Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1265

    Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri

    ST/6920/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1265

    30.4.2024

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2024/1265

    tad-29 ta’ April 2024

    li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(14), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiżgura l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fil-qasam tal-politika baġitarja, u b’mod partikolari fir-rigward tal-evitar ta’ defiċits eċċessivi tal-gvern, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (3) tistipula regoli dettaljati dwar il-karatteristiċi tal-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri.

    (2)

    Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miksuba bl-unjoni ekonomika u monetarja minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2011/85/UE, huwa meħtieġ li jiġu emendati r-rekwiżiti tagħha rigward ir-regoli u l-proċeduri li jiffurmaw l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri.

    (3)

    Fir-Rapport Speċjali Nru 22/2019 tagħha intitolat “Ir-rekwiżiti tal-UE għall-oqfsa baġitarji nazzjonali: jeħtieġ li jissaħħu aktar u l-applikazzjoni tagħhom tiġi mmonitorjata aħjar”, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri eżaminat ir-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali u rrakkomandat lill-Kummissjoni biex tirrieżamina dawk ir-rekwiżiti, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali u l-aħjar prattika. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri pproponiet azzjonijiet speċifiċi biex ittejjeb l-ambitu u l-effettività tal-oqfsa baġitarji nazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-oqfsa baġitarji ta’ terminu medju u l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti.

    (4)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Frar 2020 intitolata “Rieżami tal-governanza ekonomika, Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013 dwar l-idoneità tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE”, il-Kummissjoni indikat progress sostanzjali iżda mhux uniformi fl-iżvilupp ta’ oqfsa baġitarji nazzjonali meta wieħed iqis li l-liġi tal-Unjoni jistabbilixxi biss rekwiżiti minimi u li l-implimentazzjoni u l-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali varjaw ħafna. Dik il-komunikazzjoni qieset ukoll sa fejn il-qafas jappoġġa l-ħtiġijiet ekonomiċi, ambjentali u tal-politika soċjali marbutin mat-tranżizzjoni għal ekonomija Ewropea newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u diġitali, filwaqt li jikkomplementa r-rwol ewlieni tal-ambjent regolatorju u r-riformi strutturali.

    (5)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, il-Kummissjoni talbet li jsir użu akbar ta’ għodod ta’ “bbaġitjar ekoloġiku” biex l-investiment pubbliku, il-konsum u t-tassazzjoni jiġu diretti mill-ġdid lejn prijoritajiet ekoloġiċi u lil hinn minn sussidji dannużi. Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi objettiv ta’ newtralità klimatika għall-Unjoni kollha sal-2050 u tirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jagħmlu progress fit-tisħiħ tal-kapaċità adattiva. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem mal-Istati Membri biex tevalwa u tagħmel analiżi komparattiva tal-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Frar 2021 intitolata “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima”, il-Kummissjoni indikat ir-rilevanza makrofiskali tat-tibdil fil-klima u enfasizzat il-ħtieġa li tiżdied ir-reżiljenza tal-Unjoni fir-rigward tal-impatt tat-tibdil fil-klima. Is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas addizzjonali biex jappoġġa dawn l-isforzi u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), joffri assistenza prattika għall-implimentazzjoni tagħhom.

    (6)

    Fil-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn u li jitnaqqsu l-proporzjonijiet għoljin tad-dejn pubbliku filwaqt li jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha. L-objettivi ewlenin tal-orjentazzjonijiet huma li jtejbu s-sjieda nazzjonali, jissimplifikaw il-qafas u li nimxu lejn konċentrazzjoni akbar fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar qawwi u koerenti.

    (7)

    Sabiex tissaħħaħ il-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE, u b’mod partikolari biex jiġi evitat li jkun hemm defiċit eċċessiv tal-gvern fit-tifsira tal-Artikolu 126 TFUE, jenħtieġ li l-liġijiet tal-Istati Membri jkollhom dispożizzjonijiet speċifiċi biex isaħħu s-sjieda nazzjonali, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, lil hinn minn dawk meħtieġa bħalissa mid-Direttiva 2011/85/UE. Filwaqt li jibnu fuq l-evidenza tal-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-emendi tagħha jikkonċernaw it-trasparenza, l-istatistika, it-tbassir u l-ibbaġitjar fuq terminu medju biex jindirizzaw nuqqasijiet identifikati matul l-implimentazzjoni preċedenti tagħha.

    (8)

    Din id-Direttiva emendatorja hija parti minn pakkett flimkien mar-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament u tal-Kunsill (6) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 (7). Flimkien, dawk it-tliet atti leġislattivi (minn hawn il-quddiem imsejħa bħala “ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika) jirriformaw il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, li jinkorpora fil-liġi tal-Unjoni s-sustanza tat-Titolu III (Patt Fiskali) tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (8) tat-2 ta’ Marzu 2012 (it-“TSKG”), f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dak it-Trattat. Billi jibni fuq l-esperjenza tal-implimentazzjoni tat-TSKG mill-Istati Membri, ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika żżomm l-orjentazzjoni fuq terminu medju tal-Patt Fiskali bħala għodda biex jinkisbu d-dixxiplina baġitarja u l-promozzjoni tat-tkabbir. Ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tinkludi dimensjoni msaħħa speċifika għall-pajjiż bil-għan li ssaħħaħ is-sjieda nazzjonali, fost oħrajn billi żżomm l-irwol konsultattiv għal istituzzjonijiet fiskali indipendenti, li essenzjalment jibbaża fuq il-prinċipji komuni tal-Patt Fiskali dwar mekkaniżmi nazzjonali ta’ korrezzjoni fiskali proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2012 f’konformità mal-Artikolu 3(2) TSKG. L-analiżi tan-nefqa netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali għall-valutazzjoni ġenerali tal-konformità meħtieġa mill-Patt Fiskali hija stipulata fir-Regolament (UE) 2024/1263. Bħal fil-Patt Fiskali, devjazzjonijiet temporanji mill-pjan fuq terminu medju huma permessi biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod simili għall-Patt Fiskali, fil-każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mill-pjan ta’ terminu medju, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri sabiex jiġu kkoreġuti d-devjazzjonijiet fuq perjodu definit. Ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tisaħħaħ is-sorveljanza fiskali u l-proċeduri ta’ infurzar biex jitħares l-impenn li jiġu promossi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv. Għalhekk, ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika żżomm l-objettivi fundamentali tad-dixxiplina baġitarja u s-sostenibbiltà tad-dejn stipulati fil-Patt Fiskali.

    (9)

    Prattiċi tal-kontabbiltà pubblika sħaħ u affidabbli għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika huma prekondizzjoni għall-produzzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja li tkun komparabbli fl-Istati Membri kollha. Id-disponibbiltà u l-kwalità tal-istatistika bbażata fuq is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (“ESA”) huma kruċjali biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-Unjoni. L-ESA 2010 tibbaża fuq informazzjoni pprovduta fuq bażi tad-dovuti. Għalhekk ikun ideali li jittejjeb il-ġbir tad-data tad-dovuti u informazzjoni meħtieġa biex tiġi ġġenerata statistika bbażata fuq id-dovuti b’mod li jkun komprensiv u konsistenti fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika.

    (10)

    Id-disponibbiltà ta’ data ta’ frekwenza għolja tista’ tiżvela xejriet li jiġġustifikaw sorveljanza aktar mill-qrib u ttejjeb il-kwalità tat-tbassir baġitarju. L-Istati Membri u l-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li jippubblikaw data trimestrali dwar id-defiċit u d-dejn bl-applikazzjoni tad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE. Il-pubblikazzjoni ta’ data baġitarja bi frekwenza ogħla li tkun imfassla għad-definizzjonijiet baġitarji nazzjonali jenħtieġ li tiġi ddeterminata abbażi tar-rekwiżiti nazzjonali ta’ trasparenza u l-ħtiġijiet tal-utenti, biex tittejjeb is-sjieda nazzjonali.

    (11)

    Tbassir makroekonomiku u baġitarju preġudikati u mhux realistiċi għal-leġiżlazzjonijiet baġitarji annwali u pluriennali jistgħu jfixklu konsiderevolment l-effettività tal-ippjanar fiskali u konsegwentement ixekklu l-impenn favur id-dixxiplina baġitarja. Biex itejbu s-suppożizzjonijiet tal-linja bażi, jenħtieġ li l-Istati Membri jqabblu t-tbassir makroekonomiku u baġitarju tagħhom ma’ dak l-aktar aġġornat tal-Kummissjoni u, jekk xieraq, dak ta’ korpi indipendenti oħra.

    (12)

    It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għall-ippjanar fiskali annwali u pluriennali għall-amministrazzjoni pubblika għandu jkun soġġett għal evalwazzjonijiet ex post regolari, oġġettivi u komprensivi mwettqa minn korp indipendenti jew korpi oħra b’awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri differenti minn dak li jipproduċi t-tbassir sabiex tittejjeb il-kwalità tagħhom. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jinkludu skrutinju tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi, tqabbil mat-tbassir imħejji minn istituzzjonijiet oħrajn, u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tat-tbassir fil-passat.

    (13)

    Korpi indipendenti inkarigati mill-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri huma element effettiv fil-bini ta’ oqfsa baġitarji. Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jirrikjedi li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jkollhom istituzzjonijiet fiskali indipendenti inkarigati mill-approvazzjoni jew il-produzzjoni ta’ tbassir makroekonomiku u jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi fir-rigward tal-indipendenza u l-kapaċità teknika tagħhom. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont dak ir-Regolament, il-kompitu tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti li jipproduċu, jivvalutaw jew japprovaw previżjonijiet makroekonomiċi f’konformità ma’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jqis il-proċeduri u l-prattiki nazzjonali stabbiliti fl-Istati Membri, fosthom dawk li jikkonċernaw f’liema mument jitwettaq ix-xogħol.

    (14)

    Sabiex tinkiseb responsabbiltà msaħħa fil-politika fiskali, l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti jenħtieġ li jkollhom livell għoli ta’ indipendenza operazzjonali, ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom u aċċess estensiv u f’waqtu għall-informazzjoni meħtieġa. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu aktar minn istituzzjoni fiskali indipendenti waħda u kull waħda minnhom tista’ twaqqaf kompitu wieħed jew aktar stabbiliti f’din id-Direttiva emendatorja, sakemm ikun hemm allokazzjoni ċara ta’ responsabbiltà u ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni bejniethom f’termini ta’ mandat. Jenħtieġ li tiġi evitata frammentazzjoni istituzzjonali eċċessiva tal-kompiti ta’ monitoraġġ. Fit-tfassil ta’ dawk il-korpi ta’ monitoraġġ għandhom jitqiesu s-sitwazzjoni istituzzjonali eżistenti u l-istruttura amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat.

    (15)

    Sabiex jittejjeb l-ippjanar baġitarju, għandha tingħata attenzjoni xierqa, sa fejn possibbli, lir-riskji makrofiskali li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima, fosthom l-impatti ambjentali u distributtivi tiegħu. Il-fehim tal-modi potenzjali li bihom xokkijiet relatati mal-klima jaffettwaw il-finanzi pubbliċi huwa kruċjali għall-istrateġiji nazzjonali sabiex jiġu limitati u ġestiti riskji fiskali li ġejjin mit-tibdil fil-klima u minn diżastri relatati.

    (16)

    Għalkemm l-approvazzjoni tal-leġiżlazzjoni baġitarja annwali hija pass ewlieni fir-rigward tal-proċess baġitarju għar-responsabbiltà demokratika, perspettiva ta’ sena waħda għall-ippjanar baġitarju tipprovdi bażi limitata għal politiki fiskali sodi, peress li l-biċċa l-kbira tal-miżuri għandhom implikazzjonijiet li jmorru ferm lil hinn miċ-ċiklu baġitarju annwali. Bħala tali, ippjanar fiskali effettiv fuq terminu medju jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-politika fiskali filwaqt li jqis is-sostenibbiltà tad-dejn. Dan jenħtieġ li jibbaża fuq definizzjoni ċara u konsistenti tal-objettivi baġitarji nazzjonali fuq terminu medju għall-amministrazzjoni pubblika, li huma ppreżentati fi pjanijiet nazzjonali ta’ terminu medju. Sabiex tissaħħaħ perspettiva baġitarja pluriennali, l-ippjanar tal-leġiżlazzjoni baġitarja annwali jenħtieġ li jkun konsistenti mal-objettivi baġitarji nazzjonali fuq terminu medju.

    (17)

    Biex ikunu effettivi fil-promozzjoni tad-dixxiplina baġitarja u tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-oqfsa baġitarji jenħtieġ li jkopru l-finanzi pubbliċi b’mod komprensiv. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-operazzjonijiet ta’ dawk il-korpi u fondi tal-amministrazzjoni pubblika li ma jiffurmawx parti mill-baġits regolari iżda huma parti mill-amministrazzjoni pubblika, fosthom is-sottosetturi, u li għandhom impatt immedjat jew fuq terminu medju fuq il-pożizzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri. L-Istati Membri jenħtieġ li jippubblikaw ukoll valuri li jikkorrispondu għall-impatt ikkombinat fuq il-bilanċi u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ dawk il-korpi u fondi. Jenħtieġ li tiġi ppubblikata informazzjoni dettaljata dwar l-impatt tal-infiq tat-taxxa fuq id-dħul.

    (18)

    L-għodod tal-ibbaġitjar ekoloġiku jistgħu jgħinu biex id-dħul u n-nefqa pubbliċi jiġu diretti mill-ġdid lejn prijoritajiet ekoloġiċi. F’dak ir-rigward, ir-rappurtar regolari ta’ informazzjoni rilevanti jtejjeb id-deliberazzjonijiet tal-baġit. L-Istati Membri jistgħu jippubblikaw informazzjoni dwar kif l-elementi rilevanti tal-baġits tagħhom jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-impenji klimatiċi u ambjentali nazzjonali u internazzjonali u l-metodoloġija użata. L-Istati Membri jenħtieġ li jippubblikaw id-data u l-informazzjoni deskrittiva separatament għall-entrati tan-nefqa, tan-nefqa tat-taxxa u tad-dħul. L-Istati Membri jistgħu jippubblikaw informazzjoni dwar l-impatt distribuzzjonali tal-politiki baġitarji u jqisu l-aspetti tal-impjiegi, soċjali u distributtivi fl-iżvilupp tal-ibbaġitjar ekoloġiku kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 473/2013 u tal-komunikazzjonni tat-28 ta’ Settembru 2022 bit-titolu “Valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv tal-politiki tal-Istati Membri”.

    (19)

    Jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lill-eżistenza ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti. Obbligazzjonijiet kontinġenti jkopru obbligazzjonijiet possibbli li jiddependu fuq l-okkorrenza ta’ avveniment futur inċert, jew obbligazzjonijiet preżenti fejn x’aktarx il-ħlas ma jsirx jew l-ammont tal-ħlas probabbli ma jistax jitkejjel b’mod affidabbli. Jinkludu, pereżempju, garanziji tal-gvern, self improduttiv, obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operat ta’ korporazzjonijiet pubbliċi, u, sa fejn possibbli, obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mad-diżastri u l-klima.

    (20)

    Diżastri naturali u avvenimenti estremi tat-temp affettwaw lill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u t-tibdil fil-klima huwa mistenni li jamplifika l-frekwenza u l-intensità ta’ dawn l-avvenimenti. Il-gvernijiet jinvestu f’miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u jieħdu passi biex ikopru l-ispejjeż tad-diżastri għal assistenza ta’ emerġenza, irkupru u rikostruzzjoni u biex jaġixxu bħala l-assiguratur tal-aħħar istanza f’xi każijiet. Meta jitqiesu l-isfidi eżistenti u futuri għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-obbligi u r-riskji tal-gvern għall-finanzi tal-gvern li jirriżultaw minn diżastri naturali u xokkijiet relatati mal-klima, ibda mill-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-ispiża fiskali ta’ avvenimenti passati sa fejn possibbli.

    (21)

    Ir-rappurtar dwar riskji makrofiskali mit-tibdil fil-klima, obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mal-klima u spejjeż fiskali tad-diżastri qed jitjieb iżda għadu fi stadju inizjali, fejn metodoloġiji u indikaturi għal tali rappurtar għadhom qed jiġu żviluppati. L-implementazzjoni ta’ dan ir-rappurtar ser tirrikjedi sforz konsiderevoli mill-amministrazzjoni pubbliku. Il-kunsiderazzjoni ta’ dawk l-isfidi, u sa fejn possibbli, rappurtar f’dawn l-oqsma jenħtieġ li jitwettaq u jevolvi b’mod parallel ma’ tali avvanzi metodoloġiċi.

    (22)

    Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkompli timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/85/UE. Jenħtieġ li jiġu identifikati u maqsuma l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

    (23)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2011/85/UE tiġi emendata skont dan.

    (24)

    Fid-dawl tal-iskadenza eżistenti skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jenħtieġ li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2011/85/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fl-ewwel paragrafu, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Għandha tapplika d-definizzjoni tas-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika stabbilita fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*1).

    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).”;"

    (b)

    it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    sistemi ta’ kontabbilità pubblika u rappurtar statistiku mill-amministrazzjoni pubblika;”;

    (ii)

    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż li jikkontribwixxu għall-konsistenza tat-twettiq tal-politika fiskali mill-Istati Membri mal-obbligi rispettivi tagħhom skont it-TFUE, u li huma mfissra f’termini ta’ indikatur tal-prestazzjoni baġitarja, bħad-defiċit tal-baġit tal-gvern, is-self, id-dejn, jew komponent maġġuri tiegħu;”;

    (iii)

    il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    l-oqfsa baġitarji ta’ terminu medju bħala sett speċifiku ta’ proċeduri baġitarji nazzjonali li jestendu l-perjodu għat-tfassil tal-politika fiskali lil hinn mill-kalendarju baġitarju annwali, inkluż l-istabbiliment ta’ prijoritajiet ta’ politika u ta’ objettivi baġitarji nazzjonali fuq it-terminu medju;”

    (iv)

    jinżdied il-punt li ġej:

    “(h)

    istituzzjonijiet fiskali indipendenti bħala korpi strutturalment indipendenti jew korpi li għandhom awtonomija funzjonali fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji tal-Istati Membri stabbiliti minn dispożizzjonijiet legali nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 8a.”;

    (2)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    ‘1.   Fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tal-kontabbiltà pubblika, l-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti sistemi ta’ kontabbiltà pubblika li komprensivament u konsistentement ikopru s-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika u li jkollhom fihom l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi ġġenerata data bbażata fuq id-dovuti bl-għan li titħejja data bbażata fuq is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali. Dawn is-sistemi ta’ kontabbiltà pubblika mill-amministrazzjoni pubblika għandhom ikunu soġġetti għal kontroll intern u awditjar indipendenti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibbiltà pubblika f’waqtha u regolari tad-data fiskali għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika kif stipulat mir-Regolament (UE) Nru 549/2013 . B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw għall-gvern ċentrali, il-gvern statali, il-gvern lokali u l-fondi tas-sigurtà soċjali, id-dejn trimestrali u, sakemm ma jkollhomx fis-seħħ sistemi integrati, komprensivi u armonizzati fuq livell nazzjonali ta’ kontabbiltà finanzjarja bbażata fuq id-dovuti, id-data dwar id-defiċit separatament, qabel tmiem it-trimestru ta’ wara jew wara l-pubblikazzjoni tad-data rilevanti mill-Kummissjoni (Eurostat’).

    3.   Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tippubblika d-data trimestrali tal-istatistika finanzjarja tal-gvern f’konformità mat-tabelli 25, 27 u 28 tal-Anness B tar-Regolament (UE) Nru 549/2013, kull tliet xhur.”;

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ippjanar fiskali annwali u pluriennali jkun ibbażat fuq tbassir makroekonomiku u baġitarju realistiċi bl-użu tal-aktar informazzjoni aġġornata. L-ippjanar baġitarju għandu jkun ibbażat fuq l-aktar xenarju makrofiskali probabbli jew fuq xenarju aktar prudenti. It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għandu jitqabbel mal-aktar tbassir aġġornat tal-Kummissjoni u, jekk xieraq, dak ta’ korpi indipendenti oħra. Differenzi konsiderevoli bejn it-tbassir makroekonomiku u baġitarju tal-Istat Membru u t-tbassir tal-Kummissjoni għandhom jiġu spjegati, inkluż meta l-livell jew it-tkabbir tal-fatturi varjabbli fis-suppożizzjonijiet esterni jitbiegħed konsiderevolment mill-valuri li jinsabu fit-tbassir tal-Kummissjoni.”;

    (b)

    il-paragrafu 4 jitħassar;

    (c)

    il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “5.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw liema istituzzjoni hija responsabbli għall-produzzjoni tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju u għandhom jippubblikaw it-tbassir makroekonomiku u baġitarju uffiċjali mħejji għall-ippjanar fiskali. Mill-inqas darba fis-sena, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jkollhom djalogu tekniku dwar is-suppożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata t-tħejjija tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju.

    6.   It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għall-ippjanar fiskali annwali u pluriennali għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni ex post regolari, oġġettiva u komprensiva mwettqa minn korp indipendenti jew korpi oħra b’awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri differenti minn dak li jipproduċi t-tbassir. Ir-riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni għandu jiġi ppubblikat u jitqies kif xieraq fi tbassir makroekonomiku u baġitarju futur. Jekk l-evalwazzjoni ssib preġudizzju sinifikanti li jaffettwa t-tbassir makroekonomiku fuq perjodu ta’ mill-inqas erba’ snin konsekuttivi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa u jippubblikah.”;

    (d)

    il-paragrafu 7 jitħassar;

    (4)

    L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 5

    Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli fiskali numeriċi speċifiċi tiegħu biex jippromwovi b’mod effettiv il-konformità mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-TFUE fil-qasam tal-politika baġitarja fuq perjodu pluriennali għall-amministrazzjoni pubblika kollu kemm hi. Dawn ir-regoli għandhom jippromwovu b’mod partikolari:

    (a)

    konformità mal-valuri referenzjali u d-dispożizzjonijiet dwar id-defiċit u d-dejn stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-TUE u mat-TFUE;

    (b)

    l-adozzjoni ta’ perjodu ta’ ppjanar fiskali fuq terminu medju, konsistenti mar-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

    (*2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.”;"

    (5)

    L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    il-kontroll effettiv u f’waqtu rigward il-konformità mar-regoli, ibbażat fuq analiżi affidabbli u indipendenti mwettqa minn korpi fiskali indipendenti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 8a jew korpi oħrajn b’awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri;”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Jekk regoli fiskali numeriċi jkun fihom klawżoli liberatorji, dawn il-klawżoli għandhom jistipulaw għadd limitat ta’ ċirkostanzi speċifiċi, konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri skont it-TFUE u r-Regolament (UE) 2024/1263.”;

    (6)

    L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Il-leġiżlazzjoni tal-baġit annwali tal-Istati Membri għandha tkun konsistenti mar-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż fis-seħħ.”;

    (7)

    L-Artikolu 8 huwa mħassar;

    (8)

    it-titolu tal-Kapitolu V, huwa sostitwit bi “ISTITUZZJONIJIET FISKALI INDIPENDENTI”

    (9)

    fil-Kapitolu V, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 8a

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjonijiet fiskali indipendenti jiġu stabbiliti minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi vinkolanti nazzjonali.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu aktar minn istituzzjoni fiskali indipendenti waħda.

    3.   L-istituzzjonijiet fiskali independenti għandhom ikunu magħmulin minn membri nominati u maħtura abbażi tal-esperjenza u l-kompetenza tagħhom fil-finanzi pubbliċi, fil-makroekonomija jew fil-ġestjoni baġitarja, u permezz ta’ proċeduri trasparenti.

    4.   L-istituzzjonijiet fiskali independenti:

    (a)

    ma għandhomx jirċievu struzzjonijiet mill-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru kkonċernat jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor;

    (b)

    għandu jkollhom il-kapaċità li jikkomunikaw pubblikament dwar il-valutazzjonijiet u l-opinjonijiet tagħhom fil-ħin;

    (c)

    għandu jkollhom riżorsi adegwati u stabbli biex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv, inkluż kwalunkwe tip ta’ analiżi fil-kompiti tagħhom;

    (d)

    għandu jkollhom aċċess adegwat u f’waqtu għall-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

    (e)

    għandhom jiġu soġġetti għal evalwazzjonijiet esterni regolari minn evalwaturi indipendenti.

    5.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti u l-funzjonijiet attribwiti skont ir-Regolament (UE) Nru. 473/2013 għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-kompiti li ġejjin jitwettqu minn waħda mill-istituzzjonijiet fiskali independenti:

    (a)

    il-produzzjoni, il-valutazzjoni jew l-approvazzjoni ta’ tbassir makroekonomiku annwali u pluriennali;

    (b)

    is-sorvaljanza tal-konformità mar-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż sakemm ma ssirx minn kopri oħra f’konformità mal-Artikolu 6;

    (c)

    it-twettiq ta’ kompiti skont l-Artikoli 11, 15(3) u 23 tar-Regolament (UE) 2024/1263 u l-Artikolu 3(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (*3);

    (d)

    il-valutazzjoni tal-konsistenza, il-koerenza u l-effettività tal-qafas baġitarju nazzjonali;

    (e)

    fuq stedina, il-parteċipazzjoni f’seduti u f’diskussjonijiet regolari fil-Parlament nazzjonali.

    6.   L-istituzzjonijiet fiskali independenti għandhom joħorġu valutazzjonijiet fil-kuntest tal-kompiti msemmija fil-punt (a), (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu mingħajr preġudizzju għall-kompiti u l-funzjonijiet attribwiti skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013. L-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma’ dawk il-valutazzjonijiet, jew għandhom jispjegaw għaliex mhumiex qed isegwuhom. Dik l-ispjegazzjoni għandha tkun pubblika u tiġi ppreżentata fi żmien xahrejn mill-ħruġ tad-data ta’ tali valutazzjonijiet.

    (*3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).”;"

    (10)

    L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas baġitarju nazzjonali effettiv kredibbli għal perjodu medju li jipprevedi l-adozzjoni ta’ perjodu ta’ ppjanar fiskali ta’ mill-inqas tliet snin biex ikun żgurat li l-ippjanar fiskali nazzjonali jsegwi perspettiva ta’ ppjanar fiskali pluriennali.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “2.   L-oqfsa baġitarji nazzjonali għal perjodu medju għandhom jinkludu proċeduri għall-istabbiliment tal-punti li ġejjin:”;

    (ii)

    il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    objettivi baġitarji nazzjonali komprensivi u trasparenti fuq terminu medju kif imsemmija fil-punt (e) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, f’termini tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika, tad-dejn u ta’ kwalunkwe indikatur fiskali sommarju ieħor bħan-nefqa, filwaqt li jiġi żgurat li dawn ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe regola fiskali numerika speċifika għall-pajjiż kif previst fil-Kapitolu IV ta’ din id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2024/1263;”;

    (iii)

    il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(c)

    deskrizzjoni tal-politiki ta’ terminu medju, inkluż ir-riformi u l-investiment, previsti b’impatt fuq il-finanzi tal-amministrazzjoni pubblika u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, imqassma skont l-entrata ewlenija tad-dħul u n-nefqa, billi jintwera kif jinkiseb l-aġġustament għall-objettivi baġitarji nazzjonali fuq terminu medju kif imsemmi fil-punt (e) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 meta mqabbel mal-projezzjonijiet taħt politiki mhux mibdula”;

    “(d)

    evalwazzjoni ta’ kif, fid-dawl tal-impatt dirett tagħhom fuq perjodu medju u twil fuq il-finanzi tal-amministrazzjoni pubblika, il-linji ta’ politika mbassra x’aktarx li jaffettwaw is-sostenibbiltà fuq perjodu medju u twil tal-finanzi pubbliċi u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Sa fejn possibbli, il-valutazzjoni għandha tqis ir-riskji makrofiskali mit-tibdil fil-klima u l-impatti ambjentali u distributtivi tagħha.”;

    (c)

    il-paragrafu 3 jitħassar;

    (11)

    L-Artikoli 10 u 11 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “Artikolu 10

    Il-leġiżlazzjoni baġitarja annwali għandha tkun konsistenti mal-objettivi baġitarji nazzjonali fuq terminu medju kif imsemmi fil-punt (e) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2. Kwalunkwe devjazzjoni għandha tiġi spjegata kif xieraq.

    Artikolu 11

    Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi Stat Membru, fil-każ ta’ gvern maħtur ġdid, milli jaġġorna l-pjan baġitarju tiegħu ta’ terminu medju biex jirrifletti l-prijoritajiet politiċi ġodda tiegħu. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jindika d-differenzi mill-pjan baġitarju preċedenti u ta’ terminu medju l-ġdid.”;

    (12)

    it-titolu tal-Kapitolu VI huwa sostitwit bi: “TRASPARENZA FIL-FINANZI TAL-AMMINISTRAZZJONI PUBBLIKA”;

    (13)

    L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 12

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżura meħuda f’konformità mal-Kapitoli II, III u IV tkun konsistenti fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika u tkopri b’mod komprensiv dawn is-sottosetturi. Għal dan il-għan, b’mod partikolari l-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti regoli u proċeduri konsistenti tal-kontabbiltà mill-amministrazzjoni pubblika, u għandhom jaċċertaw l-integrità tas-sistemi tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data sottostanti tagħhom.”;

    (14)

    L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 14

    1.   Fil-qafas tal-proċessi baġitarji annwali u pluriennali, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar korpi u fondi li ma jagħmlux parti mill-baġits regolari iżda huma parti mill-amministrazzjoni pubblika, inkluż sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ukoll valuri li jikkorrispondu għall-impatt ikkombinat fuq il-bilanċi u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ dawk il-korpi u fondi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar l-impatt li l-nefqa tat-taxxa jkollha fuq id-dħul.

    3.   Għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar obbligazzjonijiet kontinġenti b’impatti potenzjalment kbar fuq il-budgets pubbliċi, inkluż garanziji tal-gvern, self improduttiv, u obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operat ta’ korporazzjonijiet pubbliċi, inkluż id-daqs tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ukoll, sa fejn possibbli, informazzjoni dwar obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mad-diżastri u mal-klima. L-informazzjoni ppubblikata għandha, sa fejn possibbli, tqis l-informazzjoni dwar l-ispejjeż fiskali mġarrba minħabba diżastri u xokkijiet relatati mal-klima. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-kapital ta’ korporazzjonijiet pubbliċi u privati fir-rigward ta’ ammonti ekonomikament sinifikanti.”;

    (15)

    L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 16

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2025 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-istat attwali ta’:

    (a)

    il-kontabbiltà pubblika mill-amministrazzjoni pubblika fl-Unjoni, filwaqt li jitqies il-progress li sar mill-valuazzjoni tagħha tal-2013 tal-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku għall-Istati Membri;

    (b)

    il-kapaċità u l-kompiti tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti fl-Unjoni, filwaqt li jitqies il-progress li sar mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, abbażi tas-sejbiet tal-Bażi tad-Data dwar il-Governanza Fiskali tal-Kummissjoni u konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti, bil-ħsieb li jiġu esplorati standards minimi.

    2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2030, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika eżami tal-effettività ta’ din id-Direttiva.”.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    3.   L-Istati Membri huma mħeġġa biex, għalihom u fl-interessi tal-Unjoni, ifasslu t-tabelli ta’ korrelazzjoni proprji li, kemm jista’ jkun, ser juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.

    4.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport interim ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri, li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2025.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ April 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. CLARINVAL


    (1)  Opinjoni tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

    (2)   ĠU C 290, 18.8.2023, p. 17.

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj)

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

    (8)   https://www.consilium.europa.eu/media/20399/st00tscg26_en12.pdf.

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top