Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0017

    Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed (2007/2101(INI))

    ĠU C 41E, 19.2.2009, p. 64–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.2.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

    CE 41/64


    P6_TA(2008)0017

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed (2007/2101(INI))

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' “Sinerġija tal-Baħar l-Iswed — Inizjattiva ta' Kooperazzjoni Reġjonali Ġdida”(COM(2007)0160),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' ''Koperazzjoni reġjonali fiz-zona tal-Baħar l-Iswed: Sitwazzjoni, perspettivi għall-azzjoni ta' l-UE bħala inkoraġġament għall-iżvilupp ulterjuri tagħha'' (COM(1997)0597),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (COM(2006)0726),

    wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) adottati ma' l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll il-Ftehim ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni (PCAs) iffirmati ma' dawk l-Istati u li jiskadu fl-2008 jew fl-2009,

    wara li kkunsidra l-PCA li twaqqaf sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 1997 u skadiet fl-2007,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/35/KE tat-23 ta' Jannar 2006 dwar il-prinċipji u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija (1)(“Is-Sħubija ta' Adeżjoni”),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova, il-Federazzjoni Russa, it-Turkija, l-Ukrajna u l-Kawkasu t'Isfel,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar id-diżastri navali fl-Istrett ta' Kerch fil-Baħar l-Iswed u t-tniġġis miż-żejt li rriżulta (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar politika aktar effettiva ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu: mill-wegħdiet għall-azzjoni (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 bl-isem “Lejn politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija” (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0510/2007),

    A.

    billi r-reġjun tal-Baħar l-Iswed jinsab bejn l-Ewropa, l-Ażja Ċentrali u l-Lvant Nofsani, reġjun li hu kkaratterizzat minn rabtiet storiċi u kulturali b'saħħithom, u minn potenzjal kbir, iżda wkoll minn diversitajiet kbar; billi r-reġjun jinkludi lill-Bulgarija, lill-Greċja u lir-Rumanija bħala Stati Membri ta' l-UE, lit-Turkija bħala pajjiż kandidat u lill-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna bħala msieħba ta' l-ENP, kif ukoll lill-Federazzjoni Russa, li magħha l-UE laħqet ftehim dwar sħubija strateġika bbażata fuq Erba' Spazji Komuni,

    B.

    billi, bl-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma' l-UE, il-Baħar l-Iswed sa ċertu punt sar il-baħar intern ta' l-UE u għalhekk kiseb dimensjoni ġdida ta' importanza strateġika għall-UE, li wassal għall-multiplikazzjoni ta' l-isfidi u l-objettivi komuni, kif ukoll għal opportunitajiet imġedda għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun, bil-għan li jinħoloq spazju reali ta' sigurtà, stabilità, demokrazija u prosperità,

    C.

    billi l-għażliet fir-rigward tal-koperazzjoni fl-iżvilupp u fl-immaniġġjar ta' sinerġiji fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandhom jiġu definiti fl-isfond ta' ammont kbir ta' politiki, formati u approċċi eżistenti fir-rigward tar-reġjun,

    D.

    billi l-Kummissjoni pproponiet strateġija inizjali fir-rigward tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed fil-Komunikazzjoni tagħha fuq imsemmija ta' l-1997 dwar koperazzjoni reġjonali fiz-zona tal-Baħar l-Iswed,

    E.

    billi l-aspetti speċifiċi tal-politika ta' l-UE għaz-zona tan-Nofsinhar tal-Kawkasu huma koperti mir-riżoluzzjoni fuq imsemmija tas-17 ta' Jannar 2008 fuq dak is-suġġett,

    1.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' “Sinerġija tal-Baħar l-Iswed — Inizjattiva ta' Kooperazzjoni Reġjonali Ġdida” u l-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni mar-reġjun tal-Baħar l-Iswed u kif ukoll dik fi ħdanu billi jiġu ssupplimentati l-politiki bilaterali eżistenti b'approċċ reġjonali ġdid; jinnota b'mod partikolari li l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà ta' l-enerġija u n-negozjati dwar l-adeżjoni mat-Turkija, kif ukoll l-iskadenza imminenti tal-PCAs u n-negozjati dwar il-ġejjieni tagħhom, iqiegħdu l-koperazzjoni reġjonali fiz-zona tal-Baħar l-Iswed fost il-prijoritajiet ewlenin ta' l-aġenda tal-politika barranija ta' l-Unjoni; iqis li l-iżvilupp futur tal-Baħar l-Iswed għandu jibbenefika ħafna fuq perjodu ta' żmien twil minn strateġija indipendenti għall-Baħar l-Iswed;

    2.

    Jenfasizza li r-reġjun tal-Baħar l-Iswed jeħtieġ reazzjoni aktar koerenti, sostenibbli u strateġika, li twassal għall-ħolqien ta' politika għall-Baħar l-Iswed, flimkien mal-Politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-Sħubija Ewro-Mediterranja;

    3.

    Jikkunsidra li, sabiex jiġi adottat approċċ ta' politika reġjonali koerenti, effettiv u orjentat lejn ir-riżultati, il-Komunikazzjoni għandha tiġi segwita b'aktar passi konsistenti min-naħa ta' l-UE bħala inkoraġġament għal dimensjoni reġjonali ġenwina mfassla apposta għal din iz-zona; jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li r-riżultati ta' l-Istrateġija reġjonali tal-Baħar l-Iswed li ilha titwettaq sa mill-1997 ma ġewx evalwati b'mod adegwat; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji evalwazzjoni dettaljata ta' attivitajiet preċedenti u li għadhom għaddejjin u biex tippreżenta r-riżultati lill-Parlament;

    4.

    jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi evalwazzjoni inizjali tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed fl-2008 u jistiedinha biex tressaq proposti konkreti għat-trawwim ta' koperazzjoni reġjonali u ta' sħubija ġenwina fiz-zona tal-Baħar l-Iswed, ibbażati fuq ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni tagħha u filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet inklużi f'din ir-riżoluzzjoni u f'riżoluzzjonijiet rilevanti oħra adottati mill-Parlament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-esperjenzi miksuba fid-Dimensjoni tat-Tramuntana meta tkun qed tfassal kwalunkwe reviżjoni futura jew estensjoni ta' l-istrateġija tagħha għall-Baħar l-Iswed;

    5.

    Jenfasizza li l-approċċ ta' politika reġjonali għall-Baħar l-Iswed la għandu jintuża biex jipprovdi alternattiva għal sħubija fl-UE u lanqas biex jiddefinixxi l-fruntieri ta' l-UE; jikkunsidra, madanakollu, li l-objettivi speċifikati hawnhekk għandhom jirrappreżentaw parti integrali u koerenti mill-politika barranija aktar wiesgħa ta' l-Unjoni Ewropea rigward il-pajjiżi ġirien u l-pajjiżi parteċipanti fl-istrateġija reġjonali tal-Baħar l-Iswed;

    6.

    Jemmen li l-koperazzjoni reġjonali fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandha tinvolvi lill-UE, lill-pajjiżi ta' l-ENP, lit-Turkija bħala pajjiż kandidat u lir-Russja bħala sħab indaqs; jemmen li huwa biss billi jinħoloq gradwalment sens ta' responsabilità komuni fost il-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed għall-isfidi komuni tar-reġjun, inklużi l-kwistjonijiet tas-sigurtà, li se jkun possibbli li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ ta' l-involviment ta' l-Ewropa fir-reġjun; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinvolvu b'mod attiv lill-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed fl-approċċ politiku;

    7.

    Jikkunsidra li l-approċċ reġjonali l-ġdid għandu jkun immirat lejn numru ta' oqsma prijoritarji li għalihom il-Kummissjoni għandha tipprovdi pjan ta' azzjoni dettaljat b'objettivi konkreti, benchmarks u segwitu, u li għandu jikkostitwixxi l-bażi għat-tisħiħ ta' l-involviment ta' l-UE fir-reġjun u kif ukoll għat-tisħiħ tal-koperazzjoni intrareġjonali; jenfasizza li l-UE għandha tikkonċentra fuq sett limitat ta' objettivi prijoritarji u tevita t-tixrid jew id-dupplikazzjoni ta' l-isforzi;

    Sfidi ta' sigurtà

    8.

    Jenfasizza li l-kunflitti mhux solvuti li għadhom għaddejjin fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed jikkostitwixxu sfida kbira għall-istabilità u għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun, kif ukoll ostaklu importanti fil-proċess ta' trawwim tal-koperazzjoni reġjonali; jitlob għalhekk li jkun hemm involviment iktar attiv u komprensiv ta' l-UE fl-isforzi li qed isiru bħalissa biex jiġu solvuti dawn il-kunflitti, b'konformità mal-liġi internazzjonali u mal-prinċipji ta' l-integrità territorjali u biex ikun hemm involviment ikbar mill-UE fl-immaniġġjar tal-kunflitti u fl-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi; jikkunsidra li l-UE għandha rwol ewlieni biex jingħata kontribut għall-kultura ta' ftehim, għad-djalogu u għall-bini tal-fiduċja fir-reġjun;

    9.

    Jieħu nota tal-preżenza militari konsiderevoli tar-Russja fir-reġjun, fil-forma tal-flotta tal-Baħar l-Iswed, li tinsab stazzjonata fil-port tal-belt ta' Sevastopol fil-Krimea; jiġbed l-attenzjoni li l-ftehim ta' l-1997 bejn ir-Russja u l-Ukrajna li t tikkonċerna l-istazzjonar tal-flotta tal-Baħar l-Iswed tiskadi fl-2017; jinnota li din il-kwistjoni li għadha mhux solvuta diġà ħolqot ftit tensjoni bejn il-gvernijiet tar-Russja u ta' l-Ukrajna; iħeġġeġ lill-UE biex tinvolvi ruħha f'din il-kwistjoni ta' importanza strateġika u biex taħdem aktar mill-qrib mal-gvernijiet tar-Russja u ta' l-Ukrajna;

    10.

    Jenfasizza li l-UE għandha bżonn tiddefinixxi sett stabbli ta' prijoritajiet fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fil-qafas tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, bil-għan li jiġu stabbiliti l-armonizzazzjoni u l-kompatibilità f'oqsma sħaħ ta' politiki;

    11.

    Wara li kkunsidra l-ħlasijiet għolja għall-viżi applikati fir-rigward ta' xi pajjiżi ġirien, wara t-tkabbir taz-Zona Schengen mill-21 ta' Diċembru 2007, iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrevedu l-ħlasijiet tal-viżi u biex inaqqsuhom għal livell li jkun aċċettabbli għal ċittadini ordinarji tal-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Politika tal-Viċinat ta' l-UE jew li huma fi Sħubija Strateġika ma' l-UE;

    12.

    Ifakkar fil-bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi kkawżati mill-kriminalità transnazzjonali, mill-ittraffikar u mill-immigrazzjoni illegali, filwaqt li jiġi osservat b'mod sħiħ il-prinċipju tan-non-refoulement; jenfasizza li l-miżuri f'dan il-qasam għandhom jiġu abbinati ma' miżuri adegwati biex titjieb il-mobilità sabiex jiġu stimulati l-kuntatti bejn il-popli u b'hekk jinfirxu l-valuri Ewropej tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex jikkonkludu ftehim dwar l-iffaċilitar tal-viżi u dwar ir-ripatrijazzjoni ma' dawk il-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed li għadhom ma jibbenefikawx minnhom, kif ukoll biex jippromwovu l-mobilità bil-mezzi l-oħra kollha possibbli, inkluż bl-iffirmar ta' sħubijiet ta' mobilità ma' pajjiżi ta' l-ENP; jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li jkun hemm iffaċilitar effiċjenti tal-viżi għat-traffiku transkonfinali lokali u għal gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni bħall-istudenti, in-negozjanti u l-operaturi tas-soċjetà ċivili;

    13.

    Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata aktar il-koperazzjoni transkonfinali u l-koperazzjoni ta' l-immaniġġjar tal-fruntieri, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi fir-rigward kemm tas-sigurtà u kemm tal-fluwidità tal-moviment; jikkunsidra li l-Missjoni ta' Assistenza tal-Fruntieri ta' l-UE fil-Moldova u fl-Ukrajna (EUBAM) tipprovdi esperjenza importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà permezz tal-koperazzjoni multilaterali, u jemmen li għandha tkompli tissaħħaħ u applikata bħala eżempju ta' koperazzjoni bejn il-fruntieri;

    14.

    Jenfasizza l-bżonn ta' analiżi fil-fond tas-sitwazzjonijiet u l-isfidi ta' sigurtà speċifiċi fid-diversi stati fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jappoġġja l-proposta li l-Europol jingħata mandat u riżorsi biex jipproduċi xogħol analitiku relatat mar-reġjun, b'mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni;

    Promozzjoni ta' l-istabilità politika u tad-demokrazija effettiva

    15.

    Jikkunsidra li approċċ ta' politika ġdid għall-Baħar l-Iswed ma jistax ikun limitat għall-koperazzjoni ekonomika iżda għandu jkollu l-għan ukoll li joħloq zona karatterizzata minn demokrazija sostenibbli, governanza u mill-istat tad-dritt, u jenfasizza b'mod partikolari l-importanza ta' riforma politika u ġudizzjarja u ta' implimentazzjoni effettiva ta' l-impenji; jisħaq li t-trawwim tar-rispett għad-drittijiet tal-Bniedem u għal-libertajiet fundamentali huwa wieħed mill-kolonni ewlenin tal-politika esterna ta' l-UE, u jenfasizza l-bżonn ta' l-integrazzjoni sistematika ta' dawn il-valuri rispettivament kemm fir-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll fl-approċċ reġjonali, irrispettivament mill-volontà murija minn gvernijiet imsieħba; jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tindirizza l-kwistjonijiet ta' koperazzjoni reġjonali fl-oqsma fi ħdan id-djalogi u l-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed kif ukoll fi ħdan fora multilaterali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u mis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed sabiex tippromwovi l-koperazzjoni reġjonali fost is-soċjetajiet ċivili;

    16.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva għall-ħolqien Ewroreġjun tal-Baħar l-Iswed immirat biex irawwem koperazzjoni reġjonali permezz ta' koperazzjoni fost il-protagonisti reġjonali u lokali; jenfasizza l-importanza ta' proġetti bottin up u ta' koperazzjoni bejn il-fruntieri fil-livell lokali fil-proċess għall-bini ta' spazju ġenwin ta' demokrazija u governanza effettiva fiż-żona tal-Baħar l-Iswed.

    17.

    Jisħaq dwar l-importanza cruċjali ta' twaqqif u żvilupp ta' relazzjonijiet tajbin ta' viċinat fost il-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed u bejn dawk il-pajjiżi u l-ġirien tagħhom ibbażat fuq ir-rispett reċiproku, fuq l-integrità territorjali u fuq il-projbizzjoni ta' l-użu tal-forza jew theddidiet ta' użu ta' forza u n-non-interferenza fl-affarijiet interni ta' xulxin bħala prinċipji fundamentali għat-trawwim tal-koperazzjoni reġjonali; jenfasizza s-sinifikat ta' djalogu mill-qrib mas-soċjetà ċivili u tad-djalogu interkulturali f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi iktar dan id-djalogu, b'mod partikolari fil-kuntest tas-Sena 2008 tad-Djalogu Interkulturali, bl-għan li tinħoloq kultura ta' tolleranza reċiproka, rispett għad-diversità u djalogu u koperazzjoni reġjonali;

    Koperazzjoni fil-qasam ta' l-enerġija, it-trasport u l-ambjent

    18.

    Jinnota l-importanza strateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed bħala zona ta' produzzjoni u ta' trażmissjoni għad-diversifikazzjoni tal-fornitura ta' l-enerġija għall-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw b'mod urġenti li jżidu l-appoġġ prattiku tagħhom għal proġetti infrastrutturali ta' importanza strateġika; itenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien ta' infrastruttura ġdida u ta' kurituri ta' trasport vijabbli li jiddiversifikaw kemm il-fornituri kif ukoll ir-rotot, bħatll kuritur ta' l-eneġija trans- Kaspju /trans- Baħar l-Iswed (linja ta' l-enerġija li taqsam il-Baħar Kaspju u l-Baħar l-Iswed) u l-linja ta' pajpijiet tal-gass Nabucco, Constanța-Trieste u AMBO, kif ukoll proġetti pjanati oħra għat-tranżitu tal-gass u ż-żejt li jaqsmu l-Baħar l-Iswed u l-proġetti INOGATE (Trasport Interstatali ta' Żejt u Gass lejn l-Ewropa) u TRACECA (Il-Kuridur ta' Trasport Ewropa-Kawkażu-Asja) li jagħmlu konnessjoni bejn il-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju; jitlob għal evalwazzjonijiet ta' l-impatt soċjali u ambjentali biex janalizzaw l-impatt tal-kostruzzjoni ta' infrastrutturi ta' tranżitu ġodda bħal dawn; jemmen li s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed għandha tikkostitwixxi qafas adegwat għall-promozzjoni ta' riformi tas-suq fir-reġjun bil-għan li jinħolqu swieq ta' l-enerġija kompetittivi, prevedibbli u trasparenti;

    19.

    Jenfasizza l-importanza tax-xmara Danubju bħala wieħed miċ-ċentri ewlenin tat-trasport u bħala waħda mill-arterji ekonomiċi li tikkonnettja lill-UE mar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jikkunsidra, għalhekk, li l-iżvilupp sostenibbli tax-xmara Danubju u l-potenzjal ekonomiku tagħha li tkun il-ħolqa bejn il-pajjiżi li jdawru l-Baħar l-Iswed, għandha tkun fost il-prijoritajiet ta' l-UE fir-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq studju li jesplora inizjattivi possibbli konkreti f'dan ir-rigward, inkluż it-tħassib ambjentali; jinsisti li jekk jittieħed vantaġġ sħiħ mill-aċċess ta' l-Unjoni għall-Baħar l-Iswed, se jkun vitali li jiġu żviluppati l-infrastrutturi tal-port fil-portijiet tal-Baħar l-Iswed ta' l-Unjoni (Bourgas, Constanța, Mangalia u Varna) kif ukoll dawk li jinsabu fl-estwarju tad-Danubju, bl-għan li jiġi żgurat it-trasport intermodali;

    20.

    Jikkunsidra li l-koerenza reġjonali se tibbenefika bil-kbir mill-inizjattivi tat-tisħiħ tal-konnessjonijiet fiżiċi bejn l-Istati littorali kollha tal-Baħar l-Iswed; jemmen li l-koperazzjoni fl-oqsma tat-trasport u ta' l-ambjent m'għandhiex tkun limitata għal kwistjonijiet ta' l-enerġija iżda għandha tipprovdi approċċ komprensiv li jieħu kont tal-bżonnijiet tar-reġjun; jinnota l-pjanijiet għat-twettiq tar-Ring Highway tal-Baħar l-Iswed; jenfasizza l-importanza tal-Baħar l-Iswed u tax-xmara Danubju bħala rotot strateġiċi għat-trasportazzjoni fir-reġjun;

    21.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ambjentali fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, b'mod partikolari dik tal-Baħar l-Iswed innifsu, Baħar li hu affettwat minn tniġġis mhux ikkontrollat u aggravata minn bosta inċidenti ekoloġiċi, kif ukoll dwar is-sitwazzjoni tad-Danubju u tad-delta tiegħu; jenfasizza l-bżonn għall-implimentazzjoni msaħħa ta' ftehim ambjentali multilaterali fir-reġjun u għall-inklużjoni ta' evalwazzjoni ambjentali fil-proġetti reġjonali kollha, u

    22.

    Jitlob għal koperazzjoni ikbar bejn il-pajjiżi ta' l-UE u tal-Baħar l-Iswed sabiex tiġi trattata l-firxa wiesgħa kollha ta' sfidi ambjentali fir-reġjun;

    23.

    Jinsab partikolarment imħasseb dwar it-tniġġis taż-żejt mhux kontrollat u l-impatt ta' dan it-tniġġis fuq l-ambjent naturali; jenfasizza l-bżonn li l-koperazzjoni tmur lil hinn mill-appoġġ provdut mill-Kummissjoni permezz taċ-Ċentru tal-Monitoraġġ u l-Informazzjoni tagħha, speċjalment fil-qasam tal-prevenzjoni tat-tixrid taż-żejt, b'attenzjoni speċjali għat-tisħiħ tas-sikurezza tat-trasport marittimu għat-tankers;

    24.

    Jiġbed l-attenzjoni għad-Delta tad-Danubju, ambjent naturali uniku li jgħixu fih diversi speċijiet ta' flora u fauna; jenfasizza l-bżonn qawwi li ssir evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali ta' infrastrutturi bħall-kanal ta' Bistraya bejn ir-Rumanija u l-Ukraina;

    25.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika l-approċċ tat-task force DABLAS (għad-Danubju u l-Baħar l-iswed) sabiex issolvi l-problemi ambjentali, b'attenzjoni partikolari mhux biss fuq id-Danubju iżda wkoll fuq il-baċiri tax-xmajjar Dniester u Dnieper;

    Koperazzjoni ekonomika u kummerċjali

    26.

    Jiġbed l-attenzjoni dwar it-tkabbir ekonomiku irregolari, għalkemm b'saħħtu fir-reġjun kollu, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li tkabbir huwa aktar sostenibbli fil-pajjiżi esportaturi taż-żejt u tal-gass; jiġbed l-attenzjoni għall-fraġilità tas-settur privat f'ħafna pajjiżi li għandhom fruntiera mal-Baħar l-Iswed; jenfasizza l-importanza li jinbena spazju għal opportunitajiet ekonomiċi u għall-prosperità fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-popolazzjoni u għall-imsieħba kummerċjali tiegħu; jenfasizza l-bżonn li tittejjeb il-klima ta' l-investiment, kemm għal kumpaniji lokali kif ukoll internazzjonali, partikolarment billi tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi, u li jiġu promossi riformi fl-ekonomija tas-suq bil-għan li tiżdied il-kompetittività u l-attrazzjoni ekonomika, li joħolqu ekonomiji diversifikati u li jipprovdu tkabbir sostenibbli, kif ukoll ġustizzja u koerenza soċjali; jinkoraġġixxi l-miżuri ta' armonizzazzjoni u ta' liberalizzazzjoni ulterjuri u jappoġġja l-ħolqien ta' zona ta' kummerċ ħieles b'konformità mal-prinċipji tal-WTO; jemmen li l-UE, bħal sieħeb ekonomiku kbir tal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed, għandha rwol ewlieni x'tilgħab fil-promozzjoni ta' l-objettivi msemmija hawn fuq u fl-inkoraġġiment lir-reġjun biex jieħu l-passi neċessarji;

    27.

    Jieħu kont ta'l-irwol sinifikanti tat-turiżmu kostali u marittimu bħala katalist ewlieni għall-iżvilupp tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed f'termini tat-tkabbir kummerċjali u ekonomiku; jenfasizza l-bżonn li tiġi żviluppata aktar l-infrastruttura tat-turiżmu u li tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni tal-prodotti tat-turiżmu, biex b'hekk jiġu protetti mezzi tradizzjonali ta' l-għejxien, isir użu aħjar mir-riżorsi naturali (eż r-riżorsi ġeothermiċi, li joffru opportunitajiet importanti ta' negozju) u biex ikun provdut titjib tal-kwalità tal-ħajja fir-reġjun; jenfasizza li l-iffaċilitar ta' l-iskemi tal-viża fil-viċinat se jħeġġu l-mobilità u jrawwmu l-kummerċ u l-attività ekonomika; jemmen li s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed għandha tikkostitwixxi qafas adegwat għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp tat-turiżmu fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

    28.

    Jinnota l-inizjattivi inter-reġjonali bħall-Proġett tal-Ferrovija Baku-Tbilisi-Kars; jemmen li din l-inizjattiva tiftaħ it-triq għal integrazzjoni ekonomika u politika aħjar ta' dik il-parti tad-dinja fl-ekonomija Ewropea u internazzjonali u li se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u kummerċjali fir-reġjun; jiddispjaċih, madankollu, li l-proġett jaqbeż il-linja ferrovjarja eżistenti u operattiva b'mod sħiħ li teżisti fl-Armenja; iħeġġeġ lir-repubbliki tan-Nofisinhar tal-Kawkasu u lit-Turkija biex ikomplu b'mod effettiv b'politiki ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali u biex iżżommu lura minn kwalunkwe proġetti reġjonali ta' l-enerġija jew tat-trasport li ma jkunux iħarsu 'l quddiem u li jkunu politikament immotivati, u li jiksru l-prinċipji ta' żvilupp sod ta' l-ENP;

    Edukazzjoni, taħriġ u riċerka

    29.

    Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tad-djalogu interkulturali u jistieden lill-Kummissjoni biex tippromovih b'mod ulterjuri,

    30.

    Jenfasizza l-bżonn li jiġu faċilitati l-kuntatti bejn il-popli billi tiġi promossa l-koperazzjoni fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka permezz ta' programmi ta' l-UE eżistenti u disponibbli (Tempus, Erasmus Mundus, is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka); jistieden lill-UE u lill-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed biex itejbu l-koperazzjoni tagħhom f'dawn l-oqsma;

    31.

    Jenfasizza l-importanza li jitħeġġu riċerkaturi mill-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed lejn l-UE, billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri dwar l-għoti ta' permessi tax-xogħol, inter alia permezz tas-sistema tal-card blu;

    Aspetti Istituzzjonali u finanzjarji

    32.

    Jinsab favur irwol prinċipali għall-Istati Membri ta' l-UE tar-reġjun fil-promozzjoni ta' koperazzjoni mtejba mar-reġjun u fi ħdanu; jikkunsidra li r-Rumanija, il-Bulgarija u l-Greċja, bħala Stati Membri ta' l-UE fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, jistgħu u għandhom iwittu t-triq f'dan ir-rigward; jenfasizza l-irwol speċjali li għandu jkollhom dawn l-Istati Membri fit-trasferiment ta' l-għarfien espert u tal-kapaċitajiet permezz tal-programmi Twinning, TAIEX u Sigma; jemmen li għandu jsir użu sħiħ mill-esperjenza ta' l-UE fil-promozzjoni ta' koperazzjoni reġjonali fi spazji esterni oħra qrib, partikolarment fi ħdan id-Dimensjoni Nordika, sabiex isir skambju ta' prattiki u ta' lezzjonijiet;

    33.

    Jenfasizza l-importanza tal-pożizzjonijiet tar-Russja u tat-Turkija fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-iskopijiet tal-promozzjoni tal-koperazzjoni reġjonali; jikkunsidra li huwa importanti għas-suċċess tal-koperazzjoni reġjonali tal-Baħar l-Iswed li jiġu involuti dawn il-pajjiżi b'mod kostruttiv, flimkien ma' l-Istati l-oħra kollha mat-truf;

    34.

    Ifakkar li diġà jeżisti numru kbir ta' mekkaniżmi ta' koperazzjoni reġjonali fiz-zona tl-Baħar l-Iswed; jenfasizza għalhekk il-bżonn li l-UE u l-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed jikkoordinaw l-attivitajiet u jipprevjenu l-irduppjar ta' l-isforzi; jikkunsidra li t-tisħiħ tal-varji organizzazzjonijiet u inizjattivi reġjonali, bħall-Organizzazzjoni tal-Koperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed (BSEC), il-Forum tal-Baħar l-Iswed għas-Sħubija u d-Djalogu, l-Organizzazzjoni GUAM għad-Demokrazija u l-Iżvilupp Ekonomiku u organizzazzjonijiet settorjali oħra, skond l-għarfien espert speċifiku tagħhom, u t-tisħiħ tal-koperazzjoni magħhom, possibilment fil-qafas ta' struttura ġdida, jista' jipprovdi qafas xieraq għall-ħolqien ta' sinerġiji; jemmen li d-dimensjoni politika tad-djalogu u l-koperazzjoni mar-reġjun tal-Baħar l-Iswed u kif ukoll fi ħdanu għandhom ikunu żviluppati aktar;

    35.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni riċentiment kisbet status ta' osservatur BSEC u jiġbed l-attenzjoni tar-relazzjonijiet eżistenti bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-BSEC; jikkunsidra li huwa importanti li tiġi inkoraġġata ulterjorment id-dimensjoni parlamentari tal-koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti tal-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed;

    36.

    Jenfasizza l-bżonn li tiġi żviluppata koperazzjoni fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed anke fuq livell mhux govermentali; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja t-twaqqif ta' pjattaforma NGO għall-Baħar l-Iswed bl-iskop li jinħoloq qafas għall-iskambji bejn is-soċjetajiet ċivili tar-reġjun, biex tissaħħaħ il-kuxjenza tal-problemi komuni u biex il-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki ta' l-UE għar-reġjun;

    37.

    Jitlob li l-istrumenti finanzjarji Komunitarji jiġu użati b'mod razzjonali permezz ta' koordinazzjoni aħjar ta' l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija, il-Fondi Strutturali u l-fondi ta' qabel l-adeżjoni li huma disponibbli għar-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'koperazzjoni ma' l-Istati benefiċjarji, tistabbilixxi sistema ġenerali ta' rappurtar qabel ma jiġu żburżati r-riżorsi, sabiex jiġi mmoniterjat u evalwat kemm l-użu ta' dawk ir-riżorsi huwa sostenibbli, effiċjenti u f'konformità ma' l-objettivi ġenerali tal-politika ta' l-UE;

    38.

    Japprova l-irduppjar tar-riżorsi finanzjarji li huma disponibbli fl-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI) għall-iffinanzjar ta' proġetti transkonfinali; jitlob li l-prinċipji li jirregolaw il-Fondi Strutturali, b'mod partikolari s-sħubija, is-sostenibilità, l-effiċjenza, in-non-diskriminazzjoni u d-deċentralizzazzjoni, jiġu applikati għall-użu ta' dawn ir-riżorsi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-fondi u l-progress li jsir, permezz ta' rapporti qosra li jsiru darbtejn fis-sena;

    39.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel l-istrument finanzjarju Fondi għal Proġetti Żgħar disponibbli għal proġetti bejn il-popli fil-qasam tal-koperazzjoni transkonfinali, u biex tagħmel sforzi speċjali biex tinkoraġġixxi l-użu ta' dak l-istrument;

    40.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi msaħħaħ il-bini tal-kapaċità fost il-partijiet interessati lokali u reġjonali fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed fir-rigward tal-programmazzjoni u l-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti, sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti ta' l-istrumenti finanzjarji Komunitarji;

    41.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed.


    (1)  ĠU L 22, 26.1.2006, p. 34.

    (2)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0538.

    (3)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0625.

    (4)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0016.

    (5)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0413.


    Top