Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0234

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu2004 dwar diterġenti, fir-rigward ta’ l-użu tal-fosfati.

    /* KUMM/2007/0234 finali */

    52007DC0234

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu2004 dwar diterġenti, fir-rigward ta’ l-użu tal-fosfati. /* KUMM/2007/0234 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 4.5.2007

    KUMM(2007) 234 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu2004 dwar diterġenti, fir-rigward ta’ l-użu tal-fosfati.

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu2004 dwar diterġenti, fir-rigward ta’ l-użu tal-fosfati. (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1. INTRODUZZJONI

    L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 648/2004 dwar diterġenti[1] jistipola li “sat-8 ta’ April 2007, il-Kummissjoni għandha tevalwa, tibgħat rapport u, meta jkun iġġustifikat, tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-użu ta’ fosfati bil-ħsieb li teliminahom bil-mod il-mod jew li tillimitahom biss għal applikazzjonijiet speċifiċi.”

    1.1. Fosfati fid-diterġenti

    Il-fosfati huma wieħed mill-ingredjenti abbondanti l-iktar użati fid-diterġenti domestiċi u industrijali. Il-funzjoni tagħhom hija li jikkumbattu l-għebusija ta’ l-ilma sabiex jippermettu tindif effiċenti mid-diterġenti. It-tip ta’ fosfat li jintuża l-iktar huwa l-STPP ( sodium tripolyphosphate , Na5P3O10, CAS Nru 7758-29-4, EINECS Nru 231-838-7). Fuq kollox, l-STPP huwa ingredjent effikaċi li għandu l-funzjonijiet li ġejjin:

    - Is-sekwestru effiċenti ta’ l-imluħ li huma kaġun ta’ għebusija (u b’hekk jinżammu fit-taħlil);

    - eliminazzjoni u prevenzjoni tal-fibri ta’ inkrostazzjoni;

    - tisħiħ tal-proċess ta’ ħasil;

    - ġarrier ta’ l-ingredjenti oħrajn tad-diterġenti.

    Il-konsum annwali tal-fosfat li fih id-diterġenti fil-25 Stat Membru ta’ l-UE huwa madwar 1.8 miljun tunnellata, ċifra ekwivalenti għall-kontenut ta’ fosfru ta’ madwar 110,000 tunnellata. 90-95% minn dawn jiġu kkonsumati fid-diterġenti ta’ ħasil ta’ ħwejjeġ u tal-platti domestiċi. Bħala tqabbil, l-użu tal-fosfati fil-fertilizzanti huwa ekwivalenti għal bejn wieħed u ieħor 1,25 miljun tunnellata ta’ fosfru fis-sena.

    Ma hemm ebda dubji dwar l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa li huma assoċjati ma’ l-użu ta’ l-STPP fid-diterġenti. Evidenza xjentifika riċenti[2]tindika tossiċità akuta baxxa ħafna mill-STPP bl-applikazzjoni ta’ inġestjoni jew mal-ġilda, filwaqt li ebda effetti mutaġeniċi jew ġenotossiċi ma ġew osservati.

    Il-fosfati huma nutrijenti essenzjali kif jindika l-użu tagħhom fil-fertilizzanti. Il-kwestjoni ewlenija dwar l-użu tal-fosfati fid-diterġenti hija li dan jista’ jwassal għal eċċess ta’ nutrijenti fl-ambjent akwatiku li, b’hekk, jista’ jwassal għall-problemi ta’ ewtrofikazzjoni.

    L-ewtrofikazzjoni ġiet iddefinita bħala: “ l-arrikkiment ta’ l-ilma permezz tan-nutrijenti speċjalment komposti tan-nitroġenu u l-fosfat, li jikkawżaw it-tkabbir mgħaġġel ta’ l-alga u forom iktar kumplessi ta’ pjanti li jikkawżaw tfixkil mhux mixtieq fil-bilanċ ta’ l-organiżmi u tal-kwalità ta’ l-ilma kkonċernata”[3].

    L-ewtrofikazzjoni huwa fenomenu kumpless li fih il-fosfati għandhom frekwentement iżda mhux dejjem rwol ewlieni. Il-kwestjonijiet li qed jiżdiedu dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-STTP fl-ewtrofikazzjoni wasslu biex f’ċertu pajjiżi javviċinaw lejn diterġenti tal-ħasil għall-ħwejjeġ li huma ħielsa mill-fosfati. It-Tabella 1 (Anness) turi l-parti mis-suq korrenti fil-25 Stat Membru ta’ l-UE tad-diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati. Id-diterġenti huma l-iktar skarikati f’kompartiment akwatiċi permezz ta’ trattament ta’ ilma ta’ skart. Il-proporzjoni ta’ l-STPP mid-diterġenti li jidħlu fl-ambjent akwatiku tvarja konsiderevolment fl-Istati Membri ta’ l-UE skond il-grad ta’ trattament terzjarju ta’ l-ilma ta’ skart. It-trattament terzjarju jiswa ħafna flus u mhux meħtieġ għall-iskariki kollha ta’ dranaġġ (fi stabilimenti partikolarment żgħar ma hemmx it-trattament xieraq). Il-fosfat mill-fertilizzanti applikat fuq art agrikola huwa l-iktar assorbit mill-ħxejjex, iżda jkun hemm xi nixxa li tispiċċa fl-ilma tal-wiċċ. It-tielet sors ewlieni tal-fosfru huwa l-iskart metaboliku uman.

    L-alternattiva ewlenija għall-STTP fid-diterġenti tal-ħasil tall-ħwejjeġ, bi porzjoni fis-suq ta’ iktar minn 60%, huma ż-żeoliti (l-iktar żeolit A) li, madanakollu, jintużaw flimkien ma’ ammonti miżjuda ta’ ingredjenti oħrajn, bħalma huma l- co-builders u l-bliċ.

    Id-diterġenti għall-ħasil tal-platti għadhom ibbażati l-iktar fuq il-fosfat. Bl-introduzzjoni tad-diterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ li huma ħielsa mill-fosfat, il-kontribuzzjoni tad-diterġenti tal-ħasil tal-pjatti lejn ir-rilaxx tal-fosfat tad-diterġenti żdiedet b’25%.

    1.2. Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE fir-rigward ta’ l-ewtrofikazzjoni

    Ħafna mid-Direttivi ta’ l-UE għandhom l-effett li jillimitaw il-konċentrazzjoni tan-nutrijenti fl-ilma tal-wiċċ, u b’hekk jgħinu biex jikkumbattu l-ewtrofikazzjoni :

    Id-Direttiva 91/271/KEE li tikkonċerna it-trattament ta’ l-ilma ta’ skart urban (UWWTD) li skond dan hu meħtieġ trattament terzjaru (li jelimina l-fosfati) fl-impjanti ta’ trattament ta’ l-ilma li jservu agglomerazzjonijiet ta’ iktar minn 10,000 ekwivalenzi ta’ popolazzjonijiet, u li jiskarikaw ġewwa żoni li huma sensittivi għall-ewtrofikazzjoni;

    Id-Direttiva 91/676/KEE[4] li tikkonċerna l-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (id-Direttiva tan-Nitrati) li skond din l-Istati Membri huma meħtieġa li jidentifikaw iż-żoni vulnerabbli u jistabbilixxu u jimplimentaw il-programmi ta’ azzjoni sabiex inaqqsu t-tniġġis ta’ l-ilma minn komposti tan-nitroġenu.

    Id-Direttiva 96/61/KE[5] li tikkonċerna l-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis li fihom l-Istati Membri huma meħtieġa li joħorġu permessi għal ċertu istallazzjonijiet industrijali skond l-aħjar teknika disponibbli (BAT). L-Anness III tad-Direttiva, il-lista indikattiva tas-sustanzi ewlenin tat-tniġġis li għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni għall-iffissar tal-valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet, tinkludi s-sustanzi li jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni, partikolarment in-nitrati u l-fosfati.

    Id-Direttiva 2000/60/KE[6], id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma (WFD), wasslet għal iktar iffokar tal-mira lejn l-ewtrofikazzjoni u għal avviċinament iktar kumplessiv ta' l-immaniġġjar ta’ l-ilma[7]. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ programmi ta’ miżuri biex jaċċertaw li l-korpi ta’ ilma fl-UE jikkonformaw ma’ “status li huwa tajjeb” sa l-2015. Fil-każ fejn il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tad-WFD juru li l-inputs tal-fosforu qed jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ewtrofikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri biex jindirizzaw din il-problema.

    1.3. Il-leġiżlazzjoni fl-Ewropa li tikkonċerna l-fosfati fid-diterġenti

    Filwaqt li ssir armonizzazzjoni fuq livell Ewropew, ir-Regolament tad-Diterġenti jippermetti lilll-Istati Membri li jżommu l-miżuri nazzjonali eżistenti, jew li jintroduċu l-ġodda, sabiex jillimitaw il-kontenut tal-fosfati tad-diterġenti. Madanakollu, kif isir ma’ kull miżura nazzjonali li tinsab ‘il barra miż-żona armonizzata, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dwar abbozzi ta’ miżuri fi qbil mad-dipożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE[8] u juru li dawn huma ġġustifikati kif ukoll proporzjonati. Id-WFD tista tipprovdi mekkaniżmu fejn l-Istati Membri jistgħu juru permezz ta’ analiżi tar-riskji (Artikolu 5) u l-istabbiliment ta’ programm ta’ miżuri li jrendu l-infieq għalihom (Artikolu 11) li r-restrizzjonijiet huma ġġustifikati u proporzjonati.

    L-Italja, l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Ġermanja, u l-Olanda adottaw diġà leġiżlazzjoni sabiex inaqqsu jew jipprojbixxu l-fosfati fid-diterġenti bil-għan li titnaqqas l-ewtrofikazzjoni. L-Iżvezja u Franza ħabbru reċentament l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu l-istess. L-Awstrija, l-Irlanda, d-Danimarka, u l-Finlandja jiddipendu fuq l-impenji voluntarji tal-formulaturi tad-diterġenti biex jabolixxu gradwalment id-diterġenti li huma bbażati fuq il-fosfati. Seba’ Stati Membri għandhom biss id-diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati – ara Tabella 1 fl-Anness. Permezz ta’ dan ir-rapport il-Kummissjoni mhux intenzjonata li tivverifika dawn il-miżuri eżistenti.

    2. AZZJONI TAL-KUMMISSJONI LI TIVVALUTA L-UŻU TAL-FOSFATI FID-DITERĠENTI

    2.1. L-azzjonijiet li ttieħdu qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 648/2004

    Bħala waħda mill-azzjonijiet ewlenin tagħha fir-rigward tal-fosfati fid-diterġenti, l-Kummissjoni staqsiet konsulent, WRc, biex jinvestiga l-infieq u l-benefiċċji tas-sostituzzjoni tal-fosfat[9] fid-diterġenti domestiċi b' builders oħrajn, u biex tirrakkomanda l-iktar metodi xierqa ta’ tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-fosfru fl-ilma tal-wiċċ. L-istudju, ppubblikat f’Ġunju 2002[10], ikkonkluda li:

    - Numru ta’ pajjiżi kellhom suċċess fit-tnaqqis ta’ l-ewtrofikazzjoni permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ miżuri għat-tnaqqis tal-kariku ta’ fosfru tagħhom b’ 70-90%;

    - Projbizzjoni ta’ l-użu tad-diterġenti li huma bbażati fuq il-fosfru tista’ tikseb tnaqqis fil-kariku ta’ fosfru sa 40%, li madanakollu mhux biżżejjed għall-iżolazzjoni biex din twassal għal titjib sostanzjali fl-ewtrofikazzjoni;

    - Żeolit A instab li huwa alternattiva xierqa għall-STPP. Ġew osservati differenzi minuri biss bl-STPP fl-infieq għall-produzzjoni globali fit-termini ta’ l-enerġija użata u l-ħama li hija prodotta fl-impjanti ta’ trattament ta’ ilma ta’ skart, filwaqt li żeolit A instab li ma kienx tossiku għall-fawna akwatika u għall-bnedmin, u l-manifattura tipproduċi inqas prodotti sekondarji ta’ skart tossiċi.

    Il-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE) ta l-opinjoni[11] tiegħu f’Marzu 2003 dwar ir-rapport WRc li identifika numru ta’ dgħjufiji, osserva li l-konklużjonijiet tar-rapport ma kinux sostanzjati b’mod xieraq, u issuġġerixxa li reviżjoni tal-letteratura iktar sħiħa tista’ twassal li jiġu identifikati d-dgħjufiji li għandhom jiġu indirizzati adegwatament. Id-dgħjufija ikkonċernat il-valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-STPP fuq l-ewtrofikazzjoni, u n-nuqqas ta’ għarfien fir-rigward tar-riskji ambjentali li huma assoċjati ma’ l-alternattivi għall-STPP, mhux biss għaż-żeolit A iżda wkoll sustanzi oħrajn bħalma huma l-polycarboxlic acids li jintużaw f’kombinazzjoni miegħu.

    Is-servizzi tal-Kummissjoni segwew is-suġġeriment ta’ l-SCTEE u ġabru informazzjoni addizzjonali mil-letteratura, inkluż il-valutazzjoni ta’ l-impatt HERA dwar l-STPP u ż-Żeolit A, u talbu reviżjoni tal-kwestjonijiet mill-SCTEE li ma ġewx trattati b’mod xieraq fir-rapport WRc.

    Fl-opinjoni tagħha ta’ Novembru 2003, l-SCTEE ikkonkludew li:

    - Fl-assenza tal-miżuri fit-tnaqqis tal-kontenut ta’ l-STPP fid-diterġenti, il-kontribuzzjoni ta’ dan is-sors tal-fosfru lejn il-kariku totali ta’ fosfru fl-ilma tal-wiċċ jista’ jvarja ħafna (bejn wieħed u ieħor fil-medda ta’ 10 sa 40%) bħala funzjoni ta’ l-attivitajiet differenti u l-użu ta’ l-art. B’hekk, id-diterġenti ta’ l-STPP għandhom jipproduċu żieda sinifikanti ta’ kariku ta’ fosfru fl-ilma tal-wiċċ u riskju sinifikanti għall-ewrtrofikazzjoni f’xi żoni ta’ l-UE imkabbra;

    - Is-sitwazzjoni preżenti fl-Ewropa inbidlet b’mod sostanzjali meta mqabbla mat-tmeninijiet, minħabba li ħafna pajjiżi Ewropej ħadu miżuri fit-tnaqqis ta’ l-STPP sabiex il-fosfru fid-diterġenti ma jibqax kontributur ewlieni u sorsi oħrajn jikkontribwixxu perċentwal ogħla lejn il-kariku globali ta’ fosfru;

    - Il-kontirbuzzjoni tad-diterġenti li huma bbażati fuq fosfru lejn l-ewtrofikazzjoni hija estremament varjabbli minn pajjiż għall-ieħor kif ukoll f’baċiri idrografiċi differenti bħal funzjoni ta’ l-attivitajiet umani u l-użu ta’ l-art.

    Fuq kollox, l-SCTEE innota li l-valutazzjoni tar-riskji ta’ l-HERA fuq l-STPP ma kinetx indirizzat il-problema ta’ l-ewtrofikazzjoni u issuġġerew kif dan jista’ l-aħjar isir: Intalbet li ssir … valutazzjoni kwantitattiva tal-grad ta’ ewtrofikazzjoni ta’ l-ilma fl-UE meta mqabbel mal-kariku ta’ fosfru minn sorsi differenti, u partikolarment relatata mal-kontribuzzjoni ta’ l-STPP tista’ ssir fuq bażi ta’ l-informazzjoni eżitenti esperimentali u ta’ mudellar” u ... valutazzjoni fuq paesaġġi bl-eżiti probabilistiċi fuq kull xenarju ta’ paesaġġ”..

    2.2. L-azzjonijiet li nġiebu fis-seħħ mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 648/2004

    Sar studju ieħor skond l-opinjoni ta’ l-SCTEE ta’ Novembru 2003 sabiex jinkisbu stimi kwantitattivi ta’ l-effetti fuq l-ewtrofikazzjoni fit-tibdil minn diterġenti I huma bbażati fuq fosfat għal dawk ħielsa mill-fosfat. L-istudju kien iffinanzjat mill-federazzjoni ta’ l-industrija għall-manifatturi tad-diterġenti tal-fosfat, CEEP (Centre Européen d’Etudes des Polyphosphates), u sar minn konsulent, Green Planet Research, f’konsultazzjoni ma’ l-organizzazzjoni ta’ riċerka, INIA (L-Istitut Nazzjonali Spanjol għall-Agrikoltura u Riċerka u Teknoloġija ta’ l-Ikel).

    Il-metodoloġija għall-valutazzjoni tar-riskju probabilistika ġiet żviluppata mill-INIA sa Settembru 2005, u ġiet irfinata fid-dawl tad-diskussjonijiet ma’ grupp ta’ 17–il espert dwar l-ewtrofikazzjoni f’workshop li sar f’Madrid f’Novembru 2005. Ir-rapport finali li kien intitolat “Żvilupp tal-Valutazzjoni tar-Riskji Kwantitattiva Ewropea fir-rigward tal-Polifosfati fid-Diterġenti”[12] ġie ppubblikat f’Ottubru 2006 u ġie konkluż li:

    - riskji addizzjonali relatati ma’ l-ewtrofikazzjoni ivarjaw sew f’reġjuni differenti ta’ l-UE bħala riżultat tal-fatturi bħalma huma l-karatteristiċi idroloġiċi, d-densità tal-popolazzjoni u l-intensità agrikola;

    - fiż-żewġ ekoreġjuni analizzati, jiġifieri (i) l-Atlantiku, il-lagi mhux fondi fit-Tramuntana u fiċ-Ċentru ta’ l-Ewropa, u (ii) il-korpi akwatiċi Mediterrani, ir-riskju ta’ ewtrofikazzjoni jiżdied b’mod lineari f’konċentrazzjonijiet ogħla ta’ fosfru;

    - id-differenza bejn ir-riskju totali ta’ ewtrofikazzjoni u riskju mingħajr diterġenti li huma bbażati fuq fosfati hija tipikament bejn wieħed u ieħor ta’ 2-8% ibbażata fuq il-valutazzjoni ta’ l-effett tal-Mediterran, u madwar 0.4-2% bbażata fuq il-valutazzjoni ta’ l-effetti fuq postijiet mhux fondi fl-Atlantiku, fit-Tramuntana u fiċ-Ċentru.

    Intalab li jsir studju ieħor mill-RPA (Risk & Policy Analysts Ltd) biex jikkompletaw in-nuqqasijiet ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ l-użu, l-proprjetajiet u l-valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali ta’ ingredjenti organiċi tad-diterġenti li mhumiex surfactant .

    L-istudju wera li uħud mill- co-builders li kienu meħtieġa għad-diterġenti li huma bbażati fuq iż-żeolit jintużaw ukoll fid-diterġenti li huma bbażati fuq l-STPP, minkejja li dawn jiġu f’konċentrazzjonijiet iżgħar Tibdila lejn diterġenti li huma bbażati fuq iż-żeoliti għandha b’hekk mhux neċessarjament tintroduċi numru ikbar ta’ sustanzi li jissejħu cobuilders fl-ambjent, iżda jistgħu jiżdiedu l-konċentrazzjonijiet.

    Il- polycarboxylates u l- phosphonates ġew identifikati bħala żewġ gruppi ta’ co-builders li ma jibbijodegradawx mill-ewwel fl-ambjent. It-tossiċità u l-ekotossiċità tal-polycarboxylates hija baxxa u mhumiex ikkunsidrati li huma ta’ ħsara. B’kuntrast, it-tossiċità ta’ uħud mill-phosphonates, per eżempju 1-Hydroxyethane-1,1-diphosphonic acid (HEDP) u l-mluħ tiegħu, jistgħu jikkawżaw xi dubju. Madanakollu, kien hemm nuqqas ta’ data ta’ monitoraġġ ambjentali għal din is-sustanza, u r-riskju ambjentali ma setax jiġi vvalutat.

    It-tieni parti ta’ l-istudju mmira lejn il-kumplimentazzjoni ta’ l-istudju ta’ l-ewrofikazzjoni ta’l-INIA/CEEP billi jivvaluta l-ispejjeż globali u l-benefiċji ta’ trasferiment mill-STPP lejn iż-żeoliti fid-diterġenti inklużi r-riskji sanitarji u ambjentali, it-tnaqqis fl-ispejjeż għall-awtoritajiet fuq impjanti ta’ trattament terzjarju ta’ impjanti ta’ ilma ta’ skart, u żdieda fl-ispejjeż għall-manifatturi fir-riformular tad-diterġenti.

    Ir-rapport[13] intitolat “Ingredjenti li mhumiex surfactant u diterġenti li huma bbażati fuq iż-żeoliti”, li twassal f’Ġunju 2006, irrakkomanda li:

    - l-industrija tad-diterġenti għandha tiġi inkuraġġata li tiżviluppa diterġenti li huma ħielsa mid-diterġenti għall-magni li jaħslu l-platti;

    - għandhom isiru diskussjonijiet ma’ l-industrija tad-diterġenti sabiex jiftehmu fuq data (dwar proprjetajiet, saħħa u effetti ambjentali) li tista’ tinġabar u tiġi ppubblikata għall-ingredjenti varji ta’ polymers ;

    - l-użu ta’ diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati għandu jiġi inkuraġġat sakemm jista' jintwera li l-ebda ingredjent ma jippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

    Il-benefiċċju ewlieni ta’ moviment lejn diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati huwa t-tnaqqis tal-kariku ta’ fosfat li, b’hekk, jista’ jnaqqas il-problemi ta’ ewtrofikazzjoni. F’termini kwalitattivi, l-ikbar benefiċċji għandhom iseħħu fil-pajjiżi fejn:

    - ikun hemm użu kbir ta’ diterġenti tal-fosfat;

    - proviżjoni baxxa ta’ trattament terzjarju ta’ ilma ta’ l-iskart u

    - problemi ta’ ewtrofikazzjoni

    Bl-applikar ta’ fatturi ta’ tweżin ma dawn il-kriterji, indikatur singolu għal kull pajjiż ġie dderivat dwar il-benefiċji potenzjali ta’ avviċinament lejn diterġenti li huma ħielsa mill-fosfat - ara t-Tabella 2 (Anness). Analiżi li hija pjuttost simplistika turi li l-benefiċċji potenzjali ta’ movement lejn diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati ivarjaw b’mod sinifikanti minn pajjiż għall-ieħor.

    L-ispejjeż li huma assoċjati ma’ dan l-avviċinament lejn diterġenti li huma bbażati fuq iż-żeoliti jinkludu:

    - Tfixkil tal-katina ta’ proviżjoni ta’ fosfati. Sitt manifatturi ta’ l-UE għall-STPP se jiġu affetwati b’mod sinifikanti.

    - Hemm ħtieġa ta’ formulaturi għad-diterġenti biex jirriformulaw/ibiddlu l-marka tad-diterġent (iktar kumplessa u diffiċli għall-formulaturi żgħar) bi spiża medja ta’ 20,000 € għal kull formulazzjoni.

    - Żieda potenzjali fir-riskji fil-bnedmin u/jew l-ambjent. L-ispejjeż addizzjonali tat-testjar minħabba l-ħtieġa ta’ iktar valutazzjoni tar-riskji.

    Il-Grupp ta’ Xogħol dwar id-Diterġenti iddiskuta rapporti f’Novembru 2006 u sab li r-rapport RPA ipprovda informazzjoni utli dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ avviċinament lejn diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati.

    Fir-rigward tar-rapport INIA, ġie nnotat b’mod partikolari li:

    - d-data użata għall-immudellar kienet pjuttist limitata u li r-riżultat kienu disponibbli għal żewġ xenarji ġeografiċi ġeneriċi;

    - l-imudellar kien limitat għall-baċiri tax-xmajjar (u l-lagi) filwaqt li l-ewtrofikazzjoni fl-UE hija problema wkoll fl-ambjenti kostali u tal-baħar, pereżempju fil-Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana, fil-Baħar l-Iswed u fil-Baħar Adrijatiku.

    - Il-proġett korrenti MARE/HELCOM għall-Baltiku u l-proġett UNDP-GEF għall-baċir tad-Danubju għandhom ukoll jiġu kkunsidrati qabel ma jiġu mfassla l-konklużjonijiet finali dwar l-ewtrofikazzjoni mid-diterġenti li huma bbażati fuq fosfati fl-UE.

    Il-Proġett Reġjunali tad-Danubju UNDP-GEF iffinanzjat min-Nazzjonijiet Uniti għas-Servizzi tal-Proġetti (UNOPS) fl-iżvilupp ta’ rakkomandazzjonijeit tal-fosfru fid-diterġenti fil-Baċir tad-Danubju, iġġenera data dettaljata dwar il-konċentrazzjonijiet tal-fosfru u ta’ l-ewtrofikazzjoni fid-Danubju. Ir-rapport finali[14] jikkonkludi li:

    “Filwaqt li huwa rikonoxxut li azzjonijiet oħra, bħalma huwa l-ġbir aħjar ta’ ilma ta’ skart urban u t-trattament tiegħu, kif ukoll ‘prattiki agrikoli tajbin’ huma neċessarji bħal azzjonijiet kumplimentarji, l-istudju wera biċ-ċar li kien hemm ambitu wiesa' sew għall-kontribuzzjoni ta’ riżoluzzjoni b’suċċess tal-problema ta’ ewtrofikazzjoni, bis-sostituzzjoni tad-diterġenti li huma tal-fosfat bid-diterġenti ħielsa mill-fosfati, b’hekk jitnaqqas il-piż totali tal-fosfati”.

    Il-politika ta’ rakkomandazzjoni lill-pajjiżi tal-Baċir tax-Xmara Danubju għandha għalhekk tantiċipa l-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew iktar ftehim voluntarju biex tissostitwixxi d-diterġenti li huma bbażati fuq fosfati għall-protezzjoni tad-Danubju u tal-Baħar l-Iswed mill-ewtrofikazzjoni filwaqt li jinħareġ l-eżitu tal-valutazzjoi mill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa ta’ miżuri fuq livell ta’ l-UE. Dan reġa’ tqajjem fl-aħħar Laqgħa ta’ Livell Għoli tas-16 –il Pajjiż tad-Danubju u tal-Baħar l-Iswed u l-Kummissjoni Ewropea fid-Dikjarazzjoni dwar il-Protezzjoni ta’ l-Ilma[15]. Fl-assenza ta’ azzjoni Komunitarja armonizzata, dan l-avviċinament jidher li huwa wieħed iġġustifikat u proporzjonat.

    2.3. Azzjonijiet li għadhom korrenti f’April 2007

    2.3.1. Aktar valutazzjoni mis-SCHER

    L-aħħar rapporti RPA u INIA tressqu lill-Kumitat Xjentifiku tar-Riskji tas-Saħħa u Ambjentali (SCHER) f’Novembru 2006 għal opinjoni.

    Il-mandat talab lis-SCHER biex jivvaluta l-kwalità xjentifika globali tar-rapporti u jikkummenta dwar il-metodoloġija tagħhom u l-assunzjoniiet li ntużaw, partikolarment:

    - il-kwalità tal-mudell kunċettwali;

    - l-akkuratezza u l-validità ta’ l-istimi, r-riżultati u l-konklużjonijiet;

    - jekk l-użu tal-fosfati fid-diterġenti jikkontribwixxi b’mod sinifikanti lejn l-ewtrofikazzjoni fuq livell ta’ l-UE.

    Fir-rigward tar-rapport RPA, SCHER ġie mistoqsi jagħti opinjoni dwar:

    - jekk avviċinament lejn diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati għandhomx iżidu r-riskji għas-saħħa u għall-ambjent;

    - ir-riskji assoċjati mal- co-builders , inklużi l- polycarboxylates u l- phosphonates .

    Twaqqfu żewġ gruppi ta’ xogħol u hemm opinjoni li hija mistennija tinħareġ qabel l-aħħar ta’ Mejju 2007.

    2.3.2. Attivitajiet tal-Kummissjoni skond id-Direttiva ta’ Qafas għall-Ilma

    Id-WFD teħtieġ li l-Istati Membri jiksbu stat tajjeb ekoloġiku u kimiku ta’ l-ilma tal-wiċċ sa l-2015. Id-Dokument ta’ Gwida[16] jipprovdi metodoloġija armonizzata għall-valutazzjoni tar-riskju għall-ewtrofikazzjoni fil-kuntest tal-politika ta’ l-UE. L-Istati Membri kollha irrivedew l-impatt ambjentali ta’ l-attività tal-bniedem fuq l-istat ta’ l-ilma tal-wiċċ u l-ilma tal-pjan u rrappurtaw lill-Kummissjoni fl-2005[17]. Ir-rapporti juru li l-ewtrofikazzjoni għadha problema ewlenija u li f’ħafna baċiri ta’ l-ilma, t-tniġġis mill-fosfru joriġina minn numru ta’ sorsi differenti. L-Istati Membri għandhom iħejju programm ta’ miżuri sa Diċembru 2009 sabiex jiksbu l-għanijiet tagħhom tad-WFD li jistgħu jinkludu, fejn ikun iġġustifikat, ftehim mandatorju jew voluntarju biex jillimitaw il-fosfati fid-diterġenti. Skond id-WFD, tali miżuri għandhom ikunu effettivi fl-infieq involut u proporzjonati.

    Kull proċess ta’ interkalibrazzjoni għaddej bħalissa sabiex l-interpretazzjoni ta’ ‘stat ekoloġiku tajjeb’ fl-Istati Membri kolla tkun waħda komparabbli u konsistenti mad-definizzjonijet tad-WFD u b’hekk jiġu armonizzati l-proċeduri ta’ valutazzjoni fl-osservanza tar-riskju ta’ ewtrofikazzjoni. Ix-xogħol għadu għaddej biex jiġu stabbiliti l-fruntieri ta’ ‘stat ekoloġiku tajjeb’ applikabbli għas-sistemi kollha tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali.

    L-eżerċizzju ta’ interkalibrazzjoni għandu jagħmel użu minn eluf ta’ settijiet ta’ data minn mhux inqas minn 1500 sit ta’ monitoraġġ rappreżentattivi (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/646/KE[18]) madwar l-Ewropa kollha.

    Il-Kummissjoni bħalissa qed tipprepara Deċiżjoni dwar l-ippubblikar tar-riżultati dwar l-eżerċizzju ta’ l-interkalibrazzjoni li għandu jiġi adottat fl-aħħar ta’ l-2007 fi qbil ma’ l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/60/KE.

    2.3.3. Il-proġett MARE/HELCOM fiż-żona tal-Baħar Baltiku

    Il-proġett jivvaluta għażliet politiċi varji (inkluż l-użu “tad-diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati”) sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ l-ilma fiż-Żona tal-Baħar Baltiku. Xenarju li fih diterġenti li huma ħielsa mill-fosfat jintużaw fil-pajjiżi kollha tal-Baltiku filwaqt li jinżammu t-trattamenti ta’ l-ilma ta’ skart fuq l-istess livell kif kien fis-sena 2000 juri inqas titjib minn xenarju li fih l-użu ta' diterġenti bbażati fuq il-fosfat huwa miżmum iżda l--ilma ta’ skart jitjieb skond id-Direttiva dwar Trattament ta’ Ilma ta’ Skart Urban. Kombinazzjoni ta’ trattament aħjar ta’ l-ilma ta’ skart flimkien ma l-użu ta’ diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati għandu jnaqqas il-kariku tan-nutrijenti u b’hekk isaħħaħ l-ambjent tal-baħar iktar minn kwalunkwe wieħed minn dawn il-miżuri li jintużaw waħedhom.

    3. SOMMARJU U KONKLUŻJONIJIET

    Il-Kummissjoni ħadet numru ta’ passi sinifikanti fl-istabbiliment ta’ bażi ta’ għarfien meħtieġ biex tivvaluta l-impatt mill-użu tal-fosfati fid-diterġenti fir-rigward ta’ l-ewtrofikazzjoni, kif inhu meħtieġ mill-Artikoliu 16(1) tar-Regolament 648/2004.

    Fuq riżultati ta’ studju preċedenti dwar l-impatt tal-fosfati li jinsabu fid-diterġenti fir-rigward ta’ l-ewtrofikazzjoni mid-WRc fl-2002, u skond opinjonijiet mill-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni f’Marzu u f’Novembru 2003, żewġ studji oħrajn inġiebu fis-seħħ biex jikkompletaw in-nuqqasijiet ta’ data identifikati fl-opinjonijiet tal-Kumitat. Ir-riżultati ta’ dawn iż-żewġ studji oħrajn ġew diskussi mid-delegati mill-Istati Membri u mill-industrija f’laqgħa mal-Grupp ta’ Xogħol tad-Diterġenti f’Novembru 2006 u b’hekk ġew imressqa lil-Kumitat Xjentifiku tal–Kummissjoni għal opinjoni, li hija bħalissa pendenti.

    Skond rapporti mressqa fil-kuntest tad-WFD, l-ewtrofikazzjoni tibqa’ waħda mir-riskji l-iktar importanti għall-ilma ħelu u dak tal-baħar. Inkiseb titjib sinifikanti fil-konoxxenza f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, f’April 2007 l-istat tal-konoxxenza li jikkonċerna l-ewtrofikazzjoni għadu fl-iżvilupp rapidu, u data addizzjonali estensiva dwar il-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma fl-UE hija mistennija fil-futur qrib permezz ta’ eżerċizzji ta’ interkalibrazzjoni tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma.

    Deċiżjoni dwar jekk ir-restrizzjonijiet tad-diterġenti tal-fosfati huma ġġustifikati jew le fuq livell ta’ l-UE se tittieħed la darba tiġi akkwistata evidienza suffiċenti u għażliet politiċi varji jiġu vvalutati f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Xogħol tad-Diterġenti. Partikolarment, ġustifikazzjoni tal-miżuri armonizzati għandhom jistennew l-eżitu ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal–Kummissjoni dwar studji li ġew kompletati diġà. Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-valutazzjoni ta’ l-impatt fl-2007 bil-għan li dan jiġi konkluż fl-2008, jekk ikun possibbli, skond l-opinjoni li jmiss tal-Kumitat Xjentifiku u l-ammont ta’ kwestjonjiet mhux indirizzati li jiġu identifikati. . Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva mingħajr dewmien la darba tittieħed deċiżjoni li l-ġustifikazzjonijiet huma ġġustifikati.

    Sa ma tittieħed deċiżjoni, il-Kummissjoni terġa’ tgħid li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu b’miżuri li jissostitwixxu d-diterġenti li huma bbażati fuq fosfati fejn dan jista’ jiġi ġġustifikat fuq bażi ambjentali (eż fuq bażi tad-WFD). L-Istati Membri li jixtiequ jintroduċu Regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt id-Direttiva 98/34/KE għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jiġġustifikaw li dawn il-miżuri huma f’konformità mal-kondizzjonijiet tad-Direttiva.

    ANNESS

    Tabella-1 Limitu sa fejn il-25 Stat Membru ta’ l-UE huma Ħielsa mill-Fosfat* fid-diterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ |

    Stat Membru | Popolazzjoni (miljuni) | % Ħielsa mill-fosfat |

    Il-Belġju | 10.4 | 100 |

    Ir-Repubblika Ċeka | 10.2 | 35 |

    Id-Danimarka | 5.4 | 80 |

    Il-Ġermanja | 82.5 | 100 |

    L-Estonja | 1.3 | 20 |

    Il-Greċja | 11.0 | 50 |

    Franza | 59.9 | 50 |

    L-Irlanda | 4.0 | 100 |

    L-Italja | 57.8 | 100 |

    Ċipru | 0.7 | 20 |

    Il-Latvja | 2.3 | 20 |

    Il-Litwanja | 3.4 | 20 |

    Il-Lussemburgu | 0.4 | 100 |

    L-Ungerija | 10.1 | 30 |

    Malta | 0.4 | 20 |

    L-Olanda | 16.2 | 100 |

    L-Awstrija | 8.1 | 100 |

    Il-Polonja | 38.2 | 15 |

    Il-Portugall | 10.4 | 30 |

    Is-Slovenja | 2.0 | 95 |

    Slovakkja | 5.4 | 20 |

    Spanja | 42.2 | 40 |

    Il-Finlandja | 5.2 | 90 |

    L-Iżvezja | 9.0 | 85 |

    Ir-Renju Unit | 59.5 | 55 |

    EU-25 | 456.0 | 66 |

    * It-terminu “ħieles mill-fosfat” jindika konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jillimita l-kontenut tal-fosfat (mhux neċessarjament żero)

    (RPA Rapport 2006, http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/legislation/detergents)

    Tabella-2 Benefiċċji ta’ Avviċinament lejn Diterġenti li huma Ħielsa mill-Fosfati |

    Riżultat | Deskrizzjoni | L-Istati Membri |

    >10 | Benefiċċji Massimi | Ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja |

    5-10 | Xi Benefiċċji | Il-Greċja, Ċipru, l-Estonja, ir_renju Unit, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Belġju, Franza |

    1-5 | Ftit Benefiċċji | Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Awstrija, l-Iżvezja, l-Irlanda, is-Slovenja, l-Italja, l-Olanda, l-Ġermanja |

    0 | Ebda Benefiċċju | Malta |

    Indikatur ta’ riżultat li bih pajjiż ta’ l-UE għandu jibbenefika l-iktar minn avviċinament lejn diterġenti li huma ħielsa mill-fosfati bbażat fuq tliet fatturi: (1) konsum ta’ kull sena per kapita ta’ diterġent tal-fosfat (2) perċentwal tal-popolazzjoni pprovduta bit-trattament terzjarju ta’ l-ilma (3) limitu ta’ dubju dwar ewtrofikazzjoni

    (RPA Report 2006, http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/legislation/detergents)

    [1] Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-diterġenti, ĠU L104, 8.4.2004, p.1.

    [2] Sodium Tripolyphosphate (STPP) CAS: 7758-29-4 Valutazzjoni tar-Riskji Umani & Ambjentali tal-Prodotti domestiċi għat-tindif Ewropej, HERA (2003)

    [3] Id-Direttiva 91/271/KEE ĠU L135, 30.5.1991, p. 40

    [4] Id-Direttiva 91/676/KEE ĠU L375, 31.12. 1991, p.1

    [5] Id-Direttiva 96/61/KE ĠU L 257, 10.10.1996, p 26

    [6] Id-Direttiva 2000/60/KE, ĠU L327, 22.12.2000, p.1

    [7] Id-Direttivi 91/271/EEC, 91/767/EEC u 96/61/EC huma "miżuri bażiċi" taħt id-WFD u għandhom jiġu kkoordinati u, fejn meħtieġ, ikkumplimentati biex jiksbu l-għanijiet mandatorji.

    [8] Id-Direttiva 98/34/KE ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37

    [9] Fir-rapporti ambjentali it-terminu "fosfru" jindika l-komposti tal-fosfru b'mod ġenerali.

    [10] "Fosfati u builders tad-diterġenti alternattivi" disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/info/docs_en.htm

    [11] disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/sct/sct_opinions_en.htm

    [12] disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/legislation/detergents/index_en.htm .

    [13] disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/chemicals/legislation/detergents/index_en.htm .

    [14] Ir-rapport ta' l-UNDP/GEF fuq ix-Xmara tad-Danubju huwa disponibbli fuq: http://www.undp-drp.org/drp/activities_1-8_detergents.html

    [15] http://www.icpdr.org/icpdr-pages/water_protection_declaration.htm

    [16] disponibbli fuq: http://forum.europa.eu.int/Public/irc/env/wfd/library?l=/framework_directive/thematic_documents/13_eutrophication

    [17] Ir-rapporti WFD huma disponibbli fuq: http://forum.europa.eu.int/Public/irc/env/wfd/library?l=/framework_directive/implementation_documents_1&vm=detailed&sb=Title

    [18] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/646/KE, ĠU L 243, 17.9.2005, p. 1.

    Top