Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1195

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1195 tal-24 ta’ April 2024 dwar l-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet ta’ annimali

    C/2024/2592

    ĠU L, 2024/1195, 25.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1195/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1195/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1195

    25.4.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1195

    tal-24 ta’ April 2024

    dwar l-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet ta’ annimali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

    (2)

    Is-sustanza żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees kienet ġiet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien, f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE, bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. Din is-sustanza wara ġiet inkluża fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Għalf bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b), tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u fil-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”. Flimkien ma’ dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (4)

    L-applikant talab li l-addittiv jiġi awtorizzat biex jintuża wkoll fl-ilma tax-xorb. Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 ma jippermettix l-awtorizzazzjoni ta’ “komposti aromatizzanti” għall-użu fl-ilma tax-xorb. Għalhekk, l-użu ta’ dak l-addittiv fl-ilma tax-xorb jenħtieġ li ma jkunx permess.

    (5)

    Fl-opinjoni tagħha tas-27 ta’ Settembru 2022 (3) L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, iż-żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees huwa sikur għall-annimali li jgħixu għal żmien qasir (l-annimali maħsuba għas-simna), inklużi l-ħnienes u Suidae minuri. Ikkonkludiet ukoll li huwa sikura għall-konsumaturi u għall-ambjent. L-Awtorità indikat li, minħabba l-preżenza tal-istiren fiż-żejt tal-weraq tal-kassja, mhijiex fil-pożizzjoni li tikkonkludi dwar is-sikurezza tal-addittiv għall-annimali li jgħixu għal żmien twil u għall-annimali riproduttivi inklużi dawk l-annimali mrobbija għall-bajd/għat-tnissil/għar-riproduzzjoni. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li meta jiġi mmaniġġjat iż-żejt essenzjali, ma jistax jiġi eskluż l-esponiment tal-utenti mhux protetti għall-istiren u li għalhekk, biex jitnaqqas ir-riskju, l-esponiment tal-utenti jenħtieġ li jitnaqqas kemm jista’ jkun. Barra minn hekk l-Awtorità kkonkludiet li minħabba li s-sustanza hija rikonoxxuta li tagħti t-togħma lill-ikel u billi l-funzjoni tagħha fl-għalf tkun essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel, ma hemmx bżonn li jkun hemm aktar provi tal-effikaċja tagħha. Ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (6)

    Sussegwentement, l-applikant irtira l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni taż-żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees għall-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali kollha ħlief il-ħnienes, ħlief il-ħnienes ta’ Suidae minuri, ħlief l-ispeċijiet ta’ annimali tas-simna (għajr l-Equidae), ħlief is-salmonidi (għajr l-istokk tal-ħut riproduttur) u ħlief l-ispeċijiet minuri ta’ ħut bil-pinen (għajr l-istokk tal-ħut riproduttur).

    (7)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li iż-żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 fir-rigward: tal-ispeċijiet tal-annimali tas-simna (ħlief l-Equidae), fir-rigward tas-salmonidi (ħlief l-istokk tal-ħut riproduttur), fir-rigward tal-ħut bil-pinen (ħlief l-istokk tal-ħut riproduttur), fir-rigward tal-ħnienes u fir-rigward tal-ħnienes tas-Suidae minuri. Għaldaqstant, l-użu ta’ dak l-addittiv jenħtieġ li jiġi awtorizzat. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-preżenza tas-sustanzi ta’ tħassib stiren u kumarina fiż-żejt essenzjali tal-kassa mis-Cinnamomum aromaticum Nees teħtieġ li jiġi stabbilit kontenut massimu fl-għalf komplet u li jiġi pprojbit il-kombinament ta’ dak l-addittiv ma’ addittivi oħra li fihom l-istess sustanzi ta’ tħassib. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

    (8)

    L-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jimponi obbligu fuq il-Kummissjoni biex tadotta Regolament li jirtira mis-suq addittivi tal-għalf li għalihom ma tressqet l-ebda applikazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 qabel l-iskadenza prevista f’dik id-dispożizzjoni. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġi adottat Regolament dwar l-addittivi tal-għalf li għalihom tressqet applikazzjoni iżda li sussegwentement ġiet irtirata.

    (9)

    Fil-każ ta’ addittivi tal-għalf li għalihom tkun ġiet irtirata applikazzjoni għal ċerti speċijiet jew kategoriji ta’ annimali, l-irtirar mis-suq jenħtieġ li jikkonċerna biss dawk l-ispeċijiet jew kategoriji ta’ annimali.

    (10)

    Għalhekk, jenħtieġ li ż-żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees jiġi rtirat mis-suq fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali li mhumiex is-suġġett tal-awtorizzazzjoni mogħtija b’dan ir-Regolament.

    (11)

    Sa fejn dan ir-Regolament jawtorizza ż-żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees bħala addittiv tal-għalf, ir-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ta’ dik is-sustanza fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali li huma koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija b’dan ir-Regolament. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni għall-partijiet interessati biex iħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

    (12)

    Barra minn hekk, sa fejn l-addittiv tal-għalf jiġi rtirat mis-suq, huwa xieraq ukoll li jiġi permess perjodu ta’ tranżizzjoni li fih il-ħażniet eżistenti tal-addittiv, tat-taħlitiet lesti minn qabel, tal-materjali tal-għalf u tal-għalf kompost li ġew prodotti b’dak l-addittiv, jistgħu jintużaw ukoll fir-rigward tal-ispeċijiet tal-annimali u l-kategoriji tal-annimali li mhumiex koperti mill-awtorizzazzjoni mogħtija b’dan ir-Regolament, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-obbligu li jirtiraw dawk il-prodotti mis-suq.

    (13)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Awtorizzazzjoni

    Is-sustanza speċifikata fl-Anness, tal-kategorija ta’ addittivi “addittivi sensorji” u tal-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Irtirar mis-suq

    L-addittiv tal-għalf żejt essenzjali tal-kassja mis-Cinnamomum aromaticum Nees, kif awtorizzat skont id-Direttiva 70/524/KEE, għandu jiġi rtirat mis-suq fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali għajr dawk imsemmija fl-Anness.

    Artikolu 3

    Miżuri tranżizzjonali relatati mal-awtorizzazzjoni

    1.   L-addittiv tal-għalf imsemmi fl-Artikolu 2 u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dawk l-addittiv, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-15 ta’ Novembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u tal-kategoriji tal-annimali msemmija fl-Anness sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

    2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li jkun fihom l-addittiv imsemmi fl-Artikolu 2, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-15 ta’ Mejju 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel il-15 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u tal-kategoriji tal-annimali msemmija fl-Anness sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

    Artikolu 4

    Miżuri tranżizzjonali relatati mal-irtirar mis-suq

    1.   Il-ħażniet eżistenti tal-addittiv tal-għalf imsemmi fl-Artikolu 2 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali għajr dawk imsemmija fl-Anness sal-15 ta’ Mejju 2025.

    2.   It-taħlitiet lesti minn qabel prodotti bl-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali għajr dawk imsemmija fl-Anness sal-15 ta’ Awwissu 2025.

    3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf prodotti bl-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1 jew bit-taħlitiet lesti minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw fir-rigward tal-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali għajr dawk imsemmija fl-Anness sal-15 ta’ Mejju 2026.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

    (3)   EFSA Journal 2022;20(10):7600.


    ANNESS

    Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

    Speċi jew kategorija tal-annimali

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħrajn

    Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

    mg ta’ sustanza attiva/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

    Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti aromatizzanti

    2b131-eo

    Żejt essenzjali tal-kassja

    Kompożizzjoni tal-addittiv

    Żejt essenzjali miksub mill-weraq, miz-zkuk u mill-friegħi tas-Cinnamomum aromaticum Nees (1)

    Forma likwida

    Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Żejt essenzjali miksub mis-Cinnamomum aromaticum Nees permezz tad-distillazzjoni bil-fwar tal-weraq, taz-zkuk u tal-friegħi kif definit mill-Kunsill tal-Ewropa (2).

    Speċifikazzjonijiet:

    (E)-Ċinnamaldeid: 70-89 %

    (E)-2-Metossiċinnamaldeid: 0-15 %

    Aċetat taċ-ċinnamil: ≤ 4 %

    Kumarina: ≤ 4 %

    Stiren: ≤ 0,1 %

    Nru CAS 8007-80-5

    Numru EINECS: 284-635-0

    Numru FEMA: 2258

    Numru KtE: 131

    Metodu analitiku  (3)

    Għad-determinazzjoni tal-(E)-ċinnamaldeid (markatur fitokimiku) fl-addittiv tal-għalf (żejt tal-kassja):

    kromatografija b’fażi gassuża abbinata mad-detezzjoni tal-jonizzazzjoni bi fjamma (GC-FID) jew mad-detezzjoni tal-ispettrometrija tal-massa (GC-MS)

    Ħnieżer tas-simna

    61

    1.

    L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta’ taħlita lesta minn qabel.

    2.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

    3

    Dan l-addittiv ma għandux jintuża flimkien ma’ addittivi oħra li fihom l-istiren u l-kumarina.

    4

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzazzjonali biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati b’dawn il-proċeduri u l-miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

    l-10 ta’ Mejju 2034

    Ħnieżer tas-simna ta’ Suidae minuri

    51

    Ħnienes u ħnienes ta’ Suidae minuri

    51

    Għoġġiela tas-simna

    100

    Frat tas-simna, nagħaġ tas-simna u ruminanti minuri tas-simna

     

     

    60

    Tiġieġ tas-simna u speċijiet minuri ta’ pollam tas-simna

    28,5

    Dundjani tas-simna

    38

    Fniek tas-simna

    25

    Salmonidi u speċijiet minuri ta’ ħut bil-pinen għajr l-istokk tal-ħut riproduttur

    125

    Speċijiet minuri oħra tas-simna għajr l-Equidae

    28,5


    (1)  Sinonimi aċċettati Cinnamomum cassia (L.) J. Presl u Cinnamomum cassia Blume.

    (2)  Natural sources of flavourings — Rapport Nru 2 (2007).

    (3)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1195/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top