Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0403

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/403 tat-30 ta’ Jannar 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 fir-rigward tad-definizzjoni ta’ SIGMET u ċerti rekwiżiti għar-regoli speċjali tat-titjir viżwali u l-awtorizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru

    C/2024/455

    ĠU L, 2024/403, 11.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/403/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/403/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/403

    11.4.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/403

    tat-30 ta’ Jannar 2024

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 fir-rigward tad-definizzjoni ta’ SIGMET u ċerti rekwiżiti għar-regoli speċjali tat-titjir viżwali u l-awtorizzazzjonijiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (“ATM/ANS”) u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (“funzjonijiet tan-network tal-ATM”) għat-traffiku tal-ajru ġenerali u għas-sorveljanza tagħhom.

    (2)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 (3) jistabbilixxi r-regoli komuni tal-ajru u d-dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru applikabbli għat-traffiku tal-ajru ġenerali (l-hekk imsejħa “regoli tal-ajru”). Ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru ġew emendati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/404 (4).

    (3)

    Għalhekk id-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 jenħtieġ li jiġu emendati biex tiġi żgurata l-konsistenza. Dan jikkonċerna b’mod partikolari ċerta definizzjoni dwar l-informazzjoni relatata ma’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi sinifikanti u ċerti dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet relatati ma’ Regoli speċjali tat-Titjir Viżwali (“VFR”).

    (4)

    Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament filwaqt li s-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni tinżamm f’livell għoli u uniformi, l-industrija u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għall-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

    (6)

    L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea assistiet lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 75(2), il-punti (b) u (c) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139 u ppreżentat l-Opinjoni relatata Nru 02/2023 lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Awwissu 2023.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-applikazzjoni ta’ regoli komuni tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi I, IV u VI tar-Regolament (UE) 2017/373 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika minn 1 ta' Mejju 2025.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta' servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 ( ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/404 tat-30 ta’ Jannar 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012 fir-rigward tal-aġġornamenti tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ICAO, it-tlestija tal-proċedura f’każ ta’ falliment fil-komunikazzjoni bir-radju u t-tneħħija tas-suppliment tal-Anness ta’ dak ir-Regolament (OJ L, 2024/404, 11.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/404/oj).


    ANNESS

    L-Annessi I, IV u VI tar-Regolament (UE) 2017/373 huma emendati kif ġej:

    (1)

    fl-Anness I, il-punt (93) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(93)

    ‘SIGMET’ tfisser informazzjoni maħruġa minn uffiċċju ta’ osservazzjoni meteoroloġika rigward l-okkorrenza jew l-okkorrenza mistennija ta’ fenomeni speċifikati tat-temp fir-rotta u ta’ fenomeni oħra fl-atmosfera li jistgħu jaffettwaw is-sikurezza tal-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru u dwar l-iżvilupp ta’ dawk il-fenomeni fil-ħin u l-ispazju”;

    (2)

    fl-Anness IV, is-subparti B, il-punt ATS.TR.270 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-frażi introduttorja tal-punt (a) hija sostitwita b’dan li ġej:

     

    It-“Titjiriet VFR speċjali jistgħu jiġu awtorizzati biex joperaw f’żona ta’ kontroll, soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-ATC. Ħlief meta jkun permess mod ieħor mill-awtorità kompetenti għall-ħelikopters f’każijiet speċjali bħal, iżda mhux biss, operazzjonijiet tal-pulizija, mediċi, ta’ tiftix u salvataġġ u titjiriet għat-tifi tan-nar, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:”;

    (b)

    il-punt (a)(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(3)

    L-unità ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru ma għandhiex toħroġ awtorizzazzjoni VFR speċjali lill-inġenji tal-ajru biex jitilgħu jew jinżlu f’ajrudrom f’żona ta’ kontroll, jew jidħlu fiċ-ċirkwit tat-traffiku tal-ajrudrom f’żona ta’ kontroll, meta l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi rappurtati f’dak l-ajrudrom ikunu taħt il-livelli minimi li ġejjin:

    (i)

    il-viżibbiltà tal-art tkun anqas minn 1 500 m jew, għall-ħelikopters, anqas minn 800 m;

    (ii)

    il-livell massimu huwa inqas minn 180 m (600 pied).”;

    (3)

    fl-Anness VI, is-subparti B, il-punt AIS.TR.330 NOTAM, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(f)

    L-informazzjoni rigward borra, silġ maħlul, silġ, ġlata, ilma qiegħed jew ilma assoċjat ma’ borra, ma’ silġ ftit maħlul, ma’ silġ jew ma’ ġlata fiż-żona ta’ moviment għandu jiġi disseminat permezz ta’ SNOWTAM u għandu jkun fih it-tagħrif fl-ordni muri fil-format SNOWTAM tal-Appendiċi 3.”.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/403/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top