Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0416

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pakkett Marittimu u kostali

    ĠU C 211, 4.9.2009, p. 65–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 211/65


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-pakkett marittimu u kostali

    (2009/C 211/10)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jikkunsidra li l-politika marittima Ewropea tirrikjedi approċċ olistiku u transsettorjali bbażat fuq l-ippjanar spazjali marittimu sabiex tindirizza l-użu intensiv tal-baħar u tippromovi l-koeżistenza armonjuża ta' interessi kunflittwali fi spazju limitat u fraġli;

    jikkunsidra li dan l-ippjanar jirrikjedi strument ta' gvernanza innovattiv, imfassal fl-ispirtu tal-gvernanza fuq diversi livelli u tar-rispett tas-sussidjarjetà. Għalhekk, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għar-rwol fundamentali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-ippjanar spazjali marittimu bħala l-awtoritajiet li jipprovdu l-fondi għal ċerti proġetti u bħala l-korpi lokali li jinsabu fl-aħjar qagħda li jorganizzaw il-koeżistenza armonjuża tal-użu;

    jilqa' l-pass li ħadet il-Kummissjoni fil-qasam tal-ippjanar marittimu u r-rieda tagħha li tfassal prinċipji komuni fil-livell Ewropew. Huwa jikkunsidra li r-rwol tal-Unjoni Ewropea jista' jiżviluppa fir-rwol li tistabbilixxi l-istandards kemm fejn jidħol metodu u kemm fejn jidħlu prinċipji, billi, fost affarijiet oħra, tibbaża fuq il-konvenzjonijiet reġjonali li jeżistu;

    jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li jitlesta s-suq intern sabiex it-trasport marittimu ikun aktar attraenti u kompetittiv. Madankollu, jiddispjaċih li l-miżuri konkreti jiffokaw l-aktar fuq id-dimensjoni ekonomika. Il-KtR jappella biex l-aspetti soċjali u ambjentali jitqiesu b'mod sħiħ;

    itenni t-talba tiegħu għall-analiżi tal-possibbiltà li jiġi rivedut l-istrument ta' ffinanzjar tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li titwaqqaf sistema unika semplifikata li tiġbor il-kwistjonijiet marittimi kollha, fi ħdan il-Fond Ewropew għaż-Żoni tal-Kosta u tal-Gżejjer fil-qafas tad-diskussjonijiet dwar il-prospettivi finanzjarji li jmiss għall-2014-2020;

    jilqa' l-inizjattiva ta' kjarifika dwar il-fondi ta' rotot marittimi iżda jixtieq li ssir valutazzjoni iktar ambizzjuża u komprensiva tat-tipi ta' operazzjonijiet u investiment li huma eliġibbli għas-sussidji Ewropej fid-dawl tal-fatt li l-miżuri li ttieħdu matul dawn l-aħħar snin ma kisbux ir-riżultati mistennija b'mod partikolari fir-rigward tal-vijabbiltà fuq perijodu qasir tas-servizzi.

    Rapporteur

    Is-Sur Michel Delebarre, Sindku ta' Dunkirk, (FR/PSE)

    Dokumenti ta' referenza

    Pjan ta' Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE. COM(2008) 791 finali. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2008

    L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018. COM(2009) 8 finali. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 2009

    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u li tirrevoka d-Direttiva 2002/6/KE. COM(2009) 11 finali. 21 ta' Jannar 2009

    Komunikazzjoni u pjan ta' azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini. COM(2009) 10 finali. 21 ta' Jannar 2009

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tagħti gwida dwar l-għajnuna mill-Istat li tikkumplementa l-finanzjament Komunitarju għat-tnedija tal-awtostradi tal-baħar (2008/C 317/8)

    I.   RAKKOMMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

    1.

    jirrikonoxxi l-progress kbir li għamlet il-Kummissjoni u jilqa' l-implimentazzjoni effikaċi tal-pjan ta' azzjoni u l-approċċ integrat użat. Iqis li l-politika marittima Ewropea għandha tagħmel parti minn perspettiva globali u intersettorjali li tinkludi l-aspetti kollha tar-relazzjoni tal-bniedem mal-baħar u l-oċeani (1);

    2.

    ifakkar li r-reġjuni u l-bliet ta' mal-kosta tal-Unjoni Ewropea jilqgħu kważi nofs il-popolazzjoni Ewropea (2) u jikkontribwixxu għal madwar 40 % tal-PGD Ewropew. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi differenti fl-oqsma marbuta mal-politika marittima u huma l-livell adegwat li fih għandha tiġi promossa l-koordinazzjoni tad-diversi politiki settorjali fil-qasam. Barra minn hekk, l-awtoritajiet territorjali kostali għandhom responsabbiltà partikolari fil-ġestjoni taż-żoni tal-kosta: iridu jimmaniġġjaw it-tensjonijiet li ġejjin minn konflitti dwar l-użu tal-kosta u l-baħar, u jimmiraw lejn żvilupp sostenibbli u livell ta' impjiegi kompatibbli mal-protezzjoni meħtieġa tal-ambjent marittimu. Għaldaqstant huma żviluppaw għarfien espert fil-qasam tar-riflessjoni strateġika integrata dwar dan it-tip ta' territorji, inklużi politiki differenti bħat-trasport, il-ġestjoni tal-portijiet, is-sigurtà, l-iżvilupp urban, l-ippjanar spazjali marittimu, it-taħriġ professjonali u l-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta (ICZM);

    3.

    isostni li għall-implimentazzjoni tajba tal-politika marittima Ewropea tinħtieġ gvernanza li tinvolvi b'mod aktar dirett lill-atturi lokali u reġjonali. Gvernanza bbażata fuq sħubija fil-qasam tal-politika marittima u li tinkludi l-livelli deċiżjonali kollha kif ukoll is-soċjetà ċivili ser tippermetti li l-konflitti eventwali jiġu identifikati minn qabel u li jinstabu soluzzjonijiet adattati fil-qasam;

    4.

    jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni kif imniżżla fil-Komunikazzjoni dwar il-linji gwida għall-gvernanza marittima (3), li r-reġjuni ta' mal-kosta mhux biss jistgħu jibbenefikaw minn approċċ integrat għall-politika marittima, iżda jistgħu jbatu wkoll minn konsegwenzi negattivi fin-nuqqas ta' approċċ bħal dan;

    5.

    iqis li hemm bżonn li jitwaqqfu rabtiet bejn l-għan tal-koeżjoni territorjali u l-iżvilupp tal-politika marittima integrata, speċjalment biex tiġi żgurata koerenza aħjar fl-iżvilupp reġjonali taż-żoni ta' mal-kosta u tal-gżejjer kif ukoll taż-żoni fuq l-art u l-portijiet interni, biex fil-futur l-iffinanzjar tal-inizjattivi speċifiċi f'dawn ir-reġjuni jiġi kkoordinat aħjar;

    6.

    f'dan il-kuntest itenni t-talba tiegħu “għall-analiżi tal-possibbiltà li jiġi rivedut l-istrument ta' ffinanzjar tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li titwaqqaf sistema unika semplifikata li tiġbor il-kwistjonijiet marittimi kollha, jew il-biċċa l-kbira tagħhom, fi ħdan il-Fond Ewropew għaż-Żoni tal-Kosta u tal-Gżejjer” fil-qafas tad-diskussjonijiet dwar il-prospettivi finanzjarji li jmiss għall-2014-2020 (4);

    7.

    jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' bażi tad-data tal-proġetti fir-reġjuni marittimi, li ser tinkludi informazzjoni dwar dawk li jirċievu l-fondi Komunitarji kollha, u jaħseb li din il-bażi tad-data hija indispensabbli biex tiġi garantita t-trasparenza f'dan il-qasam u għall-promozzjoni tal-iskambju ta' prattiki tajbin; jixtieq li jkun involut fil-ġestjoni ta' din il-bażi tad-data li għandha tkun bdiet taħdem minn issa sal-2010;

    L-Ippjanar spazjali marittimu  (5)

    8.

    jilqa' l-pjan ta' tmexxija u jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni dwar it-tfassil tal-għaxar prinċipji tal-ippjanar, li eventwalment jistgħu jsiru prinċipji komuni applikabbli fl-Istati Membri kollha;

    9.

    japprova l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea biex titfassal politika integrata permezz ta' Blue Book li joffri triq ċara 'l quddiem f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni tar-riżorsi marittimi u kostali fl-Ewropa. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taqdef aktar f'dan ir-rigward u tiċċara r-rabta tal-ippjanar spazjali marittimu mal-miżuri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, l-aktar id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva Qafas dwar l-Ambjent marittimu u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta. L-ippjanar spazjali marittimu għandu jgħin biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn dawn l-atti leġiżlattivi sabiex ma jkunx hemm konfużjoni jew ripetizzjoni;

    10.

    jemmen li r-riflessjoni strateġika u l-organizzazzjoni tal-gvernanza għandhom jiġu qabel il-ġestjoni spazjali ta' kull żona. Ir-riflessjoni strateġika hija fażi fundamentali tal-proċess tal-ippjanar peress li tippromovi l-konverġenza tal-għanijiet u tal-mezzi u tiggwida l-ippjanar. Dan l-istadju ta' kostruzzjoni kollettiva għandu jippermetti li jiġu definiti l-prinċipji u l-linji gwida u li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet li jitfaċċaw fit-tfassil tal-ippjanar kif ukoll fl-arbitraġġ li dan il-proċess iġib miegħu;

    11.

    jaħseb li l-implimentazzjoni ta' strument ta' gvernanza innovattiv, imfassal fl-ispirtu tal-gvernanza fuq diversi livelli u tar-rispett tas-sussidjarjetà, huwa fundamentali għat-tfassil tal-linji gwida strateġiċi li jistgħu jiggwidaw l-ippjanar spazjali. Dan għandu jsir bilfors f'diversi livelli, mil-livell taż-żona marittima sal-livell lokali. Barra minn hekk, huwa jinnota li minkejja li ħafna jaqblu mal-approċċ tal-ekosistema użat mill-Kummissjoni (6), dan mhux bilfors huwa adattat għall-attivitajiet marittimi kollha. Għaldaqstant, il-KtR jixtieq li l-Kummissjoni fil-proposti futuri tagħha tinkludi l-livell tal-baċir marittimu jew tal-baħar reġjonali, perspettiva wiesgħa biżżejjed biex dan l-ostaklu jiġi evitat;

    12.

    jenfasizza li l-għan tal-ippjanar spazjali marittimu huwa li jkopri l-attivitajiet kollha li jsiru f'dan l-ispazju, billi jaqbeż il-fruntieri nazzjonali biex ikun iktar adattat għar-realtajiet tal-ekosistemi u għaldaqstant, huwa għodda essenzjali tal-politika marittima integrata. Iqis li l-ħolqien ta' dan l-istrument huwa fundamentali biex tiġi indirizzata ż-żieda fl-użu tal-baħar u jiffavorixxi l-konvivenza armonjuża ta' konflitti ta' interess fi spazju limitat u fraġli. Madankollu jinnota li t-trasport marittimu għandu jindirizza l-isfida tal-konċiljazzjoni bejn l-ispazju marittimu ppjanat u l-prinċipju tal-libertà tal-ibħra hekk kif inhu stipulat fil-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Martittima Internazzjonali;

    13.

    jistqarr li l-ippjanar spazjali marittimu huwa għodda pertinenti biex jintlaħaq kompromess bejn l-eżigenzi ta' kull attività u għall-użu tal-ibħra bl-aħjar mod filwaqt li jiġu rispettati l-ekosistemi b'mod sostenibbli. Regoli ċari u magħrufa minn kulħadd għandhom jiffavorixxu l-investimenti għal perijodu twil ta' żmien u b'hekk iżidu l-kontribut tal-attivitajiet marittimi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-kompetittività u tal-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona. F'dan il-kuntest jixtieq li l-Kummissjoni tkun tista' timxi kemm jista' jkun 'il quddiem fil-ħolqien tal-prinċipji għall-arbitraġġ biex tiżgura t-trasparenza ta' dan il-proċess permezz ta' regoli stabbiliti minn qabel flimkien mar-reġjuni marittimi li jkunu flessibbli biżżejjed biex iqisu l-ispeċifiċitajiet taż-żoni marittimi;

    14.

    jilqa' l-pass li ħadet il-Kummissjoni fil-qasam tal-ippjanar marittimu u r-rieda tagħha li tfassal prinċipji komuni f'livell Ewropew. Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha r-rwol li tħeġġeġ u tikkoordina l-azzjonijiet f'dan il-qasam u li l-proċess ta' konsultazzjoni organizzat mill-Kummissjoni fl-2009 jippermetti li jiġu identifikati l-isfidi u jiġu proposti linji gwida li jistgħu jippromovu approċċ komuni. F'dan ir-rigward jitlob lill-Kummissjoni tfassal White Paper wara li jitlestew dawn il-konsultazzjonijiet;

    15.

    iqis li r-rwol tal-Unjoni Ewropea jista' jkun li toħloq standards regolatorji fil-livell tal-metodu u tal-prinċipji sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni ġenwina tal-ippjanar marittimu fl-Istati kkonċernati u bejniethom. Għaldaqstant, il-KtR jirreferi għall-esperimenti li diġà qed isiru f'ċerti reġjuni, b'mod partikolari fil-Mediterran, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta' Barċellona dwar il-protezzjoni tal-ambjent marittimu, u b'mod aktar partikolari tas-seba' protokoll li bih l-Istati Membri kkonċernati ddeċidew li jmexxu flimkien il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta tal-Mediterran (ICZM) billi jadottaw strumenti vinkolanti. Minbarra t-tħeġġiġ ta' approċċ komuni għall-ippjanar spazjali marittimu, l-Unjoni Ewropea tista' tgħin biex il-konvenzjonijiet reġjonali ta' kull żona marittima jsiru parti mill-iżvilupp marittimu sostenibbli u integrat b'rabta ma' kull reġjun marittimu kkonċernat;

    16.

    iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-proġetti pilota f'kull żona marittima bil-għan li tqabbel il-validità tal-prinċipji proposti mad-diversità tal-ibħra reġjonali. Ifakkar li l-aktar reġjuni mbiegħda li jkopru proporzjon kbir tal-ispazju marittimu Ewropew għandhom jiġu integrati bis-sħiħ f'dan l-istrument;

    17.

    jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-awtoritajiet territorjali fil-qasam tal-ippjanar spazjali marittimu, b'mod partikolari bħala finanzjaturi ta' ċerti politiki, iżda wkoll fil-livell lokali billi huma dawk li l-aktar jistgħu jorganizzaw il-konvivenza armonjuża tal-forom differenti ta' użu. Is-sħubiji marittimi u kostali stabbiliti u n-netwerks marittimi għandhom rwol vitali għaliex jgħinu biex l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-ippjanar spazjali marittimu fl-Istati Membri jsiru aktar faċli. Minkejja li ħafna drabi l-Istati Membri jmexxu l-amministrazzjoni tal-ilmijiet territorjali u taż-ŻEE (7), l-awtoritajiet territorjali jintervjenu skont il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma, eċċ. u kultant tal-portijiet jew ta' spazji protetti. B'mod ġenerali għandhom ir-responsabbiltà li jiffavorixxu żvilupp sod u bbilanċjat li jinkludi wkoll l-ispazju marittimu;

    18.

    jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-ippjanar spazjali tal-art u tal-baħar jitmexxew flimkien b'mod koerenti sabiex jiġi immaniġġjat sew il-wiċċ bejn l-art u l-baħar, b'mod partikolari matul il-kosta. Ifakkar f'dan ir-rigward ix-xogħlijiet li saru fil-qafas tal-ICZM;

    19.

    ifakkar li r-reġjuni u l-bliet Ewropej diġà bdew kooperazzjonijiet transkonfinali u transnazzjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-programm INTERREG, u b'hekk jistgħu jmexxu proġetti komuni marbuta mal-ġestjoni tal-ispazju marittimu. Iqis ukoll li r-REKT jistgħu joffru possibbiltajiet ta' kooperazzjoni reġjonali interessanti;

    20.

    jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni waqqfet netwerk Ewropew ta' osservazzjoni u ta' data tal-ambjent marittimu li għandu jitlesta sa tmiem l-2009 u li għandu jirriżulta fi prototip ta' Atlas Ewropew tal-ibħra, u jittama li l-Atlas Ewropew tal-ibħra tal-ġejjieni jkun jista' jiġi assoċjat mal-għodda l-ġdida Google Ocean li ġiet ippreżentata fi Frar 2009;

    21.

    jiddispjaċih li l-Kummissjoni mhix qed tiżviluppa l-kwistjoni tas-sussidjarjetà biżżejjed. F'dan l-istadju, il-Proposta tal-Kummissjoni hija msejsa fuq għadd ta' bażijiet legali (fosthom dawk dwar il-politika tat-trasport u l-iżvilupp sostenibbli). Madankollu, il-politiki tal-ġestjoni tat-territorju s'issa kienu meqjusa bħala kompetenza esklużiva tal-Istati Membri skont it-Trattat ta' Nizza. Però jekk jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona u fil-kuntest tal-għan il-ġdid tal-koeżjoni territorjali, tinbet pereżempju l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (li jikkorrispondi għall-Artikolu 308 TKE tat-Trattat ta' Nizza) jistax iservi bħala bażi legali għall-azzjonijiet regolatorji tal-ġejjieni fil-qasam tal-ippjanar spazjali marittimu;

    It-trasport marittimu

    22.

    iqis li fl-istess ħin it-trasport marittimu huwa, minn naħa, element essenzjali tal-ekonomija Ewropea, sors ta' dħul u ta' impjiegi, għandu l-għarfien uman u teknoloġiku, u jikkontribwixxi għall-prestazzjoni ambjentali u l-kompetittività, u min-naħa l-oħra jitlob ċerti prekawzjonijiet fir-rigward tas-sigurtà marittima. L-importanza tiegħu għall-ġestjoni sostenibbli għandha tkompli tikber b'mod kontinwu billi jingħelbu d-diffikultajiet fir-rigward ta' mezzi ta' trasport oħra u billi jinħolqu obbligi ambjentali għal dan il-mezz ta' trasport. Fil-fatt, minkejja li t-trasport marittimu huwa partikolarment espost għall-konsegwenzi tal-ekonomija finanzjarja, xorta waħda jibqa' l-mezz ewlieni tal-ekonomija reali. Barra minn hekk, ladarba din tibda tirkupra, il-portijiet Ewropej għandu jkollhom il-kapaċità li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-industrija marittima f'termini ta' faċilitajiet u servizzi. Matul l-għaxar snin li għaddew, l-adattament tal-għodda tal-port Ewropew ma sarx bl-istess rittmu bħall-biċċa l-kbira tal-portijiet dinjin, prinċipalment dawk Ażjatiċi. Għaldaqstant, l-infrastrutturi tal-portijiet Ewropej għandhom jingħataw spinta 'l quddiem sabiex ikunu jistgħu jaffrontaw l-isfidi futuri tal-kummerċ dinji;

    23.

    jappoġġja r-rieda li jitlesta s-suq intern sabiex it-trasport marittimu jiġbed aktar nies lejh u jsir aktar kompetittiv. Madankollu, jiddispjaċih li l-miżuri konkreti jiffokaw essenzjalment fuq dan il-punt. Jixtieq b'mod partikolari li l-aspetti soċjali u ambjentali jitqiesu b'mod sħiħ;

    24.

    jenfasizza li l-politika tat-trasport marittimu għandha tkun maħsuba bħala element tal-katina loġistika kollha li tagħmel parti minnha. Dan jimplika li l-portijiet għandhom jitqiesu bħala fundamentali fir-rabta bejn id-diversi mezzi ta' trasport ta' merkanzija minn post għal ieħor fl-ispazju Ewropew jew internazzjonali. Għaldaqstant, il-portijiet m'għandhomx jitqiesu bħala sempliċi punt tat-tluq jew destinazzjoni finali, iżda bħala l-fattur deċiżiv fit-trasport minn “bieb għal bieb”;

    25.

    jinsisti fuq il-ħtieġa li l-portijiet isiru verament oqsma ta' referenza fil-ġestjoni virtwali tal-katina tat-trasport u kapaċi jbassru l-ġestjoni tal-flussi tal-merkanzija. Dan ifisser li s-sistemi ta' informazzjoni li jippermettu t-titjib tas-servizzi tat-trasport u tal-loġistika permezz ta' monitoraġġ f'ħin reali tal-merkanzija m'għandhomx jieqfu waqt it-tranżitu f'port. Għal dan il-għan għandha tiġi żviluppata, jew għandha ssir riċerka dwarha f'każ li ma teżistix, l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tat-tħaddim tal-portijiet u mal-pjattaformi interni;

    26.

    jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li l-livell ta' obbligi amministrattivi u doganali tat-trasport marittimu jkunu bħal dawk tal-mezzi ta' trasport l-oħra. Pereżempju, mhux realistiku li jiġi rrakkomandat it-trasferiment tat-trasport tal-merkanzija mit-triq għat-trasport marittimu b'konformità mal-kunċett tal-awtostradi tal-baħar, jekk il-formalitajiet tal-imbark jew l-iżbark tat-trakkijiet fuq il-bastimenti jibqgħu ma jistgħux jingħelbu mill-utenti potenzjali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet għandhom jitnaqqsu biex jirriflettu l-kundizzjonijiet speċifiċi tat-trasport marittimu (in-natura miftuħa tal-ibħra u b'hekk in-nuqqas ta' fruntieri determinati fil-portijiet, is-sitwazzjonijiet ta' periklu partikolari għall-ambjent marittimu f'każ ta' inċidenti, eċċ.);

    Strateġija marittima 2018  (8)

    27.

    jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-oqsma ewlenin ittrattati fit-test, jiġifieri:

    l-appoġġ tal–kummerċ marittimu internazzjonali b'kundizzjonijiet ġusti filwaqt li jiġu rispettati r-regoli universali,

    il-valorizzazzjoni tal-professjonijiet marittimi (taħriġ, kwalifiki, professjonalizzazzjoni, eċċ.) u konformità mal-miżuri li ħadet l-ILO dwar it-trattament ġust tal-baħħara, il-kondizzjonijiet tal-għajxien tagħhom u l-paga tagħhom,

    l-iżvilupp ta' trasport marittimu mingħajr skart u emissjonijiet, li jagħmel parti integrali mill-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli,

    il-garanzija tas-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport marittimu għal perijodu twil ta' żmien permezz tar-rispett tar-regoli definiti u l-iżvilupp tal-azzjonijiet ta' prevenzjoni;

    28.

    madankollu, jinsab imħasseb dwar il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li timplimentahom meta titqies il-firxa tal-kamp ta' applikazzjoni li jkopru. F'dan ir-rigward jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikklassifika l-problemi skont l-importanza tagħhom u tistipula l-prijoritajiet f'termini ta' azzjonijiet meħtieġa billi tfassal, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha, pjan direzzjonali dettaljat malajr kemm jista' jkun u qabel it-tmiem tal-2009;

    29.

    jiddispjaċih li l-proposti konkreti jikkonċernaw biss il-liberalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-kompetittività u l-produttività. Jinnota li l-preservazzjoni tal-ambjent jew il-garanzija tal-aqwa regoli soċjali għall-baħħara huma limitati għal lista ta' prinċipji ewlenin mingħajr ma jistabbilixxu kalendarju u azzjonijiet konkreti;

    30.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-trasport marittimu huwa mezz ta' trasport sostenibbli li jagħti kontribut deċiżiv għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u t-tniġġis tal-arja, u b'mod aktar ġenerali, għal trasport aktar ekoloġiku. Iqis bħala prijorità politika l-iżvilupp ta' sistema tat-trasport li tħares aktar l-ambjent. Fil-fatt, il-KtR iqis li t-trasferiment modali lejn it-trasport marittimu jippermetti li jiġu sodisfatti kemm it-talba li qed tiżdied għat-trasport (passiġġieri u merkanzija) kif ukoll l-eżiġenzi marbuta mal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Il-KtR jiddispjaċih b'mod partikolari li t-trasport marittimu internazzjonali għadu qed jitħalla barra mill-mekkaniżmi tal-protokoll ta' Kjoto u mill-kalendarju tat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra (GES). Għaldaqstant iħeġġeġ lill-IMO biex tipproponi malajr, b'mod partikolari fit-tħejjija tal-Konferenza tan-NU dwar il-klima f'Diċembru 2009 f'Kopenħagen, regolamentazzjoni vinkolanti dwar l-emissjonijiet tal-GES, li għandha tapplika għall-bastimenti kollha irrispettivament mill-Istat tal-bandiera, bl-għan aħħari li tiġi adottata fl-2011. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taħdem biex tippromovi ċ-ċertifikati ambjentali komuni u trasparenti għall-bastimenti u l-portijiet, bħal pereżempju l-Environmental Ship Index (ESI) li qed tiżviluppa l-World Ports Climate Initiative. Madankollu, l-Unjoni Ewropea, sabiex kemm jista' jkun tevita li tpoġġi lill-industrija marittima Ewropea fi żvantaġġ ekonomiku, għandha toqgħod attenta li r-regolamenti vinkolanti jiġu adottati fil-livell internazzjonali. Barra minn hekk, wieħed għandu jeżamina l-effetti tal-introduzzjoni ta' taxxi tal-portijiet li jvarjaw skont l-impatt ambjentali;

    31.

    jenfasizza li l-għan tat-trasport marittimu aktar ekoloġiku għandu jwassal ukoll, lil hinn mill-miżuri maħsuba biex inaqqsu l-effett ekoloġiku tal-bastimenti, għall-istima u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-faċilitajiet loġistiċi u tal-portijiet. Jinnota f'dan ir-rigward li minkejja li l-aċċelerazzjoni tal-proċeduri għall-iżvilupp tal-portijiet hija fundamentali biex tiżgura l-kompetittività tal-portijiet Ewropej, hija m'għandhiex titwettaq bi ħsara għall-kwalità tal-istimi ambjentali, mingħajr ma tintesa l-ħtieġa li titfassal regolamentazzjoni speċifika li ma tkunx miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti u b'hekk ixxekkel il-kompetizzjoni. L-integrazzjoni urbana tajba tal-attivitajiet marittimi, loġistiċi u tal-portijiet għandha titqies bħala għan sħiħ tal-politika marittima Ewropea;

    32.

    jemmen li t-trasport marittimu għandu jkun settur eżemplari ta' kif naslu għal trasport aktar ekoloġiku, u f'dan il-kuntest jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġja bis-sħiħ ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti u l-portijiet; pereżempju, wieħed għandu jikkunsidra kif jista' jiġi evitat it-tniġġis tal-ilma kkawżat mill-bastimenti;

    33.

    jinnota li l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru teħtieġ il-mobbilizzazzjoni ta' mezzi importanti, u jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-prezz tal-istrumenti proposti, tiċċara kif ser jiġu ffinanzjati u tirrikkomanda kif jistgħu jinqasmu bejn id-diversi partijiet interessati. Iqis li t-trasport marittimu, bħala mezz ekoloġikament aktar sostenibbli mit-trasport bit-triq, għandu jiġi appoġġjat b'aktar iffinanzjar Komunitarju, u jistieden lill-Unjoni Ewropea tieħu l-inizjattivi indispensabbli kollha sabiex ikun hemm ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa;

    34.

    jitlob li fir-reviżjoni li jmiss tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport tingħata aktar importanza lill-investimenti tal-portijiet u r-rabta tagħhom mal-art interna fil-kuntest tal-baġit Ewropew: il-Fondi Strutturali, it-TEN-T u Marco Polo. Il-kompromessi li ntħalqu bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni wasslu għal żbilanċ bi ħsara għall-element marittimu u l-portijiet. Fil-ġejjieni l-mappa tal-portijiet Ewropej għandha tkun aktar ibbilanċjata bejn il-kategoriji tal-portijiet (rikonoxximent tal-interess tal-portijiet iż-żgħar u ta' daqs medju sabiex titejjeb l-aċċessabbiltà) u bejn ir-reġjuni (ċentru/periferija), u l-istrumenti finanzjarji kollha tal-Komunità għandhom jikkontribwixxu għal dan;

    35.

    iqis li l-għan li jinżammu r-regoli ta' kompetizzjoni ekwa bejn id-diversi mezzi ta' trasport jinvolvi l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (b'mod partikolari dawk ambjentali) u li fin-nuqqas tagħha, ir-regoli tas-suq ma jistgħux ikunu l-uniċi li jirregolaw il-flussi tat-traffiku marittimu;

    36.

    ifakkar ukoll fir-riskju ta' appoġġ differenzjat għall-gżejjer tat-territorju Komunitarju, li jiddependu ħafna minn dan il-mezz ta' trasport għall-kompetittività tagħhom u għad-dħul tagħhom fl-iskambji internazzjonali u ġewwa l-Ewropa. Itenni x-xewqa tiegħu li l-gżejjer tal-Unjoni jkunu tassew marbuta mas-sistema tal-“awtostradi tal-baħar”, sabiex jitjieb l-aċċess tagħhom għas-suq komuni (9);

    37.

    jappoġġja l-proposta tat-twaqqif ta' Grupp ta' Ħidma sabiex jidentifika l-modi ta' kif jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn il-kondizzjonijiet tal-impjieg tal-baħħara u l-kompetittività tal-flotta Ewropea. Jipproponi li dan ir-rwol jitwessa' biex il-grupp jidentifika wkoll standard soċjali minimu sabiex il-fattur uman isir fattur tal-żvilupp ukoll; fil-fatt, huwa jqis li t-taħriġ, il-professjonaliżmu, il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ekwipaġġi huma elementi fundamentali biex il-miżuri kollha li jimmiraw li jiżguraw il-kompetittività tas-servizzi marittimi, is-sigurtà u s-sikurezza marittima, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent ikollhom suċċess. Għal dan il-għan jistieden lill-Unjoni Ewropea tiżviluppa mekkaniżmu speċifiku għall-ġestjoni u l-kontroll ta' aġenziji tal-impjiegi (imsejħa “manning agencies”) b'konformità mal-konvenzjonijiet tal-ILO, imfassal fuq dak imwaqqaf għaċ-ċentri ta' taħriġ fuq il-bażi tal-konvenzjoni STCW;

    38.

    flimkien mal-Kummissjoni, jenfasizza l-importanza ċentrali tal-kwistjonijiet ta' taħriġ għas-setturi marittimi kollha u japprova l-proposti mfassla dwar dan. Jilqa' b'mod partikolari l-miżura proposta għat-twaqqif ta' sistema tat-tip “ERASMUS” għall-qasam marittimu u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirfina l-proposta tagħha sabiex tiċċara t-termini u l-ambitu ta' applikazzjoni tagħha u b'mod partikolari l-kwistjoni ta' kif ser tinfirex lil hinn mit-taħriġ tal-uffiċjali għaż-żgħażagħ kollha li jkunu qed jitħarrġu fl-affarijiet marittimi;

    39.

    iqis li l-proposti dwar ir-riżorsi umani, il-kompetenzi u l-għarfien marittimu għandhom ikunu mmirati lejn is-settur marittimu kollu, inklużi l-estensjonijiet tiegħu fuq l-art, jiġifieri l-impjiegi fil-portijiet jew dawk marbuta mal-attivitajiet loġistiċi u ta' qabel u wara l-ġarr. Għalhekk fil-livell Ewropew għandu jitwaqqaf qafas ġenerali li jistabbilixxi gwida tal-prattiki t-tajba u kulħadd għandu jipprova jilħaqhom. L-istess qafas għandu jistipula wkoll għadd ta' limiti li jimpedixxu, pereżempju, il-prinċipju tal-awtoassistenza għall-operazzjonijiet tat-trasbord. Tali qafas jista' jitwaqqaf biss jekk jiġi applikat b'mod flessibbli f'kull port. Il-fatt li d-Direttiva dwar il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-portijiet ma ntlaqgħatx darbtejn ifakkar li kull inizjattiva ta' regolamentazzjoni, li skont id-definizzjoni tagħha tkun riġida, mhix ser tirnexxi;

    40.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiċċara l-modi ta' kif jiġi evitat tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn il-portijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' sikurezza;

    41.

    jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika kif tista' tiġi evitata distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn il-portijiet fi ħdan l-implimentazzjoni tal-obbligazzjonijiet imposti mid-Direttivi Ewropej, b'mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà;

    42.

    jaqbel mal-proposti fil-qasam tas-sigurtà marittima u jinnota l-progressi kbar li saru fl-armonizzazzjoni ta' dawn il-kwistjonijiet. Jenfasizza li l-adozzjoni reċenti mill-Parlament Ewropew tat-tielet Pakkett Marittimu (Erika III) tagħti xhieda tal-ħila li r-regoli tat-trasport marittimu jiġu armonizzati. Jinkwieta dwar ir-riskji l-ġodda fit-trasport marittimu, speċjalment l-inċidenti li jinvolvu vapuri tal-kontejners jew tankers li jġorru l-kimiċi, b'mod partikolari meta llum id-daqs tal-vapuri qiegħed jikber, u jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika l-miżuri li diġà ġew adottati jew li huma maħsuba biex jindirizzaw dan l-aspett;

    43.

    jemmen li l-istretti li minnhom jgħaddi t-traffiku internazzjonali jeħtieġu approċċ speċifiku mmirat lejn il-koordinazzjoni aħjar tal-immaniġġjar ta' dawn iż-żoni li qed jiffaċċjaw riskji sostanzjali u li l-atturi lokali jridu jindirizzawhom direttament. L-impatt ekonomiku u ambjentali ta' inċident marittimu fi strett kbir, bħal dak ta' Dover, huwa sostanzjali kemm għar-reġjuni marittimi kkonċernati kif ukoll għall-Ewropa kollha;

    44.

    jemmen li l-prattiki nazzjonali fil-qasam tal-kontroll doganali u veterenarju jistgħu joħolqu xi distorsjonijiet għall-kompetizzjoni, u għalhekk jixtieq żieda fil-kontroll mill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni leali;

    45.

    jinsisti fuq l-importanza tad-dimensjoni esterna tal-politika marittima, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport. Iqis li l-armonizzazzjoni tar-regoli ta' ħidma skont id-diversi bnadar Ewropej għandha tippermetti t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u li jsir avvanz lejn armonizzazzjoni dinjija tar-regoli li jirregolaw it-trasport marittimu. Għaldaqstant, jixtieq li l-UE ssemma' aktar leħinha fil-fora internazzjonali (l-IMO, id-WTO u l-ILO) biex it-trasport marittimu Ewropew ikun jista' jevolvi f'ambjent kompetittiv aktar trasparenti u leali. Iħeġġeġ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkoordina l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fi ħdan l-IMO, u jinkoraġġixxi li l-Unjoni Ewropea tingħata l-istatus ta' osservatur f'din l-organizzazzjoni;

    46.

    jinsab imħasseb dwar il-perjodu li ntgħażel għal din l-Istrateġija Marittima, jiġifieri bejn l-2009 u l-2018. Jitlob għall-aġġornament (ulterjuri) tal-kalendarju tal-Istrateġija l-ġdida ta' Liżbona wara l-2010;

    Spazju marittimu mingħajr konfini

    47.

    jaqsam l-għan li jitneħħew jew jitnaqqsu l-proċeduri amministrattivi kollha jew biċċiet minnhom li jxekklu l-iżvilupp tat-Tbaħħir fuq Distanzi Qosra (SSS) fl-Unjoni Ewropea filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta' sigurtà u protezzjoni tal-ambjent;

    48.

    jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li timplimenta spazju ta' trasport marittimu mingħajr konfini, li jippermetti li jitlesta s-Suq intern fil-qasam tat-trasport marittimu, iżda jiddispjaċih li hija ma tirreferix għal spazju marittimu komuni, li jmur lil hinn mit-tneħħija tal-konfini amministrattivi u fiskali għall-bastimenti li jgħaddu bejn il-portijiet Ewropej;

    49.

    jixtieq li l-aspetti soċjali jitqiesu kompletament u li l-Unjoni Ewropea tagħmel mezz biex ir-regoli internazzjonali dwar il-liġi tax-xogħol u l-protezzjoni ambjentali jiġu mħarsa aktar sabiex jinżammu kondizzjonijiet leali ta' kompetizzjoni f'livell dinji. Iqis għalhekk li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni mhumiex ħlief l-ewwel pass lejn it-twaqqif ta' spazju marittimu komuni ġenwin. F'dan ir-rigward, jilqa' l-modi differenti ta' kif jista' jseħħ il-progress imniżżla fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 2009 u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta minnufih il-fażijiet li jmiss tat-twaqqif ta' spazju marittimu komuni;

    50.

    jilqa' l-linji gwida proposti għas-semplifikazzjoni, l-armonizzazzjoni, it-tieqa unika u t-trażmissjoni elettronika. Iqis li l-bastimenti rreġistrati taħt bandiera ta' Stat Membru u li jbaħħru bejn żewġ portijiet tal-Unjoni Ewropea m'għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi ta' dokumenti aktar vinkolanti mill-mezzi ta' trasport l-oħra, sakemm ma jkun hemm l-ebda aspett tas-sigurtà speċifiku għat-trasport marittimu li jopponi dan;

    51.

    jenfasizza l-isforz li jiġu semplifikati l-formalitajiet tar-rappurtar u jitħaffef l-ipproċessar li nbeda diġà. Jilqa' r-rieda li titkompla s-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri amministrattivi bejn l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk doganali, veterinarji u fitosanitarji;

    52.

    jiddispjaċih li l-Kummissjoni użat il-frażi mhux maħsuba tajjeb “is-servizzi ta' pilotaġġ jistgħu jkunu sors ta' problemi gravi”. Ifakkar fl-importanza tas-servizzi ta' pilotaġġ għas-sigurtà marittima fil-portijiet u ż-żoni qrib il-portijiet. Għalhekk jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex ikunu stretti kemm jista' jkun fid-definizzjoni tal-qafas għall-għoti ta' eżenzjonijiet mill-pilotaġġ;

    53.

    jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġi evitat it-tgħawwiġ li jirriżulta mid-diverġenzi tal-interpretazzjoni fl-implimentazzjoni tal-proċeduri li diġà ġew armonizzati;

    54.

    jilqa' l-għan tat-tieqa unika, iżda jinnota li dan l-għan iġib miegħu investimenti qawwija fit-tagħmir għall-atturi kollha tas-settur. Iqis li n-netwerk Ewropew SafeSeaNet huwa prijorità biex l-iskambju tad-dokumenti bejn l-atturi tat-trasport marittimu ikun aktar razzjonali u mgħaġġel. Iqis li jinħtieġ appoġġ għat-tagħmir tal-komunitajiet tal-portijiet biex jiżgura l-effikaċja tas-sistemi tal-iskambji tad-dokumenti u s-suċċess ta' dan in-netwerk Ewropew. Bl-istess mod, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-konsegwenzi ta' ċerti miżuri proposti dwar il-portijiet iż-żgħar u ta' daqs medju u jistedinha tieħu l-passi meħtieġa biex il-miżuri msemmija ma jwasslux għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni li jfixkel il-bilanċ tan-netwerk tal-portijiet Ewropej;

    Għajnuna mill-Istat li tikkumplementa l-iffinanzjar Komunitarju għat-tnedija tal-awtostradi tal-baħar  (10)

    55.

    jilqa' l-inizjattiva ta' kjarifika tal-Kummissjoni dwar ir-rabta bejn id-diversi strumenti ta' għajnuna mill-Istat li tikkompleta l-iffinanzjar Komunitarju għat-tnedija tal-awtostradi tal-baħar. Jenfasizza l-karattru fundamentali u deċiżiv tal-appoġġ finanzjarju tal-awtoritajiet pubbliċi għall-iżvilupp tal-SSS. Ifakkar li t-tneħħija tal-konġestjoni tan-netwerk tat-toroq u tat-tnaqqis tal-impatt tal-merkanzija fuq l-ambjent jiġġustifika bis-sħiħ l-appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi għall-proġetti tal-awtostradi tal-baħar. Għaldaqstant, il-possibbiltà rikonoxxuta li tinġieb l-għajnuna mill-Istat f'livell nazzjonali, reġjonali jew lokali għandha tintlaqa', iżda m'għandhiex titqies bħala tweġiba sodisfaċenti għan-nuqqas ta' fondi Ewropej allokati għall-awtostradi tal-baħar;

    56.

    jiddispjaċih li l-kriterji li adottat il-Kummissjoni waqt l-analiżi tal-proġetti kienu relatati prinċipalment mal-vijabbiltà tas-servizz fuq perijodu qasir.Din diffiċli tintlaħaq f'perjodu qasir ta' żmien minħabba l-importanza tal-investimenti inizjali li jridu jsiru, u n-nuqqas ta' ċertezza dwar ir-rata ta' okkupanza tal-bastimenti, bħalma juri l-esperiment li sar bejn il-portijiet ta' Toulon u Civitavecchia (Ruma) mill-2005 sal-2008;

    57.

    jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' riflessjoni ġenerali rigward in-natura tal-operazzjonijiet u tal-investimenti eliġibbli għas-sussidji Ewropej fid-dawl tal-fatt li l-istrumenti implimentati f'dawn l-aħħar snin ma kellhomx ir-riżultati mistennija. Lil hinn mill-kumplessità tagħhom, ċerti aspetti tal-mekkaniżmi ta' ffinanzjar li ġew proposti jidhru inadegwati jew mhumiex daqstant meħtieġa fir-rigward tal-ħtiġijiet tat-tnedija ta' servizz tal-awtostradi tal-baħar;

    58.

    jissuġġerixxi li l-bastimenti mibnija jew mixtrija minn operatur marittimu u użati f'awtostrada tal-baħar għandhom ikunu jistgħu – permezz ta' deroga – jiġu ttrattati bħala infrastruttura, minkejja li huma ta' natura mobbli. B'hekk dawn il-bastimenti jkunu jistgħu jiġu ssussidjati bħal ħafna investimenti fit-toroq u fil-ferroviji. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-QEĠ u b'mod partikolari s-sentenzi dwar il-każijiet Ferring (C-53/00) u Altmark (C-280/00), dan m'għandux jirriżulta f'appoġġ finanzjarju għat-tħaddim tal-bastimenti għax dan imur lil hinn minn kumpens finanzjarju għall-obbligi tas-servizz pubbliku. L-isfidi ambjentali marbuta mal-kunċett ta' awtostrada tal-baħar jeħtieġu miżuri eċċezzjonali. Il-benefiċċji mistennija mill-bidla modali mit-trasport bit-triq għat-trasport bil-baħar ser jinħassu biss jekk din il-bidla ssir realment. F'dan il-kuntest, l-idea ta' trasferiment mill-iffinanzjar bil-quddiem għat-trasferiment modali ma tidhirx ħażina;

    59.

    jixtieq li l-operaturi privati (sidien tal-bastimenti, esperti tal-loġistika, operaturi) – li għandhom rwol deċiżiv fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-kunċett tal-awtostradi tal-baħar – jingħaqdu u jinstemgħu bis-sħiħ fil-kuntest ta' analiżi fil-fond tar-raġunijiet li jżommuhom milli jieħdu deċiżjoni dwar it-tnedija tas-servizz tal-awtostradi tal-baħar;

    60.

    għalhekk jirrakkomanda li l-uffiċċji tal-promozzjoni tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra- mwaqqfa fl-Istati Membri (ċentri tal-kompetenza nazzjonali) jiġu rikonoxxuti aktar u li l-missjonijiet tagħhom jissaħħu. Dan ifisser li r-riżorsi umani u finanzjarji tagħhom għandhom jiżdiedu b'mod sostanzjali, pereżempju fil-kuntest tal-kuntratti ta' sħubija mal-awtoritajiet reġjonali marbuta mal-qasam marittimu u l-atturi privati tal-katina tat-trasport: proprjetarji tal-bastimenti, operaturi tal-loġistika, dawk li jgħabbu l-merkanzija, eċċ.;

    61.

    iqis li s-sistema tal-għajnuna mill-Istat li tikkumplementa l-iffinanzjar Komunitarju għat-tnedija tal-awtostradi tal-baħar setgħet ġiet integrata, fl-interessi tal-leġġibbiltà, fit-test tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu;

    62.

    b'mod aktar ġenerali, jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibbiltà ta' allinjament ġenerali tar-regoli ta' intervent ta' għajnuna mill-Istat u tal-iffinanzjar Komunitarju għall-iżvilupp tal-awtostradi tal-baħar;

    63.

    iqis, bħall-Kummissjoni li “l-iffissar ta' ammont predeterminat ta' fondi pubbliċi li wieħed jista' joqgħod fuqhom huwa bżonnjuż għall-offerenti potenzjali”. Jinnota f'dan ir-rigward li l-klawsoli ta' rimbors jistgħu iżommu lura lill-atturi ekonomiċi minħabba li dawn huma marbuta li jroddu lura l-għajnuna finanzjarja fi tmiem il-proġetti jekk l-għanijiet ma jkunux intlaħqu. Jisħaq li l-għajnuna mill-Istat għall-awtostradi tal-baħar trid tkun ikkondizzjonata minn kemm jintlaħqu l-għanijiet preċiżi, iżda jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-awtostradi tal-baħar tipprevedi xi objettivi gradwati li jikkondizzjonaw it-tkomplija tal-appoġġ finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi;

    64.

    jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred l-informazzjoni, li tmur lil hinn minn l-pubblikazzjonijiet uffiċjali, ħafna aktar, biex jiżdied l-għarfien pubbliku tal-operaturi dwar il-validità tal-politika tagħha u, fl-istess ħin, tgħarraf li hija determinata biex, filwaqt li toqgħod attenta li ma toħloqx tgħawwiġ reali tal-kompetizzjoni, taffronta l-akbar sfida tat-trasferiment modali mit-trasport bit-triq għat-trasport bl-baħar permezz tal-miżuri adattati, f'konformità sħiħa mal-ambizzjonijiet imsemmija fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli;

    Formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri

    65.

    jirrikonoxxi li s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi ta' użu ġeneralizzat tat-trażmissjoni elettronika tal-informazzjoni u ta' razzjonalizzazzjoni tal-formalitajiet ta' rappurtar tikkontribbwixxi biex iżżid l-attrazzjoni tat-trasport marittimu;

    66.

    jinnota li anki dawn il-miżuri huma ta' benefiċċju għas-sigurtà tal-ambjent u s-sigurtà marittima, billi jippermettu li jilliberaw l-ekwipaġġi minn xogħlijiet amministrattivi biex jiffokaw fuq il-ħarsien. Barra minn hekk, it-trażmissjoni elettronika tad-data tippermetti wkoll lill-awtoritajiet li jkollhom f'ħin reali l-informazzjoni meħtieġa biex jipproporzjonaw il-mezzi ta' intervent f'każ ta' inċident;

    67.

    jilqa' l-għażla tal-proċess progressiv ta' armonizzazzjoni, li jiżgura r-rabta u l-koerenza mal-kalendarju tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li huwa l-livell kompetenti fil-qasam.. Eżempju ta' dan huwa l-proposta ta' formola tranżitorja Ewropea biex tarmonizza t-talbiet ta' informazzjoni f'livell internazzjonali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja f'dan ir-rigward it-talba li saret lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fis-sessjonijiet tal-Kumitat FAL biex jagħmlu sforz biex il-formoli meħtieġa skont il-Konvenzjoni FAL jikkonformaw ma' dawk meħtieġa skont l-Atti eżistenti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

    68.

    jappoġġja l-għan ta' ġeneralizzazzjoni tas-sistema elettronika tal-iskambju tad-data sal-15 ta' Frar 2013, iżda jinnota li jridu jsiru investimenti kbar sabiex jiżguraw li l-katina kollha tat-trasport marittimu hija mgħammra tajjeb. L-ispejjeż tal-iżvilupp tas-sistemi ta' trażmissjoni tal-informazzjoni huma importanti għall-portijiet iż-żgħar. Jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni biex tiċċara l-għajnuna finanzjarja li tista' tingħata f'dan il-qafas;

    69.

    iqis, bħall-Kummissjoni, li s-semplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-formalitajiet u tad-dokumenti amministrattivi għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra; jilqa' f'dan ir-rigward l-eżenzjoni tal-formoli FAL għall-bastimenti li jaħdmu bejn il-portijiet tal-Unjoni Ewropea. Jekk ikun possibbli, il-Kodiċi ISPS għandu jiġi adattat għall-operaturi tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra;

    70.

    jiddispjaċih li l-kwistjoni tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, li titfa' lura b'mod konsiderevoli l-proċeduri operattivi u ġġib magħha spejjeż kbar f'ċerti żoni, ma ġietx meqjusa.

    71.

    Barra minn hekk jirrakkomanda bis-sħiħ li l-Istati Membri kollha jadottaw il-Konvenzjonijiet internazzjonali dwar ir-riċerka u s-salvataġġ marittimi (SAR) u għall-protezzjoni tal-ħajja fuq il-baħar (SOLAS). Dawn il-Konvenzjonijiet fil-fatt jiddefinixxu regoli komuni għall-Istati Membri kollha dwar l-obbligu li jsalvaw u jagħtu l-ewwel għajnuna lill-vittmi tan-nawfragi u lill-baħħara li jkunu qed jirriskjaw li jegħrqu jew li jkunu ġew abbandunati minn sid il-bastiment fl-ilmijiet tal-ispazju marittimu Ewropew. Madankollu jemmen li l-adozzjoni ta' dawn ir-regoli trid tmur id f'id mat-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' solidarjetà fil-livell tal-UE, għax il-migrazzjoni marittima irregolari ma tistax titħalla biss f'idejn l-Istati tal-UE li għandhom pożizzjoni marittima sensittiva fir-rigward tal-flussi migratorji. Fl-istess ħin jenfasizza li l-isforzi mmirati lejn it-titjib tal-operazzjonijiet ta' riċerka u salvataġġ tal-migranti u r-refuġjati f'sitwazzjoni ta' periklu fuq il-baħar jirrappreżentaw aspett wieħed biss tar-risposta għall-problema wiesgħa tal-migrazzjoni marittima irregolari.

    Brussell, is-17 ta' Ġunju 2009

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Luc VAN DEN BRANDE


    (1)  Ara CdR 22/2008: “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea”, punt 1.

    (2)  Il-popolazzjoni li tgħix f'żona inqas minn 50 km 'il bogħod mill-baħar jew mill-oċean.

    (3)  Linji gwida għal Strateġija Integrata għall-Politika Marittima: Lejn l-aqwa prassi fil-governanza marittima integrata u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. COM(2008) 395 finali

    (4)  Ara CdR 22/2008, punt 14.

    (5)  Ara COM(2008) 791 finali.

    (6)  B'mod partikolari fid-Direttiva Qafas tagħha dwar l-istrateġija għall-ambjent marittimu.

    (7)  Żoni Ekonomiċi Esklużivi

    (8)  Ara COM(2009) 8 finali.

    (9)  Ara CdR 119/2006: “Eżami ta' nofs it-term tal-White Paper dwar it-trasport”, punt 4.4.

    (10)  Ara 2008/C 317/8 (mhux disponibbli bil-Malti).


    Top