Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0473

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jispjega l-operazzjonijiet u t-twettiq ta' l-għanijiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka kif stabbiliti fil-Programm Speċifiku "Ideat" fl-2007

    /* KUMM/2008/0473 finali */

    52008DC0473

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jispjega l-operazzjonijiet u t-twettiq ta' l-għanijiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka kif stabbiliti fil-Programm Speċifiku "Ideat" fl-2007 /* KUMM/2008/0473 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 18.7.2008

    KUMM(2008) 473 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    li jispjega l-operazzjonijiet u t-twettiq ta' l-għanijiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka kif stabbiliti fil-Programm Speċifiku "Ideat" fl-2007

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    li jispjega l-operazzjonijiet u t-twettiq ta' l-għanijiet tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka kif stabbiliti fil-Programm Speċifiku "Ideat" fl-2007

    1. Introduzzjoni

    Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) huwa komponent ġdid ambizzjuż fil-politika dwar ir-riċerka ta' l-Unjoni Ewropea. Ġie stabbilit taħt id-disposizzjonijiet tas-Seba' Programm Kwadru, u huwa l-mezz biex jiġi implimentat il-Programm Speċifiku "Ideat", b'baġit ta' € 7.51 biljun fuq il-perijodu 2007-2013. Filwaqt li jikkonsisti f'Kunsill Xjentifiku indipendenti sostnut minn struttura ta' twettiq maħluqa apposta u jopera skond principji ta' eċċellenza xjentifika, awtonomija, effiċjenza, trasparenza u kontabilità, il-missjoni tal-ERC hija li jippromwovi l-aqwa riċerka fil-fruntieri ta' l-għarfien mifruxa fuq l-oqsma kollha tax-xjenza u studji akkademiċi, permezz ta' kompetizzjoni fuq il-livell Ewropew bejn timijiet ta' riċerka individwali.

    L-Artikolu 4.4 tad-Deċiżjoni dwar il-Programm Speċifiku "Ideat" jgħid li:

    Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala garanti ta' l-awtonomija u l-integrità tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, tassigura li jitwettqu tajjeb il-ħidmiet fdati f'idejh u tippreżenta lill-Parlment Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-operat tal-ERC u t-twettiq ta' l-għanijiet kif stipulati fil-programm speċifiku.

    L-Anness 1 ta' l-istess Deċiżjoni jgħid li r-rapport annwali għandu jitħejja bil-kooperazzjoni tal-Kunsill Xjentifiku.

    Dan ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni, 2007, li tħejja bil-kooperazzjoni tal-Kunsill Xjentifiku tal-ERC, jippreżenta l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-operat tal-ERC u t-twettiq ta' l-għanijiet fl-ewwel sena ta' l-eżistenza tiegħu.

    2. Bażi legali u organizzativa

    Il-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) uffiċjalment twaqqaf fit-2 ta' Frar 2007, permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni[1], skond id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Parlament dwar is-Seba' Programm Kwadru[2] u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni[3], u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku "Ideat"[4].

    Din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni formalment stabbiliet il-Kunsill Xjentifiku (ScC) tal-ERC, u pprovdiet għat-twaqqif ta' struttura ta' implimentazzjoni ddedikata kif ukoll il-post ta' Segretarju Ġenerali ERC li r-rwol tiegħu hu li jassisti lill-Kunsill Xjentifiku jassigura relazzjoni effettiva mal-Kummissjoni u ma' l-istruttura ta' implimentazzjoni[5].

    Deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni[6] stabbiliet l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-ERC, magħżul indipendentement mill-Kunsill Xjentifiku, fil-pożizzjoni ta' Konsulent Speċjali għall-Kummissjoni.

    Il- Kunsill Xjentifiku huwa korp indipendenti, li jirrappreżenta il-komunità ta' riċerka Ewropea u jikkonsisti fi 22 xjenzjat, inġinier u mgħallem ta' l-aqwa reputazzjoni minn firxa wiesa' ta' oqsma, u għandu r-responsabbiltà li jistabbilixxi l-istrateġija għall-programm speċifiku "Ideat". Għandu awtorità sħiħa fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar it-tip ta' riċerka li għandha tirċievi l-finanzjament u li jiggarantixxi l-kwalità ta' l-attività mill-perspettiva xjentifika. Il-ħidmiet tiegħu ikopru, b’mod partikolari, it-tfassil tal-programm ta' ħidma annwali u l-modifiki meħtieġa, inklużi sejħiet għall-proposti; il-metodi u l-proċeduri għal reviżjoni inter pares u l-evalwazzjoni tal-proposti, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità tat-tħaddim tal-programm minn perspettiva xjentifika; u l-komunikazzjoni.

    Immedjatament wara d-Deċiżjoni li stabbilixxiet l-ERC, il-Kunsill Xjentifiku kkonferma l-elezzjoni tal-President u żewġ viċi-Presidenti, u adotta r-regoli tal-proċedura, inklużi d-dispożizzjonijiet biex jiffunzjona l-Kunsill Xjentifiku; relazzjoni ma' l-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata permezz tas-Segretarju Ġenerali tal-ERC; u kodiċi tal-kondotta u dikjarazzjoni biex jiġu evitati l-konflitti ta' interess u tiġi assigurata l-kunfidenzjalità.

    Biex jiġi assigurat iżjed l-operat effettiv kif ukoll l-interazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni u l-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata (ERC-DIS), u b'konsistenza mad-Deċiżjoni1, l-Artikolu 5(4), il-Kunsill Xjentifiku waqqaf Bord tal-ERC, magħmul mill-President u l-Viċi Presidenti tiegħu u s-Segretrju Ġenerali tal-ERC. Id-Direttur ta' l-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata huwa mistieden jipparteċipa f'dawn il-laqgħat.

    L-istruttura ta' implimentazzjoni ddedikata għandha titwaqqaf bħala struttura esterna sempliċi u finanzjarjament effikaċi, fil-forma ta' aġenzija eżekuttiva tal-Kummissjoni – l-Aġenzija Eżekuttiva ERC(ERCEA), li r-rwol tagħha huwa li timplimenta l-programm Ideat sakemm l- ERCEA issir operattiva, il-funzjonijiet ta' l-ERC-DIS huma assigurati mid-Direttorat S tad-DĠ Riċerka, Direttorat ġdid maħluq għal dan il-għan fl-1 ta' Ottubru 2006.

    Matul l-2007, il-Kummissjoni għamlet progress sinifikanti lejn it-twaqqif ta' l-ERCEA. Wara konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħrajn tal-Komunità, il-Kumitat Regolatorju ta' l-Istati Membri għall-Aġenziji Eżekuttivi ta opinjoni pożittiva dwar l-abbozz tal-proposta fl-14 ta' Novembru. Din kienet segwita minn vot pożittiv mill-Kumitat Baġitarju tal-Parlament Ewropew fis-27 ta' Novembru. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li stabbiliet l-ERCEA kienet sussegwentement adottata fl-14 ta' Diċembru[7].

    Il-Kummissjoni adottat ukoll Deċiżjonijiet li huma speċifiċi għall-ERC dwar arranġamenti għall-implimentazzjoni, b'mod partikolari l- Ftehim ta' l-Għotjiet ERC li jkopri proġetti ta' riċerka innovattiva u l- Ftehim Supplimentari ERC li jistabbilixxi l-obbligi li għandha l-organizzazzjoni li tospita lejn l-Investigatur Prinċipali[8]; u r- Regoli tal-ERC għas-sottomissjoni ta' proposti u l-evalwazzjoni relatata, is-selezzjoni u l-proċeduri ta' għotja relevanti għall-Programm Speċifiku “Ideat”[9] .

    3. L-Istrateġija ERC, il-programm ta' ħidma u l-metodoloġija ta' reviżjoni inter pares

    Strateġija

    Il-Kunsill Xjentifiku għandu r-responsabbiltà li jistabbilixxi l-istrateġija xjentifika tal-ERC, inkluż il-Programm ta' Ħidma Annwali “Ideat”. Matul l-2007, il-Kunsill Xjentifiku ltaqa' tmien darbiet f'sessjoni plenarja. Il-Bord tal-ERC imwaqqaf mill-Kunsill Xjentifiku ltaqa' għaxar darbiet matul is-sena biex jippjana l-laqgħat tal-Kunsill Xjentifiku u biex iżomm kuntatt ma' l-istruttura għall-implimentazzjoni ddedikata.

    B'konformità ma' l-għanijiet tal-Programm Speċifiku "Ideat" il-Kunsill Xjentifiku żviluppa żewġ skemi ta' finanzjament "ċentrali", li huma bbażati fuq il-prinċipju ta' "xprunar mill-investigatur", u li jagħti s-setgħa lil Investigaturi Prinċipali (IP) individwali li qed imexxu timijiet individwali nazzjonali jew tranżnazzjonali biex jipproponu programmi ta' riċerka "minn isfel 'il fuq" (jiġifieri mingħajr suġġetti definiti minn qabel) inklużi proġetti interdixxiplinarji b'riskju għoli, li jiġu evalwati biss skond il-kriterju ta' l-eċċellenza.

    L-Għotjiet ta' Inizjament ERC lil Riċerkaturi Indipendenti (“ERC Starting Grants" (St.G)): li jsostnu l-karrieri indipendenti ta' riċerkaturi eċċellenti, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ibbażati jew li se jmorru fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati, li jinsabu fl-istadju fejn qed jibdew jew jikkonsolidaw it-tîm ta' riċerka indipendenti tagħhom jew, jiddependi mill-qasam, qed jistabbilixxu l-programm tagħhom ta' riċerka indipendenti.

    L-Għotjiet ERC għal Riċerka Avanzata (“ERC Advanced Grants” (AdG)): b’sostenn għal proġetti ta’ riċerka eċċellenti u innovattivi, xprunati minn riċerkaturi mill-Istati Membri kollha u pajjiżi assoċjati, immexxijin minn investigaturi avanzati ewlenin ta’ kull età, li diġà stabbilew isem bħala mexxejja indipendenti tar-riċerka fihom infushom.

    Dawn l-iskemi ta’ finanzjament huma ddiżinjati biex jippromwovu riċerka eċċellenti fl-oqsma kollha ta’ l-għarfien u l-istudji akkademiċi, u biex jassiguraw il-kapital uman marbut magħha, kemm billi jinżamm fl-Ewropa kif ukoll billi progressivament jinġieb minn barra l-aqwa talent fir-riċerka tal-ġenerazzjoni ta' issa u dik li ġejja. Huma jipprovdu finanzjament sostanzjali (sa €400,000 fis-sena għal 5 snin għall-StG u sa €500,000 fis-sena għal 5 snin għall-AdG) u kundizzjonijiet flessibbli. Huma intiżi biex joperaw tul il-perijodu tas-Seba’ Programm Kwadru, b’baġits dejjem jiżdiedu fis-sejħiet li jsiru u skadenzi għas-sejħiet organizzati fuq bażi annwali, u għaldaqstant jippreżentaw lill-komunità tar-riċerka livell għoli ta’ kontinwità u previżjoni.

    Programmi ta' Ħidma

    Il-Kunsill Xjentifiku stabbilixxa l-programm ta’ ħidma “Ideat”/ERC għall-2007 u 2008 abbażi ta’ l-istrateġija msemmija hawn fuq.

    Il-programm ta’ ħidma “Ideat” 2007, li nieda l-ewwel sejħa għall- ERC Starting Grant , kien trażmess mill-Kunsill Xjentifiku (li dak iż-żmien kien qed jaħdem fil-forma ta’ “prekursur”) lill-Kummissjoni f’Ottubru 2006. Wara li saret konsultazzjoni bejn is-servizzi u l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm, il-programmi tax-xogħol proviżorji kienu adottati mill-Kummissjoni f’Diċembru 2006 u ġew ippublikati s-sejħiet għall-proposti fit-22 ta’ Diċembru 2006. Wara li daħlu fis-seħħ il-programmi tas-Seba’ Kwadru, l-programmi speċifiċi u r-regoli ta’ parteċipazzjoni, u twaqqaf formalment tal-ERC, il-programm ta’ ħidma “Ideat” għall-2007 ġie adottat mingħajr tibdiliet fis-26 ta’ Frar 2007[10] u mmodifikat f’Ottubru 2007[11].

    Il-programm ta’ ħidma “Ideat”[12] għall-2008 li nieda l-ewwel sejħa għal Advanced Grant , ġie trażmess mill-Kunsill Xjentifiku lill-Kummissjoni f’Ottubru 2007 u adottat mingħajr tibdiliet mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2007. Il-programm ta’ ħidma 2008 kien jinkludi wkoll sejħa għall-Azzjonijiet ta’ Koordinazzjoni u Sostenn (Co-ordination and Support Actions - CSA) biex jiġi ġġenerat portafoll ta’ proġetti, studji u inizjattivi assoċjati li għandhom jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-attivitajiet tal-ERC u jipprovdu provi relevanti li jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni ta’ nofs is-sena (ara punt 7 hawn taħt). Kien jinkludi wkoll azzjonijiet ta’ appoġġ għall-attivitajiet ta’ entitajiet legali speċifiċi (benefiċjarji nominati) biex jgħinu lill-President u l-viċi-Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku fil-postijiet tax-xogħol tagħhom[13].

    Metodoloġija għal evalwazzjoni inter pares

    Minħabba li l-kwalità tal-proċess ta’ reviżjoni evalwattiva inter pares tal-ERC u l-kunfidenza li tiġġenera fi ħdan il-komunità ta’ riċerka għandha tkun vitali biex jintaħqu l-għanijiet tal-ERC, il-Kunsill Xjentifiku kien attent ħafna għall-metodoloġija ta' l-evalwazzjoni inter pares . Adottat struttura ta’ bordijiet ta’ l-ogħla livell ta’ reviżjoni inter pares , li jkopru l-firxa kollha ta’ dixxiplini tar-riċerka u organizzati fi kwadru ta’ tliet sferi ta’ riċerka prinċipali – xjenzi fiżiċi u inġinerija, xjenzi dwar il-ħajja u xjenzi soċjali u studji umanistiċi. Il-membri tal-kumitati proposti mill-Kunsill Xjentifiku, jinkludu xjenzjati, inġiniera u skulari ta’ l-ogħla reputazzjoni internazzjonali kemm mill-UE kif ukoll lil hinn.

    Kull bord jikkonċentra fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti, biex jassigura li tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lil proposti interdixxiplinarji ta’ kwalità għolja. Għall-ewwel ERC Starting Grant inħatru għoxrin bord li jkopru l-oqsma xjentifiċi kollha. Abbażi ta’ l-esperjenza miksuba minn din is-sejħa, in-numru ta’ bordijiet issa żdied għal 25 għall-ewwel sejħa ta’ l- ERC Advanced Grant .

    4. L-implimentazzjoni tal-Programm

    Il-ERC-DIS hija responsabbli għall-aspetti kollha ta' l-implimentazzjoni amministrattiva u t-twettiq tal-programm, skond id-dispożizzjonijiet tal-programm annwali ta' ħidma. B'mod partikolari, timplimenta l-proċeduri ta' evalwazzjoni, il-proċessi tar-reviżjoni inter pares u ta’ l-għażla, skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku, u tiżgura l-ġestjoni finanzjarja u xjentifika ta’ l-għotjiet.

    L-attivitajiet ewlenin fl-2007 kienu s-sostenn strateġiku u amministrattiv lill-Kunsill Xjentifiku, it-twettiq ta’ l-ewwel sejħa għall- ERC Starting Grants , inkluż l-iżvilupp operattiv tal-ġestjonar tas-sejħa u s-sistemi ta’ evalwazzjoni inter pares , il-preparamenti għall-ewwel sejħa għall- ERC Advanced Grants , il-komunikazzjoni mal-komunità xjentifika u l-assigurazzjoni ta’ l-integrità tal-proċeduri u l-proċessi.

    Is-sejħa għall-ERC Starting Grant

    Is-sejħa għall- ERC Starting Grant kienet ippubblikata fit-22 ta’ Diċembru 2006 bi skadenza fil-25 ta’ April 2007, u b’baġit indikattiv ta’ €290 miljun; Il-ERC-DIS ħaddem is-sistema ta’ evalwazzjoni inter pares tal-ERC, inkluża l-ħatra tal-membri tal-bordijiet, kif definiti mill-Kunsill Xjentifiku.

    B’kollox daħlu 9167 proposta li minnhom, wara li sar il-kontroll ta’ l-eliġibbilità, 8794 kienu evalwati mill-pari, fi proċess ta’ żewġ fażijiet. Fl-aħħar ta’ l-ewwel fażi, 559 applikant li għaddew (6%) kienu mistiedna jissottomettu proposta iktar dettaljata bi skadenza fis-17 ta’ Settembru 2007. It-tieni fażi ta’ evalwazzjoni inter pares kienet tinvolvi evalwazzjonijiet individwali mill-bogħod, li saru mill-membri tal-bordijiet u referees u intervisti individwali[14] mal-bord rispettiv, qabel saret id-diskussjoni ta’ l-aħħar mill-bord u ingħata r-rank.

    B’konformità mal-programm ta’ ħidma, il-bordijiet irrakkomandaw il-livell tal-finanzjament għal kull proposta magħżula, f’ċerti każi suġġetta għal tibdiliet tekniċi mill-ERC-DIS biex ikunu assigurati l-konsistenza u t-trattament xieraq ta’ spejjeż ta’ salarji skond ir-Regoli tal-Parteċipazzjoni. Meta wieħed jikkunsidra li l-livell tal-finanzjament ta’ l-applikazzjonijiet huwa medja ta’ ftit iżjed minn €1 miljun, u jinkludi l-proporzjon ta’ dħul disponibbli minn pajjiżi terzi lill-baġit indikat mill-proposti[15] huwa mistenni li jkunu ffinanzjati madwar 300 proposta, strettament skond l-ordni tal-lista deċiża mill-bordijiet ta’ evalwazzjoni inter pares . Minn dawn il-proġetti, 95 kienu skrutinati minn bord ta’ etika estern li minnhom 40 kienu sottomessi għal reviżjoni etika sħiħa. Proġett wieħed jinkludi l-użu ta’ stemmi ċellulari embrijoniċi umani u għandu jkun sottomess għall-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm għall-approvazzjoni regolartorja.

    Rimedji

    Il-ERC stabbilixxa proċeduri ta’ rimedji, ibbażati fuq il-mudell stabbilit għas-Seba’ Programm Kwadru[16]. Il-kumitat ta’ rimedji, skond il-konfigurazzjoni tal-programm “Ideat” ikkunsidra 245 talba għal rimedju rigward id-9167 proposta sottomessa wara l-ewwel fażi ta’ l-evalwazzjoni inter pares ; dan in-numru jirrappreżenta madwar 3% ta’ l-għadd totali ta’ l-applikazzjonijiet. Il-kumitat tar-rimedji kkonkluda li 15 minn dawn il-każi (6% ta' l-ilmenti; 0.16% ta’ proposti mressqa) kienu jeħtieġu evalwazzjoni mill-ġdid, bir-riżultat li proposta waħda għaddiet għat-tieni fażi[17]. Wara t-tieni fażi ta’ evalwazzjoni, tressqu u ġew ipproċessati 27 każ, iżda l-ebda wieħed ma ntlaqa’[18].

    Il-ġestjoni ta’ l-għotjiet

    Il-ERC-DIS waqqaf ukoll proċeduri għall-ġestjoni finanzjarja u xjentifika ta’ l-għotjiet ibbażati fuq proċessi eżistenti ta’ prattika tajba u simplifikar fejn xieraq. Iddiżinja u implimenta metodi biex il-ERC-DIS iħejji ftehim u jiġġestjona għotjiet b’mod effiċjenti skond il-prinċipji stabbiliti mill-Programm Speċifiku “Ideat”, u b’hekk jippermetti li proġetti ta’ riċerka jaħdmu b’mod flessibbli ħafna li huwa wkoll totalment responsabbli.

    L-Għotjiet tal-ERC se jkunu suġġetti għal monitoraġġ kemm finanzjarju kif ukoll xjentifiku tul il-ħajja tal-proġett. Biex il-ħtiġiet amministrattivi ta’ l-Investigatur Prinċipali jinżammu ftit kemm jista’ jkun, f’ħafna każi huwa previst rapport xjentifiku f’nofs it-terminu biss. Ir-rapportaġġ dwar aspetti finanzjarji u l-użu tar-riżorsi se jkun iktar spiss, bl-istituzzjoni li qed tospita tissottometti l-informazzjoni relevanti fit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ rappurtaġġ finanzjarju. Biex ikun assigurat li l-Investigaturi Prinċipali jkunu jistgħu jadattaw għal żviluppi xjentifiċi u jesegwixxu ħidma mingħajr riżultati imprevedibbli, il-ħlas tal-proġetti mhux se jkun marbut mar-riżultat iżda ma l-isforzi u l-użu tar-riżorsi (għotja) ta’ proġett.

    Is-sejħa għall-ERC Advanced Grant

    Is-sejħa għall- ERC Advanced Grants kienet ippubblikata fit-30 ta’ Novembru 2007 bi tliet skadenzi differenti skond il-qasam (xjenzi Fiżiċi u Inġinerija; xjenzi dwar il-Ħajja; xjenzi Soċjali u studji Umanistiċi) fir-Rebbiegħa ta’ l-2008. Is-sejħa tinvolvi proċess għall-applikazzjoni fuq fażi waħda (l-applikanti huma meħtieġa jissottomettu l-proposta sħiħa, flimkien ma’ sinteżi u prova tar-rekord tagħhom fit-Treġija Xjentifika, sa l-iskadenza tas-sottomissjoni) u evalwazzjoni fuq żewġ fażijiet.

    5. Komunikazzjoni

    Sar sforz sinifikanti matul l-2007 biex l-attivitajiet tal-ERC jiġu kkomunikati b’mod effettiv lill-komunità xjentifika u titqajjem kuxjenza mal-pubbliku ġenerali.

    Matul l-2007 ġew żviluppati numru ta’ għodod, prodotti u mezzi fundamentali biex tinxtered l-informazzjoni dwar il-ERC. Dawn jinkludu t-twaqqif tas-sit elettroniku tal-ERC fl-indirizz http://erc.europa.eu li tnieda fl-14 ta’ Frar 2007[19]; it-twaqqif ta’ Punti Nazzjonali ta’ Kuntatt, (National Contact Points – ERC NCPs) f’iktar minn 36 pajjiż (27 Stat Membru, 9 Pajjiżi assoċjati u xi pajjiżi terzi); il-produzzjoni u t-tixrid wiesgħa ta' brochure li jintroduċi l-Kunsill Xjentifiku lil 75,000 kuntatt fl-Ewropa, inklużi partijiet interessati ewlenin fir-riċerka, il-politika u l-ekonomija; u t-tnedija ta’ kampanja ta’ għarfien dwar il-ERC iffukata fuq l-ewwel sejħa għall-proposti, Starting Grant , b’iktar minn 90 preżentazzjoni f’avvenimenti ta’ tnedija ta’ l-FP7 u l-ERC fi 23 pajjiż, kif ukoll it-tqassim ta’ 5000 poster biex iħabbru s-sejħa għall-proposti lil organizzazzjonijiet ta' riċerka u intermedjarji.

    Fis-27 u t-28 ta’ Frar 2007 id-Deutsche Forschungsgemeinschaft, DFG (il-Fondazzjoni Ġermaniża għar-Riċerka,) u l-Kummissjoni Ewropea organizzaw b’suċċess kbir f’Berlin, konferenza biex tniedi l-ERC.

    6. Riżorsi

    Matul l-2007, il-persunal tad-Direttorat S żdied minn 84 għal 108; fid-dawl ta’ l-għadd ta’ proposti li daħlu u ġew evalwati taħt l-ewwel sejħa għall-proposti u l-isforz meħtieġ biex jiġu stabbiliti l-istrutturi, s-sistemi u l-proċeduri tal-ERC, dan jindika struttura ta’ ġestjoni estremament sempliċi[20].

    Il-flus allokati għall-operat tal-Programm “Ideat”, impenji ta’ 266,790,220 EUR u ħlasijiet ta’ 1,372,598 EUR twettqu kollha (99.9% u 99.11% rispettivament).

    7. Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-ERC

    Matul l-2007, ittieħdu miżuri biex jassiguraw li l-ERC ikun effiċjenti u trasparenti fl-operat tiegħu, u responsabbli, u li verament jaġixxi ta’ “organizzazzjoni li titgħallem”, tevalwa l-kisbiet fuq bażi kontinwa u taġġusta u ttejjeb il-proċeduri skond l-esperjenza.

    Il-Kunsill Xjentifiku irrapporta regolament lill-Kummissjoni, kemm fl-andament normali tax-xogħol (partikolarment l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma, il-ftehim dwar l-għotja u r-regoli għas-sottomissjoni tal-proposti) u permezz ta' laqgħat speċjali li kienu jinvolvu lill-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kunsill Xjentifiku.

    Laqgħat tal-Kumitat tal-Programm “Ideat”, li l-membri tiegħu iltaqgħu informalment tard fl-2006, saru fis-26 ta’ Marzu u fis-27 ta’ Settembru. Minbarra x-xogħol formali tal-Kumitat tal-Programm (li normalment għandu funzjoni ta’ konsulenza) dawn il-laqgħat kienu strutturati tali li jżommu lill-Kumitat infurmat b’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-progress tat-tħaddim tal-programm “Ideat” u tal-ERC, u jippermettu skambju miftuħ ta’ informazzjoni dwar strateġija u kwistjonijiet ta’ operat bejn il-Kumitat u l-Kunsill Xjentifiku tal-ERC u s-Segretarju Ġenerali, kif ukoll il-ERC-DIS.

    Il-Kunsill Xjentifiku kkunsidra bir-reqqa l-esperjenza u r-riżultat tas-sejħa għall-ewwel StG biex jassigura li l-tagħlimiet minnha jkunu inkorporati fl-iskemi ta’ finanzjament u l-proċeduri tal-ERC. Per eżempju, sar tirqim bil-għan li jkun hemm bilanċ aħjar bejn it-talba għall-għotjiet u l-baġit għad-dispożizzjoni. Għaldaqstant għadd ta’ miżuri speċifiċi ġew inkorporati fl-ewwel sejħa għall- ERC Advanced Grant taħt il-programm ta’ ħidma ta’ l-2008, u iktar tirqim se jsir lit-tieni sejħa ta’ l-iskema ERC Starting Grant .

    qed jittieħdu wkoll miżuri mill-ERC-DIS biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi, ngħidu aħna il-ħatra u l-ħlas ta’ l-esperti u l-evalwaturi, biex tiżdied l-effiċjenza u l-effikaċja tal-programmi.

    Ittieħdu l-ewwel passi mill-Kunsill Xjentifiku u l-ERC-DIS, b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-unità ta’ l-Evalwazzjoni tad-DĠ Riċerka, biex jiġi żviluppat monitoraġġ xieraq, qafas evalwattiv għall-ERC u t-tħaddim tal-Progrmm Speċifiku “Ideat”. L-għan hu li tingħata assistenza lill-istrateġija tal-futur u jkun hemm feed-back kontinwu dwar kemm huma effettivi l-proċessi u r-riżultat tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, kemm bħala mezz ta' tagħlim kontinwu u adattament kif ukoll għall-evalwazzjoni ex-post fit-tul.

    Biex jikkontribwixxi għal dan l-eżerċizzju l-programm ta’ ħidma “Ideat” 2008 introduċa sejħa għall-proposti għall-Azzjonijiet ta’ Koordinazzjoni u Sostenn (CSA) li kienet imnedija f’Novembru 2007 bi skadenza fis-6 ta’ Marzu 2008, bil-għan li jkun iġġenerat portafoll ta’ proġetti, studji u inizjattivi assoċjati li jikkontribwixxu għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' l-impatt tal-ERC u l-Programm “Ideat”.

    8. Konklużjonijiet u previżjoni għall-2008

    Il-Kummissjoni tista’ tirrapporta li l-pedamenti ewlenin istituzzjonali tal-ERC ġew stabbiliti b’suċċess fl-2007 skond il-kwadru ta’ żmien maħsub, u l-programm twettaq skond il-prinċipji stabbiliti fil-Programm Speċifiku “Ideat”.

    Kien hemm kollaborazzjoni b’saħħitha u effettiva bejn il-Kunsill Xjentifiku u l-ERC-DIS fit-twettiq tal-Programm “Ideat” u lejn it-twaqqif ta’ l-ERCEA bħala entità awtonoma, indipendenti.

    It-tweġiba qawwija għas-sejħa għall-proposti Starting Grant , minn stadju kmieni u potenzjalment vulnerabbli, imponiet piż enormi fuq l-operat tal-ERC u għaddiet minn prova l-proċess ta’ reviżjoni inter pares , imponiet piż qawwi ta’ xogħol fuq l-amministrazzjoni u l-bordijiet u ppreżentat sfidi loġistiċi serji.

    Il-ERC-DIS u servizzi oħra ta’ appoġġ tad-DĠ RTD (partikolament l-infrastruttura ta’ l-IT: is-Serrvizz Elettroniku għas-Sottomissjoni tal-Proposti u s-Servizz ta’ Appoġġ Evalwattiv) minkejja kollox kampa tajjeb ħafna, u ppermetta li l-evalwazzjoni inter pares titmexxa skond l-iskeda oriġinali u skond standards għoljin ħafna, kif iġġudikati mill-bordijiet infushom u kkonfermati mill-perċentwal relattivament baxx ta’ każi li ingħataw rimedju.

    L-istrutturi, il-mekkaniżmi u l-governanza se jkomplu jevolvu tul l-2008, u jippreżentaw ambjent dinamiku u ta’ sfida lill-ERC hekk kif ikompli fi triqtu lejn awtonomija amministrattiva. Deċiżjoni tal-Kummissjoni oħra, dwar id-delegazzjoni ta’ ħidmiet lill-Aġenzija Eżekuttiva, se tiġi ppreżentata mid-DĠ Riċerka kmieni fl-2008. Matul l-2008, hekk kif ikompli l-progress lejn l-istabbiliment formali u tiġi kkummisjonata l-ERCEA, il-ħidmiet ta’ bħalissa tad-Direttorat S se jiġu trasferiti lill-Aġenzija u jiġi ngaġġat iktar persunal. Id-Direttorat S se jiġi xolt hekk kif l-ERCEA tkun lesta biex tieħu postha bħala l-ERC-DIS. Il-Kummissjoni hija impenjata li toħloq struttura effettiva u effiċjenti, filwaqt li tassigura t-twettiq tal-programm "Ideat" u se tipprovdi l-appoġġ kollu meħtieġ matul l-2008 biex jitwettqu dawn l-għanijiet.

    Matul l-2008 wkoll, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Komunikazzjoni dwar il-metodoloġija u t-termini ta’ riferenza għall-evalwazzjoni li ssir mill-esperti indipendenti sa’ l-2010 dwar l-istrutturi u l-mekkaniżmi, ikkonfrontati mal-kriterji ta’ eċċellenza, awtonomija, effiċjenza u traparenza u li espliċitament iħarsu lejn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ struttura bbażata fuq Aġenzija Eżekuttiva, kontra struttura alternattiva skond l-Artikolu 171 tat-Trattat.

    Il-komunikazzjoni hija, u se tkompli tkun, sfida ċentrali – biex tassigura reputazzjoni għolja u impressjoni pożittiva tal-ERC fl-Ewropa u barra minnha, li fil-biċċa l-kbira jkun mibni fuq il-kwalità ta’ l-istrateġija u l-operat tiegħu, u fit-tul fuq l-impatt tiegħu fuq ir-riċerka Ewropea. Mill-2008 ‘il quddiem, jibdew il-proġetti ta’ riċerka nnovattiva finanzjati mill-ERC u l-ERC se tippubbliċizza Investigaturi Prinċipali u proġetti li jagħmlu suċċess, biex dawn iservu ta’ punti ta’ referenza u case studies ta’ eċċellenza fir-riċerka Ewropea u b’hekk tiżdied il-kuxjenza u l-aspirazzjonijiet ta’ applikanti potenzjali.

    Fuq kollox, permezz tal-kisbiet tagħha matul l-2007, il-ERC poġġiet f’posthom standards għoljin ħafna. L-isfida tibqa’ għall-Kummissjoni u għall-ERC biex isir progress effiċjenti u effettiv lejn it-twettiq ta’ entità amministrattiva b’operat indipendenti matul l-2008 u biex jitwettqu l-valur miżjud u l-opportunitajiet għall-kompetittività u l-tkabbir ta’ Ewropa bi programm ta’ riċerka innovattiv fl-UE.

    [1] 2007/134/KE; ĠU L 57, 24.02.2007, p. 14.

    [2] 1982/2006/KE tat-18.12.06, ĠU L 412, 30.12.2006, p.1.

    [3] 1982/2006/KE tat-18.12.06, ĠU L 391, 30.12.2006, p.1.

    [4] 2006/972KE tad-19.12.06 ĠU L 400, 30.12.2006 u corrigendum ĠU L 54, 22.2.2007, p81.

    [5] Bi preparazzjoni biex jingħata bidu lill-ERC, il-Kummissjoni stabbiliet bil-quddiem prekursuri kemm għall-Kunsill Xjentifiku kif ukoll l-istruttura ta’ implimentazzjoni ddedikata permezz tad-Deċiżjoni dwar is-Seba’ Programm Kwadru. Membri tal-Kunsill Xjentifiku kienu nominati mill-Kummissjarju Potočnik f’Lulju 2005 u għamlu l-ewwel laqgħa f’Ottubru 2005.

    [6] C(2007)4670-3 tal-15.10.2007, mhux pubblikata.

    [7] 2008/37/KE; ĠU L 9, 12.01.2008, p.15.

    [8] C(2007)1625 tas-16.04.07, kif l-aħħar emendata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)3598 tal-31.07.07, mhux pubblikata.

    [9] C(2007)2286 tas-06.06.07, kif l-aħħar emendata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)4429 tas-27.09.2007, mhux pubblikata.

    [10] C(2007)561 tas-26.02.2007, mhux pubblikata.

    [11] C(2007)4467 tat-02.10.2007, mhux pubblikata.

    [12] C(2007)5746 tad-29.11.07, mhux pubblikata.

    [13] Dawn l-azzjonijiet ta’ sostenn segwew l-SSAs stabbiliti bil-għan simili bħala azzjonijiet preparatorji taħt is-Sitt Programm Kwadru.

    [14] Il-programm ta’ ħidma “Ideat” C(2007)4467 tat-02.10.07 u r-Regoli tal-ERC għas-sottomissjoni tal-proposti C(2007)4429 tas-27.09.2007 kienu modifikati biex jinkludu dispiżizzjoni għar-rimbursar ta’ l-ispejjeż ta’l-ivvjaġġar ta’ l-applikanti li jiġu mistiedna għal intervisti mill-Bord tal-ERC fi Brussell.

    [15] Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi adattat il-Programm ta’ Ħidma C(2008)1640 tad-29,04,2008 il-baġit totali disponibbli għas-sejħa żdied għal €335 miljun.

    [16] ĠU L 391 u ĠU L400 tat-30.12.2006 (regoli tal-KE u tal-Euratom rispettivament) u corrigendum fl-Euratom ĠU L54 tat-22. 02.2007, p4.

    [17] Baqa’ talba waħda pendenti mill-ewwel fażi (Każ nru 485 /2008(IG)IP ta’ l-Ombudsman)

    [18] Informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ rimedju jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-CORDIS fl-indirizz: http://cordis.europa.eu/fp7/ideas/redress_en.html

    [19] Ospitat mill-infrastruttura tas-sit elettroniku tal-CORDIS

    [20] Għandu jiġi nnutat li, matul l-2007, id-Direttorat S kien responsabbli wkoll għall-ġestjoni ta’ proġetti taħt l-attività NEST (New and Emerging Science and Technology) tas-Sitt Programm Kwadru, essenzjalment biex jimmantjeni u jibni l-kapaċitajiet xjentifiċi u ta’ ġestjoni finanzjarja ta’ l-istruttura ta’ implimentazzjoni ddedikata fil-perjodu ta’ qabel it-twettiq tal-proġetti tal-ERC.

    Top