Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0896

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/896 tal-5 ta’ Diċembru 2023 li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jadattaw l-ammonti bażi tal-euro għal assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali u għall-kapaċità finanzjarja tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni

    C/2023/8171

    ĠU L, 2024/896, 20.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/896/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/896/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/896

    20.3.2024

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/896

    tal-5 ta’ Diċembru 2023

    li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jadattaw l-ammonti bażi tal-euro għal assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali u għall-kapaċità finanzjarja tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(7) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) meħtieġa tirrevedi regolarment l-ammonti bażi għall-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali u l-kapaċità finanzjarja ta’ intermedjarji tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni u tal-assigurazzjoni anċillari biex jitqiesu l-bidliet fl-indiċi Ewropew ta’ prezzijiet tal-konsumatur kif ippubblikat mill-Eurostat. Mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2022, l-indiċi Ewropew tal-prezzijiet għall-konsumatur prodott mill-Eurostat għall-Unjoni żdied b’20,32 %. Għalhekk jeħtieġ li l-ammonti bażi f’euro għall-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali u għall-kapaċità finanzjarja tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni u tal-assigurazzjoni anċillari jiġu adattati b’dik iż-żieda perċentwali.

    (2)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2016/97 tiġi emendata skont dan.

    (3)

    Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw l-ammonti bażi rilevanti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom u biex l-intermedjarji tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni u tal-assigurazzjoni anċillari jingħataw żmien biżżejjed biex jieħdu l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita.

    (4)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-EIOPA lill-Kummissjoni.

    (5)

    L-EIOPA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqu, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp ta’ Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva (UE) 2016/97

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/97 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandu jkollhom assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali li tkopri t-territorju kollu tal-Unjoni jew xi garanzija oħra komparabbli kontra responsabbiltà li tirriżulta minn negliġenza professjonali, għal tal-anqas EUR 1 564 610 applikabbli għal kull pretensjoni u aggregat ta’ EUR 2 315 610 fis-sena għall-pretensjonijiet kollha, sakemm dik l-assigurazzjoni jew garanzija komparabbli ma tkunx diġà pprovduta minn impriża tal-assigurazzjoni, impriża tar-riassigurazzjoni jew impriża oħra li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni qiegħed jaġixxi għan-nom tagħha jew li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkollu s-setgħa li jaġixxi għaliha jew dik l-impriża tkun assumiet ir-responsabbiltà sħiħa għall-azzjonijiet tal-intermedjarju.”

    ;

    (2)

    fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    rekwiżit li l-intermedjarju jkollu kapaċità finanzjarja li tammonta, fuq bażi permanenti, għal 4 % tas-somma tal-primjums annwali li jirċievi, soġġett għal minimu ta’ EUR 23 480;”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-9 ta' Ottubru 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/896/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top