Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC1312

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument anċillari mal- Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat - Sommarju tal-valutazzjoni ta’ l-impatt {KUMM(2007) 602 finali} {SEG(2007) 1310} {SEG(2007) 1336}

/* SEK/2007/1312 finali */

52007SC1312

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument anċillari mal- Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat - Sommarju tal-valutazzjoni ta’ l-impatt {KUMM(2007) 602 finali} {SEG(2007) 1310} {SEG(2007) 1336} /* SEK/2007/1312 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.10.2007

SEG(2007) 1312

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Dokument anċillari mal- Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jistabbilixxi sistema Komunitarja biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT {KUMM(2007) 602 finali}{SEG(2007) 1310}{SEG(2007) 1336}

SOMMARJU

Ir-rapport ta' valutazzjoni ta' l-impatt dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal strateġija Komunitarja ġdida biex timpedixxi, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU jippreżenta għażliet possibbli, maħsuba biex tittejjeb l-effiċjenza tal-politika tal-Komunità sabiex jitrażżan is-sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux irregolat (IUU) u jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti ambjentali u soċjoekonomiċi tiegħu.

Ir-rapport jenfasizza l-ħsarat kbar li jikkawża s-sajd IUU fuq l-ambjent tal-baħar u fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija tas-sajd (kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità). Jipprovdi dejta dwar l-iskala tal-problema u jiċċara liema huma l-impeti li qed iwasslu lill-operaturi biex jinvolvu rwieħhom f'sajd IUU.

Ir-rapport jagħti fil-qosor ir-riżultati ewlenin miksuba sa issa mill-Komunità fil-politika tagħha kontra s-sajd IUU, mill-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar il-kwistjoni fl-2002. Tippreżenta l-isfidi attwali li l-Komunità jeħtieġ li tindirizza sabiex ittejjeb l-effiċjenza ta' l-azzjoni tagħha (l-prevenzjoni ta' l-importazzjoni ta' prodotti tas-sajd IUU ġewwa l-Komunità; tiskoraġġixxi l-operaturi tas-sajd u l-Istati milli jappoġġaw jew ikunu involuti f'sajd IUU, notevolment permezz ta' l-użu ta' "Bnadar ta' non-konformità"; ittejjeb il-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni dwar is-Sajd fl-ilmijiet tal-Komunità).

Ir-rapport janalizza l-effiċjenza u l-impatti ta' erba' għażliet għall–azzjoni fil-ġejjieni mill-Komunità:

1. Jkompli l-politika attwali u jiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-qafas eżistenti biss, mingħajr it-tfassil ta' proposti regolatorji ġodda;

2. Jiffoka fuq attivitajiet tas-sajd barra l-KE biss (permezz ta' azzjonijiet internazzjonali u ta' l-RFMO);

3. Isegwi approċċ każ b'każ, speċifiku għall-istokkijiet u ż-żoni suġġetti għal sajd IUU sinifikanti;

4. Jiżviluppa pakkett komprensiv, li jinkludi kemm miżuri regolatorji kif ukoll prinċipji politiċi li jiggwidaw il-politika tal-KE, li jkopru kemm l-ilmijiet tal-KE kif ukoll dawk esterni, jikkompleta l-qafas attwali u jiżgura konformità aħjar mar-regoli applikabbli, kif ukoll jippermetti lill-KE tadotta miżuri unilaterali ambizzjużi meta l-miżuri unilaterali ma jissodisfawx l-istennijiet tal-KE.

Ir-rapport jissuġġerixxi li l-aħħar għażla tkun l-unika waħda li hija kapaċi tindirizza effettivament l-isfidi attwali tal-Komunità sabiex tittejjeb l-effiċjenza ta' l-azzjoni tagħha kontra s-sajd IUU. L-ambitu komprensiv tagħha jippermetti li jiġu indirizzati l-lakuni attwali li jaffettwaw is-sistema Komunitarja u jinkoraġixxu t-tkomplija tas-sajd IUU. Din l-għażla tappoġġa miżuri b'ambitu wiesa' fl-oqsma kollha kkonċernati (skema ta' ċertifikazzjoni għall-importazzjoni; il-possibbiltà li l-Komunità timplimenta miżuri unilaterali lejn l-Istati jew il-bastimenti tas-sajd involuti fis-sajd IUU jew inkella li jappoġġawh; l-approssimazzjoni tal-livelli massimi tas-sanzjonijiet fir-rigward ta' ksur serju tar-regoli tal-PKS). Din l-għażla tkun tinvolvi tibdil importanti, u possibiliment ċerti spejjeż, partikolarment fir-rigward tad-dimensjoni kummerċjali ta' l-approċċ promoss, u tkun tirrikjedi miżuri anċillari għal ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jidher madankollu li l-approċċ ambizzjuż promoss permezz ta' din l-għażla jkun l-uniku wieħed proporzjonat ma' l-iskala tal-problema.

Top