Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1264

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv

    ST/6919/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1264

    30.4.2024

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1264

    tad-29 ta’ April 2024

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(14), it-tieni subparagrafu tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri fl-Unjoni, kif previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), twassal għal konformità mal-prinċipji gwida ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u bilanċi tal-pagamenti sostenibbli.

    (2)

    Il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, li jinkludi sistema elaborata ta’ koordinazzjoni tal-politika u sorveljanza tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, iggwida lill-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-politika ekonomika u fiskali tagħhom. Mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (3) (TUE), magħmul f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992 ‘l hawn, il-qafas tal-governanza ekonomika għen biex tinkiseb konverġenza makroekonomika, biex jiġu ssalvagwardjati finanzi pubbliċi sodi u biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi. Flimkien ma’ politika monetarja komuni u munita komuni fiż-żona tal-euro, il-qafas tal-governanza ekonomika ħoloq kundizzjonijiet għall-istabbiltà ekonomika, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u żieda fl-impjiegi għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

    (3)

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li inizjalment kien jikkonsisti mir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (4) u (KE) Nru 1467/97 (5) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997 (6), huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi tal-gvern sodi u sostenibbli bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv ibbażat fuq l-istabbiltà finanzjarja, u b’hekk appoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi.

    (4)

    Fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja, l-Istati Membri huma, skont l-Artikolu 126(1) TFUE, taħt l-obbligu li jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

    (5)

    Jenħtieġ li l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jiġi adattat biex iqis aħjar l-eteroġeneità dejjem akbar tal-pożizzjonijiet fiskali, id-dejn pubbliku u l-isfidi ekonomiċi kif ukoll vulnerabbiltajiet oħrajn fl-Istati Membri. Ir-rispons politiku qawwi għall-pandemija tal-COVID-19 wera li kien effettiv ħafna fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi, iżda rriżulta f’żieda sinifikanti fil-proporzjonijiet tad-dejn tas-settur pubbliku u privat ikkawżati minn dik il-pandemija, u dan jenfasizza l-importanza tat-tnaqqis tal-proporzjonijiet tad-dejn u tad-defiċits għal livelli prudenti b’mod gradwali, realistiku, sostnut u favorevoli għat-tkabbir li jiżgura l-flessibbiltà għal politiki kontroċikliċi u tal-indirizzar l-iżbilanċi makroekonomiċi, filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa lill-objettivi tal-impjiegi u soċjali. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jiġi adattat biex jgħin fl-indirizzar tal-isfidi fuq terminu medju u twil li qed tiffaċċa l-Unjoni, bħall-kisba ta’ tranżizzjoni diġitali u ekoloġika ġusta, inkluż l-objettivi dwar il-klima stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, l-appoġġ tal-awtonomija strateġika miftuħa, l-indirizzar tat-tibdil demografiku, it-tisħiħ tar-reżiljenza soċjali u ekonomika u l-konverġenza sostnuta, u l-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u għad-Difiża, li kollha kemm huma jeħtieġu riformi u livelli għoljin sostnuti ta’ investiment fis-snin li ġejjin.

    (6)

    Jenħtieġ li l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv u għalhekk jiddifferenzja bejn l-Istati Membri billi jqis id-dejn pubbliku u l-isfidi ekonomiċi tagħhom u billi jippermetti perkorsi fiskali pluriennali speċifiċi għall-pajjiż, filwaqt li jiżgura sorveljanza multilaterali effettiva u jirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    (7)

    Sabiex jiġi żgurat qafas trasparenti u komuni tal-Unjoni bbażat fuq il-valuri referenzjarji msemmija fl-Artikolu 126(2) TFUE u l-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-TUE u t-TFUE (“Protokoll (Nru 12)”)), jenħtieġ li infurzar aktar b’saħħtu li jsostni s-sorveljanza multilaterali jkun il-kontroparti meħtieġa ta’ qafas ta’ sorveljanza bbażat fuq ir-riskju li jippermetti perkorsi fiskali speċifiċi għall-pajjiż.

    (8)

    Sabiex jiġi ssimplifikat il-qafas fiskali tal-Unjoni u tiżdied it-trasparenza, jenħtieġ li indikatur operazzjonali uniku ankrat fis-sostenibbiltà tad-dejn iservi bħala bażi għall-istabbiliment tal-perkors fiskali u għat-twettiq ta’ sorveljanza fiskali annwali għal kull Stat Membru. Jenħtieġ li dak l-indikatur operazzjonali uniku jkun ibbażat fuq in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali, jiġifieri: in-nefqa netta tal-gvern min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li tkun iffinanzjata għalkollox mill-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament tal-programmi ffinanzjati mill-Unjoni, kif ukoll mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. F’konformità mal-prinċipji gwida li jintużaw mill-Kummissjoni għall-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet bħala tranżazzjonijiet ta’ darba u miżuri temporanji oħra, jenħtieġ li dawk it-tranżazzjonijiet ta’ darba u miżuri temporanji oħra jiġu esklużi wkoll mill-indikatur tan-nefqa netta. Dak l-indikatur, li mhuwiex affettwat mill-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi u fluttwazzjonijiet oħra fin-nefqa barra mill-kontroll dirett tal-gvern, jipprovdi flessibbiltà għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika kontroċiklika.

    (9)

    Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għal ksur tal-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG), imsemmija fl-Artikolu 126(2) TFUE u fil-Protokoll Nru 12 hija element stabbilit sew tal-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-Unjoni li kien effettiv fl-influwenzar tal-politika fiskali fl-Istati Membri.

    (10)

    Sabiex tissaħħaħ il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għal ksur tal-kriterju tad-dejn ta’ 60 % tal-PDG, imsemmija fl-Artikolu 126(2) TFUE u fil-Protokoll (Nru 12), jenħtieġ li l-enfasi tkun fuq it-tluq mill-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (11)

    Skont ir-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kunsill, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mill-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill skont dak ir-Regolament f’każ ta’ reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi, jew fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-gvern b’impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju. B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li tali devjazzjoni la ma tiġi rreġistrata fil-kont ta’ kontroll u lanqas ma twassal għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ defiċit eċċessiv ibbażata fuq id-dejn.

    (12)

    Meta tivvaluta l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’konformità mal-Artikolu 126(3) TFUE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-fatturi rilevanti kollha. Jenħtieġ li l-isfidi sostanzjali tad-dejn pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat jitqiesu bħala fattur aggravanti ewlieni.

    (13)

    Filwaqt li jiġu rikonoxxuti t-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu u l-isfidi għas-sigurtà u l-ħtieġa korrispondenti li l-Istati Membri jibnu l-kapaċitajiet tagħhom, jenħtieġ li ż-żieda fl-investiment tal-gvern fid-difiża titqies, fejn applikabbli, bħala fattur rilevanti meta tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’konformità mal-Artikolu 126(3) TFUE. Dak il-fattur jista’ jiġi vvalutat skont il-medji tal-Unjoni, ix-xejriet fuq terminu medju jew punti ta’ riferiment rilevanti oħra, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-regoli statistiċi dwar iż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa tat-tagħmir militari.

    (14)

    Sabiex jinżamm rendikont tad-devjazzjonijiet mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/1263, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi kont ta’ kontroll għal kull Stat Membru li jżomm rendikont tad-devjazzjonijiet annwali matul iż-żmien. Jenħtieġ li l-informazzjoni fil-kont ta’ kontroll tkun il-bażi tal-azzjonijiet ta’ infurzar. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE fejn il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, il-pożizzjoni baġitarja ma tkunx qrib il-bilanċ jew f’surplus u fejn id-devjazzjonijiet irreġistrati fil-kont ta’ kontroll tal-Istat Membru jaqbżu l-limiti annwali jew kumulattivi stabbiliti. Il-pożizzjoni baġitarja għandha titqies qrib il-bilanċ jekk id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx l-0,5 % tal-PDG.

    (15)

    Jenħtieġ li l-perkors tan-nefqa netta korrettiva skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessivjġib jew jżomm id-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG imsemmi fl-Artikolu 126(2) TFUE u l-Protokoll (Nru 12) sal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. Il-perkors tan-nefqa netta korrettiva skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessivjkun fil-prinċipju dak stabbilit oriġinarjament mill-Kunsill, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat aġġustament strutturali minimu ta’ 0,5 punt perċentwali tal-PDG f’każ ta’ ksur tal-kriterju tad-defiċit jew il-ħtieġa li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni minn dak il-perkors bħala regola f’każ ta’ ksur tal-kriterju tad-dejn. F’każ li l-perkors oriġinali ma jibqax fattibbli, minħabba ċirkostanzi oġġettivi, jenħtieġ li l-Kunsill ikun jista’ jistabbilixxi perkors differenti skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

    (16)

    Għall-Istati Membri taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jenħtieġ li l-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ikompli jkun jista’ jestendi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv meta jistabbilixxi l-eżistenza ta’ reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1263, jew fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-gvern b’impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi ta’ Stat Membru individwali f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1263, u dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

    (17)

    Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 relatati mal-kontribuzzjonijiet għas-sistemi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru jitħassru peress li l-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill jenħtieġ diġà li jqis it-telf tad-dħul relatat ma’ tali kontribuzzjonijiet.

    (18)

    L-istituzzjonijiet fiskali indipendenti wrew il-kapaċità tagħhom li jrawmu d-dixxiplina fiskali u jsaħħu l-kredibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri. Sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali, jenħtieġ li r-rwol konsultattiv tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti jinżamm fil-qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-Unjoni, bil-ħsieb li gradwalment jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom. Jenħtieġ li Bord Fiskali Ewropew permanenti aktar indipendenti jkollu rwol konsultattiv aktar prominenti fil-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni.

    (19)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ċari għat-tħassir ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv. Jenħtieġ li t-tħassir jirrikjedi li d-defiċit jibqa’ b’mod kredibbli taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG imsemmi fl-Artikolu 126(2) TFUE u fil-Protokoll (Nru 12) u, għal proċedura ta’ defiċit eċċessiv bbażata fuq id-dejn, li l-Istat Membru juri konformità mal-perkors tan-nefqa netta skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

    (20)

    Jenħtieġ li l-multi previsti fl-Artikolu 126(11) TFUE ma jipprevedux ammont minimu iżda jenħtieġ li jakkumulaw sakemm tittieħed azzjoni effettiva, sabiex jikkostitwixxu inċentiv reali għall-konformità mal-avviżi mogħtija lill-Istati Membri skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE.

    (21)

    Dan ir-Regolament emendatorju huwa parti minn pakkett flimkien mar-Regolament (UE) 2024/1263 u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 (9). Dawn it-tliet atti leġiżlattivi flimkien (minn hawn ‘il quddiem imsejħa lkoll bħala r-“riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika” jirriformaw il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, li jinkorpora fil-liġi tal-Unjoni s-sustanza tat-Titolu III (Patt Fiskali) tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (10) tat-2 ta’ Marzu 2012 (it-“TSKG”), f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dak it-Trattat.. Billi jibni fuq l-esperjenza tal-implimentazzjoni tat-TSKG mill-Istati Membri, ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika jżomm l-orjentazzjoni ta’ terminu medju tal-Patt Fiskali bħala għodda biex jinkisbu d-dixxiplina baġitarja u l-promozzjoni tat-tkabbir. Ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika jinkludi dimensjoni msaħħa speċifika għall-pajjiż immirata lejn it-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali, inkluż biż-żamma ta’ rwol konsultattiv tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti, li jibbaża fuq il-prinċipji komuni tal-Patt Fiskali dwar il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ korrezzjoni fiskali proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2012 f’konformità mal-Artikolu 3(2) TSKG. L-analiżi tan-nefqa netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali għall-valutazzjoni ġenerali tal-konformità meħtieġa mill-Patt Fiskali hija stabbilita fir-Regolament (UE) 2024/1263. Bħal fil-Patt Fiskali, devjazzjonijiet temporanji mill-pjan ta’ terminu medju huma permessi biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-kont ta’ kontroll. B’mod simili għall-Patt Fiskali, f’każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mill-pjan ta’ terminu medju, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri biex jiġu kkoreġuti d-devjazzjonijiet fuq perjodu definit. Ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika ssaħħaħ is-sorveljanza fiskali u l-proċeduri ta’ infurzar biex jitwettaq l-impenn li jiġu promossi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv. Għalhekk, ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika żżomm l-objettivi fundamentali tad-dixxiplina baġitarja u s-sostenibbiltà tad-dejn stabbiliti fil-Patt Fiskali.

    (22)

    Huma meħtieġa dispożizzjonijiet tranżitorji għall-Istati Membri li huma taħt proċedura ta’ defiċit eċċessiv meta jidħol fis-seħħ il-qafas riformat. Ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 126(7) TFUE u l-avviżi skont l-Artikolu 126(9) TFUE li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet emendati tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Dak jippermetti lill-Kunsill jistabbilixxi perkors tan-nefqa netta korrettiva konsistenti ma’ dawk id-dispożizzjonijiet il-ġodda għall-Istati Membri li jkunu ħadu azzjoni, mingħajr ma jħaffu l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

    (23)

    Billi r-regoli tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv ibbażata fuq id-defiċit jibqgħu l-istess b’titjib strutturali annwali minimu ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment, fil-kuntest tal-ambjent tar-rata tal-imgħax mibdul b’mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista’, matul perjodu tranżitorju fl-2025, l-2026 u l-2027 – sabiex ma tikkompromettix l-effetti pożittivi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, stabbilita mir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) – taġġusta l-punt ta’ riferiment biex tqis iż-żieda fil-pagamenti tal-imgħax meta tistabbilixxi l-perkors korrettiv propost relatat mal-ewwel pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju għas-snin 2025, 2026 u 2027 fi ħdan il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, dment li l-Istat Membru kkonċernat jispjega kif ser jiżgura t-twettiq tar-riformi u l-investimenti b’rispons għall-isfidi prinċipali identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2024/1263, b’mod konsistenti mal-objettiv li jinkisbu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-bini ta’ kapaċitajiet ta’ difiża.

    (24)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1467/97 jiġi emendat skont dan.

    (25)

    Fid-dawl tal-iskadenza eżistenti skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikoli 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet biex titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv. L-objettiv tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv huwa li jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-gvern u, jekk iseħħu, li jinkoraġġixxi ulterjorment il-korrezzjoni tagħhom, meta l-konformità mad-dixxiplina baġitarja tkun eżaminata abbażi tad-defiċit tal-gvern u l-kriterji tad-dejn tal-gvern.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament “Stati Membri parteċipanti” tfisser dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

    3.   Japplikaw id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

    Artikolu 2

    1.   L-eċċess tad-defiċit tal-gvern ‘il fuq mill-valur referenzjarju għandu jitqies bħala eċċezzjonali, f’konformità mat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-Artikolu 126(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jekk jirriżulta mill-eżistenza ta’ reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1263 jew minn ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-gvern b’impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament.

    Minbarra dan, l-eċċess ‘il fuq mill-valur referenzjarju għandu jitqies bħala temporanju jekk il-previżjonijiet baġitarji previsti mill-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ser jaqa’ taħt il-valur referenzjarju wara tmiem ir-reċessjoni ekonomika severa jew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    2.   Meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-prodott domestiku gross (PDG) jaqbeż il-valur referenzjarju, għandu jitqies bħala li qiegħed jonqos biżżejjed u li qiegħed joqrob lejn il-valur referenzjarju b’pass sodisfaċenti f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 126(2) TFUE jekk l-Istat Membru kkonċernat jirrispetta l-perkors tan-nefqa netta tiegħu.

    Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE meta l-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, il-pożizzjoni baġitarja ma tkunx qrib il-bilanċ jew f’surplus u meta d-devjazzjonijiet irreġistrati fil-kont ta’ kontroll tal-Istat Membru jaqbżu:

    (a)

    jew 0,3 punti perċentwali tal-PDG kull sena,

    (b)

    inkella 0,6 punti perċentwali tal-PDG b’mod kumulattiv.

    3.   Meta tħejji rapport taħt l-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kummissjoni għandha tqis il-fatturi rilevanti kollha kif indikat f’dak l-Artikolu, sakemm dawn jaffettwaw b’mod sinifikanti l-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tad-defiċit u tad-dejn mill-Istat Membru kkonċernat.

    Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 126(3) TFUE għandu jirrifletti, kif xieraq:

    (a)

    il-grad tal-isfidi tad-dejn pubbliku bbażat fuq il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-evoluzzjoni tal-pożizzjoni tad-dejn tal-gvern u l-finanzjament tiegħu, u l-fatturi ta’ riskju relatati, b’mod partikolari l-istruttura tal-maturità, id-denominazzjoni tal-munita tad-dejn u l-obbligazzjonijiet kontinġenti, inkluż kwalunkwe obbligazzjoni impliċita relatata mat-tixjiħ u d-dejn privat;

    (b)

    l-iżviluppi fil-pożizzjonijiet baġitarji fuq perjodu medju ta’ żmien, inkluż, b’mod partikolari, id-daqs tad-devjazzjoni attwali mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, f’termini annwali u kumulattivi kif imkejjel mill-kont ta’ kontroll;

    (c)

    l-iżviluppi fil-pożizzjoni ekonomika fuq perjodu medju ta’ żmien, inkluż tkabbir potenzjali, l-iżviluppi fl-inflazzjoni u l-iżviluppi ċikliċi meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet sottostanti għall-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill;

    (d)

    il-progress fl-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, inkluż b’mod partikolari, il-politiki għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi u l-politiki biex tiġi implimentata l-istrateġija komuni għat-tkabbir u għall-impjiegi tal-Unjoni, inkluż dawk appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), u l-kwalità ġenerali tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari l-effettività tal-oqfsa baġitarji nazzjonali;

    (e)

    iż-żieda fl-investiment tal-gvern fid-difiża, fejn applikabbli, filwaqt li jitqies ukoll iż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa tat-tagħmir militari.

    Il-Kummissjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni xierqa u espliċita lil kwalunkwe fattur ieħor li, fl-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat, huwa rilevanti sabiex tiġi vvalutata b’mod komprensiv il-konformità mal-kriterji tad-defiċit u tad-dejn u li l-Istat Membru jkun ressaq quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni. F’dak il-kuntest, għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lill-kontribuzzjonijiet finanzjarji għat-trawwim tas-solidarjetà internazzjonali u għall-kisba tal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

    4.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu valutazzjoni ġenerali bilanċjata tal-fatturi rilevanti kollha, speċifikament il-limitu sa fejn dawn jaffettwaw il-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tad-defiċit u/jew tad-dejn bħala fatturi ta’ aggravazzjoni jew ta’ mitigazzjoni. Meta l-Istat Membru jiffaċċa sfidi sostanzjali ta’ dejn pubbliku kif imsemmi fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, dan għandu jitqies bħala fattur aggravanti ewlieni. L-iżviluppi ekonomiċi, baġitarji u finanzjarji ċikliċi favorevoli ma għandhomx jitqiesu bħala fatturi mitiganti, filwaqt li żviluppi mhux favorevoli jistgħu jitqiesu bħala fatturi mitiganti.

    Meta jivvalutaw il-konformità abbażi tal-kriterju tad-defiċit, jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG jaqbeż il-valur referenzjarju, għandhom jitqiesu dawk il-fatturi fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni rigward l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv kif previst fl-Artikolu 126(4), (5) u (6) TFUE biss jekk il-kundizzjoni doppja tal-prinċipju ġenerali – li, qabel ma jitqiesu dawn il-fatturi rilevanti, id-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ qrib il-valur referenzjarju u l-eċċess tiegħu “il fuq mill-valur referenzjarju jkun temporanju – tiġi ssodisfata b’mod sħiħ.

    Madanakollu, għandu jittieħed kont ta’ dawk il-fatturi fil-passi li jwasslu għad-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv meta tiġi vvalutata l-konformità abbażi tal-kriterju tad-dejn.

    5.   Meta l-Istati Membri jitħallew jiddevjaw mill-perkors tan-nefqa netta tagħhom skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni u l-Kunsill, fil-valutazzjoni tagħhom, jistgħu jiddeċiedu li ma jaslux għal konklużjoni rigward l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

    6.   Jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skont l-Artikolu 126(6) TFUE, jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv fi Stat Membru, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, fil-passi proċedurali sussegwenti tal-Artikolu 126 TFUE, jikkunsidraw il-fatturi rilevanti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, billi dawn jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż kif speċifikat fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-istabbiliment ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u eventwalment fl-estensjoni ta’ dik l-iskadenza. Madanakollu, dawk il-fatturi rilevanti ma għandhomx jiġu kkunsidrati għad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(12) TFUE dwar it-tħassir ta’ xi wħud mid-deċiżjonijiet tiegħu jew tad-deċiżjonijiet kollha tiegħu skont l-Artikolu 126(6) sa (9) u (11) TFUE.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj)."

    (*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).”,"

    (2)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   Fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ rapport maħruġ f’konformità mal-Artikolu 126(3) TFUE, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jifformola opinjoni f’konformità mal-Artikolu 126(4) TFUE.

    2.   Filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jekk tqis li jeżisti defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza opinjoni u proposta lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 126(5) u (6) TFUE u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan.

    3.   Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv f’konformità mal-Artikolu 126(6) TFUE, bħala regola fi żmien erba’ xhur mid-dati ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (*3). Meta jiddeċiedi li jeżisti defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu fl-istess ħin jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 126(7) TFUE. Il-Kunsill għandu jagħmel pubbliċi d-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 126(6) TFUE.

    4.   Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill magħmula f’konformità mal-Artikolu 126(7) TFUE għandha tistabbilixxi skadenza massima ta’ sitt xhur għal azzjoni effettiva li trid tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat. Meta l-livell ta’ gravità tas-sitwazzjoni jkun jiġġustifikaha, l-iskadenza għal azzjoni effettiva tista’ tkun ta’ tliet xhur. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi wkoll skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

    Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu jitlob ukoll li l-Istat Membru jimplimenta perkors tan-nefqa netta korrettiva biex jiżgura li d-defiċit tal-gvern estiż jibqa’ jew jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju sal-iskadenza stabbilita fir-rakkomandazzjoni.

    Fejn il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tkun infetħet abbażi tal-kriterju tad-defiċit, għas-snin meta d-defiċit tal-gvern estiż ikun mistenni jaqbeż il-valur referenzjarju, il-perkors tan-nefqa netta korrettiva għandu jkun konsistenti ma’ aġġustament annwali minimu ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG bħala parametru referenzjarju.

    Meta l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tkun infetħet abbażi tal-kriterju tad-dejn, il-perkors tan-nefqa netta korrettiva għandu jkun mill-inqas eżiġenti daqs il-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, u jikkoreġi bħala regola d-devjazzjonijiet akkumulati tal-kont ta’ kontroll sal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill.

    5.   Sal-iskadenza prevista fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE. Ir-rapport għandu jinkludi l-miri għan-nefqa u għad-dħul tal-gvern u għall-miżuri diskrezzjonarji fin-naħa tan-nefqa u tad-dħul b’mod konsistenti mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda u n-natura ta’ dawk previsti biex jintlaħqu l-miri. L-Istat Membru għandu jagħmel ir-rapport pubbliku. L-Istat Membru jista’ jistieden lill-istituzzjoni fiskali indipendenti rilevanti biex tipproduċi rapport mhux vinkolanti u separat dwar is-suffiċjenza tal-miżuri meħuda u previsti fir-rigward tal-miri.

    6.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE fejn:

    (a)

    tkun ittieħdet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal tali rakkomandazzjoni u jkunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jew

    (b)

    ikunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

    Ir-rakkomandazzjoni riveduta tista’, b’mod partikolari, testendi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’sena bħala regola.

    (*3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).”;"

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    1.   Meta jikkunsidra jekk itteħditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu magħmula f’konformità mal-Artikolu 126(7) TFUE, il-Kunsill għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq ir-rapport ippreżentat mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll fuq kwalunkwe deċiżjoni oħra mħabbra pubblikament u dettaljata biżżejjed mill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat.

    Meta l-Kunsill jistabbilixxi, skont l-Artikolu 126(8) TFUE, li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jieħu azzjoni effettiva, huwa għandu għaldaqstant jirrapporta lill-Kunsill Ewropew.

    2.   Kull deċiżjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) TFUE biex jagħmel pubbliċi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fejn ikun stabbilit li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva għandha tittieħed immedjatament wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien stabbilit skont l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament.”;

    (4)

    L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Kull deċiżjoni tal-Kunsill biex jingħata avviż lill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE għandha tittieħed fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(8) TFUE li tistabbilixxi li ma tteħditx azzjoni effettiva. Fl-avviż, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru biex jimplimenta perkors tan-nefqa netta korrettiva f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament. Il-Kunsill għandu wkoll jindika miżuri li jwasslu għall-ilħuq tal-perkors tan-nefqa netta korrettiva.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta avviż rivedut skont l-Artikolu 126(9) TFUE fejn:

    (a)

    tkun ittieħdet azzjoni effettiva b’reazzjoni għal tali avviż u jkunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jew

    (b)

    ikunu japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

    L-avviż rivedut jista’, b’mod partikolari, jestendi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’sena bħala regola.”;

    (5)

    fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Meta jikkunsidra jekk itteħditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-avviż tiegħu magħmul f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE, il-Kunsill għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq ir-rapport ippreżentat mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-Artikolu 5(1a) ta’ dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll fuq kwalunkwe deċiżjoni oħra mħabbra pubblikament u dettaljata biżżejjed mill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-riżultat tal-missjoni ta’ sorveljanza mwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi kkunsidrat.”;

    (6)

    L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    1.   Kull deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(11) TFUE biex jintensifika s-sanzjonijiet għandha tittieħed mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dati tar-rapportar skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009.

    2.   Kull deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(12) TFUE biex jitħassru wħud mid-deċiżjonijiet tiegħu jew id-deċiżjonijiet kollha tiegħu għandha tittieħed malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dati tar-rapportar skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009.

    3.   Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tittieħed biss skont l-Artikolu 126(12) TFUE meta d-defiċit ikun inġieb taħt il-valur referenzjarju u jkun ipproġettat mill-Kummissjoni li jibqa’ hekk fis-sena attwali u dik ta’ wara u, fejn il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tkun infetħet abbażi tal-kriterju tad-dejn, l-Istat Membru kkonċernat ikun irrispetta l-perkors tan-nefqa netta korrettiva stabbilit mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 3(4) jew l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament.”;

    (7)

    fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għandha tinżamm sospiża meta:

    (a)

    l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula f’konformità mal-Artikolu 126(7)TFUE,

    (b)

    l-Istat Membru parteċipanti kkonċernat jaġixxi f’konformità mal-avviżi mogħtija f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE.”;

    (8)

    L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 10

    1.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw b’mod regolari l-implimentazzjoni tal-azzjoni meħuda:

    mill-Istat Membru kkonċernat bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 126(7) TFUE,

    mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat bi tweġiba għall-avviżi mogħtija skont l-Artikolu 126(9) TFUE.

    2.   Meta azzjoni minn Stat Membru parteċipanti ma tkunx qiegħda tiġi implimentata jew, fil-fehma tal-Kunsill, tkun qiegħda turi li mhijiex adegwata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni minnufih skont il-paragrafu 9 jew 11 tal-Artikolu 126 TFUE rispettivament.

    3.   Meta d-data attwali skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009 tindika li defiċit eċċessiv ma jkunx ġie kkoreġut minn Stat Membru parteċipanti fil-limiti ta’ żmien speċifikati jew fir-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew fl-avviżi maħruġa skont l-Artikolu 126(9) TFUE, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni minnufih skont l-Artikolu 126(9) jew (11) TFUE rispettivament.”;

    (9)

    L-Artikolu 10a huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-Istati Membri skont l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, twettaq missjonijiet għall-fini tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-Istat Membru u l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe riskju jew diffikultà ta’ konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tippermetti skambju ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, inkluż l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti nazzjonali.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Wara l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE, u jekk mitlub mill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni ekonomika u fiskali fl-Istat Membru. Tista’ ssir sorveljanza msaħħa għal Stati Membri li jkunu s-suġġett ta’ rakkomandazzjonijiet u avviżi maħruġa b’segwitu għal deċiżjoni skont l-Artikolu 126(8) TFUE u deċiżjonijiet skont l-Artikolu 126(11) TFUE għall-finijiet ta’ monitoraġġ ta’ fuq il-post. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja għall-preparazzjoni u t-tmexxija tal-missjoni.”;

    (10)

    L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 12

    1.   L-ammont tal-multa għandu jammonta sa 0,05 % tal-aħħar stima tal-PDG tas-sena preċedenti għal perjodu ta’ sitt xhur u għandu jitħallas kull sitt xhur sakemm il-Kunsill jivvaluta li l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-avviż maħruġ skont l-Artikolu 126(9) TFUE.

    2.   F’kull perjodu ta’ sitt xhur wara dak li fih tiġi imposta multa, sa meta tiġi revokata d-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jivvaluta jekk l-Istat Membru parteċipanti kkonċernat ikunx ħa azzjoni effettiva b’reazzjoni għall-avviż tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 126(9) TFUE. F’dik il-valutazzjoni ta’ kull sitt xhur, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, f’konformità mal-Artikolu 126(11) TFUE, li jintensifika s-sanzjonijiet, dment li l-Istat Membru parteċipanti kkonċernat ikunx ikkonforma mal-avviż tal-Kunsill.”;

    (11)

    L-Artikoli 14 u 15 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 14

    F’konformità mal-Artikolu 126(12) TFUE, il-Kunsill għandu jħassar is-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 126(11), l-ewwel u t-tieni inċiż, TFUE skont kemm ikun sinifikanti l-progress li jkun għamel l-Istat Membru parteċipanti kkonċernat fil-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

    Artikolu 15

    F’konformità mal-Artikolu 126(12) TFUE, il-Kunsill għandu jħassar is-sanzjonijiet kollha pendenti jekk titħassar id-deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-multi imposti f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament ma jingħatawx lura lill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.”;

    (12)

    L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 16

    Il-multi msemmija fl-Artikolu 12 għandhom jikkostitwixxu dħul ġenerali għall-baġit tal-Unjoni.”;

    (13)

    L-Artikolu 17 huwa mħassar.

    (14)

    L-Artikolu 17a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 17a

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2030 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Dak ir-rapport għandu jirrevedi:

    (a)

    l-effettività ta’ dan ir-Regolament fl-ilħuq tal-objettiv tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 1(1); u

    (b)

    il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri f’konformità mat-TFUE.

    2.   Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun akkumpanjat minn proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

    3.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

    (15)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 17b

    Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew avviż rivedut skont l-Artikolu 126(9) TFUE lill-Istati Membri soġġetti għal rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE jew għal avviż skont l-Artikolu 126(9) TFUE fit-30 ta’ April 2024, u li jkunu ħadu azzjoni effettiva.

    Dan għandu jadotta r-rakkomandazzjoni jew l-avviż rivedut flimkien mal-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263 li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta.”;

    (16)

    l-Anness jitħassar.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ il-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. CLARINVAL


    (1)  Opinjoni tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

    (2)   ĠU C 290, 18.8.2023, p. 17.

    (3)   ĠU C 191, 29.7.1992, p. 1.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (6)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir Amsterdam, 17 ta’ Ġunju 1997 (ĠU C 236, 2.8.1997, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

    (9)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

    (10)   https://www.consilium.europa.eu/media/20399/st00tscg26_en12.pdf.

    (11)  Ir-Regolament (UE) Nru 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top