Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0255

    Rapport mill-Kummissjoni - Rapport ta' l-2007 dwar il-konverġenza ta' Cipru (imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat, fuq it-talba ta' Ċipru) {SEG(2007) 623}

    /* KUMM/2007/0255 finali */

    52007DC0255




    [pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussell, 16.5.2007

    KUMM(2007) 255 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

    RAPPORT TA' L-2007 DWAR IL-KONVERĠENZA TA' ĊIPRU

    (imħejji skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat, fuq it-talba ta' Ċipru) {SEG(2007) 623}

    L-għan tar-rapport

    L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jeħtieġ li l-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jibgħatu rapporti lill-Kunsill mill-anqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta' xi wieħed mill-Istati Membri b'deroga, fuq il-progress miksub mill-Istati Membri sabiex huma jissodisfaw l-obbligi tagħhom dwar it-twettiq ta' unjoni ekonomika u monetarja.

    Dan ir-rapport tħejja bħala risposta għat-talba ta' Ċipru, imressqa fit-13 ta' Frar 2007. Evalwazzjoni aktar dettaljata tal-qagħda tal-konverġenza f'Ċipru tingħata f'anness tekniku għal dan ir-rapport (SEC(2007)623).

    Il-kontenut tar-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni u l-BĊE huwa rregolat mill-Artikolu 121(1) tat-Trattat. Dan l-Artikolu jesiġi li r-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali rispettiv, u l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-BĊE (l-Istatut tas-SEBĊ). Ir-rapporti jeħtiġilhom jeżaminaw ukoll jekk ikunx intlaħaq grad għoli ta' konverġenza sostenibbli fl-Istat Membru kkonċernat, b'referenza għas-sodisfar tal-kriterji tal-konverġenza (l-istabbiltà tal-prezzijiet, il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern, l-istabbiltà tar-rati tal-kambju, ir-rati ta' l-imgħax fit-tul), u billi jitqiesu bosta fatturi oħra msemmija fl-aħħar subparagrafu ta' l-Artikolu 121(1). L-erba' kriterji ta' konverġenza huma żviluppati aktar fi Protokoll anness mat-Trattat (il-Protokoll Nru 21 dwar il-kriterji ta' konverġenza).

    Dan ir-rapport jeżamina biss iż-żoni li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru għandu kontroll effettiv, kif definit fil-Protokoll Nru. 10, anness ma' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003, kif sar fil-proċeduri kollha l-oħra rilevanti (pereżempju l-EDP, Liżbona, parteċipazzjoni fl-ERM II).

    L-eżami tal-kompatibiltà tal- leġiżlazzjoni nazzjonali , inkluż l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, ma' l-Artikoli 108 u 109 tat-Trattat u l-Istatut ta' l-SEBĊ jeħtieġ evalwazzjoni tal-konformità mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju (Artikolu 101 KE) u l-projbizzjoni ta' aċċess priveliġġat (Artikolu 102 KE); il-konsistenza ma' l-għanijiet ta' l-SEBĊ (Artikolu 105(1) KE); l-indipendenza tal-bank ċentrali (Artikolu 108 KE); u l-integrazzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fl-SEBĊ (bosta artikoli tat-Trattat KE u ta' l-Istatut tas-SEBĊ).

    Il- kriterju ta' stabbiltà fil-prezzijiet ġie definit fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat: “il-ksib ta’ livell għoli ta’ stabbiltà fil-prezzijiet […] dan jirriżulta minn rata ta’ inflazzjoni li l-iżjed, tkun tixbaħ lil dik ta' t-tliet Stati Membri li jkunu qed imorru l-aħjar f'dik li hija l-istabbiltà fil-prezzijiet”.

    L-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar il-kriterju ta' konverġenza tistipula ukoll li “l-kriterju fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet […] jfisser li l-Istat Membru jkollu grad ta' stabbiltà tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn 1.5% [punti perċentwali] dik ta' l-aħjar tliet Stati Membri, f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”. Ir-rekwiżit tas-sostenibbiltà jimplika li r-rendiment sodisfaċenti ta' l-inflazzjoni, essenzjalment, għandu jkun attribwit għall-mod li bih ivarjaw l-ispejjeż tad-dħul u fatturi oħrajn li jaffettwaw l-iżviluppi fil-prezzijiet b'mod strutturali, aktar milli għall-impatt ta' fatturi temporanji. Għalhekk, l-eżami tal-konverġenza jinkludi evalwazzjoni tal-fatturi sottostanti għall-inflazzjoni u ta' prospetti fiż-żmien mezzan. Dan l-eżami jevalwa ukoll jekk il-pajjiż jirnexxilux jilħaq il-valur ta' referenza fix-xhur li ġejjin[1].

    Il-valur ta' referenza ta' l-inflazzjoni kkalkolat kien 3.0% f'Marzu 2007[2], bil-Finlandja, il-Polonja u l-Iżvezja bħala l-aħjar tliet Stati Membri.

    It-Trattat jirreferi għall- kriterju tar-rata tal-kambju fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 121 bħala “osservanza tal-marġni ta’ fluttwazzjoni normali li dwarhom hemm provdut bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea, għal mill-inqas sentejn, mingħajr żvalutazzjoni fil-konfront tal-munita ta xi Stat Membru ieħor”.

    L-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula: “Il-kriterju fuq il-parteċipazzjoni fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea (…) jfisser li l-Istat Membru ikun irrispetta l-marġni normali ta' flutwazzjoni li hemm provdut dwarhom bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarju Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal talanqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra xi munita ta' xi Stat Membru ieħor, fuq inizjattiva tiegħu stess għall-istess perjodu”.

    Il-perjodu relevanti ta' sentejn għall-evalwazzjoni ta' l-istabbiltà tar-rata tal-kambju f'dan ir-rapport huwa mis-27 ta' April 2005 sas-26 ta' April 2007.

    Il-kriterju ta' konverġenza li jittratta dwar il- pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġie definit fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat bħala “l-pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern sostenibbli: dan jirriżulta meta jkun wasal għal pożizzjoni fl-estimi [li] tkun mingħajr żbilanċ eċċessiv kif stabbilit fl-Artikolu 104(6)”. Barra minn dan, l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula li dan il-kriterju għandu jfisser li “fil-waqt ta' l-eżami, l-Istat Membru ma jkunx suġġett meta jiġi eżaminat għal deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(6) ta' dan it-Trattat li jkun hemm żbilanċ eċċessiv”.

    Ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 121(1) tat-Trattat jistipula “id-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea kif jidher fil-livelli tar-rati ta’ mgħax f'perjodi fit-tul ”. L-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-kriterji ta' konverġenza jistipula wkoll li “il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax (…) ifisser li, Stat Membru, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, kellu rata ta' l-imgħax nominali medja għal żmien twil li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali, dik fl-aħħar mill-aħħar, tat-tliet Stati Membri li jmorru l-aħjar fl-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rati ta' l-imgħax jitqiesu abbażi ta' titoli tal-gvern għal żmien twil jew obbligazzjonijiet komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali”.

    Il-valur ta' referenza għar-rata ta' l-mgħax ġie kkalkolat li kien 6.4% f'Marzu 2007.

    L-Artikolu 121 tat-Trattat jirrikjedi wkoll eżami ta' fatturi oħrajn relevanti għall-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza. Dawn il-fatturi addizzjonali jinkludu l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju u s-suq tal-prodott, l-iżvilupp tal-bilanċ tal-pagamenti fuq il-kont kurrenti u l-iżvilupp tal-kost ta' unità lavorattiva u indiċijiet oħra ta' prezzijiet. Dawn ta' l-aħħar huma koperti permezz tal-valutazzjoni ta' l-istabbiltà fil-prezzijiet.

    Fir-Rapport dwar il-Konverġenza ta' Diċembru ta' l-2006, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet li Ċipru jissodisfa tlieta mill-kriterji dwar il-konverġenza (ta' l-istabbiltà fil prezzijiet, tal-pożizzjoni finanzjara tal-gvern u ta' rati ta' l-imgħax f'perjodi fit-tul). Sakemm ikun adottat l-abbozz ta' Liġi li jemenda l-Liġijiet ta' l-2002 u l-2003 dwar il-Bank Ċentrali ta' Ċipru, il-leġiżlazzjoni f'Ċipru, b'mod partikolari l-liġi dwar il-Bank Ċentrali ta' Ċipru, ġiet meqjusa li ma kenitx għal kollox kompatibbli ma' l-Artikolu 109 tat-Trattat u ma' l-Istatut tas-SEBĊ f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-integrazzjoni tal-bank ċentrali fis-SEBĊ fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' l-euro.

    Il-kompatibbiltà ġuridika

    L-inkompatibbiltajiet pendenti kollha ġew indirizzati b'Liġi li temenda l-Liġijiet ta' l-2002 u l-2003 dwar il-Bank Ċentrali ta' Ċipru li ġiet adottata mill-Parlament fil-15 ta' Marzu 2007. Din il-Liġi daħlet fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha, għalkemm xi dispożizzjonijiet għandhom ikollhom effett mid-data ta' l-introduzzjoni ta' l-euro f'Ċipru. B'mod partikolari, il-Liġi ħassret jew emendat serje ta' artikloi sabiex tieħu kont tar-rwoli u kompetenzi rispettivi assenjati mit-Trattat tal-KE lill-BĊE, is-SEBĊ u l-Kunsill tal-KE. Notevolment, dan jikkonċerna dispożizzjonijiet dwar il-politika monetarja, dwar l-operazzjonijiet monetarji u l-istrumenti tas-SEBĊ, dwar il-mod li bih isiru l-operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali u dwar il-ħruġ ta' karti tal-flus u muniti.

    Il-leġiżlazzjoni f'Ċipru, partikolarment il-Liġi dwar il-Bank Ċentrali ta' Ċipru, hija kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat tal-KE u l-Istatut tas-SEBĊ.

    L-ISTABBILTÀ TAL-PREZZIJIET

    Rispett tal-valur ta' referenza

    L-inflazzjoni medja fuq 12-il xahar f'Ċipru ilha taħt il-valur ta' referenza minn Awissu 2005. L-inflazzjoni medja f'Ċipru fuq it-12-il xahar sa Marzu 2007 kienet 2.0%, taħt il-valur ta' referenza ta' 3.0%, u x'aktarx għandha tibqa' taħt il-valur ta' referenza għax-xhur li ġejjin[3].

    Il-fatturi sottostanti u s-sostenibbiltà

    Ċipru tradizzjonalment gawda minn inflazzjoni relattivament baxxa, għalkemm ta' sikwit volatili. Dan jirrifletti s-sensitività ta' l-ekonomija żgħira u miftuħa tiegħu fir-rigward tad-disturbi qawwijin ta' prezzijiet esterni. Bejn l-1999 u l-2006, l-inflazzjoni ta' l-HICP kella medja ta' 2.6%. Madankollu, l-inflazzjoni laħqet massimi qrib is-6% fir-Rebbiegħa ta' l-2000 u anke fix-Xitwa ta' l-2003; fl-ewwel każ, l-aktar minħabba li għolew il-prezzijiet ta' l-enerġija u ta' l-ikel u fit-tieni każ, primarjament minħabba żidiet fir-rati tal-VAT u tas-sisa li kienu relatati ma' l-adeżjoni ta' Ċipru. L-inflazzjoni żdiedet fl-ewwel nofs ta' l-2006, iżda wara, f'Marzu 2007, niżlet għal 1.4%, l-aktar minħabba ċaqliq fil-prezzijiet ta' l-enerġija u ta' l-ikel

    L-inflazzjoni ta' l-HICP, għajr għall-enerġija u l-ikel ipproċessat, kienet imrażżna, mill-2004 'l hawn, għal medja ta' inqas minn 1%. Inflazzjoni ċentrali moderata timplika li l-pressjoni sottostanti ta' inflazzjoni baqgħet limitata, fi sfond ta' differenza negattiva fil-produzzjoni u żidiet moderati fl-ispejjeż għal kull unità tax-xogħol (mill-2004, bejn 1 u 2% fis-sena). F'dawn l-aħħar snin, il-pressjonijiet tal-pagi - fil-kuntest ta' pressjoni dejjem akbar fuq is-suq ta' l-impjiegi – ittaffew bis-sehem akbar ta' ħaddiema barranin fil-forza tax-xogħol u permezz ta' dixxiplina tal-pagi eżemplari fis-setturi pubbliċi u privati. Bejn l-2005 u l-2006, ir-rata ta' kambju effettiva tal-lira Ċiprijotta kienet stabbli, u għalhekk baqgħet newtrali fir-rigward tal-prezzijiet ta' importazzjoni.

    Fix-xhur li ġejjin, l-inflazzjoni mistennija li tibqa' baxxa, l-aktar minħabba effett bażi favorevoli mill-prezz taż-żejt, prezzijiet orħos tal-ħwejjeġ u żraben u tnaqqis tas-sisa fuq il-karozzi . Ir-riżultati rigward l-inflazzjoni, għal terminu mezzan, fil-biċċa l-kbira ser jiddependu fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet ta' l-enerġija u ta' oġġetti impurtati oħra u fuq it-trażżin ta' pressjoni possibbli tal-pagi u ħtiġijiet fid-dawl ta' kundizzjonijiet ċikliċi qawwija u l-konverġenza tar-rati ta' l-imgħax u rekwiżiti tar-riserva. Hu mistenni li ż-żidiet fir-rati tal-VAT fuq l-ikel, farmaċewtiċi u restoranti, li huma relatati mat-twettiq tar-rekwiżiti ta' l-UE, hekk kif fi tmiem l-2007 jispiċċaw id-derogi kurrenti, ikollhom impatt sinifikanti (madwar punt perċentwali) fuq l-inflazzjoni. Għalkemm dan l-impatt mistenni li jkun wieħed temporanju, ma nistgħux inħallu barra xi effetti sekondarji, b'mod partikolari bid-dħul ta' żidiet fil-VAT fl-indiċi ta' l-għoli tal-ħajja.

    Ċipru jissodisfa l-kriterju dwar l-istabbiltà fil-prezzijiet.

    Il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern

    Ċipru bħalissa ma huwiex is-suġġett ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv, minħabba li d-deċiżjoni dwar l-eżistenza tat-tali żbilanċ f'Ċipru adottata mill-Kunsill fil-5 ta' Lulju 2004[4] tħassret bid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006[5].

    L-iżbilanċ ġenerali tal-gvern laħaq massimu ta' 6.3% tal-PGD fl-2003, iżda fis-snin ta' wara tnaqqas ħafna, - sa 1.5% tal-PGD fl-2006 - wara l-implimentazzjoni ta' korrezzjoni fiskali qawwija fis-snin 2004 u 2005. Għall-2007, fit-tbassir tagħhom għar-Rebbiegħa ta' 2007, is-servizzi tal-Kummissjoni juru kważi l-istess żbilanċ (1.4% tal-PGD).

    Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-aġġornament ta' Diċembru 2006 tal-Programm ta' Konverġenza ta' Ċipru, il-Kunsill qies li wara l-korrezzjoni tad-defeċit eċċessiv fl-2005, Ċipru kien qed joqrob sew lejn l-għan għaż-żmien mezzan (MTO) u li l-istrateġija finanzjarja fil-programm dehret suffiċjenti biex tiżgura li, sa l-2008, l-MTO jintlaħaq. Fl-istess ħin, il-Kunsill talab lil Ċipru sabiex jikkontrolla n-nefqa pubblika għal-pensjonijiet u jimplimenta aktar riformi fl-oqsma tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa ħalli jtejjeb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għal terminu twil u sabiex jimplimenta r-rotta tat-tisħiħ fiskali kif previst mill-programm.

    Matul is-seba' snin sa l-2006, kemm il-proporzjon tad-dħul totali kif ukoll dak ta' l-infiq totali segwew fil-medja xejra 'l fuq. Id-dħul totali żdied, l-aktar minħabba taħlita ta' miżuri strutturali u miżuri ta' darba. Ta' l-ewwel inkludew il-konformità tar-rati tat-taxxa tal-VAT ma' l- acquis f'Mejju 2004 u miżuri biex tiġi skoraġġita l-evażjoni tat-taxxa, filwaqt li l-miżuri ta' darba ħadu x-xeħta ta' dividend eċċezzjonali fuq il-gwadanni tal-passat ta' organizzazzjonijiet parastatali u ta' amnestija fuq it-taxxa. L-infiq primarju kurrenti żdied, l-aktar minħabba żidiet fil-pagi u salarji u trasferimenti soċjali. Mill-2005 'l quddiem, iż-żieda fl-infiq kienet mrażżna bl-impożizzjoni ta' limitu fuq ir-rati ta' tkabbir nominali ta' l-infiq primarju u kapitali kurrenti.

    Bejn l-2000 u l-2004, id-dejn tal-gvern baqa' jiżdied, iżda mill-2005 'l hawn beda u kompla nieżel. Huwa niżel sa 65.5% tal-PGD fl-2006, u skond it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-Rebbiegħa ta' l-2007, dan ser ikompli nieżel fl-2007 sakemm jilħaq madwar 61.5% tal-PGD.

    Ċipru jissodisfa l-kriterju dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern.

    L-istabbiltà tar-rati tal-kambju

    Il-lira Ċiprijotta ilha tieħu sehem fl-ERM II sa mit-2 ta' Mejju 2005, jiġifieri għal 24-il xahar fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' dan ir-rapport. Qabel id-dħul fl-ERM II, il-Bank Ċentrali ta' Ċipru kien qiegħed japplika sistema ta' rabta ( peg ) unilaterali vis-à-vis l-euro, li biha kien irażżan il-varjazzjonijiet għal valuri relattivament baxxi. Matul il-perjodu ta' l-evalwazzjoni li mhux kopert mill-parteċipazzjoni fl-ERM II (is-27 ta' April – l-1 ta' Mejju 2005), il-lira baqgħet marbuta mill-qrib mar-rata ċentrali tal-ġejjieni. Mid-dħul fl-ERM II 'l hawn, il-lira żammet – b'mod konsistenti - valur fuq in-naħa l-għolja tal-varjazzjoni, qrib ir-rata ċentrali, u ma sofrietx tensjonijiet qawwija. Indikaturi oħrajn, bħal żviluppi fir-rati ta' mgħax b'terminu qasir u riżervi fil-kambju, ma jindikawx pressjonijiet fuq ir-rata tal-kambju.

    Ċipru jissodisfa l-kriterju tar-rata tal-kambju.

    IR-RATI TA' L-IMGħAX FIT-TUL

    Ir-rata medja ta' l-imgħax f'perjodi fit-tul ta' Ċipru fis-sena sa Marzu 2007 kienet ta' 4.2%, taħt il-valur ta' referenza ta' 6.4%. Ir-rati medji ta' l-imgħax f'perjodi fit-tul f'Ċipru ilhom taħt il-valur ta' referenza sa minn Novembru 2005. Ir-rati ta' l-imgħax f'perjodi fit-tul f'Ċipru naqsu ħafna dawn l-aħħar ftit snin, kif għamlu wkoll il-firxiet ta' l-imgħax fir-rigward taż-żona ta' l-euro. Firxiet ta' renditi baxxi vis-à-vis iż-żona ta' l-euro jindikaw li r-riskju residwali tal-pajjiż kif jiġi vvalutat fis-swieq huwa limitat.

    Ċipru jissodisfa l-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' l-imgħax f'perjodi fit-tul.

    FATTURI OħRA

    Fatturi oħrajn ġew eżaminati wkoll, inkluża l-integrazzjoni tas-suq tal-prodott u s-suq finanzjarju u l-iżviluppi tal-bilanċi tal-pagamenti. L-ekonomija Ċiprijotta hija integrata sostanzjalment ma' l-UE. B'mod partikolari, il-kummerċ u l-FDI qegħdin jiżdiedu u s-sistema finanzjarja ta' Ċipru qiegħda mqabbda tajjeb ma' u bejn is-sistemi finanzjarji ta' l-UE u ta' pajjiżi oħra f'termini ta' fergħat u sussidjarji ta' banek barranin li qegħdin joperaw fiċ-Ċipru. F'dawn l-aħħar snin, l-iżbilanċ fil-kont kurrenti żdied minn 3.2% tal-PGD fl-2003 għal 5.9% tal-PGD fl-2006. F'dan il-perjodu, l-iżbilanċ fil-kont kurrenti u kapitali magħqud żdied minn 1.9 għal 5.9% tal-PGD. L-iżbilanċ fil-kont kurrenti jirrifletti differenzi kbar fil-kummerċ nett ta' oġġetti u servizzi. Tradizzjonalment, il-bilanċi pożittivi sostanzjali fil-kummerċ tas-servizzi m'għamlux tajjeb b'mod komplet għall-iżbilanċi qawwijin fil-kummerċ ta' oġġetti u għall-bilanċi negattivi tad-dħul. Min-naħa tal-finanzjament, id-dħul nett mill-FDI kopra parti sostanzjali mill-bilanċ tal-kont kurrenti.

    * * *

    Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni tagħha dwar is-sodisfar tal-kriterji tal-konverġenza, il-Kummissjoni jidhrilha li Ċipru laħaq livell għoli ta' konverġenza sostenibbli.

    [1] It-tbassir tal-valur ta' referenza huwa soġġett għal inċertezzi sinifikanti, minħabba li dan jiġi kkalkolat abbażi ta' l-inflazzjoni mbassra għat-tliet Stati Membri li jkunu mistennija li jkollhom l-aktar inflazzjoni baxxa f'dak il-perjodu ta' tbassir, li allura jżid il-marġni ta' żball possibbli.

    [2] Id-data ta' l-għeluq għad-dejta wżata f'dan ir-Rapport hija s-26 ta' April 2007.

    [3] Skond it-Tbassir tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa ta' l-2007, l-inflazzjoni medja ta' Ċipru fuq 12-il xahar ser tonqos għal 1.3% f'Diċembru 2007, filwaqt li l-valur ta' referenza huwa mistenni li jkun 2.8%.

    [4] 2005/184/KE, ĠU L 62, 9.3.2005, p. 19.

    [5] 2006/627/KE, ĠU L 256, 20.9.2006, pp.13-14

    Top