Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0432

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/432 tat-2 ta’ Frar 2024 li jiddetermina li l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata awtomatikament skont il-ftehim iffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u ta’ ċerti Stati Membri hija ekwivalenti għall-informazzjoni speċifikata f’ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE

    C/2024/578

    ĠU L, 2024/432, 5.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/432/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/432/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/432

    5.2.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/432

    tat-2 ta’ Frar 2024

    li jiddetermina li l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata awtomatikament skont il-ftehim iffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u ta’ ċerti Stati Membri hija ekwivalenti għall-informazzjoni speċifikata f’ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8ac(7), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 8ac(7), l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2011/16/UE jipprevedi li wara talba motivata ta’ Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata awtomatikament mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni skont ftehim bejn dawk l-awtoritajiet u dik il-ġuriżdizzjoni, hijiex ekwivalenti għal dik speċifikata fl-Anness V, it-Taqsima III, il-paragrafu B ta’ dik id-Direttiva. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/823 (2) jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (2)

    Wara talba tal-awtorità kompetenti tal-Kanada fit-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiddetermina jekk l-informazzjoni li hija meħtieġa tiġi skambjata awtomatikament skont il-Ftehim Multilaterali bejn l-Awtoritajiet Kompetenti dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar l-introjtu derivat permezz ta’ pjattaformi diġitali (3) (“DPI-MCAA”), li bħalissa huwa ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Belġju, tal-Bulgarija, tal-Kroazja, ta’ Ċipru, tal-Estonja, tal-Finlandja, tal-Irlanda, tal-Latvja, tal-Lussemburgu, ta’ Malta, tan-Netherlands, tal-Polonja, tal-Portugall, tas-Slovakkja, tas-Slovenja, ta’ Spanja u tal-Iżvezja (“l-Istati Membri firmatarji”), tirrelatax mal-attivitajiet fl-ambitu tad-Direttiva 2011/16/UE, u jekk hijiex ekwivalenti għall-informazzjoni meħtieġa skont ir-regoli dwar ir-rapportar stabbiliti f’dik id-Direttiva.

    (3)

    Għall-finijiet tad-determinazzjoni, il-Kummissjoni vvalutat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att tal-Kanada dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu (4), b’mod partikolari s-Sezzjoni 162, il-Parti XX (“Regoli ta’ Rapportar għall-Operaturi tal-Pjattaformi Diġitali”) tiegħu, kif miżjuda bit-taqsima 78(1) tal-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit tal-Kanada, 2023, Nru 1 (5), u li, skont it-Taqsima 78(2) tal-Att, se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024, u d-DPI-MCAA li bħalissa huwa ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u mill-Istati Membri firmatarji.

    (4)

    L-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif emendat bl-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit, 2023, Nru 1, japplika d-dispożizzjonijiet tal-Model Rules for Reporting by Platform Operators with respect to Sellers in the Sharing and Gig Economy (6) (“ir-Regoli Mudell”) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tal-2020, issupplimentati bil-Model Reporting Rules for Digital Platforms tal-OECD tal-2021: International Exchange Framework and Optional Module for sale of goods (7).

    (5)

    Id-DPI-MCAA huwa qafas legali internazzjonali żviluppat mill-OECD biex jappoġġa l-iskambju awtomatiku annwali tal-informazzjoni miġbura skont ir-Regoli Mudell tal-OECD mill-ġuriżdizzjoni tar-residenza tal-operatur tal-pjattaforma mal-ġurisdizzjonijiet ta’ residenza tal-bejjiegħa u, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu l-kiri ta’ proprjetà immobbli, il-ġuriżdizzjonijiet li fihom tinsab tali proprjetà immobbli, kif determinat abbażi tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta.

    (6)

    Id-DPI-MCAA iffirmat mill-Kanada u mill-Istati Membri firmatarji jeħtieġ l-attivazzjoni tar-relazzjoni ta’ skambju bejn il-Kanada u kull Stat Membru firmatarju f’konformità mat-Taqsima 7 tad-DPI-MCAA.

    (7)

    F’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/823, il-Kummissjoni ddeterminat li d-definizzjonijiet rigward l-operatur tal-pjattaforma tar-rapportar stabbiliti fl-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif emendat bl-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit, 2023, Nru 1, u f’konformità mad-DPI-MCAA ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Istati Membri firmatarji huma ekwivalenti għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V, it-Taqsima I, is-subparagrafi A(1) sa A(4) tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/823, il-Kummissjoni ddeterminat li d-definizzjonijiet rigward il-bejjiegħa rapportabbli stabbiliti fl-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif emendat bl-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit, 2023, Nru 1 u f’konformità mad-DPI-MCAA ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Istati Membri firmatarji huma ekwivalenti għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V, it-Taqsima I, is-subparagrafi B(1) sa B(4), C(1) u C(2), tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (9)

    F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/823, il-Kummissjoni ddeterminat li d-definizzjonijiet tal-attività rilevanti stabbiliti fl-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif emendat bl-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit, 2023, Nru 1 u f’konformità mad-DPI-MCAA ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Istati Membri firmatarji huma ekwivalenti għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V, it-Taqsima I, is-subparagrafi A(8), A(10), A(11) u C(9) tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (10)

    F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/823, il-Kummissjoni ddeterminat li l-proċeduri ta’ diliġenza dovuta stabbiliti fl-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif emendat bl-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit, 2023, Nru 1 u f’konformità mad-DPI-MCAA ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Istati Membri firmatarji huma ekwivalenti għall-proċeduri ta’ diliġenza dovuta stabbiliti fl-Anness V, it-Taqsima II tad-Direttiva 2011/16/UE u għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V, it-Taqsima I, is-subparagrafi C(3) sa C(7) tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (11)

    F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/823, il-Kummissjoni ddeterminat li r-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif emendat bl-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit, 2023, Nru 1 u f’konformità mad-DPI-MCAA ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Istati Membri firmatarji huma ekwivalenti għar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-Anness V, it-Taqsima III, is-subparagrafi A(1), A(2), A(5), A(6) u A(7) u l-paragrafu B tad-Direttiva 2011/16/UE, u għad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V, it-Taqsima I, is-subparagrafi C(3) sa C(8) tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (12)

    F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/823, il-Kummissjoni ddeterminat li r-regoli u l-proċeduri amministrattivi stabbiliti fl-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif emendat bl-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit, 2023, Nru 1 u f’konformità mad-DPI-MCAA ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Istati Membri firmatarji, biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta u r-rekwiżiti ta’ rapportar kif ukoll il-konformità magħhom, huma ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness V, it-Taqsima IV, il-paragrafi A sa D tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (13)

    Għalhekk, l-informazzjoni li hija meħtieġa tiġi skambjata awtomatikament bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Istati Membri firmatarji f’konformità mad-DPI-MCAA jenħtieġ li titqies ekwivalenti għal dik speċifikata fl-Anness V, it-Taqsima III, il-paragrafu B tad-Direttiva 2011/16/UE. F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/823, din id-determinazzjoni tal-ekwivalenza tapplika għall-istess ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor u tal-Kanada.

    (14)

    Peress li l-Parti XX tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif miżjuda bit-Taqsima 78(1) tal-Att, għadha ma daħlitx fis-seħħ, jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-ekwivalenza tapplika biss mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Parti XX tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu.

    (15)

    Madankollu, jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-ekwivalenza tapplika biss diment li r-relazzjoni ta’ skambju bejn il-Kanada u l-Istati Membri firmatarji tiġi attivata f’konformità mat-Taqsima 7 tad-DPI-MCAA.

    (16)

    Kif previst fl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2011/16/UE, jenħtieġ li l-iskambju kollu ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-ġuriżdizzjonijiet mhux tal-Unjoni skont id-DPI-MCAA jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (17)

    Ġie kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (18)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Determinazzjoni tal-ekwivalenza

    L-informazzjoni li hija meħtieġa tiġi skambjata awtomatikament skont il-Parti XX l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif miżjuda bit-Taqsima 78(1) tal-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit, 2023, Nru 1 u l-Ftehim Multilaterali bejn l-Awtoritajiet Kompetenti dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar l-introjtu derivat permezz ta’ pjattaformi diġitali (“DPI-MCAA”), li bħalissa huwa ffirmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u tal-Belġju, tal-Bulgarija, tal-Kroazja, ta’ Ċipru, tal-Estonja, tal-Finlandja, tal-Irlanda, tal-Latvja, tal-Lussemburgu, ta’ Malta, tan-Netherlands, tal-Polonja, tal-Portugall, tas-Slovakkja, tas-Slovenja, ta’ Spanja u tal-Iżvezja (“l-Istati Membri firmatarji”), hija ekwivalenti, skont it-tifsira tal-Sezzjoni I, is-subparagrafu A(7) tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE, għall-informazzjoni speċifikata fis-Sezzjoni III, il-paragrafu B, tal-Anness V tad-Direttiva 2011/16/UE.

    Id-determinazzjoni tal-ekwivalenza għandha tapplika diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Il-Parti XX tal-Att tal-Kanada dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu, kif miżjuda bit-Taqsima 78(1) tal-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Baġit tal-Kanada, 2023, Nru 1, u kif ivvalutata mill-Kummissjoni, daħlet fis-seħħ;

    (b)

    ir-relazzjoni tal-iskambju bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada u kull Stat Membru firmatarju ġiet attivata f’konformità mat-Taqsima 7 tad-DPI-MCAA.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/823 tat-13 ta’ April 2023 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE fir-rigward tal-valutazzjoni u d-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-informazzjoni fi ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u ġuriżdizzjoni mhux tal-Unjoni (ĠU L 103, 18.4.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/823/oj).

    (3)  Id-DPI-MCAA huwa disponibbli online fuq https://www.oecd.org/tax/exchange-of-tax-information/model-reporting-rules-for-digital-platforms-international-exchange-framework-and-optional-module-for-sale-of-goods.pdf.

    (4)  It-test sħiħ tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu huwa disponibbli online fuq: https://laws-lois.justice.gc.ca/eng/acts/I–3,3/FullText.html

    (5)  It-test sħiħ tal-Att huwa disponibbli online fuq: https://laws-lois.justice.gc.ca/eng/AnnualStatutes/2023_26/FullText.html

    (6)  OECD (2020), Model Rules for Reporting by Platform Operators with respect to Sellers in the Sharing and Gig Economy, OECD, Pariġi. Disponibbli online fuq https://www.oecd.org/tax/exchange-of-tax-information/model-rules-for-reporting-by-platform-operators-with-respect-to-sellers-in-the-sharing-and-gig-economy.pdf

    (7)  OECD (2021), Model Reporting Rules for Digital Platforms: International Exchange Framework and Optional Module for Sale of Goods, OECD, Pariġi. Disponibbli online fuq https://www.oecd.org/tax/exchange-of-tax-information/model-reporting-rules-for-digital-platforms-international-exchange-framework-and-optional-module-for-sale-of-goods.pdf

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/432/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top