Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0112

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta’ statistika u li jirrevoka r-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93

    /* KUMM/2005/0112 finali - COD 2005/0032 */

    52005PC0112

    Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta’ statistika u li jirrevoka r-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 /* KUMM/2005/0112 finali - COD 2005/0032 */


    Brussel 5.4.2005

    KUMM(2005) 112 finali

    2005/0032 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta’ statistika u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93

    (preżentata mill-Kummissjoni)

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1. SFOND

    Ir-Regolament attwali tar-Reġistri tal-Kummerċ (RK) (2186/93), li armonizza r-reġistri tal-kummerċ użati mill-Istati Membri għal għanijiet ta’ statistika, imur lura għall-1993 u bħalissa sa ċertu punt ma jinsabx aġġornat. F’dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni inbidlet b’mod sinifikanti u żviluppaw ħtiġijiet statistiċi.

    Hemm tliet tipi ta’ ħtiġijiet addizzjonali li feġġew progressivament:

    - il-globalizzazzjoni ta’ l-ekonomija ħolqot il-ħtieġa li jinġabar tagħrif dwar gruppi ta’ intrapriżi;

    - l-integrazzjoni ta' attivitajiet tas-setturi differenti wasslet għall-ħtieġa ta’ kopertura sħiħa ta’ l-ekonomija kollha;

    - is-Suq Uniku jeħtieġ komparabilità mtejba ta’ l-istatistika, li prinċipalment tiddependi mid-disponibilità ta’ sorsi armonizzati għall-popolazzjoni tal-kummerċ li topera fl-UE.

    L-għan tal-proposta huwa li jkun aġġornat ir-Regolament RK eżistenti biex jitqiesu dawn il-ħtiġijiet il-ġodda.

    Biex jintlaħaq dak l-għan, qed jiġu proposti diversi modifikazzjonijiet għar-Regolament RK attwali li huma miġbura fil-qosor fil-paragrafi t’hawn taħt.

    2. KONTENUT TAR-REGOLAMENT

    Minħabba l-ħtiġijiet il-ġodda tad-data ppreżentati hawn fuq, iddaħħlu żewġ bidliet ewlenin fl-abbozz propost tar-Regolament.

    - L-intrapriżi kollha li qed iwettqu attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-prodott gross domestiku, l-unitajiet lokali tagħhom u l-unitajiet legali korrispondenti jridu jkunu rreġistrati fuq bażi mandatorja (ċerti setturi ta’ attività huma fakoltattivi fil-verżjoni kurrenti tar-Regolament).

    - Jeħtieġ li r-rabtiet finanzjarji u l-gruppi ta’ intrapriżi jkunu koperti u jrid ikun hemm skambju ta’ data bejn il-pajjiżi u l-Eurostat dwar il-gruppi multinazzjonali u l-unitajiet kostitwenti tagħhom.

    2.1. Kopertura sħiħa ta' l-ekonomija

    L-eżistenza tal-leġislazzoni ta’ l-istatistika Komunitarja li tkopri l-ekonomija kollha, u l-użu li dejjem qed jiżdied ta’ reġistri tal-kummerċ għal għanijiet tar-rendikont nazzjonali, jagħmluha essenzjali għar-reġistri tal-kummerċ li jkopru l-ekonomija kollha. Is-setturi addizzjonali li għandhom ikunu koperti fuq bażi mandatorja huma "l-amministrazzjoni pubblika" u "l-agrikoltura u s-sajd ”.

    Inklużjoni ta’ l-Amministrazzjoni Pubblika

    Ir-rwol tas-settur pubbliku qed jinbidel. Ċerti attivitajiet li qabel kienu qegħdin jitmexxew mis-settur pubbliku jistgħu issa jitmexxew mill-intrapriżi pubbliċi jew privati. Biex wieħed jieħu stampa ċara tas-sitwazzjoni, aktar sorsi komparabbli dwar dawk l-attivitajiet huma meħtieġa. Dan jista' jinkiseb biss bil-kopertura obbligatorja tas-settur pubbliku fir-reġistri nazzjonali tal-kummerċ użati għal għanijiet ta’ statistika, skond l-istandards miftiehma.

    Inklużjoni ta’ l-Agrikoltura u s-Sajd

    L-interess qawwi fil-politika ta' l-iżvilupp rurali jeħtieġ tagħrif mhux biss dwar l-agrikoltura iżda wkoll dwar ir-rabta tagħha li dejjem qed tiżdied, ma’ attivitajiet oħrajn li mhumiex koperti mill-istatistika ta’ l-agrikoltura bbażata fil-parti l-kbira tagħha fuq prodotti. Trattament armonizzat ta’ l-agrikoltura fir-reġistri tal-kummerċ jagħti t-tagħrif bażiku meħtieġ għall-politika rurali.

    2.2. Data dwar gruppi ta’ intrapriżi

    Hemm talba li dejjem qiegħda tikber għal tagħrif dwar gruppi ta’ intrapriżi, f’livell nazzjonali bl-għan li tiġi evalwata l-konċentrazzjoni ta’ l-ekonomija, u fl-livell internazzjonali għall-produzzjoni ta’ l-istatistika li għandha x’taqsam mal-globalizzazzjoni. Biex tintlaħaq it-talba, diġà qed toħroġ ħafna statistika, parti minnha taħt il-liġi ta’ l-istatistika tal-Komunità (l-istatistika dwar l-affiljati barranin, il-bilanċ tal-pagamenti, u l-kummerċ barrani), iżda hemm il-ħtieġa ta’ iżjed minn din. Is-sitwazzjoni attwali, fejn huma rreġistrati l-partijiet maqtugħin biss tal-gruppi ta’ intrapriżi fit-territorju nazzjonali, mhijiex suffiċjenti u d-data dwar il-gruppi multinazzjonali għandha tkun imsaħħa fil-livell Ewropew.

    L-abbozz tar-regolament jeħtieġ li r-reġistri Nazzjonali tal-kummerċ jirreġistraw ir-rabtiet finanzjarji bejn l-unitajiet legali u jitrasmettu t-tagħrif dwar il-konnessjonijiet trans-nazzjonali lill-Kummissjoni (lil Eurostat).

    Dan għandu jirriżulta f’

    - qafas armonizzat ta’ kampjuni għall-istħarriġ eżistenti li juża l-kunċett ta’ rabtiet finanzjarji;

    - komparabilità aħjar ta’ ħafna mill-istatistika attwali, fejn ir-rabtiet finanzjarji bejn l-intrapriżi fil-pajjiżi differenti għandhom rwol importanti, bħal eż. fid-data tal-produttività;

    - tagħrif ieħor dwar il-popolazzjoni tal-gruppi ta’ intrapriżi billi r-reġistri jistgħu jintużaw ukoll bħala għejun diretti ta’ statistika dwar il-globalizzazzjoni. Dan ikun ta’ siwi kbir għall-kompetizzjoni differenti tal-Komunità, għall-politika tar-riċerka, u għan-negozjati tal-kummerċ.

    Din il-proposta għandha wkoll tqarreb il-firxa u l-kwalità tad-data tal-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali ħafna iżjed lejn il-livell fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

    3. L-IMPATT TAL-PROPOSTA

    Il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri diġà implimentaw parzjalment il-ħtiġijiet il-ġodda

    Fi kważi l-Istati Membri kollha t-tliet taqsimiet fakultattivi ta' l-NACE jinsabu diġà mill-inqas parzjalment koperti u ċertu tagħrif dwar il-gruppi ta' intrapriżi jista' jinkiseb jew jinstab fi stadju ta’ tħejjija. Fil-maġġoranza tal-każijiet għalhekk, diġà jeżisti qafas, u huwa f’idejn l-Istati Membri biex jieħdu aktar miżuri biex itejbu l-kopertura tagħhom jew il-kwalità, bħal per eżempju bl-użu possibbli ta’ għejun oħra. Jekk wieħed jibda mis-sitwazzjonijiet nazzjonali differenti, armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri kollha tista’ biss tinkiseb permezz ta’ l-adozzjoni tal-metodoloġija komuni, kif ippreżentata fir-Regolament propost.

    Ir-reġistrazzjoni ta’ entitajiet zgħar mhijiex meħtieġa

    Billi l-interess internazzjonali jiffoka fuq il-gruppi multinazzjonali, m' hemm l-ebda ħtiġijiet stretti dwar il-kopertura tal-gruppi li huma kollha residenti. Il-kopertura ta’ l-iżgħar intrapriżi mingħajr persuni impjegati hija wkoll kompitu tas-sussidjarjetà, għax din tiddependi mill-għejun amministrattivi disponibbli f' livell nazzjonali. Għalhekk il-qagħda nazzjonali u d-disponibilità varja ta’ għejun tqiesu fejn possibbli.

    Xi wħud mill-varjabbli huma fakoltattivi biex iżommu l-ispejjeż ta’ l-implimentazzjoni fl-livell raġonevoli .

    Ir-reġistrazzjoni ta’ ċerti varjabbli hija kkundizzjonata skond id-disponibilità tat-tagħrif mill-għejun amministrattivi fl-Istat Membri individwali, u ċerti varjabbli ta’ gruppi ta’ intrapriżi huma fakoltattivi sakemm tiġi trasmessa d-data lil Eurostat - il-konsolidazzjoni tad-data f' Eurostat, u r-rispons tad-data konsistenti kkorreġuta li tmur lura għand l-Istati Membri - ġiet stabbilita. Eżempju importanti ta’ dan huwa d-definizzjoni tal-pajjiż li qiegħed jikkontrolla fl-istatistiċi tal-Affiljati Barranin, fejn it-tagħrif disponibbli nazzjonalment jista’ jkun inkonsistenti jew nieqes u l-konsistenza tista’ tkun żgurata biss f'livell Ewropew.

    Il-bejgħ gross huwa essenzjali għall-agrikoltura, għas-sajd u għas-settur pubbliku.

    4. KONSULTAZZJONI MA' L-ISTATI MEMBRI

    L-abbozz tar-Regolament huwa l-prodott ta’ konsultazzjonijiet estensivi ma’ l-Istati Membri u ġie diskuss fit-tul mid-diversi partijiet interessati, bosta drabi fil-Grupp ta' Xogħol ta’ l-Unitajiet Statistiċi tar-Reġistri tal-Kummerċ u fil-laqgħat tad-Diretturi ta’ l-Istatistici tal-Kummerċ u tal-Kumitat tal-Programm Statistiku. Tqiesu l-opinjonijiet ta’ l-utenti ewlenin fl-Istati Membri, fl-EFTA, u fil-pajjiżi Kandidati, u fil-Kummissjoni u dawk ta’ partijiet interessati oħrajn. Il-proposta attwali hija pożizzjoni bbilanċjata bejn il-livell ta' dettal meħtieġ mill-utenti ewlenin u l-piż ta’ xogħol fl-Istituzzjonijiet Nazzjonali ta’ l-Istatistika.

    2005/0032 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri tal-kummerċ għal għanijiet ta’ statistika u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1]

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2] ,

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[3] ,

    Billi:

    (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 tat-22 ta’ Lulju 1993[4] stabbilixxa qafas komuni biex jitwaqqfu reġistri tal-kummerċ għall-istatistika b’definizzjonijiet armonizzati, karatteristiċi, firxa u proċeduri ta’ aġġornament. Biex l-iżvilupp tar-reġistri kummerċjali jinżamm f’qafas ta’ armonizzazzjoni, għandu jiġi adottat Regolament ġdid.

    (2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta’ Marzu 1993 dwar l-unitajiet statistiċi għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema tal-produzzjoni fil-Komunità[5] fih id-definizzjonijiet ta’ l-unità statistika li għandha tintuża. Is-Suq Uniku jeħtieġ tqabbil ta’ l-istatistika mtejba li jilħaq il-ħtiġijiet tal-Komunità. Biex jinkiseb dan it-titjib, għandhom jiġu adottati definizzjonijiet u deskrizzjonijiet komuni biex ikunu koperti l-intrapriżi u unitajiet ta' statistika relevanti oħrajn.

    (3) Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/97 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1996 dwar l-Istatistika Strutturali tal-Kummerċ[6] u Nru 1165/98 tad-19 ta’ Mejju 1998 li għandu x'jaqsam ma' l-istatistika ta’ terminu qasir[7] stabbilixxew qafas komuni għall-kollezzjoni, l-ġabra, t-trasmissjoni u l-evalwazzjoni ta' l-istatistika tal-Komunità dwar l-istruttura, l-attività, il-kompetitività u l-eżekuzzjoni tan-negozji fil-Komunità. Ir-reġistri tal-kummerċ għall-għanijiet statistiċi jirrappreżentaw element bażiku ta’ tali qafas komuni, u jagħmluha possibbli li jiġi organiżżat u kkoordinat stħarriġ statistiku billi jipprovdu qafas armonizzat ta’ kampjuni.

    (4) Ir-reġistri tal-kummerċ huma element wieħed fir-rikonċiljazzjoni tal-ħtiġijiet konfliġġenti għaż-żieda fit-tagħrif dwar l-intrapriżi u t-tħaffif tal-piż amministrattiv tagħhom, partikolarment billi jużaw tagħrif eżistenti f'reġistri amministrattivi u legali, b'mod speċjali fil-każ ta' l-intrapriżi ċkejknin, żgħar u mdaqqsa, kif iddefinit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissoni 2003/361/KE[8].

    (5) Ir-reġistri tal-kummerċ għall-għanijiet ta’ statistika huma wkoll l-għajn ewlenija għad-demografija kummerċjali, billi jżommu rekord tan-negozji li jinħolqu u li jingħalqu, kif ukoll tal-bidliet strutturali fl-ekonomija b’konċentrazzjoni jew b’dekonċentrazzjoni li jseħħu permezz ta’ operazzjonijiet bħalma huma l-fużjonijiet, ir-rilevamenti, il-qsim, id-diviżjoni u r-ristrutturar tal-popolazzjoni kummerċjali.

    (6) Ir-rwol importanti li għandhom l-intrapriżi pubbliċi fl-ekonomiji nazzjonali ta’ l-Istati Membri ġie rrikonoxxut. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi[9] jkopri ċerti tipi ta’ impriżi pubbliċi. L-intrapriżi pubbliċi u l-korporazzjonijiet pubbliċi għandhom għalhekk ikunu identifikati fir-reġistri tal-kummerċ u dan jista’ jsir mill-klassifikazzjoni tas-settur istituzzjonarju.

    (7) Ir-rabtiet ta’ kontroll bejn l-unitajiet legali huma meħtieġa għad-definizzjoni tal-gruppi ta’ intrapriżi, għal delineazzjoni korretta ta’ l-intrapriżi, biex isir profil ta’ l-unitajiet kbar u kumplessi, u fl-istudju tal-konċentrazzjoni ta’ l-ekonomija. It-tagħrif dwar gruppi ta’ intrapriżi jtejjeb il-kwalità tar-reġistri pubbliċi u jista’ jintuża biex inaqqas ir-riskju ta’ l-iżvelar ta’ data kunfidenzjali. Ċerta data finanzjarja spiss tagħmel iżjed sens f’livell ta’ gruppi ta’ intrapriżi jew sottogruppi milli f’livell ta’ intrapriżi u tkun tista' tinkiseb biss f'livell ta' grupp jew sottogrupp. Ir-reġistrazzjoni tal-gruppi ta’ intrapriżi tagħmilha possibbli, meta meħtieġ, li jsir stħarriġ direttament fil-grupp, minflok fl-unitajiet kostitwenti tagħhom, u dan jista’ jnaqqas it-tagħbija tar-rispons b’mod sinifikattiv. Biex jiġu rreġistrati l-gruppi ta’ intrapriżi, ir-reġistri tal-kummerċ iridu jsiru aktar armonizzati.

    (8) Il-globalizzazzjoni ta’ l-ekonomija li dejjem qed tiżdied toħloq sfida lill-produzzjoni preżenti ta’ ħafna mill-istatistika. Permezz tar-reġistrazzjoni tal-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi, ir-reġistri tal-kummerċ joħolqu biċċa għodda bażika għat-titjib ta’ ħafna mill-istatistika li għandha x’taqsam mal-globalizzazzjoni: il-kummerċ internazzjonali fil-prodotti u s-servizzi, il-bilanċ tal-pagamenti, l-investiment barrani dirett, l-affiljati barranin, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u s-suq ta' l-impjiegi. Il-maġġoranza ta’ din l-istatistika tkopri l-ekonomija kollha u titlob li s-setturi kollha ta' l-ekonomija jkunu koperti mir-reġistri tal-kummerċ.

    (9) Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta’ Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni ta’ data suġġetta għal kunfidenzjalità ta’ l-istatistika għall-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej[10], regoli nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità ta’ l-istatistika ma jistgħux jiġu invokati biex jevitaw it-trasmissjoni ta’ data kunfidenzjali ta’ l-istatistika lill-awtorità tal-Komunità (Eurostat) fejn att ta’ liġi Komunitarja jipprovdi għat-trasmissjoni ta’ tali data.

    (10) Biex ikun garantit it-twettiq ta’ l-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet nazzjonali responsabbli għall-ġbir tad-data fi ħdan l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jidħlu f’għejun ta’ data amministrattiva bħalma huma reġistri miżmuma mill-Awtoritajiet tat-Taxxa u s-Sigurtà Soċjali, Banek Ċentrali, istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn u databases oħrajn li għandhom tagħrif dwar transazzjonijiet u pożizzjonijiet trans-konfinali, fejn tali data hija meħtieġa għal produzzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja.

    (11) Il-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri biex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[11].

    (12) Ir-Regolament (KEE) Nru 2186/93 għandu għalhekk jiġi mħassar.

    (13) Il-Kumitat tal-Programm dwar l-Istatistika ġie kkonsultat.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għan

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri ta’ l-istatistika kummerċjali fil-Komunità.

    L-Istati Membri se jwaqqfu reġistru armonizzat wieħed jew iżjed għall-għanijiet ta’ l-istatistika, bħala għodda għat-tħejjija u l-koordinazzjoni ta’ l-istħarriġ, bħala għajn ta’ tagħrif għall-analiżi ta’ l-istatistika tal-popolazzjoni kummerċjali u d-demografija tagħha, għall-mobilizzazzjoni tad-data amministrattiva u għas-sejba u l-kostruzzjoni ta’ unitajiet ta’ l-istatistika.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    'Unità legali' għandha tfisser unità legali kif iddefinita f'Taqsima II.A.3 ta' l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 696/93[12] .

    'Intrapriża' għandha tfisser intrapriża kif iddefinita f'Taqsima III.A ta' l-Anness ta’ dak ir-Regolament.

    (ċ) 'Unità lokali ' għandha tfisser unità lokali kif inhi ddefinita f'Taqsima III.F ta' l-Anness ta’ dak ir-Regolament.

    (ċ) 'Grupp ta’ intrapriżi’ għandu jfisser grupp ta’ intrapriżi kif iddefinit f'Taqsima III.C ta' l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 696/93.

    'Grupp ta’ intrapirżi multinazzjonali’ għandu jfisser grupp ta’ intrapriżi li għandu mill-inqas żewġ intrapriżi jew unitajiet legali allokati f’żewġ pajjiżi differenti.

    'Grupp ta’ intrapriżi maqtugħin’ għandu jfisser l-intrapriżi u l-unitajiet legali ta’ grupp ta’ intrapriżi, li huma residenti fl-istess pajjiż. Jista' jikkonsisti f'unità waħda biss, jekk l-unitajiet l-oħrajn mhumiex residenti. Intrapriża tista’ tkun il-grupp ta’ intrapriżi maqtugħin jew parti minnu.

    Artikolu 3

    Ambitu

    1. Skond id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 u soġġetti għal-limitazzjonijiet speċifikati f'dan l-Artikolu, r-reġistri għandhom jiġbru

    l-intrapriżi kollha li qed iwettqu attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-prodott gross domestiku (GDP), u l-unitajiet lokali tagħhom,

    l-unitajiet legali li minnhom jikkonsistu dawk l-intrapriżi,

    gruppi ta’ intrapriżi maqtugħin u t-tagħrif dwar il-gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali definiti fl-Anness,

    il-gruppi ta’ intrapriżi li huma totalment residenzjali.

    2. Din il-ħtieġa, iżda, m'għandhiex tapplika għad-djar meta l-oġġetti u s-servizzi li jipproduċu jkunu għall-konsum tagħhom stess, jew jinvolvu l-kiri tal-propjetà tagħhom.

    3. Unitajiet lokali mingħajr entità legali separata (fergħat), li jiddependu mill-intrapriżi barranin u li huma kklassifikati bħala kważi-korporazzjonijiet skond il-prinċipji ESA95 u SNA93, għandhom jiġu ttrattati bħala intrapriżi fir-reġistri tal-kummerċ.

    4. Il-grupp ta’ intrapriżi jista’ jiġi osservat permezz tar-rabtiet ta’ kontroll bejn l-unitajiet legali. Għad-delineazzjoni tal-gruppi ta' intrapriżi, għandha tintuża d-definizzjoni ta’ kontroll, kif mogħtija fis-Sistema Ewropea tal-Kontabilita ESA95 (Regolament (KE) Nru 2223/96), paragrafu 2.26.

    5. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-unitajiet li jeżerċitaw kompletament jew parzjalment attività ekonomika. Kwalunkwe attività li tikkonsisti f'li toffri oġġetti u servizzi f’suq partikolari hija attività ekonomika. Servizzi mhux tas-suq li jikkontribwixxu għall-prodott gross domestiku, u wkoll is-sehem dirett jew indirett f’unitajiet attivi legali huma meqjusa bħala attività ekonomika għall-għanijiet tar-reġistri tal-kummerċ. Unitajiet legali li mhumiex attivi ekonomikament huma parti minn intrapriża meta biss f’għaqda ma’ unitajiet legali attivi ekonomikament.

    6. Il-punt safejn l-intrapriżi b’inqas min-nofs impjieg wieħed u l-gruppi ta’ intrapriżi residenti, ta’ ebda importanza statistikament għall-Istati Membri għandhom ikunu inklużi fir-reġistri għandu jkun deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    Artikolu 4

    Għejun ta' data

    1. Filwaqt li josservaw il-kundizzjonijiet rigward il-kwalità imsemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jiġbru t-tagħrif meħtieġ taħt dan ir-Regolament billi jużaw kwalunkwe għejun li huma jikkonsidraw relevanti. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġu awtorizzati, fi ħdan l-isfera tal-kompitenza tagħhom, biex jiġbru, għall-għanijiet ta’ statistika, tagħrif kopert minn dan ir-Regolament li jinsab fil-fajls amministrattivi u legali.

    2. Billi d-data meħtieġa ma tistax tinġabar bi prezz raġonevoli, jistgħu jintużaw proċeduri ta’ stima ta’ statistika, filwaqt li jiġi rrispettat il-livell ta’ eżattezza u kwalità.

    Artikolu 5

    Il-Karatteristiċi tar-Reġistri

    L-unitajiet imniżżla fir-reġistri għandhom ikunu kkaratterizzati permezz ta’ numru ta' identità u d-dettalji deskrittivi speċifikati fl-Anness.

    Il-lista ta’ karatteristiċi għandha tiġi aġġornata u r-regoli tal-karatteristiċi u l-kontinwità definiti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    Artikolu 6

    L-istandards ta’ kwalità u r-rapporti

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tar-reġistri tal-kummerċ.

    2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, permezz ta’ Eurostat, fuq talba tagħha, b’rapport dwar il-kwalità tar-reġistri tal-kummerċ (minn issa 'l quddiem imsejħa "rapporti dwar kwalità”).

    3. L-istandards komuni ta’ kwalità, kif ukoll il-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti dwar kwalità, għandhom jiġu speċifikati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14 u billi jitqiesu l-implikazzjonijiet fir-rigward ta’ l-ispiża fil-ġbir tad-data.

    4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-bidliet ewlenin ta’ metodoloġija jew bidliet oħrajn li jkunu jistgħu jinfluwenzaw il-kwalità tar-reġistri tal-kummerċ, hekk kif isiru magħrufa u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li kwalunkwe tali bidla tidħol fis-seħħ.

    Artikolu 7

    Manwal ta’ Rakkomandazzjonijiet

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika manwal ta’ rakkomandazzjonijiet tar-reġistri tal-kummerċ. Il-manwal se jiġi aġġornat b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri.

    Artikolu 8

    It-tul ta’ żmien u l-perjodiċità

    1. L-iskrizzjonijiet fir-reġistri u t-tneħħija minnhom għandhom ikunu aġġornati mill-inqas darba fis-sena.

    2. Il-frekwenza ta’ l-aġġornament għandha tiddependi mit-tip ta’ unità, mill-fattur varjabbli meqjus, mid-daqs ta’ l-unità u mill-għajn ġeneralment użata għall-aġġornament.

    3. Ir-regoli għall-aġġornament għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

    4. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kopja annwali li tirrifletti l-istat tar-reġistri fl-aħħar tas-sena u jżommu dik il-kopja għal 30 sena għall-għan ta’ analiżi.

    Artikolu 9

    It-trasmissjoni tad-data

    1. L-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi ta’ statistika tar-reġistri u jittrasmettu t-tagħrif lill-Kummissjoni, permezz ta’ Eurostat, billi jsegwu format u proċedura kif definiti mill-Kummissjoni skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 14.

    2. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, kwalunkwe tagħrif rilevanti fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri.

    Artikolu 10

    Skambju ta’ data kunfidenzjali bejn l-Istati Membri

    L-iskambju ta' data kunfidenzjali, kif iddefinit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 322/97, għandu jkun permess bejn l-Istati Membri fejn l-iskambju huwa meħtieġ biex jiżgura l-kwalità tat-tagħrif dwar il-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali fl-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri li jirċevu data kunfidenzjali mill-Istati Membri l-oħra għandhom jittrattaw dak it-tagħrif bħala kunfidenzjali.

    Artikolu 11

    It-trasmissjoni ta’ data dwar il-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali

    1. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu d-data individwali dwar il-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali u l-unitajiet kostitwenti tagħhom, kif definit fl-Anness, lill-Kummissjoni (Eurostat) biex jipprovdu għat-tagħrif dwar l-istatistika tal-gruppi multinazzjonali fl-Unjoni Ewropea.

    2. Biex jiġi żgurat rekord konsistenti tad-data, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tittrasmetti lil kull Stat Membru, id-data dwar grupp ta' intrapriżi multinazzjonali, inklużi l-unitajiet kostitwenti tiegħu, fejn mill-inqas unità waħda legali ta' dan il-grupp tinsab fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

    3. Il-firxa, l-format u l-proċedura għat-trasmissjoni tad-data individwali lill-Eurostat u għat-trasmissjoni tad-data dwar il-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali lill-Istati Membri għandhom jiġu adottati skond il-proċeduri mniżżla fl-Artikolu 14.

    Artikolu 12

    Il-Perjodu ta' transizzjoni u d-derogi

    Meta r-reġistri tal-kummerċ jeħtieġu adattament ewlieni, il-Kummissjoni tista’ tikkonċedi deroga fuq talba ta’ l-Istat Membru għal perjodu ta’ transizzjoni li m'għandux ikun itwal minn sentejn mid-data ta’ meta jibda japplika dan ir-Regolament.

    Għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd, għall-amministrazzjoni pubblika u d-difiża, u għas-sigurtà soċjali obbligatorja, il-perjodu ta’ transizzjoni ma jistax ikun itwal minn tliet snin.

    Artikolu 13

    Il-miżuri ta' l-implimentazzjoni

    Il-miżuri li jimplimentaw dan ir-Regolament għandhom jitniżżlu skond il-proċedura speċifikata fl-Artikolu 14. Tali miżuri jikkonċernaw:

    il-kopertura ta’ l-iżgħar intrapriżi u l-gruppi ta’ intrapriżi residenti, kif stabbilit fl-Artikolu 3;

    it-trasmissjoni ta’ tagħrif dwar reġistri u r-rapport dwar il-kwalità, kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 9;

    ir-regoli li jaġġornaw ir-reġistri, kif stabbilit fl-Artikolu 8;

    it-trasmissjoni ta’ data individwali dwar il-gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali lill-Eurostat u t-trasmissjoni ta’ data dwar il-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali lill-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 11;

    l-aġġornament tal-karatteristiċi tal-lista tar-reġistri fl-Anness, id-definizzjonijiet u r-regoli ta’ kontinwità tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 5, sakemm tali aġġornament wara evalwazzjoni kwantitattiva, ma jkunx ta’ piż fuq l-unitajiet jew fuq l-Istati Membri, li huwa disproporzjonat għar-riżultati antiċipati.

    Artikolu 14

    Il-Kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Programm Statistiku stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 89/382/KEE, Euratom [13].

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jitqiesu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

    Artikolu 15

    Tħassir

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 huwa mħassar.

    Referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu magħmula għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 16

    Id-Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar, 2007.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, [...]

    Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

    Il-President Il-President

    ANNESS

    Ir-registri tal-kummerċ għandu jkun fihom dan it-tagħrif li ġej għal kull unità. It-tagħrif m’għandux għalfejn ikun miżmum separatament għal kull unità, jekk jista jinkiseb minn unità(jiet) oħra(jn).

    1. UNITÀ LEGALI |

    KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI | 1.1 | Numru ta' l-identità |

    1.2a | Isem |

    1.2b | Indirizz (inkluż l-kodiċi postali) fl-iżjed livell dettaljat |

    1.2c | Fakoltattivi: Numri tat-telefon u l-fax, indirizz elettroniku, u tagħrif li jippermetti l-ġbir elettroniku tad-data |

    1.3 | Numru tar-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew, fin-nuqqas ta' dan, numru ieħor ta’ identità amministrattiva |

    KARATTERISTIĊI TA’ DEMOGRAFIJA | 1.4 | Id-data ta' inkorporazzjoni għal persuni legali jew id-data tar-rikonoxximent uffiċjali bħala operatur ekonomiku għal persuni naturali |

    1.5 | Id-data li fiha l-unità legali ma baqgħetx tagħmel parti minn intrapriża (kif definit fi 3.3) |

    KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/ TA’ STRATIFIKAZZJONI | 1.6 | Forma legali |

    RABTIET MA' REĠISTRI OĦRAJN | Referenza għar-reġistri assoċjati, li fihom hija rreġistrata l-unità legali u li jkun fihom tagħrif li jista' jintuża għal għanijiet ta' statistika; |

    1.7a | Referenza għar-reġistru ta’ operaturi ġewwa l-Komunità imwaqqaf skond ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 [14], u Referenza għall-fajls tad-dwana jew għar-reġistru ta’ l-operaturi barra l-Komunità |

    1.7b | Fakoltattivi: Referenza għad-data tal-karta tal-bilanċ (għall-unitajiet li huma meħtieġa li jippubblikaw il-kontijiet); u Referenza għar-reġistru tal-bilanċ tal-pagamenti jew reġistru ta’ l-investment dirett barrani; u Referenza għar-reġistru tal-farms |

    Aktar karatteristiċi għall-unitajiet legali li jiffurmaw parti minn intrapriżi li jappartjenu lil grupp ta' intrapriżi:

    RABTA MAL-GRUPP TA’ INTRAPRIŻI | 1.8 | Numru ta’ identità tar-resident/tal-grupp ta’ intrapriżi maqtugħin (4.1), li lilu tappartjeni l-unità |

    1.9 | Data ta’ l-assoċjazzjoni mal-grupp residenti/maqtugħ |

    1.10 | Data tas-separazzjoni minn mal-grupp residenti/maqtugħ |

    KONTROLL TA' L-UNITAJIET | Ir-rabtiet tal-kontroll tar-residenti jistgħu jiġu rreġistrati minn fuq għal isfel (1.11a) jew minn isfel għal fuq (1.11b). L-ewwel livell ta’ kontroll biss, dirett jew indirett, huwa rreġistrat għal kull unità (il-katina sħiħa ta’ kontroll tista’ tinkiseb billi tgħaqqad dawn l-entitajiet). |

    1.11a | Numru/i ta’ l-identità ta’ l-unità(jiet) legali residenti, li huma kkontrollati mill-unità legali |

    1.11b | Numru ta’ l-identità ta’ l-unità legali residenti, li tikkontrolla l-unità legali |

    1.12 | (a) Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u (b) numru/i ta’ l-identità jew, isem(ismijiet), indirizz(i) u numru/i tal-VAT, ta’ l-unità(jiet) legali mhux residenti, li huma kkontrollati mill-unità legali |

    1.13 | (a) Pajjiż tar-reġistrazzjoni, u (b) numru ta’ l-identità jew, isem, indirizz u numru tal-VAT, ta’ l-unità legali mhux residenti, li tikkontrolla l-unità legali |

    PUSSESS TA’ L-UNITAJIET | Il-pussess tar-residenti jista’ tjġi rreġistrata jew minn fuq għal isfel (1.14a) jew minn isfel għal fuq (1.14b). Ir-reġistrazzjoni tat-tagħrif u l-limitu użat għall-pussess ta’ ishma huma suġġetti għad-disponibilità ta’ dan it-tagħrif fl-għejun amministrattivi Il-limitu rrakkomandat huwa ta’ 10% jew iżjed tal-pussess dirett. |

    1.14a | (a) Numru/i ta’ l-identità, u (b) ishma (%) ta’ l-unita(jiet) legali residenti ipposseduti mill-unità legali |

    1.14b | (a) Numru/i ta’ l-identità, u (b) ishma (%)ta’ l-unita(jiet) legali residenti li tippossiedi/jippossiedu l-unità legali |

    1.15 | (a) Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u (b) numru/i ta’ l-identità jew, isem(ismijiet), indirizz(i) u numru/i tal-VAT, u (c) ishma (%) ta’ l-unita(jiet) legali mhux residenti ipposseduti mill-unità legali |

    1.16 | (a) Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u (b) numru/i ta’ l-identità jew, isem(ismijiet), indirizz(i) u numru/i tal-VAT, u (c) ishma (%) ta’ l-unita(jiet) legali mhux residenti li tippossiedi/jippossiedu l-unità legali |

    2. UNITÀ LOKALI |

    KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI | 2.1 | Numru ta' l-identità |

    2.2a | Isem |

    2.2b | Indirizz (inkluża l-kodiċi postali) fl-iżjed livell dettaljat |

    2.2c | Fakoltattivi: Numri tat-telefon u l-fax, indirizz elettroniku, u tagħrif li jippermetti l-ġbir elettroniku tad-data |

    2.3 | Numru ta’ l-identità ta' l-intrapriża (3.1), li lilha tappartjeni l-unità lokali |

    KARATTERISTIĊI TA’ DEMOGRAFIJA | 2.4 | Data tal-bidu ta’ l-attivitajiet |

    2.5 | Data tat-tmiem finali ta' l-attivitajiet |

    KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/TA’ STRATIFIKAZZJONI | 2.6 | Kodiċi ta’ l-attività ewlenija f’livell ta’ l-NACE b’4 numri |

    2.7 | Attivitajiet sekondarji, jekk ikun hemm, f’livell ta’ l-NACE b’4 numri; dan il-punt jikkonċerna biss unitajiet lokali li huma suġġetti għall-istħarriġ; |

    2.8 | Fakoltattiva: Attività mwettqa fl-unità lokali li tikkostitwixxi attività anċillari ta' l-intrapriża li għaliha tappartjeni (Iva/Le) |

    2.9 | Numru tal-persuni impjegati |

    2.10a | Numru ta' impjegati |

    2.10b | Fakoltattiv: Numru ta’ impjegati f’ekwivalenti ta’ full time |

    2.11 | Kodiċi tal-lokazzjoni ġeografika |

    RABTIET MA' REĠISTRI OĦRAJN | 2.12 | Referenza għar-reġistri assoċjati li fihom tidher l-unità lokali u li fihom tagħrif li jista' jintuża għal għanijiet ta' statistika (jekk tali reġistri assoċjati jeżistu) |

    3. INTRAPRIŻA |

    KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI | 3.1 | Numru ta' l-identità |

    3.2a | Isem |

    3.2b | Fakoltattivi: Indirizzi postali, elettroniċi u ta’ websajts |

    3.3 | Numru(i) ta' l-identità ta' l-unita(jiet) legali li minnha/hom hija magħmula l-intrapriża; |

    KARATTERISTIĊI TA’ DEMOGRAFIJA | 3.4 | Data tal-bidu ta’ l-attivitajiet |

    3.5 | Data tat-tmiem finali ta' l-attivitajiet |

    KARATTERISTIĊIEKONOMIĊI/ TA’ STRATIFIKAZZJONI | 3.6 | Kodiċi ta’ l-attività ewlenija f’livell ta’ l-NACE b’ 4 numri |

    3.7 | Attivitajiet sekondarji, jekk ikun hemm, f’livell ta’ l-NACE b’4 numri; dan il-punt jikkonċerna biss intrapriżi li huma suġġetti għall-istħarriġ |

    3.8 | Numru tal-persuni impjegati |

    3.9a | Numru ta' impjegati |

    3.9b | Fakoltattiv: Numru ta’ impjegati f’ekwivalenti ta’ full-time |

    3.10 | Bejgħ gross; fakoltattiv għall-agrikoltura, is-sajd u s-settur pubbliku |

    3.11 | Settur u sottosettur istituzzjonali skond is-Sistema Ewropea tal-Kontabilità |

    Karatteristiċi addizzjonali għall-intrapriżi li jagħmlu parti minn grupp ta’ intrapriżi:

    RABTA MAL-GRUPP TA’ INTRAPRIŻI | 3.12 | Numru ta’ l-identità tal-grupp ta’ intrapriżi residenti/maqtugħin (4.1), li lilu tappartjeni l-intrapriża |

    4. GRUPP TA' INTRAPRIŻI |

    KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI | 4.1 | Numru ta’ l-identità tal-grupp residenti/maqtugħ |

    4.2a | Isem il-grupp residenti/maqtugħ |

    4.2b | Fakoltattiv: Indirizzi postali, elettroniċi u tal-websajts ta’ l-uffiċju ewlieni residenti/maqtugħ |

    4.3 | Numru ta’ l-identità tal-grupp ewlieni tal-gruppi residenti/maqtugħin (huwa ugwali għan-numru ta’ l-identità ta’ l-unità legali, li hija l-kap tal-grupp residenti). Jekk l-unità li tikkontrolla hija persuna naturali, li mhijiex operatur ekonomiku, ir-reġistrazzjoni hija suġġetta għad-disponibilità ta’ dan it-tagħrif fl-għejun amministrattivi |

    4.4 | Tip ta’ grupp ta’ intrapriżi:1. grupp residenti għal kollox; 2. grupp maqtugħ ikkontrollat domestikament; 3. grupp maqtugħ ikkontrollat minn barra; |

    KARATTERISTIĊI TA’ DEMOGRAFIJA | 4.5 | Data tal-bidu tal-grupp ta’ intrapriżi residenti/maqtugħin |

    4.6 | Data tat-tmiem tal-grupp ta’ intrapriżi residenti/maqtugħin |

    KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/ TA’ STRATIFIKAZZJONI | 4.7 | Kodiċi ta’ l-attività ewlenija tal-grupp residenti/maqtugħ f’livell ta’ l-NACE b’żewġ numri |

    4.8 | Fakoltattivi: Attivitajiet sekondarji tal-grupp residenti/maqtugħ f’livell ta’ l-NACE b’2 numri |

    4.9 | Numru ta’ persuni impjegati fil-grupp residenti/maqtugħ |

    4.10 | Fakoltattiv: il-bejgħ gross konsolidat |

    Karatteristiċi addizzjonali għall-gruppi ta’ intrapriżi multinazzjonali (tipi 2 u 3 f’4.4):

    Ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-varjabbli, ħlief għal 4.11 u 4.12a, hija fakoltattiva sakemm tkun stabbilita t-trasmissjoni tat-tagħrif dwar il-gruppi multinazzjonali, kif intqal fl-Artikolu 11.

    KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI | 4.11 | Numru ta’ l-identità tal-grupp globali |

    4.12a | Isem il-grupp globali |

    4.12b | Fakoltattivi: Pajjiż tar-reġistrazzjoni, indirizzi postali, elettroniċi u tal-websajts ta’ l-uffiċċju ewlieni globali |

    4.13 | Numru ta’ l-identità tal-grupp ewlieni globali jekk il-grupp ewlieni huwa residenti(ugwali għan-numru ta’ l-identità ta’ l-unità legali, li hija l-grupp ewlieni). Jekk il-grupp ewlieni globali mhuwiex residenti, il-pajjiż tiegħu tar-reġistrazzjoni, u fakoltattiv: in-numru ta’ l-identità u l-indirizz tiegħu. |

    KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/ TA’ STRATIFIKAZZJONI | 4.14 | Fakoltattiv: In-numru ta’ persuni impjegati globalment |

    4.15 | Fakoltattiv: Il-bejgħ gross konsolidat |

    4.16 | Fakoltattiv: Pajjiż taċ-ċentru għad-deċiżjonjiet globali |

    4.17 | Fakoltattiv: Pajjiżi fejn huma allokati l-intrapriżi jew l-unitajiet lokali |

    [1] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [2] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [3] ĠU C [...], [...], p. [...].

    [4] ĠU L 196, 5.8.1993, p. 1

    [5] ĠU L 76, 30.3.1993, p. 1

    [6] ĠU L 14, 17.1.1997, p. 1

    [7] ĠU L 162, 5.6.1998, p. 1

    [8] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36

    [9] ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35

    [10] ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1

    [11] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23

    [12] ĠU L 76, 30.3.1993, p. 1

    [13] ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

    [14] ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1

    Top