Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0231

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro 2007 – [SEG(2007) 550]

/* KUMM/2007/0231 finali */

52007DC0231




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 3.5.2007

KUMM(2007) 231 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

– Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro 2007 –[SEG(2007) 550]

I. DAĦLA

1. Iktar kmieni din is-sena, mexxejja Ewropej iffirmaw dikjarazzjoni solenni f’Berlin biex jimmarkaw il-50 Anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma u affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal proġett li fetaħ it-triq għall-paċi u l-prosperità fl-Ewropa. L-integrazzjoni ekonomika hija ċentrali għal din l-istorja ta’ suċċess ta’ l-Ewropa. L-eliminazzjoni gradwali ta’ l-ostakli ekonomiċi matul l-aħħar nofs seklu għenet biex jogħlew il-livelli ta’ l-għixien, biex jiġi żgurat ftehim aktar ġust għall-konsumaturi, biex jiġu maħluqa opportunitajiet ġodda għall-investituri u biex jinħolqu rabtiet ekonomiċi u politiċi aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri. Kif tgħid id-dikjarazzjoni ta’ Berlin, "is-suq komuni u l-euro jagħmluna b’saħħitna".

2. L-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) hija l-istadju l-aktar avvanzat ta’ integrazzjoni ekonomika Ewropea sal-lum u se tkompli tkun mutur importanti ta’ unjoni aktar mill-qrib fis-snin li ġejjin. Għat-318 il-miljun persuna li jużaw l-euro ta’ kuljum, il-munita waħda hija simbolu tanġibbli tas-suċċessi u l-isfidi li qiegħdin jiffaċċjaw lill-Ewropej. Minn meta tnediet l-euro fl-1999, l-EMU wasslet għal grad għoli ta’ stabbiltà makroekonomika u inkoraġġiet rabtiet ta’ kummerċ u ta’ investiment aktar mill-qrib u integrazzjoni tas-suq finanzjarju aktar fil-fond fiż-żona ta’ l-euro. Matul dan iż-żmien, l-euro saret munita globali importanti u issa hija użata b’mod wiesgħa bħala munita ta’ riferiment f’arranġamenti fi flus barranin u bħala munita ta’ riserva uffiċjali. Dawn u benefiċċji oħra mill-EMU għandhom jirrapreżentaw inċentivi qawwija biex il-pajjiżi jadottaw l-euro.

3. Inkoraġġati mill-adozzjoni ta’ l-euro mill-Islovenja fl-1 ta’ Jannar 2007, Stati Membri oħra qegħdin iħaffu l-preparazzjonijiet tagħhom biex jidħlu fiż-żona ta' l-euro. Aktar kmieni din is-sena, Ċipru u Malta ssottomettew talbiet formali lill-Kummissjoni Ewropea u lill-BĊE biex jippreparaw Rapporti ta’ Konverġenza li fuq bażi tagħhom il-Kunsill tal-Ministri jiddeċiedi jekk dawn l-Istati Membri jistgħux jingħaqdu fiż-żona ta' l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008.

4. Hemm għarfien dejjem jikber li li tkun membru taż-żona ta' l-euro jfisser li tikkonfronta sfidi u responsabbiltajiet komuni. Fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ din is-sena, il-mexxejja ta’ l-UE, fil-valutazzjoni annwali tagħhom ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona, adottaw sett ġdid ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għaż-żona ta' l-euro fil-kuntest tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi. Ir-rakkomandazzjonijiet jenfasizzaw il-bżonn ta’ politika fiskali prudenti, ta’ titjib fil-kwalità tal-finanzi pubbliċi u ta’ adattabbiltà akbar fis-swieq għall-oġġetti u s-servizzi. Huma jesiġu wkoll allineament aħjar ta’ l-iżviluppi fil-pagi u fil-produttività u pass mgħaġġel ta’ integrazzjoni tas-suq finanzjarju.

5. Id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro, u d-dokument ta’ magħha, ir-Rapport Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro, jippreżentaw l-opinjonijiet tal-Kummissjoni fuq kif il-pajjiżi taż-żona ta' l-euro jistgħu jilħqu r-responsabbiltajiet u l-isfidi komuni tagħhom. Huma ddisinjati ukoll biex jinfurmaw id-dibattitu fuq il-prestazzjoni ekonomika taż-żona ta' l-euro u l-iffunzjonar ta’ l-EMU. Id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro sservi ukoll bħala kontribuzzjoni għad-djalogu tal-Kummissjoni Ewropea mal-Parlament Ewropew dwar il-politika ekonomika taż-żona ta' l-euro.

II. IS-SAĦĦA EKONOMIKA MĠEDDA TAŻ-ŻONA TA' L-EURO

6. Mid-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro tas-sena l-oħra, l-irkupru ekonomiku taż-żona ta' l-euro mar mit-tajjeb għall-aħjar. Iż-żona ta' l-euro kibret bi 2.7% is-sena l-oħra, l-aktar rata ta’ tkabbir mgħaġġla tagħha mill-2000, u ħafna ogħla mill-medja fit-tul tagħha. It-tkabbir fl-impjiegi aċċelera għal madwar 1.5% fl-2006 fiż-żona ta' l-euro, li ħalla żieda ta’ qrib iż-2 miljun impjieg ġdid. L-inflazzjoni baqgħet madwar 2% fl-2006 imma niżlet lejn l-aħħar tas-sena hekk kif il-prezzijiet ta’ l-enerġija naqsu.

7. Ir-riżultati pożittivi ta’ tkabbir ekonomiku taż-żona ta' l-euro jirriflettu parzjalment it-titjib ċikliku kurrenti imma jistgħu ukoll juru li r-riformi strutturali qed jibdew iħħallu effett. Hemm sinjali ta’ kapaċità akbar ta’ reżistenza għal ċaqlieq globali. L-effett fuq l-impjiegi tat-tkabbir reċenti kien partikolarment qawwi. F’Diċembru 2006, ir-rata tal-qgħad niżlet għal 7.5%, l-iktar livell baxx tagħha fi 15-il sena. It-tkabbir tal-produttività tax-xogħol fiż-żona ta' l-euro kienet medja ta’ 1% fl-2006, imqabbla ma’ rata medja annwali ta’ 0.7% matul l-għaxar snin preċedenti, u bosta fatturi jindikaw li din il-qabża tista’ tkun aktar milli sempliċement ċiklika fin-natura tagħha. B’mod ġenerali, dawn l-iżviluppi jissuġġerixxu li l-Istati Membri qed jiġu ppremjati għall-isforzi tagħhom sabiex, inter alia , iżidu r-rata ta’ parteċipazzjoni fix-xogħol, iżidu l-R&D u l-innovazzjoni, jiżviluppaw il-kapital uman u joħolqu ambjent ta’ negozju aktar attraenti u kompetittiv. Juru ukoll il-benefiċċji ta’ qafas makroekonomiku li huwa ddisinjat biex itejjeb l-istabbiltà u jippromwovi iktar ċertezza dwar prospetti ekonomiċi fuq terminu medju.

8. Id-domanda domestika hija mutur importanti tat-tkabbir ekonomiku fiż-żona ta' l-euro. Dan huwa rifless fl-ispinta kontinwa ta’ l-infiq fl-investiment u l-qawmien mill-ġdid fl-infiq domestiku grazzi, parzjalment, għall-kunfidenza akbar tal-konsumatur u l-prestazzjoni qawwija ta’ l-impjiegi fiż-żona ta' l-euro. L-esportazzjoni fiż-żona ta' l-euro ukoll għamlet kontribuzzjoni pożittiva għat-tkabbir, minkejja kundizzjonijiet ekonomiċi inqas favorevoli f’xi uħud mis-sħab kummerċjali ewlenin tagħha u l-apprezzament ta’ l-euro.

9. Il-prospetti għal tkabbir ekonomiku kontinwu fiż-żona ta' l-euro huma aktar favorevoli fl-2007 minn kemm kienu għal bosta snin. Id-domanda domestika hija mistennija li żżomm il-momentum relattivament qawwi tagħha, bl-investiment jibbenefika minn kundizzjonijiet finanzjarji favorevoli kontinwi, minn bilanċ korporattivi mtejba, mill-bżonn ta’ investiment ta’ sostituzzjoni, minn titjib fil-produttività u minn perspettiva pożittiva għall-profitti. It-tkabbir ekonomiku globali probabbilment jimmodera xi ftit iżda l-esportazzjoni taż-żona ta' l-euro qiegħda f’pożizzjoni tajba li tkompli l-prestazzjoni b’saħħitha tagħha.

10. Bħal dejjem, jista’ jkun hemm sorpriżi ekonomiċi wara l-kantuniera. Korrezzjoni diżordinata ta’ l-iżbilanċi globali, tensjonijiet fir-rata tal-kambju u żviluppi ġeo-politiċi huma fost il-fatturi li jistgħu jwasslu għal tkabbir inqas minn dak mistenni fiż-żona ta' l-euro. Min-naħa l-oħra, prestazzjoni aktar b’saħħitha fis-suq tax-xogħol u impatt aħjar minn dak mistenni li jirriżultaw minn kontinwazzjoni fil-konsolidazzjoni fiskali jistgħu jwasslu għal tkabbir ogħla minn dak previst.

III. INPOĠĠU D-DAR MAKROEKONOMIKA F’POSTHA

11. Il-politika makroekonomika għandha bżonn tkun fuq bażi soda sabiex l-irkupru ekonomiku taż-żona ta' l-euro jkompli. Minn Diċembru 2005, il-Bank Ċentrali Ewropew kien qiegħed jirtira l-istimolu pprovdut fi snin reċenti minħabba r-riskji fuq terminu medju għall-istabbiltà tal-prezzijiet. Flimkien ma’ dan, il-proċess li bih jiġu ddeterminati il-pagi fil-membri taż-żona ta' l-euro għandu jagħti attenzjoni biżżejjed lill-istabbiltà tal-prezzijiet, lit-tendenzi fil-produttività fuq terminu medju u lid-differenzi fil-ħiliet u fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali. Il-pagi fiż-żona ta' l-euro komplew jikbru b’mod moderat fl-2006 minkejja żviluppi fil-prezzijiet u produzzjoni u tkabbir fix-xogħol qawwi. Għalkemm għad fadal differenzi sinifikanti minn pajjiż għall-ieħor, it-tkabbir ġenerali fil-pagi fiż-żona ta' l-euro jidher li tnaqqas mid-Disgħinijiet ‘l hawn, b’hekk naqqas il-potenzjal għall-effetti tat-tieni serje kkawżati miż-żieda preċedenti fil-prezz taż-żejt. Fl-isfera baġitarja, huwa essenzjali li l-Istati Membri jaħtfu l-opportunità maħluqa mit-titjib ekonomiku biex jikkompletaw il-konsolidazzjoni tal-pożizzjoni baġitarja tagħhom qabel it-tmiem tad-deċennju. Din it-tip ta’ konsolidazzjoni fiskali ttejjeb ukoll it-taħlita tal-politika fiskali-monetarja ġenerali taż-żona ta' l-euro.

12. Il-membri taż-żona ta' l-euro għamlu sforz miftihem biex jikkoreġu l-iżbilanċ baġitarju eċċessiv. Fit-30 ta’ Jannar 2007, il-Kunsill iddeċieda li l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra Franza għandha tingħalaq billi l-iżbilanċ tal-baġit tagħha baqa’ taħt it-3% ukoll fl-2006. Fil-Ġermanja, l-irkupru ekonomiku għen biex iġib l-iżbilanċ tal-baġit taħt it-3% tal-PGD sena qabel ma kien skedat. Fil-Greċja, kien hemm korrezzjoni qawwija fl-2006 li wassal l-iżbilanċ tal-baġit li jibqa’ 2.6% tal-PDG. Il-Portugall u l-Italja rreġistraw ukoll titjib strutturali sinifikanti fl-2006, fil-każ ta’ dan ta’ l-aħħar oskurat bl-effett ta’ miżuri ta’ darba. Fiż-żona ta' l-euro b’mod ġenerali, il-kwalità ta’ l-aġġustament żdiedet, b’inqas serħan fuq miżuri ta’ darba, u tnaqqis fl-ispiża pubblika. B’mod ġenerali, il-kombinazzjoni ta’ sforzi ta’ konsolidazzjoni, notevolment f’pajjiżi b’defiċit eċċessiv, u ta’ żviluppi ekonomiċi mtejba, li jwasslu għal dħul sostanzjalment ogħla minn dak mistenni, naqqset l-iżbilanċ tal-baġit taż-żona ta' l-euro għal 1.6% tal-PGD fl-2006, ‘l isfel minn 2.5% tal-PGD fl-2005.

13. L-Istati Membri, speċjalment dawk li huma fil-proċess li jikkoreġu defiċit eċċessiv, iridu jgħafsu fuq il-konsolidazzjoni baġitarja biex jissodisfaw l-objettivi baġitarji fuq terminu medju tagħhom. Xi Stati Membri ppjanaw ftit jew l-ebda titjib fil-bilanċi strutturali tagħhom fil-Programmi ta’ l-Istabbiltà ta’ l-2006 tagħhom, minkejja li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jeżiġi konsolidazzjoni baġitarja li tmur lil hinn mill-punt ta’ referenza ta’ 0.5% tal-PGD matul iż-żminijiet tajbin. Franza, per eżempju, fil-programm tagħha, qiegħda tippjana li ttejjeb il-bilanċi strutturali tagħha b’0.3 punti perċentwali tal-PGD biss fl-2007. Fil-programm ta’ stabbiltà tagħha l-Ġermanja mhi qiegħda tippjana l-ebda titjib tal-bilanċi strutturali tagħha fl-2008 minkejja li huma mbassra “żminijiet tajbin”. Din is-sitwazzjoni teżiġi sforzi mġedda: l-Istati Membri li jonqsu milli jagħmlu progress biżżejjed minkejja t-tkabbir favorevoli jistgħu ma jiksbux marġni ta’ sikurezza biżżejjed kontra l-ksur tal-limitu ta’ defiċit tal-PGD ta’ 3% jekk u meta l-pass tat-tkabbir ekonomiku jiddewwem, b’hekk jiġu ripetuti l-iżbalji ta’ politika ta’ l-aħħar tad-disgħinijiet. Fl-istess ħin għandu wkoll jiġi evitat li jerġa’ jidher l-iżbilanċ strutturali f’pajjiżi li huma diġà f’bilanċ jew f’eċċess.

14. Fl-20 t’April 2007, l-Eurogroup adotta orjentazzjonijiet għall-politika fiskali fi Stati Membri taż-żona ta' l-euro, filwaqt li fakkar l-impenn sabiex jiġu kkonsolidati b’mod attiv il-finanzi pubbliċi fiż-żminijiet tajbin u biex jiġi użat dħul żejjed mhux mistenni għat-tnaqqis ta' l-iżbilanċ u tad-dejn. Bil-għan li tiġi mtejba l-koordinazzjoni tal-politika fiskali, il-Ministri tal-Finanzi taż-żona ta' l-euro ddiskutew żviluppi baġitarji nazzjonali fl-2007 u l-viżjoni preliminari ta’ politika għall-2008 u l-implikazzjonijiet tagħhom għaż-żona ta' l-euro. L-ewwel nett, huma mpenjaw ruħhom li jibnu fuq ir-riżultati baġitarji fl-2006 li kienu aħjar minn dawk mistennija u li jfittxu miri baġitarji aktar ambizzjużi minn dawk stabbiliti fil-Progammi ta’ Stabbiltà ta’ l-2006. It-tieni nett, huma ftiehmu li jimplimentaw baġits għall-2007 kif ippjanat, filwaqt li jiġi evitat l-infiq għoli aktar milli previst, u jiġi użat dħul żejjed mhux mistenni biex jitnaqqas l-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern. It-tielet nett, ġie mifthiem li l-pjanijiet ta’ politika fiskali għall-2008 għandhom jiġu ddisinjati b’attenzjoni sabiex jiġi mħaffef l-aġġustament lejn l-objettivi baġitarji fit-terminu medju għal Stati Membri li għadhom ma laħquhomx u għal dawk li laħquhom biex jiġi evitat li jiżdiedu l-iżbilanċi makroekonomiċi.

15. Il-prestazzjoni qawwija ta’ tkabbir taż-żona ta' l-euro jippreżentaw opportunità tad-deheb għall-membri kollha taż-żona ta' l-euro biex ipoġġu l-qasam fiskali tagħhom f’postu. Min-naħa tad-dħul, hemm bażi ekonomika qawwija għall-użu ta’ dħul mhux ippjanat – jiġifieri minn tkabbir ekonomiku li huwa ogħla minn dak mistenni – biex jitnaqqas is-self tal-gvern. Min-naħa ta’ l-infiq, l-esperjenza ta’ xi Stati Membri tissuġġerixxi li tnaqqis fl-infiq tal-gvern għandu t-tendenza li jipprovdu trattament aktar fit-tul tat-tnaqqis ta' l-iżbilanċ. Wara li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sostna b’suċċess lill-Istati Membri fit-tnaqqis ta' l-iżbilanċ eċċessiv, l-iffunzjonar tal-parti preventiva tiegħu għandha ssostni lill-Istati Membri fl-eliminazzjoni għal kollox ta' l-iżbilanċ sabiex jittrattaw l-isfidi imminenti. Li jiġu segwiti l-orjentazzjonijiet tal-Eurogroup dwar il-politika fiskali jfisser li l-maġġoranza tal-membri taż-żona ta' l-euro jilħqu l-objettivi baġitarji tagħhom għat-terminu medju fl-2008 jew fl-2009 u lkoll kemm huma għandhom jimmiraw għal mhux aktar tard mill-2010.

16. Li jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi jgħin lill-membri taż-żona ta' l-euro biex jindirizzaw l-implikazzjonijiet ekonomiċi tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. Bidliet drammatiċi fl-istruttura demografika tal-popolazzjonijiet Ewropej ifissru li l-proporzjon tad-dipendenza ta’ l-età avvanzata huwa mistenni li jiżdied minn 25% fil-preżent għal aktar minn 50% sa l-2050 fil-maġġoranza ta’ l-Istati Membri. Uħud minnhom diġà ħadu azzjoni sinnifikanti biex jindirizzaw din l-isfida. Jekk il-miżuri neċessarji ma jittieħdux malajr, ix-xjuħija se jkollha impatt baġitarju sostanzjali f’bosta pajjiżi taż-żona ta' l-euro. Infiq pubbliku relatat ma’ l-età fiż-żona ta' l-euro, li jinkludi l-infiq fuq il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, huwa pproġettat li jiżdied fuq medja b’madwar 4% tal-PGD sa l-2050 f’xenarju ta’ l-ebda bidla fil-politika. Dan jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri kollha jiksbu u jżommu pożizzjonijiet baġitarji sodi fit-tul sabiex inaqqsu b’mod sinifikanti l-proporzjonijiet tad-dejn u jillimitaw iż-żidied sussegwenti pproġettati fl-infiq. Dan il-bżonn huwa partikolarment akut fi Stati Membri, bħall-Greċja u l-Portugall, li qiegħdin jirriskjaw li jkollhom żidiet b’numri b’żewġ figuri fl-infiq pubbliku relatat ma’ l-età matul id-deċennji li ġejjin.

17. Is-salvagwardjar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi fiż-żona ta' l-euro jeħtieġ trattament ta’ politika fuq tliet punti. L-ewwel nett, l-Istati Membri għandhom, kif diġà ġie nnutat, iżidu l-isforzi biex jikkonsolidaw il-pożizzjonijiet fiskali tagħhom u jissodisfaw l-objettivi baġitarji għat-terminu medju tagħhom taħt il-Patt ta’ l-Istabbiltà u t-Tkabbir. It-tieni nett, l-implimentazzjoni ta’ aktar riformi strutturali taħt l-Istrateġija ta’ Liżbona tgħin biex tippromwovi tkabbir ogħla fil-produttività u l-ħolqien tax-xogħol b’hekk tirribatti l-impatt ekonomiku tal-popolazzjonijiet li qiegħdin jixjieħu. It-tielet nett, ir-riformi tal-pensjonijiet u tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-investiment fit-titjib tas-snin ta’ ħajja b’saħħitha għandhom il-potenzjal li jtejbu l-finanzi tal-gvern fuq perjodu twil.

18. Li tiġi żgurata l-kwalità tal-finanzi pubbliċi huwa ukoll importanti, kif rikonoxxut fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma ta’ l-Istati Membri u fil-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ta’ l-UE. Sfida ewlenija għall-Istati Membri hija li jilħqu miri baġitarji filwaqt li jiżguraw li s-sistemi tat-taxxa u ta’ l-infiq jippromwovu allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. Li jiġu adattati strutturi tat-taxxa u li l-infiq tal-gvern jiġi dirett lejn punti bħall-edukazzjoni u l-R&D jista’ jżid it-tkabbir tal-produttività u l-potenzjal tal-produttività u jġib benefiċċji soċjali u ekonomiċi importanti f’dak li hu innovazzjoni u l-akkumular tal-kapital uman. Din it-tip ta’ politika tista’ tgħin ukoll biex il-finanzi pubbliċi ta’ l-Istati Membri jitpoġġew f’sitwazzjoni aktar sostenibbli u biex jitjieb l-iffunzjonar ta’ mudelli soċjali fi ħdan iż-żona ta' l-euro.

19. L-impenni politiċi għal finanzi pubbliċi sodi għandhom jiġu riflessi fir-regoli u fl-istituzzjonijiet baġitarji nazzjonali. Ir-riċerka turi li l-Istati Membri b’regoli numeriċi ta’ l-infiq u d-dħul iddisinjati tajjeb normalment jillimitaw b’mod aktar qawwi s-self tal-gvern. Kif ġie diskuss fir-Rapport Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro ta’ din is-sena, l-Istati Membri għandhom, meta jiddisinjaw dawn ir-regoli, jagħtu attenzjoni għall-ambitu tagħhom u l-funzjoni ta’ stabilizzazzjoni tal-politika fiskali. Istituzzjonijiet fiskali effettivi fil-livell nazzjonali għandhom ukoll rwol x’iwettqu. Per eżempju, il-kumitati parlamentari tal-baġit jistgħu jsostnu t-twettiq ta’ politika fiskali soda u, għalhekk, jirrinforzaw il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

IV. IT-TQEGĦID FL-IŻGUR TA’ TKABBIR EKONOMIKU SOSTENIBBLI

20. Hekk kif iż-żona ta' l-euro taħsad il-frott ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, hija għandha ukoll tiżra’ ż-żerriegħa ta’ aktar riforma strutturali. Kif kien enfasizzat mill-mexxejja ta’ l-UE fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ din is-sena bl-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għaż-żona ta' l-euro, l-aġenda ta’ riforma ekonomika ta’ Liżbona hija kritika għaż-żjieda fit-tkabbir u l-impjiegi fis-27 Stati Membri kollha imma għandha dimensjoni miżjuda għall-pajjiżi li għandhom il-munita waħda. Fl-ewwel post, ir-riformi ekonomiċi se jnaqqsu l-pressjoni inflazzjonarja fiż-żona ta' l-euro u jgħinu biex isostnu l-irkupru ekonomiku. Barra minn hekk, swieq tal-prodotti, tax-xogħol u tal-kapital li jiffunzjonaw tajjeb huma essenzjali biex jiġi żgurat aġġustament bla xkiel għat-tfixkil ekonomiku speċifiku għall-pajjiżi taħt l-EMU.

21. L-aġġustament bil-mod ta’ xi membri taż-żona ta' l-euro għat-tfixkil speċifiku fil-pajjiż huwa prova li r-riformi ekonomiċi jridu jmorru aktar ‘il bogħod. Studju komprensiv ta’ l-aġġustament mill-Kummissjoni Ewropea sab li għalkemm il-proċess ta’ aġġustament tal-kompetittività fiż-żona ta' l-euro huwa dinamikament stabbli, xi Stati Membri qiegħdin jaġġustaw bil-mod wisq għal żviluppi speċifiċi fil-pajjiż. Dan l-aġġustament tal-kompetittività bil-mod ikkontribwixxa għall-persistenza ta’ differenzi fit-tkabbir u fl-inflazzjoni minn pajjiż għall-ieħor fiż-żona ta' l-euro, b’hekk jgħolli l-ispejjeż tan-nuqqas ta’ azzjoni politika fil-livell nazzjonali.

22. Is-Suq Intern huwa indispensabbli mhux biss għall-prosperità ekonomika ta’ l-UE imma ukoll għall-iffunzjonar bla xkiel ta’ l-EMU. Suq Intern dinamiku u matur jista’ potenzjalment jinkoraġġixxi allinjament aktar mill-qrib ta’ ċikli ta’ negozju nazzjonali u jħaffef l-aġġustament tal-prezzijiet u l-pagi għall-kriżijiet ekonomiċi. Priorità ewlenija għaż-żona ta' l-euro kif ukoll għall-Istati Membri ta’ l-UE hija li jiġi żgurat li s-Suq Intern ikun ppreparat biex jilħaq l-opportunitajiet u l-isfidi tas-Seklu 21. Meta l-Att Uniku Ewropew daħal fis-seħħ 20 sena ilu, l-ekonomija Ewropea kemmxejn omoġenea kienet isserraħ b’mod qawwi fuq il-manifattura bil-massa ta’ prodotti standardizzati. Fid-dinja tal-lum ta’ globalizzazzjoni, teknoloġiji ġodda u tkabbir ta’ l-UE, l-ekonomija Ewropea dejjem aktar eteroġenea sserraħ aktar u aktar fuq is-setturi msejsa fuq l-għarfien u s-servizzi bi grad akbar ta’ ddifferenzjar tal-prodotti.

23. Fuq talba tal-mexxejja ta’ l-UE, il-Kummissjoni Ewropea ppreparat dokument ta’ viżjoni li jsejjaħ lis-suq uniku sabiex jadatta għar-realtajiet il-ġodda. [1] Il-punt kruċjali ta’ l-argument tal-Kummissjoni huwa li biex jirriżultaw benefiċċji aktar tanġibbli għaċ-ċittadini, l-intraprendituri, il-ħaddiema u l-konsumaturi Ewropej is-suq wieħed irid imur lil hinn minn miżuri biex jiġu ttrattati xkiel legali transkonfinali għan-negozji. Il-politika tal-lum biex is-suq uniku jsir aktar fond trid titmexxa aktar mill-impatt, tkun iktar effettiva u orjentata b’mod aktar globali. Fil-ħarifa l-Kummissjoni se tippreżenta reviżjoni sħiħa tas-suq uniku bi proposti konkreti għal azzjoni ta’ politika.

24. Fil-qasam tas-suq finanzjarju, iż-żona ta' l-euro għandha tiżgura tmexxija fit-tħaffif tal-pass ta’ l-integrazzjoni fil-livell ta’ l-UE, b’hekk iżżid ma’ l-impetu li diġà ta l-euro. Membri taż-żona ta' l-euro għandhom bżonn partikolari għall-integrazzjoni finanzjarja bħala mezz ta’ xprunar tal-potenzjal tat-tkabbir u ta’ ffaċilitar ta’ l-aġġustament għall-kriżijiet ekonomiċi. L-Istati Membri li għandhom il-munita waħda qiegħdin issa diġà jibbenefikaw minn swieq integrati ħafna tad-derivattivi, tat-titoli ta’ dejn korporattiv u tal-flus. Il-proġett li tinħoloq Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro jippermetti ukoll lill-konsumaturi, lill-kumpaniji u lill-atturi ekonomiċi oħra li jagħmlu u jirċievu pagameni bl-euro, kemm bejn jew fi ħdan fruntieri nazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet, drittijiet u obbligazzjonijiet bażiċi, ikun x’ikun il-post tagħhom. Aktar integrazzjoni tipprovdi aktar opportunitajiet għat-tqassim transkonfinali tar-riskju u biex tiġi ffavorita allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi maż-żona kollha. Oqsma fejn għandu jitfittex il-progress jinkludu per eżempju transazzjonijiet ta’ kklerjar u ta’ ħlas transkonfinali, swieq tat-titoli ta’ dejn governattiv denominati fl-euro – li għadhom maqsuma fuq in-naħa tal-provvista – u s-swieq tas-self għad-djar fil-livell tal-bejgħ bil-grossa (jiġifieri il-proviżjon ta’ fondi) u tal-bejgħ bl-imnut.

25. Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Politika tas-Servizzi Finanzjarji fl-2005-2010 tipprovdi pjan għal aktar integrazzjoni tas-suq finanzjarju fl-UE u fiż-żona ta' l-euro. Implimentazzjoni fil-ħin u koordinata u infurzar rigoruż tal-miżuri leġiżlattivi varji tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji fil-livell ta’ l-Istati Membri huma ta’ importanza konsiderevoli. Hemm ukoll bżonn għal konsultazzjonijiet kontinwi, valutazzjoni ex-post tal-politika u tar-regoli ta’ l-UE eżistenti u valutazzjoni ta’ l-impatt għal proposti ġodda. Maġenb dawn il-miżuri, aktar sforzi se jkunu meħtieġa, inter alia , biex jiġi żgurat li l-arranġamenti ta’ sorveljanza ta’ l-UE jkunu adattati b’mod tajjeb għal suq finanzjarju Ewropew integrat mill-perspettiva ta’ l-effiċjenza u l-istabbiltà.

26. Ir-riformi fis-suq tax-xogħol qed iħallu l-frott f’termini ta’ impjiegi u parteċipazzjoni, imma jista’ jsir aktar biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament fil-pagi relattivi bejn is-setturi, biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni fix-xogħol u biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà settorjali u ġeografika . Riformi fis-suq tax-xogħol li jtejbu l-flessibbiltà, il-kompetizzjoni globali ogħla u t-tnaqqis fl-intensità taż-żejt fil-produzzjoni u s-saħħa tar-rata tal-kambju ta’ l-euro huma fost il-fatturi li setgħu bidlu l-proċess tal-formazzjoni tal-paga fiż-żona ta' l-euro. Minkejja dan l-iżvilupp, il-moderazzjoni tal-paga tibqa’ essenzjali sabiex, inter alia , jitwal l-irkupru ekonomiku, jiġu ankrati l-aspettattivi ta’ l-inflazzjoni u jiġi ffaċilitat l-aġġustament għall-kompetittività.

27. Fil-qasam tar-riforma tas-suq tal-prodotti, il-membri taż-żona ta' l-euro ukoll għamlu progress imma hemm bżonn li jittejbu aktar il-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u d-dinamiżmu. L-adozzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi f’Diċembru 2006 hija kisba ta’ importanza kbira. L-iżgurar ta’ l-implimentazzjoni mgħaġġla tagħha huwa priorità ewlenija u ż-żona ta' l-euro tibbenefika minn sforzi koordinati biex jinkiseb dan ir-riżultat. Fil-valutazzjoni tagħha tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni nnutat li l-membri kollha taż-żona ta' l-euro kienu ħadu passi biex jippromwovu regolamentazzjoni aħjar u biex jinkoraġġixxu l-R&D u l-firxa ta’ l-innovazzjoni imma sejħet għal miżuri aktar ambizzjużi biex tiġi ttrattata l-produttività baxxa fis-settur tas-servizzi. Passi oħra biex tittejjeb il-kompetizzjoni, inkluż billi jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tax-xiri pubbliku, u titjib għall-ambjent tan-negozju (per eżempju aċċess għall-iffinanzjar, leġiżlazzjoni restrittiva ta’ protezzjoni tax-xogħol) jippermettu lill-konsumaturi li jibbenefikaw b’mod aktar wiesgħa minn rebħ fil-produttività u għall-kumpaniji li jkollhom l-aħjar prestazzjoni fiż-żona ta' l-euro li jikbru malajr. L-innovazzjoni hija qasam ieħor fejn hemm bżonn li jiġu ffukati l-isforzi. L-isfidi f’setturi ta’ teknoloġija għolja u l-iżbilanċ persistenti ta’ innovazzjoni jeħtieġu l-ħolqien ta’ Suq Intern verament kompetittiv għas-servizzi u Suq Intern għall-innovazzjoni. Sistema tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali aktar ċara u effiċjenti bħalissa hija nieqsa u l-qasam tar-Riċerka Ewropea għadu wisq frammentat.

28. Wara l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita Politika ġdida ta’ l-Enerġija għall-Ewropa, il-mexxejja ta’ l-UE ftehmu fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ din is-sena fuq miri biex jiġġieldu l-bidla fil-klima u jixprunaw s-sigurtà ta’ l-enerġija u l-kompetittività. Dawn l-għanijiet se jkunu rrinforzati, fost oħrajn, b ’ aktar sforzi biex jinħoloq suq intern veru għall-enerġija u l-gass u l-iżvilupp ta’ trattament ta’ politika esterna komuni li ssostni l-politika ta’ l-enerġija. Il-politika l-ġdida ta’ l-enerġija ta’ l-UE, filwaqt li hija importanti għall-Istati Membri kollha, hija relevanti għaż-żona ta' l-euro minħabba l-implikazzjonijiet possibbli, fost oħrajn, għall-iżviluppi tal-kont kurrenti u l-prezzijiet.

V. IŻ-ŻJIEDA TA’ L-INTERDIPENDENZA GLOBALI

29. Iż-żona ta' l-euro hija parti minn ekonomija globali dejjem aktar interdipendenti. Żvilupp notevoli fl-2006 kien iż-żieda fil-valur ta’ l-euro kontra sħab tal-kummerċ ewlenin. Matul is-sena, l-euro żdiedet fil-valur b’madwar 11% kontra d-dollaru Amerikan u b’madwar 12½% kontra l-yen Ġappuniż. Din il-prestazzjoni qawwija kompliet fl-ewwel xhur ta’ l-2007, biex wasslet f’termini effettivi r-rata tal-kambju taż-żona ta' l-euro għal ftit ‘il fuq mil-livell tagħha fuq terminu twil. Ir-rati tal-kambju għandhom jirriflettu l-prinċipji ekonomiċi u l-volatilità żejda u movimenti diżordinati fir-rati tal-kambju mhumiex mixtieqa għat-tkabbir ekonomiku. F’ekonomiji li qiegħdin jiżviluppaw b’bilanċ pożittiv kbir u li qiegħed jikber fil-kontijiet kurrenti, speċjalment iċ-Ċina, huwa mixtieq li r-rati tal-kambju effettivi tagħhom jiċċaqalqu biex l-aġġustamenti neċessarji jseħħu.

30. Il-firxa ta’ l-iżbilanċi globali huma sinjal ta’ twissija għall-ekonomija globali. Għas-sena sħiħa, l-iżbilanċ tal-kont kurrenti ta’ l-Istati Uniti kiber għal USD 857 biljun, l-akbar wieħed fl-istorja tagħha. Fil-Ġappun, fl-ekonomiji Ażjatiċi li qiegħdin jiżviluppaw u fl-ekonomiji li jesportaw iż-żejt fil-Lvant Nofsani, il-bilanċi pożittivi fil-kont kurrenti komplew jiżdiedu. Il-bilanċ pożittiv tal-kont kurrenti globali taċ-Ċina żdied għal USD 238.5 biljun, li jaqbeż ir-rekord tagħha fl-2005. Il-kont kurrenti taż-żona ta' l-euro huwa qrib il-bilanċ imma l-Ewropa ma tkunx protetta mill-effetti tat-tnaqqis diżordinat ta’ l-iżbilanċi globali. L-iżbilanċi globali jibqgħu sfida importanti, u filwaqt li qiegħdin juru xi sinjali li qiegħdin jistabilizzaw, megħjuna b’xi ribilanċjar tat-tkabbir tad-domanda domestika, li tiġi żgurata l-korrezzjoni ordinata tagħhom tibqa’ priorità. Dan se jkun importanti biex jiġu evitati riskji potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja u biex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ reazzjonijiet protezzjonisti.

31. Issa hemm kunsens wiesgħa fost dawk li jagħmlu l-politika fuq kif għandha tiġi ttrattata l-problema ta’ l-iżbilanċi globali. Dan ħareġ bħala riżultat tal-proċess ta’ konsultazzjoni multilaterali mibdi f’April 2006 mill-IMF, li fih iż-żona ta' l-euro pparteċipat b’mod attiv flimkien ma’ erba’ atturi globali importanti oħra. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni fuq l-iżbilanċi globali ta riżultat pożittiv u l-IMF għandha tkompli tissolverja l-progress. L-azzjonijiet li l-parteċipanti ewlenin qablu li jimplimentaw huma (i) iżjed tfaddil nazzjonali fl-Istati Uniti b’miżuri biex jitnaqqas l-iżbilanċ tal-baġit u biex jippromwovu t-tfaddil privat, (ii) aktar riformi strutturali fil-Ġappun, inkluża l-konsolidazzjoni fiskali; (iii) flessibbiltà fir-rata tal-kambju akbar f’numru ta’ pajjiżi b’bilanċi pożittivi fl-Ażja li qiegħda tiżviluppa, b’mod partikolari fiċ-Ċina, (iv) assorbiment effiċjenti ta’ dħul ogħla miż-żejt fil-pajjiżi li jesportaw iż-żejt, u (v) l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali biex jiġi sostnut il-potenzjal tat-tkabbir u tiġi xprunata d-domanda domestika fiż-żona ta' l-euro. Iż-żona ta' l-euro qiegħda turi l-impenn tagħha biex tmexxi ‘l quddiem b’aktar riformi strutturali. Il-priorità issa hija li l-atturi relevanti l-oħra jimplimentaw l-aġenda politika mifthiema fil-ħin skond il-konsultazzjonijiet multilaterali u bilaterali ta’ l-IMF.

VI. L-IPPROĠETTAR TA’ VUĊI QAWWIJA FUQ IL-PJAN GLOBALI

32. Mid-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro tas-sena l-oħra, bosta passi ttieħdu biex tittejjeb ir-rappreżentazzjoni esterna taż-żona ta' l-euro. Il-Ministri tal-Finanzi ta’ l-UE talbu lir-Rappreżentanti tal-Bord Eżekuttiv ta’ l-IMF ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE biex jeleġġu rappreżentant għal perjodu itwal. Id-dettalji ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew mifthiema imma għadhom mhux implimentati. Ġie ukoll miftiehem li jinħatar uffiċjal tal-Kummissjoni fil-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv ta’ l-IMF taż-żona ta' l-euro, imma, hawnhekk ukoll, l-implimentazzjoni għadha ma nkisbitx. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Membri ftiehmu li jsostnu l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-G7 fuq l-aspetti kollha taħt il-kompetenza tagħha. Rappreżentanti taż-żona ta' l-euro, inkluż il-Kummissjoni, ipparteċipaw ukoll fil-fażijiet kollha tal-konsultazzjoni multilaterali ta’ l-IMF matul l-aħħar sena u pożizzjonijiet komuni u termini ta’ referenza taż-żona ta' l-euro ġew żviluppati qabel il-laqgħat tal-G7 u ta’ l-IMFC.

33. Aktar passi huma meħtieġa qabel ir-rappreżentazzjoni esterna taż-żona ta' l-euro tkun taqbel ma’ l-importanza dejjem tikber tagħha fl-ekonomija globali. Rappreżentazzjoni esterna aktar qawwija tippermetti ukoll liż-żona ta' l-euro li turi tmexxija fuq kwistjonijiet ta’ kompetenza tagħha, bħal l-iżbilanċi globali. Filwaqt li l-aħjar għażla għar-rappreżentazzjoni taż-żona ta' l-euro fil-fora u fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin tibqa’ l-ħolqien ta’ rappreżentant wieħed għaż-żona ta' l-euro, hemm ostakli biex dan jinkiseb fiż-żmien qasir, minħabba, parzjalment, diviżjonijiet fost l-Istati Membri. Billi tibni fuq il-Komunikazzjoni, “L-Ewropa fid-Dinja”, il-Kummissjoni se tkompli tikkontribwixxi b’mod attiv għall-iżvilupp ta’ pożizzjonijiet komuni fuq il-kwistjoni kruċjali tar-rappreżentazzjoni esterna.

34. It-tmexxija globali jeħtieġ ukoll li tikkunsidra aktar ekonomiji tas-suq li qiegħdin jiżviluppaw u lill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Dan ġie rifless mill-pakkett ta’ riforma kwoti-u-vuċi fil-Laqgħat Annwali ta’ l-IMF ta’ Singapore f’Settembru 2006, li wassal għal żjieda fil-kwoti għaċ-Ċina u għall-ekonomiji tas-suq li qiegħdin jiżviluppaw oħra. Id-diskussjoni issa qiegħda tkompli fuq aktar riformi u rappreżentazzjoni fl-IMF u fil-Bank Dinji. Flimkien ma’ l-ambizzjoni taż-żona ta' l-euro li titkellem b’vuċi waħda, it-titjib ekonomiku tal-pajjiżi tas-suq li qiegħdin jiżviluppaw ewlenin probabbli taħdem bħala riħ ta’ bidla qawwi għas-sistema finanzjarja internazzjonali.

35. Iż-żona ta' l-euro qiegħda tkabbar kooperazzjoni makroekonomika u regolamentarja aktar mill-qrib ma’ sħab ġodda kif ukoll ma’ dawk eżistenti. Is-sena l-oħra, id-djalogu makroekonomiku u regolamentarju annwali tal-Kummissjoni Ewropea mal-Ministeru tal-Finanzi Ċiniż ġie kkumplimentat b’djalogu ġdid mal-Kummissjoni Ċiniża ta’ l-Iżvilupp u r-Riforma Nazzjonali. Id-djalogi regolari mal-Ġappun komplew u djalogu makroekonomiku u regolamentarju finanzjarju ġdid mal-Gvern Russu inżamm fl-2006, li jirrifletti l-importanza dejjem tikber tar-Russja bħala sieħba strateġika ta’ l-UE. Djalogu makroekonomiku regolari ġdid bejn l-Indja u l-UE huwa ukoll skedat li jibda din is-sena. Djalogi makroekonomiċi ġodda mal-Brażil u l-Afrika t’ Isfel qiegħdin ukoll jiġu esplorati biex jiġi kkunsidrat ir-rwol ta’ dawn il-pajjiżi fir-reġjun rispettiv tagħhom u s-sħubija strateġika tagħhom ma’ l-Unjoni u ż-żona ta' l-euro.

VII. IL-PROMOZZJONI TA’ TFASSIL TA’ POLITIKA EFFETTIVA U LEĠITTIMA

36. Biex jintlaħqu sfidi ekonomiċi komuni, pajjiżi taż-żona ta' l-euro għandhom bżonn sistema effettiva ta’ tmexxija kollettiva. F’dan ir-rigward, l-Eurogroup għandu rwol dejjem aktar importanti fil-promozzjoni ta’ fehim komuni fost il-membri taż-żona ta' l-euro ta’ sfidi ta’ politika komuni. Matul l-aħħar tnax-il xahar, l-Eurogroup, b’kontribuzzjoni mill-Kummissjoni, fittex li jkabbar il-kunsens tiegħu fuq sfidi tar-riforma strutturali u kwistjonijiet oħra relevanti għaż-żona ta' l-euro, kif sottolinjati mir-rakkomandazzjonijiet taż-żona ta' l-euro fil-kuntest tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi. Sar xi progress lejn it-titjib tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, kif murija bl-adozzjoni ta’ l-orjentazzjoni pubblika għall-politika baġitarja u l-attenzjoni akbar għall-koerenza tal-politika makroekonomika u riformi strutturali. L-għan issa għandu jkun li dan il-ftehim komuni jinbidel f’politika miftiehma biex tilħaq dawn l-isfidi u jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tal-munita waħda. Propensità aktar ċara ta’ l-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom f’soluzzjonijiet kooperattivi tista’ tgħin diskussjonijiet ta’ politika.

37. L-effettività tat-tfassil tal-politika fiż-żona ta' l-euro hija importanti imma daqshekk ieħor hija l-leġittimità tagħha. Konxja ta’ dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea tinsab lesta li tipparteċipa fi, u tikkontribwixxi għad-djalogu propost tal-Parlament Ewropew fuq l-isfidi ewlenin li qiegħdin jiffaċċjaw l-ekonomija taż-żona ta' l-euro. Ir-Rapport Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro jikkontribwixxi għal dan il-fehim billi jippreżenta analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona ta' l-euro, l-iżviluppi fil-politika makroekonomika, l-isfidi tar-riforma strutturali u d-dimensjoni esterna ta’ l-EMU.

38. Hekk kif l-EMU qiegħda tersaq lejn l-10 anniversarju tagħha, il-Kummissjoni Ewropea se tiddedika attenzjoni dejjem akbar għall-valutazzjoni ta’ l-iffunzjonar ta’ l-EMU u biex tidentifika modi biex timmassimizza l-potenzjal ta’ l-ekonomija taż-żona ta' l-euro. Firxa ta’ kwistjonijiet huma relevanti hawnhekk inkluż kemm it-tmexxija ekonomika taż-żona ta' l-euro hija mgħammra tajjeb biex tilħaq l-isfidi kurrenti u futuri u jekk dawk li jagħmlu l-politika fil-livell Ewropew u nazzjonali jistgħux jagħmlu aktar biex tinkiseb taħlita ta’ politka li twassal għal aktar tkabbir u xogħol.

VIII. KONKLUŻJONI

39. Dawk li jagħmlu l-politika għandhom jaħtfu l-opportunità maħluqa mis-saħħa ekonomika mġedda taż-żona ta' l-euro biex jiżguraw finanzi pubbliċi sodi u jimbuttaw il- quddiem aktar riformi strutturali. Id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona ta' l-euro ssottolinjat l-aktar sfidi importanti għaż-żona ta' l-euro f’dan il-punt. Fil-qasam fiskali, l-Istati Membri għandhom jirreżistu t-tentazzjoni ta’ l-illaxkar fiskali billi jintensifikaw l-isforzi biex jilħqu u jżommu l-objettivi baġitarji tagħhom għat-terminu medju u billi jtejbu l-istruttura u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Li l-orjentazzjonijiet reċenti dwar il-politika fiskali ta’ l-Eurogroup jitpoġġew fil-prattika se jkun importanti ħafna biex tiġi kkompletata l-konsolidazzjoni fil-livell taż-żona ta' l-euro b’mod sħiħ, b’hekk tissaħħaħ aktar il-kredibbiltà ta’ awtoritajiet baġitarji, u tibbenefika it-taħlita ta’ politika fiskali u monetarja. Fil-qasam strutturali, l-Istati Membri qiegħdin jibbenefikaw minn politika tal-passat imma aktar riformi huma indispensabbli biex jittejjeb l-iffunzjonar bla xkiel ta’ l-EMU u biex jiġu xprunati standards ta’ għixien fit-tul. Fil-livell globali, iż-żona ta' l-euro ħadet passi matul l-aħħar sena biex issaħħaħ ir-rappreżentazzjoni esterna tagħha f’istituzzjonijiet u fora internazzjonali u biex tkabbar djalogi makroekonomiċi ma’ sħab ekonomiċi strateġiċi, ukoll bil-għan li jiġu indirizzati żbilanċi globali. Aktar passi se jkunu neċessarji, madankollu, qabel iż-żona ta' l-euro tkun tista’ titkellem verament b’vuċi waħda fuq kwistjonijiet ekonomiċi internazzjonali.

[1] 'Suq Uniku għaċ-Ċittadini', Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Rapport Interim għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2007, Brussell, 21.2.2007, KUMM(2007) 60 finali.

Top