Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0031

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Il-monitoraġġ tar-riżultati fis-suq waħdieni: Il-Kwadru ta valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur {SEG(2008) 87}

    /* KUMM/2008/0031 finali */

    52008DC0031




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 29.1.2008

    KUMM(2008) 31 finali

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Il-monitoraġġ tar-riżultati fis-suq waħdieni: Il-Kwadru ta valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur

    {SEG(2008) 87}

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Il-monitoraġġ tar-riżultati fis-suq waħdieni: Il-Kwadru ta valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1. INTRODUZZJONI

    1. Waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni tal-Kumissjoni dwar il-valutazzjoni tas-suq waħdieni hija li s-suq irid ikun aktar reattiv għall-aspettativi u t-tħassib taċ-ċittadini u jkun kapaċi jadatta għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. Quddiem dawn l-isfidi jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għar-riżultati finali li jaffetwaw iċ-ċittadini ta' l-UE u mhux biss għall-għodda legali. Il-politiki jeħtieġ li jkunu aktar ibbażati fuq l-evidenza u aktar orjentati lejn ir-riżultat. Monitoraġġ u valutazzjoni aħjar tar-riżultati għaċ-ċittadini hija prijorità għall-Kummissjoni sabiex tgħaddi għat-tieni stadju tas-suq waħdieni. Filwaqt li monitoraġġ aħjar huwa importanti minħabba li jgħin biex jidderieġi tfassil ta' politika u regolazzjoni aqwa, huwa essenzjali wkoll minnu nnifsu bħala mod kif jintwera liċ-ċittadini li t-tħassib tagħhom qiegħed jitqies.

    2. Huwa fir-rwol tagħhom bħala konsumaturi li ċ-ċittadini tagħna jesperjenzaw is-suq waħdieni fuq bażi ta' kuljum. Għalhekk l-esperjenza tagħhom ta' konsumatur tinfluwenza l-perspettivi tagħhom dwar is-suq waħdieni u l-UE bħala entità sħiħa. L-għan aħħari tal-politiki kollha tas-suq waħdieni huwa riżultati aqwa għall-konsumaturi u dawn huma t-test ta' prova tas-suċċessi ta' dawn il-politiki. F'ekonomija dejjem aktar globalizzata, u orjentata lejn il-konsumatur, suq waħdieni li jirreaġixxi b'mod iktar effiċjenti għat-talbiet tal-konsumatur jgħin ukoll sabiex jipprovdi ekonomija innovattiva u kompetittiva.

    3. Is-suq waħdieni mhuwiex esklussivament proġett ekonomiku. Huwa jissalvagwardja wkoll ċerti standards soċjali. Bl-istess mod, l-interessi tal-konsumatur ma jistgħux jiġu definiti esklussivament f'termini ta' effiċjenza ekonomika. Iċ-ċittadini jippretendu li l-politika ta' suq waħdieni tipprovdi riżultati soċjalment aċċettabbli, kultant a skapitu ta' l-effiċjenza ekonomika. Pereżempju, it-tħassib dwar is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u s-sikurezza jfisser li l-prodotti tal-konsumatur huma rregolati b'mod strett. Hemm ukoll kunsens li aċċess bi prezz raġjonevoli għal ċerti servizzi essenzjali forniti kummerċjalment, li huma vitali għall-inklużjoni ekonomika u soċjali, għandhom ikunu garantiti lil kulħadd, irrispettivament minn fejn jgħixu. Għalhekk il-kunċett ta' 'tħaddim difettuż tas-suq' għandu jinftiehem fil-kuntest tal-Kwadru ta valutazzjonibħala wieħed li jkopri kemm allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi kif ukoll in-nuqqas li jipprovdi dawn ir-riżultati.

    4. Minkejja dan, l-evidenza dwar il-prestazzjoni tas-suq waħdieni għall-konsumatur hija fil-biċċa l-kbira nieqsa bħalissa. Għalhekk, l-qofol ta' l-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni huwa li jiġu żviluppati l-indikaturi sabiex jissorveljaw dan l-aspett min-naħa tad-domanda tas-suq waħdieni . Il--Kwadru ta valutazzjoni għandu jikkontribwixxi għall-eżerċizzju tal-monitoraġġ ġenerali billi jipprova jiżvela dawk il-każijiet fejn is-sinjali ta' tħaddim difettuż tas-suq huma marbuta ma' kondizzjonijiet mhux sodisfaċenti ta' l-ambjent tal-konsumatur. Id- data miġbura għandha mhux biss tgħin sabiex tipprovdi politika aqwa tal-konsumatur, iżda għandha tinfirex mall-politiki kollha li jafftewaw il-konsumaturi, filwaqt li tiżgura integrazzjoni aqwa ta' l-interessi tal-konsumatur fil-politiki kollha ta' l-UE.

    2. GHALIEX L-MONITORAġġ TAR-RIżULTATI FIS-SUQ WAħDIENI JAGħMEL DIFFERENZA KBIRA:

    5. Is-swieq tal-konsumatur huma sistemi kumplessi fejn jiltaqgħu l-provvista u d-domanda, u l-mġiba tal-produtturi, il-fornituri tas-servizzi, il-bejjiegħa u l-konsumaturi qiegħda dejjem tinbidel biex tirrifletti ir-rispons ta kull wiehed/wahda minnhom. L-iktar kumpaniji innovattivi jħarsu lejn il-konsumatur bħala wieħed mis-sorsi l-aktar għanja ta' ideat ġodda.

    6. Il-prestazzjoni ekonomika tas-swieq tal-konsumatur ma għadhiex titqies bħala prodott sempliċi ta' l-effiċjenza min-naħa tal-provvista ta' l-operaturi ekonomiċi, ukoll jekk din l-effiċjenza hijja essenzjali għar-riżultati pożittivi tal-konsumatur. Politika effettiva tal-kompetizzjoni u regolazzjoni okkażjonali min-naħa tal-provvista huma meħtieġa iżda mhumiex biżżejjed sabiex jagħtu garanzija ta' swieq effiċjenti u bi prestazzjoni għolja. Swieq effiċjenti u reattivi tal-konsumatur madwar l-ekonomija kollha huma l-muturi ewlenin tal-kompetittività u l-benesseru taċ-ċittadini. Huma jeħtieġu konsumatur msawra bil-kapaċità li jagħmlu għażliet informati u jippremjaw minnufih operatruri effiċjenti. Is-swieq fejn il-konsumaturi huma konfużi, żvijati, ma għandhom l-ebda aċċess, jew għandhom għażla ċkejkna se jkunu inqas kompetittivi u jiġġeneraw aktar ħsara tal-konsumatur, a skapitu ta' l-effiċjenza ta' l-ekonomija totali.

    7. Il-Valutazzjoni tas-Suq Waħdieni għarfet il-ħtieġa li jiġu pprovduti aktar benefiċċji għall-konsumaturi u li jiġġeddu l-isforzi sabiex jistimulaw l-integrazzjoni u effiċjenza aqwa. L-istrateġija tal-Kummissjoni tal-politika tal-konsumatur[1] għamlet lil dan bħala għan matul il-perjodu 2007-2013.

    8. Il-Kwadru ta valutazzjoni huwa frott tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-Istati membri. Konsultazzjoni pubblika ġġenerat aktar minn sittin risposta minn awtoritajiet nazzjonali, Ċentri Ewropej tal-Konsumatur, NGOs, industrija u individwi. Il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu huma favur ilt-Kwadru ta Valutazzjoni[2].

    3. IL-KWADRU TA VALUTAZZJONI TAS-SWIEQ TAL-KONSUMATUR

    9. L-isfida hija li jiġu żviluppati indikaturi li juru fejn jistgħu qed jonqsu s-swieq tal-konsumaturi u fejn għandha tiġi ffukata l-attenzjoni tal-Kummissjoni. L-indikaturi għandhom juru fejn qed is-swieq mhux qed jirnexxilhom jimmassimizzaw ir-riżultati ekonomiċi għall-konsumaturi u wkoll fejn mhux qed jirnexxilhom jipprovdu riżultati soċjali ewlenin.

    10. Għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-fażijiet ta' spezzjoni u dawk ta' analiżi tal-monitoraġġ. Fil-fażi ta' spezzjoni, hemm il-ħtieġa li jiġu identifikati liema huma dawk is-swieq li għandhom riskju li jonqsu lill-konsumaturi. Fid-dawl tan-numru vast ta' indikaturi li jistgħu jinġabru għas-swieq tal-konsumaturi, jeħtieġ numru limitat li jiġbor fih il-karatteristiċi ewlenin meħtieġa għall-raġunijiet ta' spezzjoni.

    11. Il-fażi ta' analiżi tirrikjedi data u riċerka addizzjonali u speċifiċi għas-settur. Din l-analiżi ddettaljata għandha l-għan li tifhem jekk dawn is-swieq humiex jonqsu lill-konsumaturi u għaliex. Għandha tfittex li tidentifika jekk in-nuqqas huwiex attribwibbli għal nuqqas ta' kompetizzjoni, distorsjoni ta' l-għażla tal-konsumatur, nuqqas ta' tagħrif trasparenti jew sħiħ, regolazzjoni settorjali fqira, frammentazzjoni tas-suq intern, jew taħlita ta' dawn kollha jew ta' wħud minnhom. L-aktar strument ta' politika adattat biex jindirizza dawn il-problemi f'suq se jiddependi fuq dawn il-kawżi. Pereżmepju, il-politika tal-kompetizzjoni għall-abbuż ta' pożizzjoni dominanti, regolazzjoni settorjali li teradika ċerti ostakli għad-dħul fis-suq, politika tal-konsumatur li tiżgura trasparenza tat-tagħrif, jew taħlitalta' strumenti.

    12. Għalhekk li tingħata iktar attenzjoni lill-monitoraġġ tas-swieq tal-konsumatur għandha valur tripplu. L-ewwel nett, minkejja li l-problemi jinqalgħu fil-livell ta' bejgħ bl-ingrossa u fil-livell ta' bejgħ bl-imnut, iċ-ċittadini jesperjenzaw it-tħaddim difettuż tas-suq fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. It-tieni, it-tħaddim difettuż tas-suq permezz ta' distorsjoni ta' l-għażla tal-konsumatur jagħmel ħsara l-kompetittività ġenerali minħabba l-impatt negattiv fuq l-allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi. It-tielet, fid-dawl tal-pożizzjoni tal-konsum finali fil-katina tal-valur miżjud, it-tħaddim difettuż tas-suq fl-istadju tal-kummerċ bl-imnut jitsa' jindika wkoll nuqqas ta' kompetizzjoni jew tħaddim difettuż ieħor f'xi parti iżjed avvanzata tal-katina.

    13. Il-Kwadru ta valutazzjoni huwa wieħed mill-ewwel prodotti ta' l-eżerċizzju tal-monitoraġġ tas-suq ġenerali mniedi mill-Valutazzjoni tas-Suq Waħdieni. L-eżerċizzju ta' monitoraġġ tas-suq għandu żewġ stadji wkoll: stadju ta' spezzjoni u fażi ta' analiżi fid-dettall. L-ewwel fażi għandha l-għan li tidentifika s-setturi li huma l-aktar importanti għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tax-xogħol, il-konsum ta' unità domestika u aġġustament fi ħdan is-Suq Waħdieni u fejn hemm sinjali ta' tħaddim difettuż tas-suq. Minkejja dan, minħabba n-nuqqas ta' data xierqa fl-eżerċizzju ntuża biss indikatur tal-konsumatur wieħed. Kif id- dat ġdida dwar il-konsumatur issir disponibbli permezz tal-Kwadru ta valutazzjoni, il-metodoloġija użata għal-ispezzjoni tas-settur għandha tiġi adattata sabiex tirrifletti aħjar id-dimensjoni tal-konsumatur. It-tieni fażi tinvolvi stħarriġ tas-setturi identifikati fl-istadju ta' spezzjoni bbażat fuq is-suq. Meta jingħażel suq tal-konsumatur għal stħarriġ, dan se jnikludi wkoll analiżi minn perspettiva tal-konsumatur.

    14. L-Ewwel Kwadru ta valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur tistipula l-indikaturi meħtieġa għall-ispezzjoni tas-swieq tal-konsumatur u l-qafas istituzzjonali li joperaw fih is-swieq u l-konsumaturi. Data sħiħa, armonizzata u komparabbli fuq ir-riżultati tal-konsumatur fil-biċċa l-kbira ma teżistix. L-ewwel Kwadru ta valutazzjoni jippreżenta data attwali u jissuġġerixxi mezzi ta' kif jimtlew il-lakuni attwali.

    4. L-ISTRUTTURA U L-INDIKATURI EWLENIN TAL--KWADRU TA VALUTAZZJONI

    15. L-elaborazzjoni talKwadru ta valutazzjoni f-livell ta UE, toffri sfidi partikolari li ma jeżistux għal Kwadri ta valutazzjoni nazzjonali iżda toffri wkoll ċerti vantaġġi. Barra mill-monitoraġġ tas-swieq differenti tal-konsumatur, il-Kwadru ta valutazzjoni tivverifika l-integrazzjoni tas-suq tal-konsumatur ta' l-UE u jistabbilixxi standards ta' referenza għall-ambjent tal-konsumatur nazzjonali. Għadd ta' indikaturi bħalma huma sistemi ta' rimedju u ta' infurzar, it-tiswir tas-setgħa lill-konsumatur, it-trasparenza tat-tagħrif, jew l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali huma rilevanti fil-livell orizzontali aktar milli f'dak settorjali. It-Kwadru ta valutazzjoni tirrifletti dan il-mużajk kumpless billi janalizza s-suq waħdieni fi tliet dimensjonijiet.

    16. L-ewwel dimensjoni tħares lejn il-prestazzjoni wiesgħa tas- swieq tal-konsumatur madwar l-ekonomija . Minbarra li tidentifika setturi problematiċi għal analiżi ulterjuri, din id-dimensjoni għandha tgħin sabiex twaqqaf standards ta' referenza għall-prestazzjoni madwar l-UE. L-indikaturi għandhom ikunu strutturati skond il-metodoloġija ta' l-istatistika COICOP ( Classification of Individual Consumption According to Purpose ).

    17. It-tieni dimensjoni hija l- grad ta' integrazzjoni tas-suq intern bl-imnut , fid-dawl ta' l-għan strateġiku tal-politika tal-konsumatur tal-Kummissjoni li jagħti kunfidenza lill-konsumaturi u l-bejjiegħa fix-xiri transkonfinali tagħhom daqs f'pajjiżhom stess sa l-2013.

    18. It-tielet dimensjoni hija l-ambjent tal-konsumatur fis- 27 suq nazzjonali f'termini ta' infurzar, tagħrif, edukazzjoni u rimedju. Dawn l-indikaturi jagħtu standards ta' referenza għas-sistemi tal-politika tal-konsumatur u l-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

    19. It-tħaddim tas-swieq minn perspettiva tal-kosnuamtur ma jistax jinġabar f'indikatur wieħed iżda jiddependi fuq l-interazzjoni ta' numru ta' elementi varjabbli. L-istruttura tas-suq u l-ambjent istituzzjonali u kompetittiv huma determinanti ewlenin tar-riżultat tas-suq. Minkejja dan, il-grad li fih tiġi affetwata l-għażla tal-konsumatur mill-imġiba ta' l-operaturi ekonomiċi, taffetwa r-riżultati wkoll. Il- kapaċità tal-konsumaturi li jifhmu l-għażliet disponibbli fis-suq taffetwa t-tħaddim b'suċċess tas-suq, ukoll jekk l-operaturi huma trasparenti u veritiera. Il-valutazzjoni ta' prodotti kumplessi bħalma huma l-assikurazzjoni tal-ħajja jew tagħmir ta' teknoloġija għolja tista' tirrikjedi parir professjonali.

    20. Dawn l-elementi varjabbli se jitkejlu permezz ta' taħlita ta' data 'oġġettiva' u 'suġġettiva'. L-ebda waħda minnhom ma tagħti l-istampa sħiħa. Filwaqt li d- data oġġettiva toħroġ ċerti aspetti ta' tħaddim tas-suq, id- data suġġettiva hija meħtieġa sabiex toħroġ l-esperjenza u l-perċezzjonijiet tal-konsumaturi tat-tħaddim tas-suq u l-kunfidenza fih, li konsegwentament jaffetwaw l-imġiba ta' l-operaturi.

    4.1. L-ispezzjoni tas-swieq tal-konsumatur

    21. Il-karatteristiċi ewlenin tas-swieq tal-konsumatur jistgħu jinħarġu permezz ta' ħames indikaturi ewlenini, li kull wieħed minnhom għandu ċerti punti b'saħħithom u punti dgħajfa. It-taħlita ta' indikaturi tgħin sabiex ittaffi d-dgħjufijiet tagħhom u tipprovdi stampa b'saħħitha. L-evidenza ta' problemi f'żewġ indikaturi jew aktar għandhom ikunu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw analiżi ulterjuri. Il-ħames indikaturi - ilmenti, livelli ta' prezz, kuntentizza, tibdil tal-fornitur u sikurezza - huma stipulati hawn taħt. Spjegazzjoni ulterjuri u data illustrattiva huma ppreżentati fl-anness.

    4.1.1. L-ilmenti

    22. Id- data ta' lmenti tal-konsumaturi ġiet deskritta bħala 'l-istandard tad-deheb' ta' indikaturi ta' tħaddim tas-suq tal-konsumatur u tintuża f'bosta Stati Membri u pajjiżi terzi bħala indikatur ewlieni. Ir-rieda li tilmenta tvarja bejn pajjiżi u setturi skond tradizzjonijiet fil-protezzjoni u perċezzjonijiet tal-konsumatur tal-probabilità ta' suċċess, u għalhekk il-livelli ta' lmenti jeħtieġ li jiġu interpretati flimkien ma' indikaturi oħra. Stampa komprensiva u komparabbli ta' lmenti li tifrex fuq is-setturi kollha tal-prodotti u tas-servizzi u madwar l-UE għandha tipprovdi għodda b'saħħitha. Fl-2008 għandu jiġi ppubblikat dokument ta' konsultazzjoni li jfittex il-perspettivi tal-korpi kollha li jittrattaw l-ilmenti fl-UE bħala pass fid-direzzjoni lejn sistema aktar armonizzata ta' klassifika ta' l-ilemnti.

    4.1.2. Il-livelli ta' prezzijiet

    23. Il-livelli ta' prezzijiet huma ta' tħassib kbir għall-konsumaturi. Għalhekk huwa importanti li jiġu sorveljati l-livelli ta' prezzijiet u l-mod kif jevolvu. Jekk il-livell ta' prezz ta' prodott speċifiku jkun ogħla mill-istandard ta' referenza, allura għandhom jiġu eżaminati r-raġunijiet li hemm wara din id-differenza. Prezzijiet ogħla jistgħu jkunu dovuti għal differenzi fid-domanda jew l-istruttura ta' l-ispiża. Il-livelli tal-prezzijiet jistgħu wkoll jindikaw suq inqas effiċjenti mill-perspettiva tal-konsumaturi minħabba l-qafas regolatorju jew l-ambjent kompetittiv. Għalhekk huwa importanti li jiġi eżaminat l-indikatur flimkien ma' l-indikaturi l-oħra użati fil-Kwadru ta valutazzjoni sabiex jinftiehem is-sors ta' livelli differenti fil-prezz. Jeħtieġ xogħol ulterjuri ma' l-aġenziji nazzjonali ta' l-istatistika sabiex tiġi żviluppata data komparabbli u rappreżentattiva tal-prezzijiet u sabiex jiġi stabbilit jekk ir-regolazzjoni attwali ta' l-istatistika hijiex meħtieġa. Il-ħtieġa għal din id- data ġiet identifikata fil-Valutazzjoni tas-Suq Waħdieni. Bħlaissa data komparabbli tal-prezzijiet hija kważi kompletament nieqsa bi ftit eċċezzjonijiet limitati (karozzi, ikel eċċ.).

    4.1.3. Il-kuntentizza

    24. Ċerti aspetti vitali tat-tħaddim tas-suq bħalma huma kwalità, għażla, trasparenza u servizz ta' wara l-bejgħ huma diffiċli biex tkejjel oġġettivament. Il-perċezzjonijiet tal-konsumatur ta' dawn l-elementi varjabbli joffru l-aqwa mod kif dawn ir-riżultati jiġu sorveljati. Filwaqt li jirfdu fuq tekniki stabbiliti tajjeb li jkejlu l-kuntentizza tal-konsumatur żviluppati min-negozji, tfasslet metodoloġija b'saħħitha sabiex tagħti indiċi kompost tal-kuntentizza tal-konsumatur. Il-metodoloġija ġiet ittestjata fi ħdax-il servizz ta' interess ġenerali li huma komparabbli fuq medda ta' żmien u madwar is-servizzi. Biż-żmien is-swieq aktar importanti tal-konsumatur għandhom jiġu koperti.

    4.1.4. It-tibdil tal-fornitur

    25. It-tibdil tal-fornitur min-naħa tal-konsumatur huwa indikatur importanti kemm ta' l-għażla li għandhom il-konsumaturi kif ukoll tal-kapaċità li għandhom li jeżerċitaw din l-għażla (skond it-trasparenza tas-suq, ostakli biex tibdel il-fornitur, eċċ.). Ir-rieda ta' konsumaturi li jbiddlu l-fornituri hija kritika għas-suċċess ta' liberalizzazzjoni tas-servizzi tan-netwerks. Id- data dwar l-imġiba ta' tibdil tal-fornituri teżisti permezz ta' servejs fil-livell ta' l-UE għal numru limitat ta' servizzi ta' interess ġenerali u f'ċerti Stati Membri. Ħidma futura għandha tikkonċentra fuq indikaturi attwali għal servizzi oħra ewlenin u wkoll il-valutazzjoni ta' l-ispejjeż involuti fit-tibdil tal-fornitur u l-perċezzjonijiet ta' kemm huwa ħafif li tbiddel.

    4.1.5. Is-sikurezza

    26. Is-sikurezza tal-prodotti u s-servizzi tal-konsumatur huma indikatur importanti tar-riżultat. Id- data disponibbli bħalissa dwar is-sikurezza tal-prodotti u s-servizzi tal-konsumatur, imkejla permezz ta' l-evidenza ta' inċidenti u tidrib kif ukoll permezz ta' notifiki ta' sistemi perikolużi tal-prodotti, hija inadegwata. Id- data dwar it-tidrib u l-inċidenti teħtieġ li tittejjeb mil-lat ta' kopertura ġeografika u komparabilità filwaqt li d- data tan-notifiki teħtieġ tagħrif ulterjuri (eż. dwar is-sehem mis-suq, il-volum ta' spezzjonijet, eċċ) sabiex jipprevedu valutazzjonijiet xierqa.

    4.2. Il-valutazzjoni ta' l-integrazzjoni tas-suq intern bl-imnut

    27. Dawn l-indikaturi jfittxu li jivvalutaw il-livell ta' integrazzjoni tas-Suq Intern. L-integrazzjoni tista' tintlaħaq permezz tal-preżenza ta' bejjiegħa bl-imnut li mhumiex ċittadini, investiment barrani transkonfinali dirett u kummerċ transkonfinali bl-imnut. Iċ-ċifri dwar il-kummerċ fi ħdan l-UE ma jagħmilx distinsjoni bejn il-kummerċ bl-ingrossa u dak bl-imnut. Għalhekk id- data oġġettiva dwar il-livell reali tal-bejgħ transkonfinali hija nieqsa. Sostituti għal din l-istatistika jistgħu jkunu disponibbli mis-sistemi tal-ħlas. Sadattant, id- data tas-servejs dwar il-kummerċ transkonfinali rrappurtata mill-konsumaturi u n-negozji għandha tissegwa regolarment sabiex tipprovdi evidenza.

    28. L-imġiba tal-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut għall-bejħ u x-xiri transkonfinali hija importanti wkoll għall-perċezzjonijiet ta' monitoraġġ u sabiex jitkejjel il-progress bl-għan li l-kunfidenza fil-bejgħ u x-xiri transkonfinali tingħata spinta. Id- data tal-prezzijiet miġbura għall-monitoraġġ tas-swieq tal-konsumatur għandha wkoll tippermetti l-użu ta' dispersjoni tal-prezz bħala indikatur tal-livell ta' integrazzjoni tas-suq.

    29. Id- data dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom ix-xerrejja transkonfinali hija importanti wkoll. Iċ-ċifri min-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (ĊEK) u n-netwerk ta' aġenziji ta' l-infurzar ta' Kooperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (KPK) li juru l-livell ta' talbiet għal informazzjoni, ilmenti, tilwim, u każijiet ta' infurzar transkonfinali huma ppreżentati.

    4.3. L-ambjent tal-konsumatur fl-Istati Membri jingħata standards ta' referenza

    30. L-istandards ta' referenza huma meħtieġa sabiex jinftiehem l-ambjent tal-konsumatur fil-livell nazzjonali għaliex huwa importanti għat-tħaddim tas-swieq nazzjonali u għal suq integrat ta' l-UE. Il-Valutazzjoni tas-Suq Waħdieni identifikat l-infurzar bħala prijorità ewlenija. Il-kwalità tas-sistemi ta' l-infurzar huma indikatur kruċjali tas-saħħa tas-swieq nazzjonali, kemm minn perspettiva ta' sikurezza kif ukoll minn perspettiva ekonomika. L-indikaturi tal-konformità u fiduċja fl-aġenziji ta' l-infurzar jiżvelaw element wieħed. Ir-reġistrazzjonijiet u r-riżultati ta' l-infurzar (spetturi, spezzjonijiet imwettqa) jagħtu indikaturi oħra. Bl-istess mod ir- rimedju tal-konsumaturi (permezz tal-qrati u korpi alternattivi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim) għandu jitkejjel skond il-perċezzjonijiet u d- data oġġettiva tal-każijiet li saru. Filwaqt li teżisti d- data dwar il-perċezzjonijiet tal-konsumatur, jeħtieġ li tinġabar iktar data b'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri.

    31. Organizzazzjonijiet indipendenti tal-konsumatur għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar li s-swieq jitħaddmu b'mod effettiv, permezz ta' ttestjar komparattiv tal-prodotti u l-identifikar tat-tħaddim difettuż tas-suq. Għalhekk l-indikaturi tas-saħħa tal-moviment nazzjonali tal-konsumaturi f'termini ta' riżorsi u l-fiduċja fdata lilhom mill-konsumaturi huma importanti.

    32. L-indikaturi tat- tiswir tal-kapaċità tal-konsumatur, notevolment fil-livelli ta' edukazzjoni tal-konsumatur, informazzjoni, komprensjoni, ħiliet/litteriżmu tal-konsumatur, kuxjenza u assertività huma importanti għall-komprensjoni tas-swieq differenti nazzjonali u sabiex jidentifikaw fejn teżisti l-aqwa prassi. Bħalissa hemm relattivament ftit data komparabbli li tifrex madwar l-UE kollha.

    4.4. L-istudji tal-fażi ta' l-analiżi

    33. Il-ħames indikaturi ta' swieq tal-konsumatur għandhom jagħtu bosta tagħrif dwar il-mod kif qed jaħdem suq partikolari. Minkejja dan, l-istudji tas-suq tal-fażi ta' l-analiżi jeħtieġ li jiġbru d- data rilevanti kollha bil-ħsieb ta' komprensjoni aqwa tal-kawżi tat-tħaddim difettuż tas-suq. Id- data miġbura għall-verifika ta' l-integrazzjoni tas-suq intern u sabiex il-politiki nazzjonali jingħataw standards ta' referenza għandha tgħin ukoll biex tispjega r-raġuni li minħabba fiha s-swieq speċifiċi mhux qed jitħaddmu sewwa.

    34. Fejn il-Kwadru ta valutazzjoni jiżvela evidenza ta' problemi li huma komuni għas-swieq, wiehed jista' jagħmel sejħa għal analiżi orizzontali madwar is-swieq differenti. Bl-istess mod, analiżi ta' l-indikaturi skond il-metodi nazzjonali tista' tgħin l-awtoritajiet nazzjonali jew l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur sabiex jidentifikaw problemi speċifiċ f'pajjiżhom u jwettqu analiżi ulterjuri.

    35. Eżempji ta' materji li għandhom jiġu studjati f'aktar dettall fil-fażi ta' l-analiżi jinkludu:

    - L-għoti tas-setgħa lill-konsumatur. Fid-dawl li l-kapaċità tal-konsumaturi li jifhmu l-għażliet li għandhom disponibbli tvarja skond in-natura tas-suq, jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' riċerka dwar il-mod kif il-konsumaturi jifhmu l-prodotti offruti.

    - Il-ħsara lill-konsumatur. Jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' riċerka fil-qasam tal-kapaċità tal-konsumaturi li jagħmlu għażliet effettivi.

    - L-iżviluppi fir-relazzjoni bejn il-prezzijiet ta' l-importazzjoni u l-prezzijiet tal-konsum.

    - L-indikaturi leġiżlattivi fejn ir-regolazzjoni tipprevedi għal riżultati speċifiċi tal-konsumatur.

    - Il-livelli ta' konformità - imkejla permezz ta' spezzjonijiet ta' infurzar u għodod oħra.

    - Il-kwalità. Data ta' dan it-tip għandha ħabta li tkun speċifika għas-suq iżda toħroġ kwalitajiet importanti li mhumiex koperti mill-kuntentizza u s-sikurezza, bħalma huwa l-grad ta' innovazzjoni, is-saħħa u l-ambjent.

    - L-aċċess u l-ipprezzar raġjonevoli - partikolarment pertinenti għas-servizzi essenzjali.

    - L-interoperabilità - il-kapaċità ta' sistema jew ta' prodott li jiffunzjona ma' sistemi jew prodotti oħra mingħajr sforz speċjali min-naħa tal-konsumatur.

    4.5. L-iżvilupp ulterjuri tar-Reġistru tal-Punteġġ

    36. Minħabba n-nuqqas ta' preżenza ta' tant data f'dan l-ewwel Kwadru ta valutazzjoni, attwalment ma jistax jidher il-potenzjal sħiħ tiegħu. Biż-żmien, il-Kwadru ta valutazzjoni komplut għandu jippermetti l-Kummissjoni sabiex:

    - Tidentifika liema huma s-swieq li qed jitħaddmu b'mod difettuż f'termini ta' riżultati tal-konsumatur u li jeħtieġu analiżi ddettaljata tas-suq. Din l-analiżi tista' tiġġenera rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta' politika (politika tal-kompetizzjoni, politika tal-konsumatur, regolazzjoni settorjali, eċċ).

    - Turi liema materji orizzonatli tal-konsumatur jeħtieġu analiżi ulterjuri, speċjalment f'termini ta' leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew Ewropea tal-konsumatur.

    - Turi l-progress li jsir sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-konsumatur tal-Kummissjoni ta' suq integrat tal-kummerċ bl-imnut b'konsumaturi kunfidenti.

    - Tippermetti li l-prestazzjoni ta' l-Istati Membri tingħata standards ta' referenza li jifirxu fuq l-ambjent nazzjonali tal-konsumatur.

    5. IL-KONKLUżJONIJIET

    37. Il-Kwadru ta valutazzjoni tal-Konsumatur jikkomplementa l-eżerċizzju tal-monitoraġġ tas-suq ġenerali żviluppat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Valutazzjoni tas-Suq Waħdieni. Dan il-Kwadru ta valutazzjoni jista' jiżviluppa b'mod ulterjuri d-dimensjoni tal-konsumatur fi ħdan l-eżerċizzju tal-monitoraġġ tas-suq ġenerali.

    38. Dan l-ewwel Kwadru ta valutazzjoni għadu jitwieled. Id- data disponibbli għall-indikaturi hija inadegwata: il-biċċa l-kbira ta' l-indikaturi huma disponibbli biss għal numru limitat ħafna ta' setturi u d- data mhijiex dejjem disponibbli għall-Istati Membri kollha, u l-anqas ma hija dejjem komparabbli.

    39. Il-maġġoranza tat-tabelli u l-grafs ippreżentati fl-ewwel Kwadru ta valutazzjoni huma bbażati fuq data miġbura fil-qasam tal-politika tal-konsumatur permezz ta' servejs jew permezz ta' kollaborazzjoni mal-partijiet interessati fl-Istati Membri. Hemm it-tendenza ta' nuqqas ta' data dwar ir-riżultati tal-konsumaturi fir-rigward ta' politiki oħra ta' l-UE li jafftewaw il-konsumaturi, bl-eċċezzjoni ta' oqsma fejn il-politiki ta' l-UE jikkonċidu mas-swieq, pereżempju, id- data tal-prezzijiet tat-telekomunikazzjoni u d- data dwar is-sikurezza tat-trasport.

    40. Id- data attwali hija limitata żżejjed - b'mod partikolari fir-rigward tan-numru ta' setturi - sabiex tagħti indikazzjoni fir-rigward ta' liema swieq qed jitħaddmu aħjar mill-oħrajn. Għal din ir-raġuni l-ewwel Kwadru ta valutazzjoni huwa ppreżentat skond l-indikatur milli skond is-settur. Filwaqt li l-ewwel Kwadru ta valutazzjoni jiffoka fil-biċċa l-kbira fuq servizzi, Kwadri ta valutazzjoni futuri għandhom ikopru iktar is-swieq tal-prodotti.

    41. Is- Suq intern tal-kummerċ bl-imnut ta' l-UE għadu 'l bogħod milli jkun integrat. Il-konsumaturi Ewropej għadhom inklinati li jixtru prodotti jew jordnaw servizzi f'pajjiżhom. Għalkemm hemm numru ta' ostakli strutturali bħalma huma l-ilsna jew il-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur, dawn ma għandhomx l-istess impatt negattiv fil-pajjiżi kollha. Kif wieħed jistenna, il-konsumaturi f'pajjiżi żgħar u ċentrali huma inklinati li jixtru iktar minn fornituri barranin mill-kosnumaturi f'pajjiżi periferjali.

    42. L- ambjent tal-konsumatur huwa sostanzjalment differenti u huwa differenti f'ħafna aspetti madwar l-Istati Membri. Il-fiduċja fis-sistema nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur, fl-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom x'jaqsmu ma' l-affarijiet tal-konsumatur, f'organizzazzjonijet indipendenti tal-konsumatur, jew fil-fornituri li jipproteġu d-drittijiet tal-konsumatur tvarja minn 30 % sa 'l fuq minn 80 % madwar l-Ewropa. Ir-riżoluzzjoni ta' tilwim meqjusa li hija aktar faċli f'ċerti pajjiżi milli f'oħrajn. Hemm ukoll differenzi nazzjonali fir-rigward tal-livell ta' komprensjoni tat-tagħrif, jew l-ammont ta' finanzi pubbliċi li jirċievu l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

    43. Fuq kollox, dan l-ewwel Kwadru ta valutazzjoni juri l-ħtieġa li jinġabru gruppi ġodda ta' data għal Kwadri ta valutazzjoni futuri. Il-ġbir tad- data għandu jitwettaq f'kollaborazzjoni ma' partijiet interessati fl-Istati membri bħalma huma awtoritajiet tal-konsumatur, korpi industrijali, assoċjazzjonijiet tal-kosnumatur u uffiċċji ta' l-istatistika. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ġbir tad- data għas-27 Stat Membru, inklużi l-Bulgarija u r-Rumanija li spiss huma nieqsa mid- data attwali. L-attivitajiet immedjati ta' segwitu għandhom jiffukaw fuq:

    - Data komparabbli tal-prezzijiet għal numru sostanzjali ta' prodotti f'kooperazzjoni ma' l-Eurostat u l-uffiċċji nazzjonali ta' l-istatistika.

    - L-iżvilupp ta' metodoloġija għall-ikklassifikar ta' lmenti f'mod iktar armonizzat madwar l-Istati Membri.

    - L-adattar tal-metodoloġija ta' kuntentizza u t-twettiq ta' studji ta' kuntentizza fis-setturi addizzjonali.

    - L-iżvilupp ulterjuri ta' l-indikaturi u l-integrazzjoni tal-Kwadru ta valutazzjoni fl-eżerċizzju tal-monitoraġġ tas-suq u l-Kwadru ta valutazzjoni tas-Suq Waħdieni. Il-Kwadru ta valutazzjoni futur tas-Suq Intern għandu jipprovdi indikaturi dwar prestazzjoni ekonomika, kompetizzjoni, integrazzjoni tas-suq, innovazzjoni, u b'mod aktar ġenerali dwar il-benefiċċji taċ-ċittadini.

    44. Iċ-ċaqliqa fit-tfassil tal-politika lil hinn mill-istrateġija mmexxija mill-istrumenti għal strateġija mmexxija mir-riżultati b'konċentrazzjoni fuq ir-riżultati tal-konsumaturi hija ambizzjuża u ssejjaħ għal bidla importanti fil-ħidma ta' min ifassal il-politika. Il-programm deskritt hawn fuq fil-qosor se jirrikjedi sforz konsiderevoli min-naħa ta' dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati. Il-premju huwa kemm regolazzjoni kif ukoll swieq li huma aqwa u aktar sempliċi li jipprovdu aħjar dak li jixtiequ ċ-ċittadini.

    [1] KUMM(2007) 99 tat-13.3.2007.

    [2] Sinteżi tar-risposti tinsab fuq http://ec.europa.eu/consumers/consultations/consultations_en.htm

    Top