġetti sabiex il-konklużjonijiet miksuba jippermettu l-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet ċari sabiex jittejjeb l-immaniġġjar finanzjarju;

    18.

    Jinnota li EUR 266.5 miljuni minn total ta' EUR 703 miljun għad iridu jiġu rkuprati għall-2006, filwaqt li għas-snin preċedenti għad iridu jiġu rkuprati EUR 762 miljun; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitati kompetenti tal-Parlament darbtejn fis-sena dwar il-progress li jkun sar u dwar il-miżuri speċifiċi meħuda sabiex jiġi aċċellerat l-irkupru tal-ammonti pendenti;

    19.

    Jinnota li, fir-rigward tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni, l-impatt finanzjarju naqas minn EUR 26.5 miljuni fl-2005 għal EUR 12.3 miljuni fl-2006; l-iktar żbalji frekwenti kienu l-iffatturar għal spejjeż mhux eliġibbli u n-nuqqas ta' konformità mal-kundiżżjonijiet kuntrattwali jew regolatorji; EUR 11-il miljun ġew irkuprati minn meta ddaħħlu l-fondi, iżda għad iridu jiġu rkuprati EUR 14-il miljun;

    20.

    Il-Parlament għadu konvint li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluża l-Qorti tal-Awdituri, iridu jaslu għal ftehim politiku dwar “rata ta' żbalji tollerabbli” jekk qatt trid tinlaħaq dikjarazzjoni pożittivi ta' assigurazzjoni;

    Punti dgħajfa

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-rapport annwali tal-2008 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, tinkludi analiżi tal-istrutturi tal-Istati Membri li huma involuti fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet; din l-analiżi għandha tagħti tweġibiet, fost affarijiet oħra, għall-mistoqsijiet li ġejjin sabiex il-Parlament ikollu stampa iktar ċara tal-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tan-netwerk għal kontra l-frodi:

    liema huma l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri involuti f'dan l-eżerċizzju?

    kif jorganizzaw il-koperazzjoni tagħhom?

    x'setgħat ta' spezzjoni għandhom l-awtoritajiet nazzjonali?

    dawn l-awtoritajiet nazzjonali joperaw fuq bażi ta' pprogrammar annwali?

    huma obbligati li jfasslu rapport dwar l-objettivi li għandhom jintlaħqu fl-attività ta' monitoraġġ tagħhom?

    l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jfasslu rapport dwar l-użu tal-fondi tal-UE?

    kif jikkoperaw mal-OLAF u b'liema mod jiġu kkomunikati s-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni?

    għal-liema databases Ewropej għandhom aċċess dirett?

    liema huma d-databases nazzjonali li l-Kummissjoni għandha aċċess għalihom?

    x'inhuma l-ispejjeż stmati tal-kontrolli?

    x'inhuma l-mekkaniżmi għar-rapportaġġ tal-irregolaritajiet?

    x'hini s-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tindika, fir-rigward tas-settur tar-riżorsi proprja, liema huma l-azzjonijiet ulterjuri tagħha li bi ħsiebha twettaq biex jintemmu l-importazzjonijiet frodulenti tat-televiżjonijiet, tas-sigaretti u tal-prodotti ffalsifikati b'mod ġenerali; f'dan il-kuntest, jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-OLAF irnexxielu jiftaħ uffiċċju fiċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintensifika l-ġlieda kontra l-iffalsifikar; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura fil-kuntest tar-rapport annwali għall-2007 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, li se jiġi ppubblikat f'Lulju tal-2008, dwar l-inizjattivi u l-azzjonijiet meħuda fuq il-bażi tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehim bejn il-Komunità, l-Istati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju (13);

    23.

    Iqis li huwa fatt kompletament inaċċettabbli li għal ħafna snin il-Ġermanja u Spanja ma għaddewx l-informazzjoni lill-Kummissjoni, f'forma elettronika, dwar l-irregolaritajiet rigward in-nefqa agrikola; barra minn hekk, jinnota li dawn iż-żewġ pajjiżi huma responsabbli għal 38 %(EUR 33.2 miljuni) tal-irregolaritajiet u li l-Ġermanja m'għadhiex tipprovdi dettalji dwar l-individwi u l-kumpaniji involuti, minkejja l-obbligu biex tagħmel hekk; b'konsegwenza ta' dan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda proċeduri ta' ksur kontra dawn iż-żewġ Stati Membri u biex iżżomm 10 %tal-ħlasijiet agrikoli sakemm issir il-proċedura; jistieden liċ-chairman tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit biex jibgħat ittra lir-Rappreżentazzjonijiet Permanenti kkonċernati u jitlobhom spjegazzjoni;

    24.

    Iqis li l-perjodu ta' 39 xahar bejn meta titwettaq irregolarità u meta din tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni m'huwiex aċċettabbli, minħabba li dan id-dewmien iwassal biex l-irkupru jkun aktar diffiċli; jistaqsi lill-Kummissjoni dwar x'kienu l-miżuri li ħadet biex isejjaħ għall-ordni lill-Istati Membri; jinnota li l-azzjonijiet tal-Istati Membri jindikaw ċertu livell ta' kompjaċenza;

    25.

    Jistaqsi x'kienu l-miżuri li ħadet il-Kummissjoni biex tnaqqas in-numru ta' irregolaritajiet fis-setturi tal-iżvilupp rurali, iċ-ċanga u l-vitella, u l-frott u l-ħxejjex;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu pożizzjoni soda jekk il-Greċja tonqos milli tikkonforma mal-pjan ta' azzjoni għall-introduzzjoni tal-IACS (14); jixtieq li jkun infurmat dwar l-ammont totali ta' għotjiet/għajnuniet li tħallsu s'issa mill-baġit tal-Komunità lill-Greċja biex twaqqaf l-IACS u dwar jekk dan l-ammont jistax jiġi rkuprat jekk is-sistema ma tkunx kompletament operazzjonali sa Settembru 2008;

    27.

    Jinnota li, fir-rigward tal-azzjonijiet strutturali, 84 %tal-irregolaritajiet kollha ġew irreġistrati fl-Italja (2006: EUR 228.2 miljuni), fi Spanja (2006: EUR 85.7 miljuni), fir-Renju Unit (2006: EUR 59.8 miljuni), fil-Portugall (2006: EUR 37.2 miljuni), u fil-Ġermanja (2006: EUR 27.2 miljuni); barra minn hekk, jinnota li la l-Ġermanja u l-anqas Spanja ma jużaw il-modulu elettroniku tas-sistema ta' informazzjoni għal kontra l-frodi u li l-Ġermanja ma tibgħatx data dwar l-individwi u l-kumpaniji involuti; jistieden liċ-chairman tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit biex jibgħat ittra lir-Rappreżentazzjonijiet Permanenti kkonċernati u jitlobhom spjegazzjoni;

    28.

    F'dan il-kuntest, iqis li l-perjodu ta' pprogrammar 2000-2006 wera li r-regoli kkumplikati wisq u s-sitemi ineffettivi ta' superviżjoni u kontroll ikkontribwew għall-irregolaritajiet li ġew aċċertati; barra minn hekk, jinnota li l-benefiċjarji ta' sikwiet irċevew il-pagamenti tard; għaldaqstant, jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib li ġab ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006, li jistipula d-dispozizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (15); b'mod ġenerali, jitlob sabiex l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu involuti aktar fl-ipprogrammar u fl-implimentazzjoni ta' dawn il-fondi;

    29.

    Jinnota li fil-paragrafu 11 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u l-ġlieda kontra l-frodi — rapport annwali 2004 (16), il-Parlament iddikjara li: “(…) fil-perjodu ta' rapportaġġ 2005, għandha tingħata attenzjoni partikulari għall-irregolaritajiet fir-rigward tal-azzjonijiet strutturali”; madankollu, jinnota li s-sitwazzjoni tidher li marret għall-agħar;

    30.

    Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħti importanza partikulari għan-netwerks kriminali li jispeċjalizzaw fil-misapporprijazzjoni tal-fondi tal-UE;

    31.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll Baġitarju b'analiżi dettaljata tas-sistema jew sistemi użata/i mill-kriminalità organizzata, kemm jekk b'mod mafjuż u kif ukoll jekk le, biex jiddgħajfu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

    32.

    Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar is-sejba li ġejja tal-President tal-Qorti tal-Awdituri: Is-sistemi ta' kontroll u superviżjoni fl-Istati Membri ġeneralment kienu ineffettivi jew moderatament ineffettivi, u s-superviżjoni tat-tħaddim tagħhom mill-Kummissjoni kienet biss moderatament effettiva (17);

    33.

    Għalhekk, jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu l-kwalità tas-sistemi ta' superviżjoni u kontrol tagħhom billi jadottaw, fuq livell politiku xieraq, dikjarazzjoni nazzjonali dwar l-immaniġġjar rigward l-infiq kollu tal-Komunità taħt tmexxija komuni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ attiv lil din l-idea u biex tirrapporta dwar il-progress miksub fir-rapport annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri xierqa, possibilment bl-inklużjoni ta' proċeduri ta' ksur, kontra dawk l-Istati Membri li ma jgħinux lis-servizzi tal-Kummissjoni fit-twettiq tal-ispezzjonijiet fuq il-post kif stipulat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96;

    35.

    F'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni biex iqis l-inklużjoni ta' elementi li jorbtu u ta' prekawzjoni fil-leġiżlazzjoni futura tal-KE fir-rigward tat-tmexxija komuni sabiex il-ħlasijiet irregolari jkunu jistgħu jiġu rkuprati fit-tmiem tal-proċedura ta' rkupru, pereżempju billi Stat Membru jpoġġi garanzija mal-Komunitajiet sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jużaw il-fondi Ewropej;

    36.

    Jinnota li, fir-rigward tal-azzjonijiet strutturali, għad fadal iktar minn EUR 1 000 miljun li jridu jiġu rkuprati għall-2006 u s-snin ta' qabel;

    37.

    Jenfasizza r-responsabilità diretta tal-Istati Membri biex jiġu rkuprati fondi li l-ħlas tagħhom huwa affetwat b'irregolaritajiet; itenni l-inkoraġġiment tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tissospendi l-ħlasijiet interim lil Stati Membri f'każijiet ta' irregolarità serja; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun hemm reazzjoni xierqa għall-insuffiċjenza tas-sistemi ta' kontroll u mmaniġġar fl-Istati Membri u jfakkar li l-frodi u l-irregolaritajiet jippreġudikaw il-ħidma tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-proġetti strutturali;

    38.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza, se tiġi ppubblikata informazzjoni dwar min jibbenefika mill-Fondi Strutturali, u jħeġġeġ sabiex fl-Istati Membri jiġi introdott obbligu li jorbot li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar proġetti u dwar dawk li jibbenefikaw mill-fondi kollha Komunitarji taħt tmexxija komuni;

    39.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-telf finanzjarju li jirriżulta minn ammonti mitlufa b'mod definittiv, li l-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport annwali tagħha;

    40.

    Jistieden ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jinfurmaw lill-Kummissjoni, inkluż l-OLAF, darba fis-sena, dwar is-sentenzi tal-qorti dwar l-użu qarrieqi tal-Fondi Strutturali;

    41.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni negattiva tal-ħidma tagħha mill-Qorti tal-Awdituri u biex tispjega x'passi ħadet biex ittejjeb, fl-Istati Membri, sitwazzjoni li tipperikola l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

    42.

    Fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lura aktar spiss lill-Istati Membri, filwaqt li tagħti dettalji kemm dwar kif użat l-informazzjoni rrapportata u kif ukoll dwar kif segwiet l-irregolaritajiet irrapportati;

    43.

    Jinnota li, rigward l-użu ta' fondi għal qabel l-adeżjoni, il-Bulgarija (2006: EUR 1.7 miljuni), il-Polonja (2006: EUR 2.4 miljuni), il-Rumanija (2006: EUR 5.5 miljuni), u s-Slovakkja (2006: EUR 1.9 miljuni) kienu responsabbli għal 94 %tal-irregolaritajiet; jinnota li, f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni enfasizzat il-bżonn ta' interpretazzjoni komuni u applikazzjoni uniformi tal-linji gwida u d-dokumenti ta' ħidma; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tindika x'kienu l-miżuri li ħadet f'dan ir-rigward;

    44.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmilha possibbli għall-Istati Membri sabiex jidentifikaw b'mod aktar ċar, u mill-bidu nett, dawk l-irregolaritajiet li hemm suspett li jinvolvu approprazzjonijiet bla dritt u qarrieqa, minħabba li l-Istati Membri għad għandhom diffikultjiet minħabba li ma jafux b'mod preċiż x'jikkostitwixxi irregolarità jew frodi u x'hemm bżonn li jiġi rrapportat lill-Kummissjoni/OLAF, minkejja li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' rapportaġġ trimestrali;

    45.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri fl-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni għal Kontra l-Frodi CIGinfo (strument ta' komunikazzjoni ta' tagħrif dwar qbid ta' sigaretti) tal-OLAF; jemmen li dan is-sit amministrattiv uniku jista' jtejjeb l-iskambju tad-data (speċjalment dwar l-irregolaritajiet) bejn l-OLAF u l-Istati Membri ladarba s-sistemi nazzjonali u dawk Ewropej ikunu kompatibbli;

    46.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit diġà ltaqa' darbtejn mal-kontropartijiet tiegħu mill-parlamenti nazzjonali; jemmen li l-laqgħat annwali tal-kumitati għall-kontroll tal-baġit tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew jistgħu jkunu ta' importanza massima għat-titjib tas-sistemi ta' kontroll u ta' monitoraġġ tal-Istati Membri u biex tinkiseb dikjarazzjoni nazzjonali dwar l-immaniġġjar;

    47.

    Jixtieq jara l-aktar koperazzjoni mill-qrib bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-korpi nazzjonali u reġjonali ta' verifika bil-għan li jiżdied l-użu tar-rapporti tagħhom għall-monitoraġġ tal-użu tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri;

    Rapporti tal-attività tal-OLAF

    48.

    Jinnota li l-OLAF ġie strutturat mill-ġdid fl-2006, filwaqt li ġie meqjus ir-Rapport Speċjali 1/2005 tal-Qorti tal-Awdituri; iqis li l-operazzjonijiet tal-OLAF għandhom jiġu evalwati mill-Parlament bħala parti mill-proċedura biex jiġi revedut ir-Regolament OLAF;

    49.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-database imsemmija fl-Artikolu 95 tar-Regolament Finanzjarju tkun kompletament operazzjonali sa mill-1 ta' Jannar 2009;

    50.

    Jinnota li l-OlAF irċieva 802 notifika ġdida fl-2005, u 826 fl-2006; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-sitema ta' evalwazzjoni għamlitha possibbli li jonqos in-numru ta' investigazzjonijiet miftuħa għal 254 każ, u fil-fatt, barra minn hekk, li, skond l-istatistiki, il-maġġoranza tal-investigazzjonijiet mitmuma kienu segwiti minn azzjoni amministrattiva, dixxiplinarja, finanzjarja, ġudizjarja jew leġiżlattiva; jinnota li l-impatt finanzjarju tal-każijiet kollha li hemm għaddejjin bħalissa u dawk magħluqa kien EUR 6 600 miljun fl-aħħar tal-2005 u EUR 7 400 miljun fl-aħħar tal-2006, u s-setturi affettwati l-aktar kienu l-Fondi Strutturali (2006: EUR 1 606,7 miljuni), is-sigaretti (2006: EUR 1 320,1 miljun), id-dwana (2006: EUR 989.8 miljuni), u l-VAT (2006: EUR 727.8 miljuni);

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara l-bażi legali xierqa għall-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-kumpaniji u tal-individwi li qarrqu bil-Komunità;

    52.

    Jilqa' l-mod kif l-OLAF informa lill-Parlament dwar is-segwitu tal-investigazzjonijiet magħluqa tiegħu; madankollu, jinnota li l-uffiċċji ta' prosekuzzjoni kkonċernati rrifjutaw li jieħdu azzjoni ta' segwitu f'20 każ (mill-134 każ fejn kien intalab segwitu ġudizzjarju) minħabba l-istatut ta' limitazzjonijiet jew minħabba nuqqas ta' provi;

    53.

    Madankollu, jiddispjaċih li l-OLAF ma reġax nieda d-djalogu dwar l-informazzjoni bil-miktub li l-kumitat kompetenti tal-Parlament jirċievi regolarment, kif kien mitlub fir-riżoluzzjoni hawn fuq msemmija tal-Parlament tal-15 ta' Ġunju 2006;

    54.

    Jinnota li, bħal fis-snin ta' qabel, il-maġġoranza tal-każi ġew irreġistrati fil-Belġju, fil-Ġermanja u fl-Italja;

    55.

    Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu hawn fuq imsemmija tal-11 ta' Ottubru 2007;

    56.

    Jinnota li fl-2006, ammont li jisboq EUR 450 miljun kien identifikat għall-irkupru b'konnessjoni mal-investigazzjonijiet tal-OLAF, u li dan l-ammont ġie minn każijiet li ngħalqu fl-2006 (madwar EUR 114 miljun) u minn miżuri ta' segwitu li għaddejjin bħalissa (madwar EUR 336 miljun, prinċipalment mis-settur tal-agrikoltura (EUR 134.6 miljuni));

    57.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni bejn l-OLAF, l-Europol, l-Eurojust u ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali, li wieħed mill-għanijiet tagħhom huwa l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; fl-istess ħin, jenfasizza li koperazzjoni bħal din trid tkun trasparenti u m'għandiex taffettwa l-indipendenza tal-OLAF;

    58.

    Jifhem li l-Kummissjoni tixitieq tillimita n-numru ta' verżjonijiet lingwistiċi tar-rapporti tiegħu minħabba raġunijiet ta' ekonomija; madankollu, jinsisti li kemm l-Anness 2 tar-rapporti annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u kif ukoll ir-rapporti tal-attività għandhom ikunu disponibbli tal-anqas darba fis-sena bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż;

    Reviżjoni tar-Regolament OLAF

    59.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li fil-paragrafu 30 tar-riżoluzzjoni hawn fuq imsemmija tal-15 ta' Ġunju 2006 l-Parlament kien favur li “(…) is-setgħat investigattivi kollha tal-OLAF jingħaqdu f'regolament wieħed”, fl-istess ħin jenfasizza li l-grupp ta' ħidma tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi ukoll jidher favur is-simplifikar tal-bażijiet legali attwali (18); għalhekk jistieden lill-OLAF biex jippreżenta, bħala kwistjoni ta' urġenza, analiżi tal-interoperabilità tal-bażijiet legali differenti li jagħtuh is-setgħa fil-kuntest tar-rapport ta' attività annwali tal-OLAF 2007, bil-għan li possibilment jiġu integrati s-sejbiet ta' din l-analiżi fir-reviżjoni futura tar-Regolament OLAF; f'dan il-kuntest jinnota l-fatt li t-Trattat ta' Liżbona (19) jemenda wkoll l-Artikolu 280 tat-Tratta UE li jittratta l-ġlieda kontra l-frodi;

    60.

    Jinnota li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fis-27 ta' Novembru 2007 qatatha, fil-każ Tillack kontra l-Belġju (rikors Nru 20477/05) li l-istat Belġjan kiser l-Artikolu 10 (il-libertà tal-espressjoni) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem meta wettaq tfiċċija fis-sede tal-ġurnalist; madankollu jinnota li la l-investigazzjonijiet amministrattivi preċedenti tal-OLAF u l-anqas dawk tal-Kummissjoni ma kienu s-suġġett tas-sentenza; f'dan il-kuntest, huwa tal-fehma li, b'mod ġenerali, għandha tittieħed kull miżura xierqa biex jitħarsu d-drittijiet tal-persuni li jkunu qed jiġu investigati;

    Il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT

    61.

    Huwa ferm imħasseb minħabba t-telf finanzjarju kkawżat mit-tranżazzjonijiet tat-tip “karużell”; pereżempju, jinnota li l-Istitut Ġermaniż għar-Riċerka Ekonomika jpoġġi t-telf ta' dħul nazzjonali mill-VAT għall-2003 sa l-2005 għal bejn EUR 17 000 miljun u EUR 18 000 miljun kull sena; li, fl-estrapolazzjoni ġenerali, l-Istati Membri jistmaw li jitilfu madwar 10 %mid-dħul tal-VAT tagħhom kull sena; u li terz ta' dan it-telf huwa attribwit għal tranżazzjonijiet transkonfinali tat-tip “karużell”;

    62.

    Barra minn hekk, jinnota li l-“House of Lords” tistma t-telf ta' dħul nazzjonali mill-VAT fir-Renju Unit għall-2005 sa l-2006 għal madwar GBP 3 500 miljun u GBP 4 750 miljun, u dan ifisser tal-anqas GBP 9.6 miljuni kuljum; jikkwota r-rapport li jiddikjara li: “Il-mekkaniżmu attwali għat-tranżazzjonijiet fil-Komunità m'huwiex sostenibbli.” (20);

    63.

    Jinnota li l-irċevuti proprja biss jistgħu jitqiesu għall-ġbir tar-riżorsi proprji relatati mal-VAT;

    64.

    Huwa mħasseb ħafna minħabba li ħafna Stati Membri għadhom mhux qed juru ħeġġa biex iżidu l-koperazzjoni bejn is-servizzi nazzjonali kompetenti u bejn il-Kummissjoni, inkluż l-OLAF, u s-servizzi nazzjonali;

    65.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill rigward ċerti elementi essenzjali li jikkontribwixxu għat-twaqqif tal-istrateġija kontra l-frodi tal-VAT fi ħdan l-UE (COM(2007)0758); għalhekk, jistieden lill-kumitat kompetenti tiegħu biex jieħu passi attivi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha;

    66.

    Jikkritika l-fatt li l-Kunsill għadu ma adottax pożizzjoni dwar il-proposta għal Regolament dwar assistenza amministrattiva reċiproka għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità kontra l-frodi u kontra kwalunkwe attività illegali oħra (21), li kienet is-suġġett tal-ewwel qari fil-Parlament fit-23 ta' Ġunju 2005 (22); jistieden lill-President tiegħu biex jagħmel kuntatt mal-Presidenza tal-Kunsill bil-għan li jsir progress dwar din il-kwistjoni;

    67.

    Iqis li l-koperazzjoni mtejba bejn is-servizzi konċernati u mal-Kummissjoni (l-OLAF) hija essenzjali biex tiġi indirizzata l-frodi transkonfinali tat-tip “karużell”; iqis li, f'dan il-kuntest, għandha tissaħħaħ is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni rigward il-VAT u l-koperazzjoni fil-qasam tal-analiżi tad-data, bl-assistenza tal-Kummissjoni (l-OLAF);

    *

    * *

    68.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF u lill-OLAF.


    (1)  http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/aar2005/doc/olaf_aar.pdf.

    (2)  http://ec.europa.eu/atwork/synthesis/aar/doc/olaf_aar.pdf.

    (3)  http://ec.europa.eu/anti_fraud/reports/sup-com_en.html.

    (4)  ĠU C 263, 31.10.2006, p. 1.

    (5)  ĠU C 273, 15.11.2007, p.1.

    (6)  ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1.

    (7)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

    (8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p.1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

    (9)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1437/2007 (ĠU L 322, 7.12.2007., p.1.).

    (10)  Il-Membru tal-Kummissjoni Danuta Hübner iddikkjarat, fi tweġiba bil-miktub lill-Kumitat fuq il-Kontroll Baġitarju, li “fl-2006, il-klejms ta' pagament tal-ERDF ġew miżmuma minn Spanja fi stennija għar-riżultati ta' verifiki tal-miżuri ta' rimedju. Eżempji oħrajn huma l-interruzzjonijiet ta' pagamenti ESF fl-2005 għal programmi kollha fl-Ingilterra, għal programmi tal-Objettiv 3 u għal xi programmi reġjonali fi Franza, u għal programmi fir-reġjuni tal-Calabria u ta' Sqallija fl-Italja, u fl-2006 għall-EQUAL fi Spanja u l-Italja”.

    (11)  It-Task Force Irkupru (TFI) ġiet ikkreata kif imħabbar fil-Komunicazzjoni tal-Kummissjoni “It-Titjib tal-Irkupru ta' jeddijiet li jqumu mill-immanniġġar dirett u konġunt tal-infiq tal-Komunità” (COM(2002)0671 finali). It-TFI hija inizjattiva konġunta OLAF?AGRI preseduta mill-OLAF.

    (12)  Ir-Regolament (KE) Nru 1469/95 tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1995, relatat mal-miżuri li jridu jittieħdu fir-rigward ta' benefiċjarji ta' operazzjonijiet iffinanzjati mill-EAGGF, Taqsima ta' Garanzija, (ĠU L 145, 29.6.1995, p. 1).

    (13)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0432.

    (14)  Ir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar is-sena finanzjarja 2006: 5.11. Għall-ħames sena konsekuttiva id-dikjarazzjioni tad-Direttur Ġenerali fiha riservazzjoni dwar implimentazzjoni mhux biżżejjed tal-IACS fil-Greċja. Għall-2006 il-Qorti ikkonfermat in-nuqqas kontinwu li jiġu implimentati kontrolli ewlenin, jiġifieri: l-immaniġġar ta' pretensjonijiet, il-proċeduri ta' spezzjoni, l-integrità tad-database tal-annimali u s-Sistema ta' Identifikazzjoni ta' Biċċiet ta' Art.

    (15)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 6)..).

    (16)  ĠU C 300 E, 9.12.2006, p.508.

    (17)  Preżentazzjoni lill-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju fit-12 ta' Novembru 2007.

    (18)  Ittra lid-Direttur tal-OLAF tat-2 ta' April 2007.

    (19)  ĠU C 306, 17.12.2007, p. 127.

    (20)  Punt 52 tar-rapport mill-“House of Lords” — Kumitat tal-Unjoni Ewropea, “Stopping the Carousel:” Frodi minn negozjanti mitlufin li ssir fl-UE, Dokument tal-HL 101,25 ta' Mejju 2007.

    (21)  COM(2004)0509, wara emendata b'COM(2006)0473.

    (22)  ĠU C 133 E, 8.6.2006, p.105.


    Top