Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IE1255

    Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-integrazzjoni tal-kummerċ globali u l-esternalizzazzjoni: kif jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda

    ĠU C 10, 15.1.2008, p. 59–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 10/59


    Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-kummerċ globali u l-esternalizzazzjoni: kif jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda”

    (2008/C 10/17)

    Nhar is-16 ta' Frar 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar L-integrazzjoni tal-kummerċ globali u l-esternalizzazzjoni:kif jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi l-ġodda.

    Il-Kummissjoni Konsultattiva għall-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Settembru 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Zöhrer u l-ko-rapporteur kien is-Sur Lagerholm.

    Matul l-438 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u 27 ta' Settembru 2007 (seduta tas-26 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'151 voti favur, vot kontra u 8 astensjonijiet.

    1.   Sinteżi

    1.1

    Il-bidliet fil-kummerċ u l-integrazzjoni dejjem akbar ta' l-ekonomiji fis-sistema dinjija tal-kummerċ huma mmexxija minn firxa wiesgħa ta' fatturi. Wieħed mill-fatturi l-aktar importanti huwa l-iżvilupp tad-diviżjoni internazzjonali tal-produzzjoni li waslet għal numru li qiegħed jikber ta' prodotti intermedjarji (oġġetti u servizzi) li qegħdin jinbiegħu u jinxtraw f'fażijiet differenti tal-proċess tal-produzzjoni. Il-kummerċ fil-prodotti intermedjarji huwa wieħed mill-forzi l-aktar qawwija li qegħdin jimbuttaw il-bidla industrijali u jirrappreżenta forma partikolari tad-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol.

    1.2

    F'dan il-kuntest, l-esternalizzazzjoni titkejjel permezz tal-flussi tal-kummerċ estern tal-prodotti intermedjarji, li hija differenti mid-definizzjoni użwali u sa ċertu punt tikkonċidi ma' dak li hu magħruf bħala rilokazzjoni barra mill-pajjiż (offshoring). Sabiex wieħed jagħmel din id-distinzjoni, wieħed jista' juża t-terminu “l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż” (offshore outsourcing).

    1.3

    Hemm numru ta' raġunijiet għal din l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż. L-ispejjeż tal-ħaddiema aktar baxxi (pagi u sigurtà soċjali) huma l-aktar prominenti fid-dibattitu. Madankollu, iktar importanti u lil hinn minn dan, hemm ukoll il-prezzijiet tal-materja prima u l-viċinanza għas-swieq li qegħdin jikbru fil-prominenza. Vantaġġi finanzjarji minħabba liġijiet ambjentali anqas stretti jew vantaġġi fiskali jistgħu wkoll iwasslu għall-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

    1.3.1

    Il-fenomenu ta' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż mhuwiex żvilupp ġdid, iżda huwa sinonimu ma l-organizzazzjoni tal-produzzjoni ibbażata fuq id-diviżjoni tax-xogħol, fejn in-negozji jispeċjalizzaw f'dak li jagħmlu l-aħjar u bl-aktar mod kost-effettiv. It-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni rħisa jħaffu l-pass ta' dan l-iżvilupp u jirrendu l-kummerċ transkonfinali possibbli f'ħafna setturi ġodda — speċjalment fis-settur tas-servizzi.

    1.3.2

    Sistema tat-trasport irħisa u effiċjenti hija kundizzjoni fundamentali għall-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

    1.4

    Il-volum tal-merkanzija li bħalissa qiegħed tiġi mixtrija u mibjugħa madwar id-dinja hija ħmistax il-darba akbar milli kienet fl-1950 u s-sehem tagħha fil-PGD globali ttrippla. Il-kummerċ madwar id-dinja fis-servizzi bħalissa qiegħed jilħaq rati ta' tkabbir simili għal dawk fl-oġġetti, u qiegħed jikber b'rata aktar mgħaġġla mill-PGD. Is-servizzi jiffurmaw ftit inqas minn 20 % tal-kummerċ internazzjonali.

    1.5

    Bejn 1992 u 2003, is-sehem tal-prodotti intermedjarji fl-importazzjonijiet globali kiber minn 52.9 % għal 54.1 % u tal-prodotti kapitali minn 14.9 % għal 16.6 %. Is-sehem tal-prodotti ta' kunsum waqa' ftit. Fost il-prodotti intermedjarji, hemm ċaqliqa importanti lejn il-kategorija tal-partijiet u l-komponenti.

    1.6

    Ix-xejriet ivarjaw ħafna anke fil-livell reġjonali. Filwaqt li s-sehem tal-prodotti intermedjarji fl-importazzjonijiet waqa' fl-UE-15, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, kiber fiċ-Ċina, fix-xlokk ta' l-Ażja u fl-Istati Membri ġodda ta' l-UE (UE-10).

    1.7

    It-tkabbir mgħaġġel fil-kummerċ tas-servizzi l-aktar li seħħ kien fil-kategorija “tas-setturi l-oħra,” li jinkludu servizzi relatati man-negozzju. B'hekk, is-servizzi finanzjarji, informatiċi u ta' l-informazzjoni huma b'saħħithom ferm. Ir-rebbiegħa ta' l-esternalizzazzjoni tas-servizzi huma l-Istati Uniti, l-UE-15 u l-Indja, din ta' l-aħħar marret tajjeb ħafna.

    1.8

    Kollox ma kollox, l-UE irnexxilha żżomm il-post tagħha fil-quċċata fil-kummerċ dinji kemm fil-prodotti kif ukoll fis-servizzi. L-ekonomija Ewropea hija fuq quddiem fis-suq fejn tidħol firxa wiesgħa ta' industriji ta' teknoloġiji intermedji u oġġetti li jirrikjedu investiment qawwi ta' kapital. Id-defiċit dejjem jikber ma l-Asja u l-prestazzjoni kemm xejn dagħjfa fil-qasam ta' l-ICT huma preokkupanti.

    1.9

    L-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż iżżid il-kummerċ, u dan iżid il-prosperità globali. Madankollu, il-Kumitat huwa konxju ukoll li f'din il-logħba hemm kemm telliefa kif ukoll rebbieħa, u li ġeneralment huwa aktar faċli li t-telliefa jiġu identifikati, peress li l-impatt huwa immedjat (per eżempju ħaddiema li jitilfu l-post tax-xogħol).

    1.10

    Peress li l-bilanċ ta' dawn l-iżviluppi fil-kummerċ ta' prodotti intermedjarji huwa pożittiv għall-UE, din tagħmel sew li tadotta attittudni pożittiva u proattiva lejn kummerċ dinji ħieles imma ġust u lejn strateġija ta' globalizzazzjoni attiva. Dan apparti, hemm bżonn li fl-UE jiġi żgurat li l-benefiċċji ggwadanjati jitqassmu bejn kulħadd.

    1.11

    L-UE trid taġixxi favur kondizzjonijiet ġusti u żvilupp sostenibbli fil-kummerċ dinji (ekonomiku, soċjali u ambjentali).

    1.12

    L-UE trid tkun konxja tal-vantaġġi tagħha u tibni fuqhom. B'mod partikolari, dawn is-setturi ta' teknoloġija intermedja li diġa ssemmew huma ta' spiss ikkaratterizzati minn livelli għoljin ta' innovazzjoni. Aktar minn hekk, madankollu, l-investiment fit-tagħmir u l-ideat huwa meħtieġ fl-oqsma l-ġodda.

    1.13

    Fid-dawl ta' l-iżvilupp ta' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, hemm bżonn ta' analiżi aktar iddettaljata b'mod urġenti. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi din l-analiżi, li għandha tinkludi x-xenarji possibbli fuq perijodu qasir u intermedju, u li tinvolvi l-partijiet interessati fil-proċess. Din l-analiżi tista' wkoll tifforma parti mill-analiżi settorjali taħt il-politika industrijali l-ġdida u sservi ta' bażi għad-diskussjoni taħt id-djalogu soċjali settorjali.

    1.14

    Ir-risposti għall-isfidi għall-Ewropa li qegħdin iqumu mill-integrazzjoni tal-kummerċ dinji u ż-żjieda fir-rilokazzjoni barra mill-pajjiż tal-produzzjoni Ewropea, jinsabu prinċipalment fl-istrateġija ta' Lisbona. F'dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-punti li ġejjin bħala essenzjali sabiex l-Ewropa tkun tista' tadatta u tkun kompetittiva fil-proċess ta' globalizzazzjoni:

    It-tkomplija u t-tisħiħ tas-suq intern

    Il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni;

    Stimulazzjoni ta' l-impjieg.

    2.   Sfond u ġustifikazzjoni għall-opinjoni

    2.1

    Il-bidliet fil-kummerċ u l-integrazzjoni dejjem akbar ta' l-ekonomiji fis-sistema dinjija tal-kummerċ huma mmexxija minn firxa wiesgħa ta' fatturi (liberalizzazzjoni tal-kummerċ, spejjeż aktar baxxi tat-trasport u tal-komunikazzjoni, dħul li qiegħed jikber, diviżjoni internazzjonali tax-xogħol li qiegħda tiżdied, eċċ.). Wieħed mill-fatturi l-aktar importanti huwa l-iżvilupp tad-diviżjoni internazzjonali tal-produzzjoni li waslet għal numru li qiegħed jikber ta' prodotti intermedjarji (oġġetti u servizzi) li qegħdin jinbiegħu u jinxtraw f'fażijiet differenti tal-proċess tal-produzzjoni. Din iż-żieda fil-kummerċ intermedju, li hawnhekk qiegħda tiġi deskritta bħala esternalizzazzjoni, qiegħda twassal għar-ristrutturazzjoni ta' proċessi ta' produzzjoni numerużi fil-livell globali u reġjonali, u qiegħda sseħħ ukoll b'ħafna oqsma fis-settur tas-servizzi.

    2.2

    Il-vantaġġi relattivi tradizzjonali tal-pajjiżi industijalizzati minħabba fil-forza tax-xogħol imħarrġa tagħhom u fl-għarfien tekniku fir-rigward tal-prodotti tagħhom u/jew tal-proċessi tal-produzzjoni tagħhom huma suġġetti għal pressjoni li qiegħda tiżdied f'numru ta' direzzjonijiet. F'dan l-ambjent li jinbidel malajr, l-UE qiegħda tiġi ffaċċjata minn kompetituri ġodda li tfaċċaw, f'firxa wiesgħa ta' setturi ta' l-ekonomija u fis-settur tas-servizzi b'valur miżjud għoli. Għalhekk l-isfidi għan-negozzji ta' l-UE dejjem qegħdin jikbru.

    2.3

    Il-kummerċ fil-prodotti intermedjarji huwa wieħed mill-forzi l-aktar qawwija li qegħdin jimbuttaw il-bidliet industrijali u jirrappreżenta forma partikolari tad-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol, li malajr qiegħed jieħu post forom aktar tradizzjonali ta' globalizzazzjoni. Huwa ċar daqs il-kristall li l-globalizzazzjoni tas-swieq, flimkien mal-progress tekniku, jagħmilha possibbli li l-proċess tal-produzzjoni ta' prodott partikolari jinqasam f'serje ta' proċessi varji fl-istadji bikrin u aktar tard li ta' spiss huma mifruxa ma' diversi pajjiżi.

    2.4

    Din l-opinjoni tfittex, l-ewwel u qabel kollox, li teżamina sa liema punt il-fenomenu dinji ta' l-esternalizzazzjoni ta' l-oġġetti u tas-servizzi huwa mmexxi prinċiparjament mill-iżviluppi fil-pajjiżi Ażjatiċi (b'mod partikolari ċ-Ċina u l-Indja), u mill-integrazzjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda ta' l-UE. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi studjat jekk u sa fejn l-UE hija vulnerabbli wara li feġġew il-qawwiet kummerċjali globali l-ġodda u l-bidliet għall-vantaġġ relattiv li dan ġab miegħu, b'mod partikolari fejn jidħlu dawk is-swieq li fihom l-UE bħalissa għandha pożizzjoni ewlenija. Dawn huma, l-ewwel u qabel kollox prodotti ta' teknoloġija medja u li jeħtieġu investiment qawwi ta' kapital, bħalma huma l-industriji tal-karozzi u farmaċewtiċi u l-manifattura ta' tagħmir speċjalizzat.

    2.5

    Il-fenomenu ta' rilokazzjonijiet mhux qiegħed jiġi trattat f'din l-opinjoni, peress li diġà ġie diskuss f'opinjonijiet oħra tal-Kumitat.

    2.6

    Fi ftit kliem, dan ifisser li hawnhekk ser nittrattaw fenomenu interessanti fl-industrija li ser iġiegħel lin-negozji Ewropej li jiżviluppaw il-vantaġġi relativi tagħhom li minnhom huma bbenefikaw fil-passat iżda li m'għadhomx iggarantiti, l-anqas f'setturi ekonomiċi li huma ġodda għal kollox bħalma huma s-servizzi. Billi jiġi eżaminat dan il-proċess ta' żvilupp, ikun possibbli li jiġu identifikati setturi li bħalissa huma dgħajfa jew li jistgħu jiddgħajfu fil-futur, u li jingħataw pariri lill-industriji ta' l-UE sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet t-tajba.

    3.   L-Iżvilupp tal-kummerċ globali

    3.1

    L-analiżi li ssegwi hija bbażata fuq studju ppubblikat f'Ottubru 2006 mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji bħala Numru 259 tas-serje Dokumenti Ekonomiċi (1)

    3.1.1

    Dan l-istudju jkopri l-perjodu bejn l-1990 u l-2003. Dan huwa ta' interess għaliex fil-bidu tad-disgħinijiet seħħew bidliet importanti fil-kummerċ globali li jolqtu lill-Ewropa. Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bdiet tilgħab rwol akbar fil-kummerċ internazzjonali, li wassal għad-dħul tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. It-tkomplija ta' l-implimentazzjoni tas-suq uniku kompliet żżid l-integrazzjoni fi ħdan l-UE. Il-ftuħ politiku u ekonomiku tal-pajjiżi fiċ-ċentru u fil-lvant ta' l-Ewropa, u l-integrazzjoni tagħhom fl-UE, waslet għal espansjoni fis-suq uniku. Għalhekk l-UE kellha 12-il Stat Membru fil-bidu ta' dan il-perijodu, b'paragun mas-27 tal-lum.

    3.1.2

    Fl-istess ħin, seħħew bidliet sinifikanti fl-Indja, ir-Russja u l-Amerika Latina (b'mod partikolari fil-Brażil), li saħħew il-pożizzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-kummerċ globali.

    3.1.3

    Peress li m'hemmx informazzjoni li wieħed jista' joqgħod fuqha għall-perijodu li jsegwi t-tmiem ta' dan l-istudju fl-2003, m'hemmx bażi sabiex isiru affermazzjonijiet fundati minn dak iż-żmien. Madankollu, wieħed jista' jassumi li, fejn l-istudju jirrerferi għall-UE-10, xejriet simili jistgħu jiġu osservati għall-Bulgarija u r-Rumanija. L-eżempju ta' l-industrija tat-tessuti juri li jekk xejn l-iżviluppi osservati qegħdin jimxu b'pass aktar mgħaġġel.

    3.2

    Il-volum tal-merkanzija li bħalissa qiegħed tiġi mixtrija u mibjugħa madwar id-dinja hija ħmistax-il darba akbar milli kien fl-1950 u s-sehem tiegħu fil-PGD globali ttrippla. Il-kummerċ madwar id-dinja fis-servizzi bħalissa qiegħed jilħaq rati ta' tkabbir simili għal dawk fil-prodotti (medja ta' madwar 6 % fis-sena mill-1990) u għalhekk qiegħed jikber b'rata aktar mgħaġġla mill-PGD. Is-servizzi jiffurmaw ftit inqas minn 20 % tal-kummerċ internazzjonali.

    3.2.1

    Filwaqt li x-xejriet globalment huma stabbli, ir-rati tat-tkabbir fil-kategoriji varji tal-prodotti u tas-servizzi jidhru li qegħdin ivarjaw ħafna.

    3.2.2

    Kif issemma' fl-introduzzjoni hawn fuq, id-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol hija waħda mill-forzi ewlenin li qegħdin jimbuttaw l-iżvilupp tal-kummerċ globali. Din id-diviżjoni tax-xogħol qiegħda.twassal għal volum dejjem jikber ta' kummerċ intermedju (fil-prodotti u s-servizzi). Dan it-tkabbir fil-kummerċ intermedju (per eżempju f'oġġetti mhux kompluti, partijiet u komponenti) jew “l-esternalizzazzjoni” jirriflettu r-rijorganizzazzjoni ta' ħafna proċessi ta' produzzjoni fil-livell globali jew reġjonali — aktar milli fuq bażi nazzjonali — u tirrifletti t-tkabbir enormi fiċ-ċaqliq enromi fl-investimenti barranin diretti) minn inqas minn 5 % tal-PGD dinji fl-1980 għal aktar minn 15 % sa l-aħħar tad-disgħinijiet. Madankollu, mhux l-investiment barrani dirett kollu huwa relatat ma' l-esternalizzazzjoni.

    3.2.3

    Sistemi ta' produzzjoni globalizzati, li flimkien ma' l-introduzzjoni ta' tekonoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni potenti, iwasslu għall-esternalizzazzjoni jew, sabiex nużaw terminu ieħor “l-ispeċjalizzazzjoni vertikali,” ukoll qiegħed ikollhom impatt fuq ħafna oqsma mis-settur tas-servizzi.

    3.2.4

    L-internazzjonalizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni fil-livelli reġjonali u globali qegħdin jiġġeneraw żieda fil-kummerċ fl-industrija u fid-ditta. L-esportazzjoni f'pajjiż minn kwalunkew industija dejjem aktar qiegħda ssir dipendenti mill-importazzjoni ta' l-oġġetti intermedji, li jew huma manifatturati mill-istess industrija jew minn xi sussidjarja ta' xi multinazzjonali.

    3.3   Dehra ġenerali tal-kummerċ skond l-istadju tal-produzzjoni

    3.3.1

    Permezz tal-Klassifikazzjoni f'Kategoriji Ekonomiċi Wiesgħa tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa possibbli li l-prodotti jiġu klassifikati skond l-użu finali tagħhom (per eżempju jekk humiex prodotti intermedji, għall-konsum jew kapitali).

    3.3.2

    Bejn l-1992 u l-2003, is-sehem tal-prodotti intermedjarji fl-importazzjonijiet globali kiber minn 52.9 % għal 54.1 % u tal-prodotti kapitali minn14.9 % għal 16.6 %. Is-sehem tal-prodotti ta' konsum waqa' ftit. Fost il-prodotti intermedjarji, hemm ċaqliqa importanti lejn il-kategorija tal-partijiet u l-komponenti, partikolarment fl-ICT u fl-industrija tal-karozzi.

    3.3.3

    Ix-xejriet ivarjaw ħafna anke fil-livell reġjonali. Filwaqt li s-sehem tal-prodotti intermedjarji fl-importazzjonijiet waqa' fl-UE-15, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, kiber fiċ-Ċina, fix-xlokk ta' l-Ażja u fl-Istati Membri ġodda ta' l-UE (UE-10).

    3.4

    Dawn il-kummenti ma jikkunsidrawx il-kummerċ u x-xejriet fl-UE-15. Madankollu, ta' min wieħed jinnota li huwa hawnhekk li l-parti l-kbira tal-kummerċ ta' l-Istati Membri individwali jseħħ li jinkludi bejn zewġ terzi sa 80 %. F'dan il-kuntest, l-esternalizzazzjoni titkejjel esklussivament permezz tal-flussi tal-kummerċ estern tal-prodotti intermedjarji, li hija differenti mid-definizzjoni użwali u sa ċertu punt tikkonċidi ma' dak li hu magħruf bħala rilokazzjoni barra mill-pajjiż. Sabiex wieħed jagħmel din id-distinzjoni, wieħed jista' juża t-terminu “l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.”

    4.   Raġunijiet għalfejn għandha tiżdied l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż

    4.1

    Hemm ħafna raġunijiet differenti l-għala kumpanija tiddeċiedi li ċċaqlaq l-operazzjonijiet tan-negozju jew partijiet minnhom barra mill-pajjiż. L-ispiża iktar baxxa għax-xogħol tidher l-aktar prominenti f'dan il-mument. Iżda fatturi bħal prezzijiet orħos tal-materja prima u l-viċinanza għas-swieq li qegħdin jikbru wkoll għandhom sehem importanti. Fatturi li jistgħu jmorru kontra din id-deċiżjoni jinkludu produttività baxxa, sistemi legali li mhumiex sikuri, infrastruttura fqira, kondizzjonijiet tal-kummerċ mhux favorevoli (per eżempju dazji, normi) u nuqqas ta' possibilità għall-monitoraġġ u azzjonijiet ta' rimedju jekk tinqala' xi problema.

    4.2

    Iċ-ċaqliq tal-faċilitajiet ta' produzzjoni, kif ukoll ix-xiri ta' prodotti li qabel id-ditti stess kienu produċew mhuwiex żvilupp ġdid. Is-sostituzzjoni tal-ħaddiema domestiċi b'ħaddiema barranin ilha prattika komuni fil-pajjiżi industrijalizzati kollha għal ħafna snin. Il-fenomenu ta' l-esternalizzazzjoni huwa effettivament sinonimu mad-diviżjoni tax-xogħol u mal-fatt li l-kumpaniji jibqgħu kompetittivi u konxji ta' l-ispejjeż filwaqt li jispeċjalizzaw f'dak li jagħmlu l-aħjar. Dak li hu ġdid hawnhekk, madankollu, huwa li t-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni irrendiet possibbli l-esternalizzazzjoni ta'diversi tipi ġodda ta' servizzi u prodotti, f'dawn l-aħħar snin. L-IT u l-komunikazzjoni irħisa llum għamluha faċli għall-kumpaniji li jesternalizzaw ħafna mill-affarijiet li jistgħu jiġu riprodotti jew trasmessi f'forma diġitali, bħall-appoġġ għall-IT, is-servizzi amministrattivi, ċentri ta' sejħiet, programmar ta' softwer, u xi funzjonijiet ta' riċerka u żvilupp.

    4.2.1

    B'mod simili, l-ICT ippermettiet esternalizzazzjoni ulterjuri fil-manifatturar ta' l-oġġetti, peress li l-inputs issa jistgħu jinxtraw bla problemi minn fornituri differenti. Tekniċi tal-produzzjoni li huma eżatt fil-ħin (Just-in-time) jiddependu ħafna fuq l-ICT sabiex jikkoordinaw simultanjament il-produzzjoni u l-konsenja ta' partijiet u komponenti individwali minn produtturi differenti li joperaw f'distanzi li jvarjaw.

    4.3

    Dak li jista' jiġi esternalizzat normalment jista' wkoll jintbagħat barra mill-pajjiż. Ir-rilokazzjoni barra mill-pajjiż tista' tieħu l-forma ta' trasferiment ta' ħidmiet partikolari f'organizzazzjoni għal post barrani jew fornitur indipendenti.

    Bħalma ntqal, dan mhuwiex fenomenu ġdid għal kollox iżda l-iżvilupp mgħaġġel ta' l-ICT u l-waqgħa fl-ispiża tal-komunikazzjoni li dan ġab miegħu ppermettew ħafna inputs ġodda speċjalment ta' servizzi li jistgħu jinxtraw jew jinbigħu internazzjonalment. Illumħidmiet bħalma huma d-disinn tekniku fl-arkitettura, il-qari radjologu tar-ritratti bir-raġġi X jew ċerti servizzi legali jistgħu jintbagħtu barra. Għalhekk, l-iżvilupp ta' l-ICT kabbar il-kummerċ internazzjonali billi baxxa l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u għamilha possibbli li affarrijiet kompletament ġodda saru jistgħu jinxtraw jew jinbigħu. Dan mhuwiex differenti mill-impatt tas-sistema internazzjonali tal-kontejners fil-ħamsinijiet, li wkoll wasslet sabiex il-kummerċ internazzjonali jisplodi (2).

    4.4

    F'din l-opinjoni qegħdin nikkonċentraw fuq l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż. Iżda fid-dibattitu politiku ġenerali din ta' spiss titħallat mal-kwistjoni ta' l-investimenti diretti barranin Per eżempju hemm żviluppi li ta' spiss huma ppreżentati bħala forom ta' esternalizzazzjoni/rilokazzjoni barra mill-pajjiż li fil-fatt huma parti mill-espansjonijiet ta' l-operazzjonijiet tan-negozju barra mill-pajjiż sabiex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tas-swieq lokali. Sabiex jiġi deċiż jekk rilokazzjoni partikolari ta' faċilità produttiva hijiex eżempju ta' rilokazzjoni barra mill-pajjiż hemm bżonn li jiġi ddeterminat liema suq ser ikun servut. Espansjoni ta' l-operazzjonijiet tan-negozju barra mill-pajjiż għall-iskop uniku li taqdi swieq barranin (Investiment barrani dirett) mhux neċessarjament — l-anqas fuq perjodu qasir — ser ikollu effetti negattivi fuq l-impjiegi fil-pajjiż ta' l-oriġini. Għal kuntrarju: jista' jkollha effetti pożittivi ħafna kemm fuq il-livelli ta' qligħ kif ukoll fuq l-impjiegi fil-kwartjieri tad-ditta.

    4.5

    Iżda naturalment, mhumiex biss l-ispejjeż tal-ħaddiema aktar baxxi (pagi u sigurtà soċjali) u l-ħtieġa li wieħed joqrob lejn is-swieq li jwasslu lill-kumpaniji li jirrilokaw il-produzzjoni. L-inċentiv jista' jkun inqas spejjeż, minħabba liġijiet ambjentali anqas stretti jew xi vantaġġi fiskali. Eżempju interessanti ta' rilokazzjoni barra mill-pajjiż li seħħ riċentement, jista' jiċċara dan, dak hu dak li ġara fl-industrija Ewropea tas-siment. Minħabba fiż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta' l-enerġija fl-Ewropa — parzjalment dovuta għas-sistema ta' kummerċ tal-permessi għall-emissjonijiet tas-CO2 — u l-limitazzjoni diretta ta' l-emissjonijiet tas-CO2 fuq l-industrija, xi produtturi tas-siment Ewropej esternalizzaw il-produzzjoni tagħhom tal-gagazza fiċ-Ċina.

    4.6

    Fl-aħħar iżda mhux l-anqas importanti, sistema tat-trasport kost-effettiva u effiċjenti hija kundizzjoni fundamentali għall-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

    5.   Esternalizzazzjoni tajba

    5.1

    L-esternalizzazzjoni li fid-dokument qiegħda tiġi definita bħala l-affidament, permezz ta' kuntratti, ta' partijiet tal-produzzjoni lil fornituri jew lil sussidjarji ddedikati li huma stabbiliti barra mill-UE, tirrifletti l-fatturi li jsegwu:

    Il-flussi tal-kummerċ dinji huma mbuttati mill-internazzjonalizzazzjoni ta' l-istrutturi tal-produzzjoni u ż-żieda fil-flussi ta' l-investimenti barranin diretti.

    Madwar id-dinja, is-sehem ta' l-importazzjoni tal-prodotti intermedji (speċjalment partijiet u komponenti) u tal-prodotti kapitali qiegħed jiżdied. Dan qiegħed iwassal għal livelli li qegħdin jiżdiedu ta' kummerċ fi ħdan l-industrija jew id-ditta.

    Hemm żieda qawwija fil-flussi tal-kummerċ kumplimentari u li timxi fiż-żewġ direzzjonijiet, bejn il-pajjiżi industrijalizzati u dawk li qegħdin jiżviluppaw jew jikbru fil-prominenza. Is-sehem tal-prodotti intermedji fl-importazzjonijiet waqa' fl-UE-15, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, filwaqt li fl-istess ħin qiegħda tikber fost l-isħab reġjonali anqas avvanzati.

    Minħabba fil-kumpaniji globali li huma involuti, l-esternalizzazzjoni ta' xi fażijiet tal-produzzjoni hija karatteristika partikolari ta' l-ICT u ta' l-industriji tal-karozzi.

    6.   Esternalizzazzjoni tas-servizzi

    6.1

    Il-kummerċ madwar id-dinja fis-servizzi bħalissa qiegħed jikber b'rata mgħaġġla ħafna simili għal dawk fl-oġġetti, u għalhekk qiegħed jikber b'rata aktar mgħaġġla mill-PGD. Il-kummerċ fis-servizzi kiber minn 3.8 % tal-PGD globali fl-1992 għal 5.7 % fl-2003.

    6.2

    Filwaqt li l-kategoriji tat-trasport u tat-turiżmu qegħdin jikbru bl-istess pass tal-PGD, il-qasam bl-akbar tkabbir mgħaġġel kien il-kategorija “tas-setturi l-oħra,” li jinkludu servizzi relatati man-negozju. B'hekk, is-servizzi finanzjarji, informatiċi u ta' l-informazzjoni huma b'saħħithom ferm.

    6.3

    F'termini netti (esportazzjonijiet li minnhom jitnaqqsu l-importazzjonijiet), dawk li ggwadanjaw mis-suq ta' l-esternalizzazzjoni tas-servizzi kienu l-Istati Uniti, l-UE-15 u l-Indja; relattivament, l-Indja kisbet l-akbar gwadanji.

    7.   Is-saħħa u d-djufija ta' l-UE

    7.1

    Sa mill-1990, l-UE rnexxilha żżomm il-post tagħha fil-quċċata fil-kummerċ dinji kemm fil-prodotti kif ukoll fis-servizzi. Sa ċertu punt dan huwa dovut għall-fatt li l-fażi ta' investiment intensiv tal-proċess ta' tlaħħiq globali fil-bidu tad-disgħinijiet iffavorew dawk l-industriji li jimmanifatturaw prodotti li għandhom bżonn investiment qawwi — qasam li fih l-UE għandha pożizzjoni relattivament għolja. L-UE hija fuq nett fis-suq għal firxa ta' prodotti industrijali li jirrikjedu teknoloġija medja u investiment qawwi u hija b'saħħitha ħafna fil-produzzjoni dinjija tal-karozzi, fl-industrija farmaċewtika, fil-qasam tat-tagħmir speċjalizzat u fis-servizzi finanzjarji u tan-negozju.

    7.1.1

    Bejn l-1992 u l-2003, l-eċċess fil-kummerċ estern ta' l-UE kiber minn 0.5 % għal 1.5 % tal-PGD u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir tal-PGD.

    7.1.2

    Bla dubju ta' xejn, wieħed mill-vantaġġi ta' l-UE huwa s-suq intern tagħha stess, li mhux biss joffri qafas legali stabbli iżda wkoll suq domestiku li huwa daqstant kbir. Bħala riżultat tat-tkabbir, parti mill-esternalizzazzjoni seħħet fl-Istati Membri l-ġodda.

    7.1.3

    L-istudju juri li xi oqsma ta' manifattura, bħalma huma l-industrija tal-karozzi, l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż għandha t-tendenza li tiffoka fuq reġjuni speċifiċi (mill-UE-15 għall-Istati Membri l-ġodda; mill-Istati Uniti għall-Messiku u l-Brażil; mill-Ġappun għax-xlokk ta' l-Ażja u ċ-Ċina). Dan jiġi spjegat prinċiparjament mill-ispejjeż marbuta mad-distanzi, per eżempju tat-trasport. Madankollu, fil-każ tat-teknoloġiji l-ġodda u s-servizzi, dawn l-ispejjeż jaffettwaw inqas.

    7.2

    Fl-istess waqt, madankollu, l-istudju jindika wkoll numru ta' oqsma ta' preokkupazzjoni, li jinkludu ġeografikament, fir-rigward tad-defiċit fil-kummerċ li dejjem qiegħed jikber ta' l-UE ma l-Ażja in ġenerali, u, teknoloġikament, fir-rigward tal-prestazzjoni kemm xejn fqira il-qasam ta' l-ICT ta' l-UE. Fattur partikolari li wieħed irid iqis huwa li xi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma ħerqana li jimxu'l quddiem fil-katina tal-valur u għalhekk qegħdin jinvestu ħafna fir-riċerka u l-iżvilupp u t-taħriġ.

    7.2.1

    Sal-lum, is-suċċess ta' l-Asja fis-suq dinji kien l-aktar f'oqsma bħalma huma l-ICT li, minn perspettiva Ewropea, kienu inqas importanti minn oqsma oħra bħall-industrija tal-karozzi u dik farmaċewtika jew is-settur tal-kimiċi. Fuq il-medda ta' dawn l-aħħar ħmistax-il sena, ħafna pajjiżi Ażjatiċi speċjalizzaw fil-produzzjoni ta' l-ICT (3). Wieħed jistenna li, hekk kif ikomplu jiżviluppaw, dawn il-pajjiżi ser idawwru l-attenzjoni tagħhom lejn industriji li s'issa l-UE ddominat (e.ż it-tessili).

    7.2.2

    L-UE u ċ-Ċina jgawdu komplimentarjetà qawwija fl-istrutturi tal-kummerċ tagħhom, bl-UE tispeċjalizza fit-teknoloġija li hija medjament avvanzata u l-podotti kapitali, u ċ-Ċina tiffoka fuq oqsma tal-produzzjoni ta' l-ICT li huma baxxi fit-teknoloġija u li jirrikjedu ħafna ħaddiema. Dan il-mudell ta' komplimentarjetà jissarraf b'mod dirett f'termini favorevoli ta' xejriet fil-kummerċ għall-UE, sabiex ħafna pajjiżi membri ta' l-UE bħalissa qegħdin igawdu minn vantaġġi sinifikanti fil-qawwa tagħhom ta' ipprezzar fil-konfronti ta' swieq li qegħdin jistabbilixxu ruħhom bħaċ-Ċina. Dawn ir-riżultati jissuġġerixxu li l-proċess ta' tlaħħiq ta' ekonomiji kbar li qegħdin jistabbilixxu ruħhom bħaċ-Ċina jista' jkun proċess ta' benefiċċju reċiproku, bi gwadanji per capita qawwija kemm għall-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll għal dawk żviluppati.

    7.2.3

    L-esternalizzazzjoni tas-servizzi lejn l-Indja bħalissa (għadu) ta' importanza macroekonomika żgħira.

    7.3

    Fuq perijodu medju u twil l-UE qiegħda tiffaċċja dawn il-problemi potenzjali ta' kummerċ estern.

    7.3.1

    Il-prestazzjoni tajba ta' l-UE fid-disgħinijiet kienet l-aktar dovuta għall-gwadanji li saru fil-fażi inizjali tal-liberalizzazzjoni tas-suq dinji li kienet tenħtieġ investiment kbar — xenarju li mhux ser jippersisti b'mod indefinit.

    7.3.2

    L-UE hija dagħjfa f'firxa wiesgħa ta' industriji b'teknoloġija avvanzata, l-aktar l-ICT.

    7.3.3

    L-Asja qiegħda ssir kompetitur potenzjali fil-kummerċ fl-industriji l-aktar ċentrali għall-UE. Il-produtturi Ċiniżi li jonfqu inqas x'aktarx ser jiddominaw firxa wiesgħa ta' industriji b'teknoloġija baxxa u li jirrekjedu għadd kbir ta' ħaddiema. L-implikazzjonijiet ta' dan huma akbar għall-UE milli għall-Istati Uniti u l-Ġappun..

    8.   Dawk li jiggwadanjaw u li jitilfu mill-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż

    8.1

    L-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż tiġġenera aktar kummerċ, spiss f'tipi ġodda ta' prodotti u f'setturi ġodda. Nafu mit-teorija u mill-istudji empiriċi li l-kummerċ jiġġenera l-ġid, u għalhekk wieħed jista' jassumi li l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż tkabbar il-benesseri fil-livell dinji. Fattur li joħloq komplikazzjoni hawnhekk, naturalment, huwa il-fatt li l-vantaġġi finanzjarji li jwasslu għar-rilokazzjoni barra mill-pajjiż ta' ċerti produzzjonijiet tista' tkun dovuta għal regolamentazzjoni ambjentali inqas stretta fir-rigward ta' l-effetti ambjentali ta' natura globali. Iżda jekk dak mhuwiex il-każ nistgħu nassumu li r-rilokazzjoni barra mill-pajjiż iżid il-benesseri fid-dinja. Iżda nafu wkoll li l-kummerċ ta' spiss joħloq rebbieħa u telliefa u l-mistoqsija hi min ser ikunu ir-rebbieħa u min ser jitlef fl-Ewropa ta' rilokazzjoni akbar barra mill-pajjiż.

    8.1.1

    Naturalment, id-deċiżjoni ta' kumpanija li testernalizza ċertu xogħol tista' tkun deċiżjoni ħażina għall-kumpanija. Jista' jkun hemm ħafna raġunijiet għal dan. Il-klijenti jistgħu ma japprezzawx li jiġu moqdija minn ċentri ta' sejħiet barra mill-pajjiż, il-kumpaniji jistgħu ma jirċevux il-prodotti intermedji fil-kwalità mixtieqa jew fil-ħin speċifikat, jista' jkun hemm nuqqas ta' ftehim minħabba l-kultura bejn il-kumpaniji u l-klijenti jew bejn pajjiż u ieħor jew informazzjoni riżervata tista' tgħaddi għand il-kompetituri.

    8.1.2

    Iżda hawnhekk irridu nitilqu mill-premessa li d-deċiżjoni minn kumpanija (jew gvern) li biċċa xogħol tintbagħat barra mill-pajjiż jew li jkun hemm esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż tiġi implimentata b'suċċess. Liema rebbieħa jew telliefa jistgħu jiġu identifikati?

    8.2   Ir-rebbieħa

    8.2.1

    Kumpaniji Ewropej li jħaddmu r-rilokazzjoni (offshoring) u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

    Dawn ikollhom aċċess għal tnaqqis fl-ispejjeż potenzjalment sinifikanti, l-aktar minħabba fl-iffrankar ta' spejjeż tal-ħaddiema aktar baxxi. Aktar fit-tul, dawn il-kumpaniji ser jigwadanjaw aċċess ukoll għar-riżervi l-ġodda ta' ħaddiema mħarrġa, kemm direttament permezz tal-faċilitajiet rilokati (offshored) tagħhom stess kif ukoll indirettament permezz ta' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż mill-fornituri lokali. Barraminhekk, għal kumpaniji li jinsabu fl-Ewropa bi swieq tax-xogħol regolati tajjeb, il-lokazzjonijiet barra (offshore locations) mill-pajjiż ġeneralment jippermettu ġestjoni aktar flessibbli ta' l-ammont ta' ħaddiema magħhom. L-iżvilupp ta' swieq ġodda jista' wkoll jibda mill-istabbiliment ta' faċilità rilokata barra mill-pajjiż hemmhekk. Dawn il-faċilitajiet ta' produzzjoni lokali jistgħu jippermettu lill-kumpaniji Ewropej sabiex jipproduċu prodotti u servizzi bi prezzijiet li jagħmluha possibbli li jsir bejgħ f'pajjiżi b'pagi baxxi.

    8.2.2

    Kumpaniji Ewropej li jfornu produzzjonijiet u servizzi rilokati jew esternalizzati barra mill-pajjiż.

    Bid-dħul tat-12-il Stat Membru ġdid fl-2004 u l-2007, l-Unjoni Ewropea issa għandha diversi riżervi kbar ta' prodotti u servizzi rilokati u esternalizzati barra mill-pajjiż. Madankollu xi pajjiżi ta' l-UE-15, speċjalment l-Irlanda ukoll ibbenefikaw bħala “lokalità ta' produzzjoni rilokata barra mill-pajjiż.” Il-benefiċċji għall-pajjiżi fornituri huma ċari: il-benefiċċji immedjati huma f'termini ta' xogħol iġġenerat u investiment, u dawk aktar fit-tul huma t-tekonoloġija, u t-trasferiment ta' ħiliet għall-popolazzjoni lokali li jakkumpanjaw d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni u esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż tal-kumpaniji.

    8.2.3

    Il-Konsumaturi ta' prodotti u servizzi rilokati jew esternalizzati barra mill-pajjiż.

    Il-konsumaturi finali ta' prodotti u servizzi li jiġu rilokati barra jistgħu jgawdu minn prezzijiet orħos ta' l-oġġetti li jikkonsmaw. Per eżempju, kien hemm stima li l-prezz tas-semikondutturi u taċ-ċippi tal-memorja niżel b'10 sa 30 fil-mija tal-prezz fid-disgħinijiet minħabba l-globalizzazzjoni ta' l-industrija hardware fl-IT. Il-konsumaturi jistgħu jiggwadanjaw ukoll miż-żieda fil-ħinjiet tal-kummerċ f'ħafna industriji tas-servizzi — per eżempju l-opportunità li ħafna li tilħaq ċentru tas-sejħiet tal-kumpanija f'Banalore wara l-5pm GMT/CET. It-tnaqqis fil-prezzijiet jiddependi minn kemm tkun saret rilokazzjoni u esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż meta mqabbel mat-total, dan ibaxxi l-inflazzjoni u b'hekk iwassal għal aktar possibilità ta' xiri.

    8.3   It-telliefa

    8.3.1

    Ħaddiema Ewropej li jitilfu xogħolhom minħabba r-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

    Ħaddiema li jitilfu xogħolhom minħabba r-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż imma dawk li jitilfu immedjatament. Dawk li jitilfu xogħolhom huma grupp żgħir u kkonċentrat li jintlaqtu ħażin ħafna, relattivament għall-grupp ħafna akbar u aktar numeruż ta' dawk li jiggwadanjaw mir-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, li (bl-eċċezzjoni possibbli ta' xi kumpaniji) kollha ser jibbenefikaw relattivament ftit fuq bażi individwali. Din l-assimetrija bejn min jiggwadanja u min jitlef tirrendi l-ekonomija politika tar-rilokazzjoni barra mill-pajjiż identika għall-ħafna mid-diskussjonijiet l-oħra tal-kummerċ ħieles u l-kompetizzjoni ta' l-importazzjoni. Il-Fond Ewropew għall-Aġġustament tal-Globalizzazzjoni li l-Kunsill waqqaf wara l-istedina tal-Kummissjoni jipprovdi b'mezz sabiex jgħin dan il-grupp, għalkemm b'riżorsi limitati.

    8.3.2

    Kumpaniji Ewropej li ma jistgħux jadottaw “l-aħjar prattiċi” permezz tar-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż.

    Il-problema fundamentali li qegħda tiffaċċja l-Ewropa illum huwa tkabbir baxx fil-produttività. Peress li l-globalizzazzjoni taċċellera, għal aktar u aktar industriji r-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż huma imperattivi sabiex jibqgħu kompetittivi u kumpaniji li ma jistgħu jirristrutturaw l-operazzjonijiet tagħhom bl-użu tar-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż ta' prodotti jew ħidmiet intermedjarji partikolari ser ikunu żvantaġġjati fil-kompetizzjoni kontra kemm il-kompetituri tagħhom barra mill-UE kif ukoll il-kompetituri fl-UE li jistgħu jagħmlu dan. Dan ifisser li huma qegħdin jirriskjaw li jiffaċċjaw tkabbir aktar bil-mod u fl-aħħar mill-aħħar jiġu eliminati mis-suq jew jiddeċiedu li jċaqilqu l-produzzjoni tagħhom kollha barra mill-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom — fiż-żewġ każi dan jista' jwassal għal telf akbar ta' impjiegi milli kieku kien possibbli li jirrilokaw jew jesternalizzaw barra mill-pajjiż fi stadju aktar bikri.

    9.   Il-bżonn ta' azzjoni u rakkomandazzjonijiet.

    9.1

    Il-Kumitat fil-passat ħareġ diversi opinjonijiet dwar is-suġġett tal-kummerċ dinji u l-globalizzazzjoni b'mod ġenerali (4), l-aktar reċenti l-opinjoni dwar L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni (REX/228 — Rapporteur: is-Sur Malosse). F'dik l-opinjoni tal-Kumitat, huwa tkellem favur inter alia strateġija komuni sabiex tiġi ffaċċjata l-globalizzazzjoni, stat planetarju ggvernat mill-istat ta' dritt, il-ftuħ ibbilanċjat u responsabbli tal-kummerċ, integrazzjoni aktar mgħaġġla, u globalizzazzjoni b'wiċċ uman.

    9.1.1

    Mhux ta' l-anqas minħabba li dawn l-iżviluppi fil-kummerċ ta' prodotti huma pożittivi għall-UE, din ta' l-aħħar tagħmel sew li tadotta attitudini pożittiva u proattiva lejn kummerċ dinji ħieles u lejn strateġija ta' globalizzazzjoni attiva. Dan apparti, hemm bżonn li jkun hemm attenzjoni speċjali sabiex il-benefiċċji ggwadanjati jitqassmu bejn kulħadd u lid-diskussjoni politika. L-UE trid taġixxi favur kondizzjonijiet ġusti u żvilupp sostenibbli fil-kummerċ dinji (ekonomiku, soċjali u ambjentali).

    9.1.2

    Il-politika tal-kummerċ fl-UE trid tkun aktar immirata lejn titjib ta' l-istandards soċjalie u ambjentali u li jinstab approċċ politiku li jikkombina s-solidarjetà ma' l-interess individwali u l-benefiċċji għal kulħadd. Irid isir progress akbar fit-tneħħija ta'l-ostakli kummerċjali non-tariffarji, speċjalment fejn hemm diskriminazzjoni kontra negozzji Ewropej. B'konnessjoni ma' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, il-Kumitat jisħaq is-sejħa tiegħu sabiex ikun hemm ħarsien aħjar tal-proprjetà intellettwali.

    9.1.3

    Id-dibattitu attwali dwar il-bidla fil-klima, l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-iżvilupp sostenibbli ser ikabbru r-rilevanza ta' l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' ħafna aspetti tal-globalizzazzjoni, inkluż il-kummerċ. Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw diġà qegħdin ifittxu assistenza akbar, jew għall-“bini tal-kapaċità,” fl-użu ta' teknoloġiji aktar nodfa. Trid tingħata aktar attenzjoni lill-użu ta' trasport aktar nadif u effiċjenti fuq pjan enerġetiku, speċjalment it-trasport tal-baħar, fejn hu xieraq. Kunsiderazzjonijiet ambjentali ser ikollhom piż akbar fid-deċizjonijiet għal-lokazzjoni futura ta' l-impjanti tal-manifattura u d-distribuzzjoni sussegwenti tal-prodotti. Il-Kumitat għalhekk jistenna li l-Kummissjoni, fejn mhux diġà qiegħda tagħmel dan, tagħmel studji separati fl-aspetti relatati mal-kummerċ fid-dibattitu dwar il-bidla fil-klima.

    9.2

    L-UE l-ewwel trid tkun konxja tal-vantaġġi tagħha sabiex tibni fuqhom. B'mod partikolari, dawn is-setturi ta' teknoloġija intermedja li diġa ssemmew huma ta' spiss ikkaratterizzati minn livelli għoljin ta' innovazzjoni. Aktar minn hekk, madankollu, l-investiment (fit-tagħmir u l-ideat) huwa meħtieġ fl-oqsma l-ġodda. Is-seba' programm ta' qafas (2007-2012) jenfassizza xi wħud minn dawn l-opportunitajiet. Din it-triq trid tkompli tiġi segwita u b'aktar intensità (5).

    9.3

    Fid-dawl ta' l-iżvilupp mgħaġġel ta' l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, hemm bżonn ta' aktar analiżi b'mod urġenti (li tqis differenzi settorjali u reġjonali), speċjalment peress li l-istudju msemmi f'din l-opinjoni tagħti biss stampa ġenerali ħafna u ma tikkunsidrax l-aħħar żviluppi.

    9.3.1

    L-aktar tkabbiriet riċenti ta' l-UE ħolqu opportunitajiet ġodda għall-esternalizzazzjoni lejn l-Istati Membri l-ġodda u dan jirrikjedi analiżi attenta ħafna, għaliex kemm ir-rebbieħa kif ukoll it-telliefa huma fi ħdan il-Komunità. Jekk nikkunsidraw li l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż lejn l-Istati Membri l-ġodda u futuri għandha tagħti kontribut pożittiv lill-istrateġija ta' koeżjoni, huwa loġiku li tiġi eżaminata d-direzzjoni fil-ġejjieni ta' l-istrumenti finanzjarji rilevanti ta' l-UE.

    9.3.2

    Għad ma hemmx studji oħra ddettaljati dwar l-impatt addizzjonali ta' l-esternalizzazzjoni fuq l-impjieg u l-ħiliet.

    9.3.3

    Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi din l-analiżi, li għandha tinkludi x-xenarji possibbli fuq perijodu qasir u intermedju, u li tinvolvi l-partijiet interessati fil-proċess. L-istħarriġ fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fin-negozji xi kultant jagħtu stampa differenti minn dik li toħroġ mill-istatistika tal-kummerċ.

    9.3.4

    Din l-analiżi tista' wkoll tifforma parti mill-analiżi settojali taħt il-politika industrijali l-ġdida. Jistgħu wkoll iservu ta' bażi għad-diskussjonijiet taħt id-djalogu soċjali settorjali, u b'hekk jipprovdu mezzi addizzjonali sabiex il-bidla tiġi ffaċċjata u antiċipata. (Dwar dan is-suġġett, ara d-diversi opinjonijiet tas-CCMI/KESE.)

    9.4

    Ir-risposti għall-isfidi għall-Ewropa li qegħdin iqumu mill-integrazzjoni tal-kummerċ dinji u ż-żjieda fl-esternalizzazzjoni tal-produzzjoni Ewropea, jinsabu prinċipalment fl-istrateġija ta' Lisbona. F'dan il-kuntest, is-CCMI jenfasizza l-punti li ġejjin bħala essenzjali sabiex l-Ewropa tkun tista' tadatta u tkun kompetittiva fil-proċess ta' globalizzazzjoni:

    It-tkomplija u t-tisħiħ tas-suq intern

    Il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni;

    Stimulazzjoni ta' l-impjieg.

    9.4.1

    L-iżvilupp u l-espansjoni ulterjuri tas-suq uniku bl-iskop li jiġi ottimizzat il-moviment ħieles tal-prodotti, is-servizzi, in-nies u l-kapital ser jagħti kontribut sinifikanti għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni u għalhekk isaħħaħ in-negozju, l-innovazzjoni u t-tkabbir.

    9.4.2

    Is-suq intern jista' jsir realtà kompleta biss meta l-leġislazzjoni tiġi trasposta kompletament u sew u tkun daħlet fis-seħħ. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiżguraw li l-Istati Membri ma jdewmux dan il-proċess.

    9.4.3

    L-iżvilupp tat-teknoloġija u l-ġibda ta' l-innovazzjoni lejn l-Unjoni huma ta' importanza kritika sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa tista' tikkompeti fis-suq globali. Dan ikollu l-effett li jiżdiedu n-numru ta' impjiegi li jeħtieġu ħafna ħila fl-UE u b'hekk l-UE ssir lokalità aktar attraenti sabiex wieħed jibda' n-negozju u jinvesti.

    9.4.4

    Il-proċess tal-brevettar irid ikun kost-effettiv u sempliċi sabiex jikkontribwixxi lejn il-promozzjoni ta' l-innovazzjoni. Fil-preżent brevett għall-invenzjonijiet li joffri protezzjoni madwar l-UE kollha jiswa ħafna aktar u huwa ħafna aktar ikkumplikat minn brevett Amerikan. Hemm bżonn li jidħol fis-seħħ Brevett Komunitarju li huwa kost-effettiv.

    9.4.5

    Hemm bżonn li jsir sforz ikkonċertat sabiex tintlaħaq il-mira ta' 3 % tal-PGD ta' nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp nazzjonali li ġiet stabbilita f'Lisbona kemm jista' jkun malajr. Bħalma juru l-figuri prinċipali dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni li nħarġu mill-Kummissjoni fil-11 ta' Ġunju 2007, f'85 % tal-każi, id-dewmien fil-kisba tal-mira huwa dovut għan-nuqqas ta' investiment min-naħa tan-negozju. Madankollu, fl-istess ħin, jista' jintlaħaq livell għoli ta' riċerka u żvilupp jekk impenn kbir min-naħa tas-settur privat jiġi akkumpanjat minn livelli għoljin ta' investiment pubbliku. Fl-UE, is-settur pubbliku (jiġifieri, l-Istati Membri) għalhekk irid ikompli jinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp sabiex l-attivitajiet fir-riċerka u l-iżvilupp mis-settur privat ikomplu jiżviluppaw.. Barraminhekk, il-gvernijiet għandhom jintroduċu politika ta' finanzjar innovattiva sabiex jippromovu l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp.

    9.4.6

    L-investiment fit-teknoloġija ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni tippromovi l-effiċjenza fil-gvern u tħaffef ir-rabtiet bejn il-konsumaturi u s-swieq fl-Ewropa. L-iżvilupp ta' netwerk komprensiv ta' konnessjonijiet broadband għall-internet trid tkun prijorità.

    9.5

    Il-politika ta' l-impjiegi hija partikolarment importanti f'dan il-proċess. Din hi kwistjoni ta', l-ewwel nett li jinstabu opportunitajiet ta' impjieg għal dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż, u t-tieni, ż-żamma tal-livelli tal-ħiliet u l-adattabilità tal-ħaddiema. Ħaddiema li jitilfu xogħolhom minħabba r-rilokazzjoni u l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż isibuha diffiċli ħafna li jsibu xogħol ġdid. Xi ftit tas-snin ilu biss, kien possibbli li jinstab xogħol ġdid fi tliet jew erba' xhur. Dan il-proċess issa jista' jdum diversi snin, peress li l-produzzjoni li teħtieġ ħafna ħaddiema dejjem aktar qiegħda titlaq u mhux qiegħda tiġi offruta l-ebda alternattiva adegwata. Ħaddiema flessibbli, mħarrġa tajjeb u mmotivati huma ċ-ċavetta għall-kompetittività ta' l-ekonomija Ewropea.

    9.5.1

    Għalhekk, f'dan il-kuntest ukoll, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tar-rapport Wim Kok (6) dwar

    Iż-żieda ta' l-adattabilità tal-ħaddiema u tan-negozji, sabiex b'hekk jiżdiedu l-possibilitajiet tagħhom li jantiċipaw il-bidla.

    Li jidħlu aktar nies fis-suq tax-xogħol.

    Investiment akbar u aktar effettiv fil-kapital uman.

    9.5.2

    F'dinja ta' bidliet mgħaġġla, it-teknoloġiji jiġu u malajr jiskadu. Il-gvernijiet Ewropej iridu jiżguraw li ċ-ċittadini tagħhom huma kapaċi jadattaw f'dan l-ambjent ġdid, sabiex jiżguraw l-opportunitajiet għal kulħadd. Hemm bżonn urġenti ta' politiki soċjali u tas-suq tax-xogħol moderni li huma mmirati sabiex jippromovu l-opportunitajiet, l-impjegabilità, permezz tad-dispożżijoni tal-ħiliet u tal-passi li jippromovu l-adattabilità tal-ħaddiema u l-kapaċità għat-taħriġ mill-ġdid u l-mobilità ġeografika.. Ċentrali għal din l-ambizzjoni hija l-ħtieġa għal edukazzjoni nazzjonali u politiki ta' ħiliet imfassla u implimentati mill-Istati Membri, u mibnija fuq il-pedament ta' l-investiment fl-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja sabiex in-nies jiġu mgħammra ħalli jadattaw għall-bidla u għal oqsma ġodda ta' vantaġġ relattiv. Kif kien ġie enfasizzat fl-aġenda ta' Lisbona, dan għandu jinkludi “ħiliet ġodda bażiċi”, bħalma huma ħiliet fl-IT, il-lingwi barranin, il-kultura teknoloġika, l-intraprenditorija u l-ħiliet soċjali.

    9.6

    Flimkien mal-ħiliet tal-ħaddiema, huwa importanti ħafna li l-esternalizzazzjoni barra mill-pajjiż ma twassalx għal telf ulterjuri ta' għarfien. Hemm bżonn li jinżamm ambjent li jirrendi l-Ewropa lokalità attraenti għar-riċerka u l-iżvilupp. Sabiex dan iseħħ, hemm bżonn li jerġa' jiġi maħsub is-sehem ta' l-universitajiet (b'mod partikolari fis-suġġetti tekniċi u x-xjenzi naturali) flimkien man-netwerkjar Ewropew tagħhom u l-kooperazzjoni tagħhom ma' l-industrija.

    9.7

    Il-kompetittività Ewropea ser tkun l-ewwel u qabel kollox ibbażata fuq ekonomija li għandha l-bażi tagħha fl-għarfien u l-innovazzjoni, u solidarjetà ibbażata fuq mudell soċjali li jiżgura koeżjoni b'saħħitha. L-Ewropa ma tistax tirbaħ il-kompetizzjoni bi standards soċjali u ambjentali baxxi.

    Brussell, 26 ta' Settembru 2007

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Dokumenti Ekonomiċi Numru 259: L-integrazzjoni tal-kummerċ globali u l-esternalizzazzjoni:kemm qiegħda jirnexxilha tiffaċċjati l-isfid l-ġodda l-UE minn Karel Havik and Kierian McMorrow.

    (2)  Il-kontejnerizzazzjoni hija sistema inter-modali li biha tiġi trasportata l-kunsinna ġenerali jew il-prodott fil-lott bl-użu ta' kontejners li huma skond l-istandard ISO. Il-merkanzija tista' tiċċaqlaq faċilment minn post għall-ieħor f'dawn il-kontejners li jistgħu jitgħabbew kif inhuma fuq vapuri tal-merkanzija, trukkijiet, ferroviji, karozzi u ajruplani. Il-kunċett tal-kontejners huwa meqjus bħala l-innovazzjoni prinċipali fil-qasam tal-loġistika li wasslet għal revoluzzjni fl-ibburdjar u li naqset l-ispejjeż b'mod drammartiku fis-seklu għoxrin.

    (3)  Siti ta' produzzjoni irħas li fihom prodotti u konoxxenza ta' tekonolġija avvanzata Amerikani jew Ewropea jiġu proċessati wkoll wasslu għal sitwazzjoni fejn oġġetti bħalma huma l-kompjuters jew il-mowbajls jidħlu fis-suq bi prezzijiet li jintlaħqu u għalhekk huma aċċessibbli għall-parti l-kbira tal-konsumaturi.

    (4)  

    REX/182 — Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni, Marzu 2005.

    REX/198 — Preparazzjoni għas-sitt konferenza ministerjali tad-WTO, Ottubru 2005.

    SOC/232 — Kwalità tal-ħajja professjonali, produttività u impjieg fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-isfidi demografiċi, Settembru 2006.

    FEX/228 — L-isfidi u l-opportunitajiet għall-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, Mejju 2007.

    (5)  Dwar dan il-punt, l-opinjoni tal-KESE INT/269 — Is-seba' programm ta' qafas għar-riċerka u żvilupp, Diċembru 2005.

    (6)  Rapport tal-grupp ta' ħidma mmexxi minn Wim Kok, f'Novembru 2003.

    Il-gurpp ta' ħdima beda b'xogħolu f'April 2003 u rrapporta lill-Kummissjoni fis-26 ta' Novembru 2003. Il-Kummisssjoni u l-Kunsill integraw ir-riżultati tar-rapport fil-Rapport Konġunt tagħhom dwar l-impjieg tal-Kunsill tar-Rebbiegħa 2004, li kkonferma l-ħtieġa għal azzjoni deċiżiva mill-Istati Membri fuq il-linji ssuġġeruti mill-grupp ta' ħidma.


    Top