Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L0825

    Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/64/2023/REV/1

    ĠU L, 2024/825, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/825/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/825/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/825

    6.3.2024

    DIRETTIVA (UE) 2024/825 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-28 ta’ Frar 2024

    li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Sabiex jingħata kontribut lill-funzjonament korrett tas-suq intern, abbażi ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, u sabiex isir progress f’dik li hija tranżizzjoni ekoloġika, huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet informati dwar ix-xiri u b’hekk jikkontribwixxu għal mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli. Dak jimplika li l-kummerċjanti għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu informazzjoni ċara, rilevanti u affidabbli. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiddaħħlu regoli speċifiċi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali żleali li jqarrqu bil-konsumaturi u jimpedulhom milli jagħmlu għażliet ta’ konsum sostenibbli, bħal prattiki assoċjati mal-obsolexxenza bikrija tal-oġġetti, asserzjonijiet ambjentali qarrieqa (“greenwashing”), informazzjoni qarrieqa dwar il-karatteristiċi soċjali tal-prodotti jew tan-negozji tal-kummerċjanti jew tikketti tas-sostenibbiltà li ma jkunux trasparenti u kredibbli. Dawk ir-regoli se jippermettu lill-korpi nazzjonali kompetenti jindirizzaw b’mod effikaċi tali prattiki. Jekk jiġi żgurat li l-asserzjonijiet ambjentali jkunu ġusti, komprensibbli u affidabbli, il-kummerċjanti jkunu jistgħu joperaw f’kundizzjonijiet ekwi u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu prodotti li huma ġenwinament aħjar għall-ambjent mill-prodotti li jikkompetu magħhom. Dan se jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni li twassal għal prodotti ambjentalment aktar sostenibbli, u b’hekk jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

    (2)

    Dawk ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li jiġu introdotti permezz tal-emendar tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward ta’ prattiki kummerċjali li jitqiesu li huma qarrieqa, u, għalhekk huma pprojbiti, abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ, u permezz tal-emendar tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, biż-żieda ta’ prattiki qarrieqa speċifiċi li huma meqjusa żleali f’kull ċirkostanza, u għalhekk huma pprojbiti. Kif diġà stabbilit fid-Direttiva 2005/29/KE, jenħtieġ li jibqa’ possibbli li jitqies li prattika kummerċjali tkun żleali abbażi tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ dik id-Direttiva, anki jekk dik il-prattika partikolari ma tkunx elenkata bħala prattika kummerċjali żleali fl-Anness I għad-Direttiva 2005/29/KE.

    (3)

    Sabiex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet informati aħjar u b’hekk iħeġġu d-domanda għal oġġetti aktar sostenibbli kif ukoll il-provvista tagħhom, jenħtieġ li ma jiġux mqarrqa fir-rigward tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew tal-aspetti marbuta maċ-ċirkolarità, bħad-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija jew ir-riċiklabbiltà, permezz tal-preżentazzjoni ġenerali ta’ prodott. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ, għalhekk, li jiġi emendat billi jiżdiedu l-karatteristiċi ambjentali u soċjali u l-aspetti marbuta maċ-ċirkolarità mal-lista tal-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott li fir-rigward tagħhom l-azzjonijiet ta’ kummerċjant jistgħu jitqiesu qarrieqa, wara valutazzjoni każ b’każ. L-informazzjoni pprovduta mill-kummerċjanti dwar il-karatteristiċi soċjali ta’ prodott matul il-katina tal-valur tiegħu tista’, pereżempju, tirrigwarda l-kwalità u l-ekwità tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema involuti, bħal pagi adegwati, protezzjoni soċjali, is-sikurezza tal-ambjent tax-xogħol u djalogu soċjali. Tali informazzjoni tista’ tirrelata ukoll mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, mat-trattament u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inklużi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-inklużjoni u d-diversità, mal-kontributi fl-inizjattivi soċjali jew mal-impenji etiċi, bħat-trattament xieraq tal-annimali. Il-karatteristiċi ambjentali u soċjali ta’ prodott jistgħu jinftiehmu li għandhom sens wiesgħa, li jinkludi l-aspetti, l-impatt u l-prestazzjoni ta’ prodott f’termini ambjentali u soċjali.

    (4)

    L-asserzjonijiet ambjentali, b’mod partikolari l-asserzjonijiet relatati mal-klima, qegħdin ikunu wkoll dejjem aktar relatati mal-prestazzjoni futura fil-forma ta’ tranżizzjoni lejn in-newtralità tal-karbonju jew tal-klima, jew objettiv simili, sa ċerta data. Permezz ta’ tali asserzjonijiet, il-kummerċjanti joħolqu l-impressjoni li l-konsumaturi jikkontribwixxu għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju billi jixtru l-prodotti tagħhom. Sabiex jiġu żgurati l-korrettezza u l-kredibbiltà ta’ tali asserzjonijiet, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jiġi emendat biex jipprojbixxi tali asserzjonijiet wara valutazzjoni każ b’każ, meta ma jkunux appoġġati minn impenji u miri ċari, oġġettivi, pubblikament disponibbli u verifikabbli, mogħtija mill-kummerċjant u stabbiliti fi pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat u realistiku li juri l-mod kif se jinkisbu dawk l-impenji u l-miri u li jalloka riżorsi għal dak il-għan. Dak il-pjan ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jinkludi l-elementi rilevanti neċessarji kollha biex jonora l-impenji, pereżempju riżorsi baġitarji u żviluppi teknoloġiċi, meta jkun il-każ u skont id-dritt tal-Unjoni. Tali asserzjonijiet jenħtieġ li jiġu vverifikati wkoll minn espert terz li jenħtieġ li jkun indipendenti mill-kummerċjant, mingħajr l-ebda kunflitt ta’ interessi, bl-esperjenza u b’kompetenza fil-kwistjonijiet ambjentali u li jenħtieġ li jkun jista’ jimmonitorja il-progress tal-kummerċjant regolarment fir-rigward tal-impenji u l-miri, inklużi l-istadji intermedji biex dawn jiksibhom. Il-kummerċjanti jenħtieġ li jiżguraw li s-sejbiet regolari tal-espert terz huma disponibbli għal konsumaturi

    (5)

    Prattika kummerċjali oħra potenzjalment qarrieqa li jmissha tiżdied mal-prattiki speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2005/29/KE hija r-reklamar ta’ benefiċċji lill-konsumaturi li huma irrilevanti u mhuma relatati direttament mal-ebda karatteristika ta’ dak il-prodott jew in-negozju speċifiku u li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi biex iġegħluhom jaħsbu li huma aktar vantaġġjużi għall-konsumaturi, għall-ambjent jew għas-soċjetà minn prodotti oħra jew minn negozji ta’ kummerċjanti oħra, pereżempju billi r-reklamar jasserixxi li ilma fil-fliexken ta’ ditta partikolari ma fihx glutina jew jasserixxi li l-folji tal-karti ma fihomx plastik.

    (6)

    It-tqabbil ta’ prodotti abbażi tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew tal-aspetti relatati maċ-ċirkolarità tagħhom, pereżempju d-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija jew ir-riċiklabbiltà, huwa teknika ta’ kummerċjalizzazzjoni dejjem aktar komuni li tista’ tqarraq bil-konsumaturi, li mhux dejjem jistgħu jivvalutaw l-affidabbiltà ta’ dik l-informazzjoni. Biex jiġi żgurat li tqabbil bħal dan ma jqarraqx bil-konsumaturi, jenħtieġ li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE jiġi emendat biex jirrikjedi li l-kummerċjanti jipprovdu konsumaturi bl-informazzjoni dwar il-metodu ta’ tqabbil, il-prodotti li jkunu l-oġġett ta’ tqabbil u l-fornituri ta’ dawn il-prodotti, u l-miżuri biex l-informazzjoni tinżamm aġġornata. Dan għandu jiżgura li l-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet tranżazzjonali informati aħjar meta joqgħodu fuq tali tqabbil. Jenħtieġ li jiġi żgurat li tali tqabbil ikun oġġettiv billi, b’mod partikolari, jitqabblu prodotti li jaqdu l-istess funzjoni, bl-użu ta’ metodu komuni u suppożizzjonijiet komuni, u jitqabblu l-karatteristiċi materjali u verifikabbli tal-prodotti mqabbla.

    (7)

    It-tikketti tas-sostenibbiltà jistgħu jirrigwardaw bosta karatteristiċi ta’ prodott, proċess jew negozju, u huwa essenzjali li jiġu żgurati t-trasparenza u l-kredibbiltà tagħhom. Għalhekk, il-wiri ta’ tikketti tas-sostenibbiltà li ma jkunux ibbażati fuq skema ta’ ċertifikazzjoni, jew li ma ġewx stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jkun ipprojbit billi tali prattiki jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE. Qabel ma tintwera tikketta tas-sostenibbiltà, il-kummerċjant jenħtieġ li jiżgura li, skont il-kundizzjonijiet, pubblikament disponibbli, tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni, tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi ta’ trasparenza u kredibbiltà, inkluża l-eżistenza ta’ monitoraġġ oġġettiv tal-konformità mar-rekwiżiti tal-iskema. Jenħtieġ li tali monitoraġġ isir minn parti terza li l-kompetenza u l-indipendenza tagħha kemm mis-sid tal-iskema kif ukoll mill-kummerċjant ikunu żgurati abbażi ta’ standards u proċeduri internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali, pereżempju billi tintwera l-konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti, bħal ISO 17065 “Conformity assessment – Requirements for bodies certifying products, processes and services” (Valutazzjoni tal-konformità – Rekwiżiti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi) jew permezz tal-mekkaniżmi previsti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Il-wiri tat-tikketti tas-sostenibbiltà jibqa’ possibbli mingħajr skema ta’ ċertifikazzjoni meta tali tikketti jkunu stabbiliti minn awtorità pubblika, jew meta forom addizzjonali ta’ espressjoni u preżentazzjoni tal-ikel jintużaw skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    Eżempji ta’ tikketti tas-sostenibbiltà stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi huma logos li jingħataw f’każ ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-Regolamenti (KE) Nru 1221/2009 (6) jew (KE) Nru 66/2010 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ċerti marki ta’ ċertifikazzjoni, kif definit fl-Artikolu 27 tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jistgħu wkoll jagħmluha ta’ tikketti tas-sostenibbiltà jekk jippromwovu prodott, proċess jew negozju fir-rigward, pereżempju, tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali tiegħu jew it-tnejn. Jenħtieġ li l-kummerċjant ikun jista’ jqiegħed għall-wiri tali marki ta’ ċertifikazzjoni biss jekk ikunu stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi jew ibbażati fuq skema ta’ ċertifikazzjoni. Dik ir-regola tikkomplementa l-Anness I, il-punt (4), tad-Direttiva 2005/29/KE, li jipprojbixxi li ssir asserzjoni li kummerċjant, il-prattiki kummerċjali ta’ kummerċjant jew prodott ikun ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat meta ma jkunx il-każ, jew li ssir asserzjoni bħal din mingħajr konformità mat-termini tal-approvazzjoni, l-appoġġ jew l-awtorizzazzjoni. L-istandards ibbażati fuq is-suq volontarji u l-istandards pubbliċi volontarji għall-bonds ekoloġiċi u sostenibbli ma jirrigwardawx prinċipalment lill-investitur fil-livell tal-konsumatur u huma suġġetti għal liġijiet speċifiċi. Għal dawk ir-raġunijiet, dawk l-istandards jenħtieġ li ma jitqisux li huma tikketti tas-sostenibbiltà skont din id-Direttiva. Huwa importanti li awtoritajiet pubbliċi jippromwovu, kemm jista’ jkun u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, miżuri maħsuba biex jaġevolaw l-aċċess għat-tikketti tas-sostenibbiltà għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju

    (8)

    F’każijiet fejn il-wiri ta’ tikketta tas-sostenibbiltà jinvolvi komunikazzjoni kummerċjali li tissuġġerixxi jew toħloq l-impressjoni li prodott għandu impatt pożittiv jew li għandu impatt żero fuq l-ambjent, jew li huwa inqas ta’ ħsara għall-ambjent minn prodotti kompetituri, dik it-tikketta tas-sostenibbiltà jenħtieġ ukoll tikkostitwixxi asserzjoni ambjentali.

    (9)

    L-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jiġi emendat biex tiġi pprojbita asserzjoni ambjentali ġenerika mingħajr prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta li tkun rilevanti għall-asserzjoni. Eżempji ta’ asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi jinkludu dikjarazzjonijiet bħal “favur l-ambjent”, “ekokompatibbli”,“ambjentali”, “ħbieb tan-natura”, “ekoloġiċi”, “ambjentalment korretti”, “favur il-klima”, “favur l-ambjent”, “favur il-karbonju”, “effiċjenti fl-użu tal-enerġija”, “bijodegradabbli”, “b’bażi bijoloġika” jew dikjarazzjonijiet simili li jissuġġerixxu jew joħolqu l-impressjoni ta’ prestazzjoni ambjentali eċċellenti. Tali asserzjonijiet ambjentali ġeneriċi jenħtieġ li jiġu pprojbiti meta ma tkunx tista’ tintwera prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta. Kull meta l-ispeċifikazzjoni tal-asserzjoni ambjentali tingħata f’termini ċari u prominenti fuq l-istess mezz, bħall-istess post tar-reklamar, l-imballaġġ tal-prodott jew l-interfaċċa tal-bejgħ online, l-asserzjoni ambjentali ma titqiesx li hija asserzjoni ambjentali ġenerika. Pereżempju, l-asserzjoni “imballaġġ li ma jagħmilx ħsara lill-klima” tkun asserzjoni ġenerika, filwaqt li jekk tiddikjara li “100 % tal-enerġija użata biex jiġi prodott dan l-imballaġġ jiġi minn sorsi rinnovabbli” tkun asserzjoni speċifika, li ma tkunx taqa’ taħt din il-projbizzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2005/29/KE li jibqgħu japplikaw għal dawk l-asserzjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, asserzjoni li ssir bil-miktub jew bil-fomm flimkien ma’ asserzjonijiet impliċiti bħal kuluri jew stampi jaf tikkostitwixxi asserzjoni ambjentali ġenerika.

    (10)

    Prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta tista’ tintwera permezz ta’ konformità mar-Regolament (KE) Nru 66/2010 jew ma’ skemi ta’ ekotikkettar EN ISO 14024 rikonoxxuti uffiċjalment fl-Istati Membri, jew billi tikkorrispondi mal-prestazzjoni ambjentali għal karatteristika ambjentali speċifika f’konformità ma’ liġijiet applikabbli oħra tal-Unjoni, bħal klassi A skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Il-prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta inkwistjoni jenħtieġ li tkun rilevanti għall-asserzjoni kollha kemm hi. Pereżempju, asserzjoni ambjentali ġenerika bħal “effiċjenti fl-enerġija” tista’ ssir abbażi ta’ prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta skont ir-Regolament (UE) 2017/1369. B’kuntrast ma’ dan, asserzjoni ambjentali ġenerika bħal “bijodegradabbli” ma tistax issir abbażi ta’ prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonuxxuta f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 66/2010, sakemm ma jkunx hemm rekwiżiti għall-bijodegradabbiltà fil-kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE relatati mal-prodott inkwistjoni. Bl-istess mod, jenħtieġ li kummerċjant ma jagħmilx asserzjoni ġenerika bħal “konxju/a/i”, “sostenibbli” jew “responsabbli” esklużivament abbażi ta’ prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta, għax tali asserzjonijiet jirrigwardaw karatteristiċi oħra minbarra l-karatteristiċi ambjentali, pereżempju l-karatteristiċi soċjali.

    (11)

    Prattika kummerċjali qarrieqa oħra li jenħtieġ li tiġi pprojbita fiċ-ċirkostanzi kollha u li għalhekk żdiedet mal-lista tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE hija li ssir asserzjoni ambjentali dwar il-prodott kollu jew in-negozju kollu tal-kummerċjant meta din tkun tikkonċerna biss ċertu aspett tal-prodott jew attività speċifika mhux rappreżentattiva tan-negozju tal-kummerċjant. Dik il-projbizzjoni tkun tapplika, pereżempju, meta prodott jiġi kkummerċjalizzat bħala “materjal riċiklat” li jagħti l-impressjoni li l-prodott sħiħ huwa magħmul minn materjal riċiklat, meta l-imballaġġ biss ikun magħmul minn materjal riċiklat, jew meta kummerċjant jagħti l-impressjoni li juża biss sorsi tal-enerġija rinnovabbli meta fil-fatt diversi faċilitajiet tan-negozju tal-kummerċjant ikunu għadhom jużaw fjuwils fossili. Għaldaqstant, jenħtieġ li il-projbizzjoni ma timpedix li kummerċjant jagħmel asserzjonijiet ambjentali dwar in-negozju kollu tiegħu, dment li dawk l-asserzjonijiet ikunu eżatti u verifikabbli u li ma jenfasizzawx wisq il-benefiċċju għall-ambjent, bħalma jkun il-każ fit-tieni minn dawk l-eżempji, jekk dak in-negozjant kellu jirrapporta tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili għan-negozju tiegħu kollu kemm hu.

    (12)

    Huwa partikolarment importanti li jiġi pprojbit li jsiru asserzjonijiet, ibbażati fuq kumpens għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li prodott, sew jekk oġġett jew servizz ikollu impatt newtrali, imnaqqas jew pożittiv fuq l-ambjent f’termini ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra. Tali asserzjonijiet jenħtieġ li jkunu pprojbiti fiċ-ċirkostanzi kollha u jiżdiedu mal-lista fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE inkwantu jqarrqu bil-konsumaturi billi jġegħluhom jaħsbu li tali asserzjonijiet jirrigwardaw il-prodott innifsu jew għall-provvista u l-produzzoni ta’ tali prodott, jew jagħtu l-impressjoni falza lill-konsumaturi li l-konsum ta’ dak il-prodott ma għandux impatt fuq l-ambjent. Eżempju ta’ tali asserzjonijiet huma, “klimatikament newtrali”, “iċċertifikat li newtrali f’termini ta’ CO2”, “pożittiv f’termini tal-karbonju”, “newtrali f’termini ta’ klima”, “klimatikament ikkumpensat”, “b’impatt imnaqqas fuq il-klima” u “impronta limitata tal-karbonju”. Tali asserzjonijiet jenħtieġ li jkunu awtorizzati biss meta jkunu bbażati fuq l-impatt reali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott inkwistjoni, u ma jkunux ibbażati fuq il-kumpens għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra barra mill-katina tal-valur tal-prodott, inkwantu dawn iż-żewġ elementi mhumiex ekwivalenti. Jenħtieġ li tali projbizzjoni ma timpedix lill-kumpaniji milli jirreklamaw l-investimenti tagħhom fl-inizjattivi ambjentali, fosthom proġetti ta’ kreditu ta’ karbonju, dment li jagħtu tali informazzjoni b’tali mod li ma tqarraqx u li tirrispetta r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.

    (13)

    Rekwiżiti addizzjonali dwar l-asserzjonijiet ambjentali se jkollhom jiġu stabbiliti f’atti legali speċifiċi tal-Unjoni. Dawk ir-rekwiżiti l-ġodda se jikkontribwixxu għall-objettiv tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew li jippermetti lix-xerrejja jieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli u jnaqqsu r-riskju ta’ greenwashing permezz ta’ informazzjoni affidabbli, komparabbli u verifikabbli.

    (14)

    Il-kummerċjalizzazzjoni fl-Istati Membri kollha ta’ oġġetti bħala identiċi meta fir-realtà jkunu differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew fil-karatteristiċi li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi u jwassluhom biex jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali li kieku ma kinux jieħdu f’sitwazzjoni oħra. Tali prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni huma espressament indirizzati fl-Artikolu 6(2), il-punt (c), tad-Direttiva 2005/29/KE, introdott mid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li l-Istati Membri kellhom japplikaw mit-28 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni, fl-2024, se tivvaluta l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161, inkluż l-Artikolu 6(2), il-punt (c), tad-Direttiva 2005/29/KE, u tirrapporta dwarhom, kif ukoll jekk dawk il-prattiċi jenħtieġ li jkunu suġġetti għal rekwiżiti aktar strinġenti, inkluża l-projbizzjoni fl-Anness I. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet il-ġodda kontra l-prattiki ta’ greenwashing li jinsabu f’din id-Direttiva japplikaw ukoll meta verżjonijiet tal-istess prodott jiġu kkummerċjalizzati bħala identiċi fi Stati Membri differenti minkejja li għandhom differenzi sinifikanti tagħhom kif imsemmija fl-Artikolu 6(2), il-punt (c), tad-Direttiva 2005/29/KE.

    (15)

    Il-preżentazzjoni tar-rekwiżiti li huma imposti mil-liġi fuq il-prodotti kollha fil-kategorija ta’ prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni, inklużi l-prodotti importati, bħala karatteristika distintiva tal-offerta tal-kummerċjant, jenħtieġ li tiġi pprojbita f’kull ċirkostanza u għaldaqstant miżjuda mal-lista fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE. Jenħtieġ li din il-projbizzjoni tapplika, pereżempju, meta kummerċjant jirreklama prodott partikolari bħala li ma jkunx fih sustanza kimika speċifika meta din is-sustanza tkun diġà pprojbita mil-liġi għall-prodotti kollha f’dik il-kategorija ta’ prodotti fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ma għandhiex tkopri prattiki kummerċjali li jippromwovu l-konformità tal-kummerċjanti jew tal-prodotti ma’ rekwiżiti legali li japplikaw biss għal xi prodotti iżda mhux għal prodotti kompetituri oħra tal-istess kategorija fis-suq tal-Unjoni, bħal prodotti ta’ oriġini mhux mill-UE. Jista’ jkun il-każ li ċerti prodotti fis-suq ikunu meħtieġa li jirrispettaw ċerti rekwiżiti legali filwaqt li prodotti oħra fl-istess kategorija ta’ prodotti ma jkunux meħtieġa jirrispettaw dawk ir-rekwiżiti. Pereżempju, fir-rigward tal-prodotti tas-sajd li jkunu prodotti b’mod sostenibbli skont il-liġi tal-Unjoni, jista’ jkun permess li jiġu rreklamati l-karatteristiċi tas-sostenibbiltà ta’ dawk il-prodotti li jirrispettaw ir-rekwiżiti legali tal-Unjoni, jekkprodotti tas-sajd ta’ oriġini ta’ pajjiżi terzi offruti fis-suq tal-Unjoni u ma jkunux meħtieġa jirrispettaw dawk ir-rekwiżiti legali tal-Unjoni.

    (16)

    Sabiex jittejjeb il-benessri tal-konsumaturi, l-emendi għad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jindirizzaw ukoll diversi prattiki assoċjati mal-obsolexxenza bikrija, inklużi prattiki ta’ obsolexxenza bikrija ppjanata, mifhuma bħala politika kummerċjali li tinvolvi l-ippjanar jew it-tfassil deliberat ta’ prodott b’ħajja limitata sabiex qabel iż-żmien isir obsolet jew mhux funzjonali wara ċertu perjodu jew wara intensità predeterminata ta’ użu. Ix-xiri ta’ prodotti li l-konsumaturi jippretendu li jdumu jservu aktar milli jservu jikkawża detriment lill-konsumatur. Barra minn hekk, il-prattiki ta’ obsolexxenza bikrija għandhom impatt negattiv ġenerali fuq l-ambjent fil-forma ta’ żieda ta’ skart u użu miżjud ta’ enerġija u materjali. Għalhekk, l-indirizzar tal-informazzjoni relatata mal-prattiki ta’ obsolexxenza bikrija x’aktarx li jnaqqas ukoll l-ammont ta’ skart, u b’hekk jikkontribwixxi għal konsum aktar sostenibbli.

    (17)

    Jenħtieġ li jkun ipprojbit ukoll, skont l-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE, li lill-konsumaturi ma tiġix ikkomunikata l-informazzjoni dwar il-fatt li aġġornament tas-software se jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament ta’ oġġetti b’elementi diġitali jew l-użu ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali. B’mod ġenerali, il-kummerċjanti responsabbli mill-iżvilupp tal-aġġornamenti tas-software huma mistennija li jkollhom tali informazzjoni, filwaqt li f’każijiet oħra l-kummerċjanti jistgħu jafdaw fuq informazzjoni affidabbli mogħtija, pereżempju, mill-iżviluppaturi tas-software, mill-fornituri tas-software jew mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Pereżempju, meta jistieden lill-konsumaturi jaġġornaw is-sistema operattiva fuq l-ismartphone tagħhom, il-kummerċjant jenħtieġ li ma jaħbix l-informazzjoni mill-konsumatur li tali aġġornament se jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament ta’ kwalunkwe waħda mill-karatteristiċi tal-ismartphone, bħall-batterija, il-prestazzjoni ta’ ċerti applikazzjonikazzjonijiet jew se jikkawża tnaqqis komplut fir-reattività tal-ismartphone. Il-projbizzjoni jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe aġġornament, inklużi l-aġġornamenti tas-sigurtà u tal-funzjonalità. Fil-każ tal-aġġornamenti, inklużi l-aġġornamenti tas-sigurtà, li huma neċessarji biex jinżammu l-kontenut diġitali u s-servizz diġitali tajba f’konformità, jenħtieġ li japplikaw ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2019/771 (12). Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/770.

    (18)

    L-aġġornamenti tas-software li jkunu aġġornamenti tas-sigurtà huma neċessarji għall-użu sigur tal-prodott filwaqt li l-aġġornamenti relatati mat-titjib tal-karatteristiċi ta’ funzjonalità mhumiex. Għaldaqstant, id-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li tipprojbixxi l-preżentazzjoni ta’ aġġornament tas-software bħala neċessarju biex il-prodott jinżamm f’konformità meta tali aġġornament jtejjeb biss il-karatteristiċi ta’ funzjonalità.

    (19)

    Il-komunikazzjonijiet kummerċjali għal oġġetti li fihom karatteristika introdotta biex tillimita d-durabbiltà tagħhom jikkostitwixxu prattika kummerċjali li tagħmel ħsara lill-konsumaturi u lill-ambjent inkwantu jinkoraġġixxu l-bejgħ ta’ tali oġġetti li jwassal għal kostijiet ogħla għall-konsumaturi u għal użu mhux neċessarju ta’ riżorsi, produzzjoni ta’ skart u emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għaldaqstant, kwalunkwe tali komunikazzjoni kummerċjali jenħtieġ li tkun ipprojbita meta l-informazzjoni dwar il-karatteristika u l-effetti tagħha fuq id-durabbiltà tal-oġġett ikunu disponibbli għall-kummerċjant. Eżempji ta’ karatteristika bħal din tista’ tkun software li jwaqqaf jew li jbaxxi l-livell tal-funzjonalità tal-oġġett wara perjodu ta’ żmien partikolari, jew biċċa hardware li tkun iddisinjata biex tieqaf taħdem wara perjodu partikolari. Tista’ tkun ukoll difett fid-disinn jew fil-manifattura li, minkejja li jkunx introdott bħala karatteristika għal dak l-iskop, iwassal għal ħsara prematura tal-oġġett, jekk ma jissewwiex ladarba l-informazzjoni dwar l-eżistenza u l-effett tal-karatteristika ssir disponibbli għall-kummerċjant. Fil-kuntest ta’ dik il-projbizzjoni, il-komunikazzjonijiet kummerċjali jinkludu l-komunikazzjonijiet maħsuba biex jippromwovu, direttament jew indirettament, l-oġġetti. Il-manifattura ta’ oġġetti u l-fatt li dawn isiru disponibbli fis-suq ma jikkostitwux komunikazzjonijiet kummerċjali. Dik il-projbizzjoni jenħtieġ li tkopri prinċipalment lill-kummerċjanti li huma wkoll produtturi tal-oġġetti, peress li huma jiddeterminaw id-durabbiltà tal-oġġetti.

    Għaldaqstant, b’mod ġenerali, meta oġġett jiġi identifikat li fih karatteristika li tillimita d-durabbiltà, il-produttur ta’ dak l-oġġett jenħtieġ li jkun mistenni li jkun jaf b’dik il-karatteristika u bl-effetti tagħha fuq id-durabbiltà ta’ dak l-oġġett. Madankollu, jenħtieġ li dik id-dispożizzjoni tkun immirata lejn kummerċjanti li mhumiex il-produtturi tal-oġġetti, bħall-bejjiegħa, meta informazzjoni affidabbli tkun disponibbli għalihom dwar il-karatteristika u l-effetti tagħha fuq id-durabbiltà, pereżempju stqarrija tal-awtorità nazzjonali kompetenti jew informazzjoni fornuta mill-produttur. Għaldaqstant, malli l-informazzjoni tkun disponibbli għall-kummerċjant, il-projbizzjoni jenħtieġ li tapplika indipendentement minn jekk il-kummerċjant ikunx effettivament jaf jew le b’dik l-informazzjoni, pereżempju billi jinjoraha. Sabiex prattika kummerċjali bħal din titqies żleali, jenħtieġ li ma jkunx neċessarju jintwera li l-għan tal-karatteristika jkun l-inkoraġġiment tas-sostituzzjoni tal-oġġett rispettiv, iżda jkun biżżejjed li jintwera bil-provi li l-karatteristika ġiet introdotta biex tillimita d-durabbiltà tal-oġġett. Din il-projbizzjoni tikkomplementa u hija mingħajr preġudizzju għar-rimedji għad-dispożizzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità skont id-Direttiva (UE) 2019/771. Jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-użu ta’ karatteristiċi li jillimitaw id-durabbiltà tal-oġġetti u l-prattiki tal-manifattura li jużaw materjali jew proċessi ta’ kwalità ġenerali baxxa li jirriżultaw f’durabbiltà limitata tal-oġġetti. In-nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett li jirriżulta mill-użu ta’ materjali jew proċessi ta’ kwalità baxxa jenħtieġ li jibqa’ jiġi rregolat mir-regoli dwar il-konformità tal-oġġetti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/771.

    (20)

    Prattika oħra li jenħtieġ li tiġi pprojbita skont l-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE hija l-prattika li jiġi ddikjarat b’mod falz li oġġett għandu ċerta durabbiltà f’termini ta’ żmien għall-użu jew intensità f’kundizzjonijiet normali tal-użu. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta kummerċjant jinforma lill-konsumaturi li magna tal-ħasil mistennija li sservi ċertu numru ta’ ċikli tal-ħasil, skont l-użu normali mistenni indikat fl-istruzzjonijiet, meta l-użu effettiv tal-magna tal-ħasil, skont il-kundizzjonijiet preskritti, juri li dak ma jkunx il-każ. Tali asserzjonijiet isiru l-aktar mill-produtturi billi huma jiddeterminaw id-durabbiltà tal-oġġetti. Għaldaqstant, b’mod ġenerali, il-kummerċjanti li jkunu wkoll il-produtturi taloġġetti huma mistennija jkunu jafu bl-asserzjonijiet foloz rigward id-durabbiltà tal-oġġetti, filwaqt li kummerċjanti oħra bħall-bejjiegħa, jenħtieġ li jafdaw fuq l-informazzjoni affidabbli għad-dispożizzjoni tagħhom, pereżempju abbażi ta’ stqarrija ta’ awtorità nazzjonali kompetenti jew tal-informazzjoni fornuta mill-produttur. In-nuqqas ta’ konformità ta’ oġġett li jirriżulta minn difetti okkażjonali fil-manifattura ta’ oġġett jenħtieġ li jibqa’ jiġi rregolat mir-regoli dwar il-konformità tal-oġġetti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/771.

    (21)

    Bl-istess mod, jenħtieġ li l-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE jiġi emendat ukoll biex jipprojbixxi li l-prodotti jiġu ppreżentati bħala li jistgħu jissewwew meta dan ma jkunx possibbli.

    (22)

    Il-projbizzjoni ta’ dawk il-prattiki fir-rigward tad-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija fid-Direttiva 2005/29/KE tipprovdi lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-Istati Membri b’għodda ta’ infurzar addizzjonali għal protezzjoni aħjar tal-interessi tal-konsumaturi fil-każijiet li fihom il-kummerċjanti jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti skont il-liġi tal-Unjoni speċifika għall-prodott.

    (23)

    Prattika oħra assoċjata mal-obsolexxenza bikrija li jenħtieġ li tiġi pprojbita u li tiżdied mal-lista fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE hija li l-konsumatur jiġi mħajjar jissostitwixxi jew jirreintegra l-partijiet konsumabbli ta’ prodott aktar kmieni milli jkun altrimenti meħtieġ għal raġunijiet tekniċi. Tali prattiki jqarrqu bil-konsumatur biex jemmen li l-oġġetti mhux se jibqgħu jiffunzjonaw sakemm il-partijiet konsumabbli tagħhom ma jiġux sostitwiti, u b’hekk iwasslu lill-konsumatur biex jixtri aktar partijiet konsumabbli milli meħtieġ. Pereżempju, il-prattika li l-konsumatur jiġi mħeġġeġ, permezz tas-settings tal-istampatur, biex jissostitwixxi l-iskrataċ tal-linka tal-istampatur qabel ma jkunu effettivament vojta biex jiġi stimulat ix-xiri ta’ skrataċ tal-linka addizzjonali jenħtieġ li tkun ipprojbita.

    (24)

    L-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE jenħtieġ li jiġi emendat ukoll biex ikun ipprojbit in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-konsumatur dwar l-impediment tal-funzjonalità ta’ oġġett meta jintużaw partijiet konsumabbli, spare parts jew aċċessorji li ma jkunux ipprovduti mill-produttur oriġinali. Pereżempju, jekk stampatur ikun iddisinjat b’ tali mod li l-funzjonalità tiegħu tiġi limitata meta jintużaw skrataċ tal-linka mhux ipprovduti mill-produttur oriġinali tal-istampatur, dik l-informazzjoni jenħtieġ li ma tkunx moħbija mill-konsumatur għax tali prattika tista’ tqarraq bil-konsumatur b’tali mod li jixtri skartoċċ tal-linka alternattiv li ma jkunx jista’ jintuża għal dak l-istampatur, b’hekk jinħolqu flussi tal-iskart mhux meħtieġa jew spejjeż addizzjonali għall-konsumatur. Bl-istess mod, jekk apparat intelliġenti jkun iddisinjat b’tali mod li l-funzjonalità tiegħu tiġi limitata meta jintużaw ċarġers jew spare parts li ma jkunux ipprovduti mill-produttur oriġinali, dik l-informazzjoni jenħtieġ li ma tkunx moħbija mill-konsumatur fil-waqt tax-xiri. Jenħtieġ li jiġi pprojbit ukoll li l-konsumatur jiġi mqarraq biex ikun mġiegħel jaħseb li l-użu tal-partijiet konsumabbli, spare parts jew aċċessorji mhux fornuti mill-produttur oriġinali ser jimpedixxi l-funzjonalità ta’ oġġett meta dan ma jkunx il-każ. B’mod ġenerali, il-kummerċjanti li jkunu wkoll il-produtturi tal- oġġetti huma mistennija li jkollhom dik l-informazzjoni, filwaqt li kummerċjanti oħra, bħall-bejjiegħa, jenħtieġ li jafdaw fuq l-informazzjoni affidabbli għad-dispożizzjoni tagħhom, pereżempju abbażi ta’ stqarrija ta’ awtorità nazzjonali kompetenti jew tal-informazzjoni fornuta mill-produttur.

    (25)

    Sabiex il-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet informati aħjar u jħeġġu d-domanda għal oġġetti aktar durabbli, kif ukoll il-provvista tagħhom, jenħtieġ li tingħata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija ta’ prodott għat-tipi kollha ta’ oġġetti qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali, kontenut diġitali u servizzi diġitali, il-konsumaturi jenħtieġ li jiġu informati dwar il-perjodu li matulu jkunu disponibbli aġġornamenti tas-software mingħajr ħlas. Għaldaqstant, id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jenħtieġ li tiġi emendata biex tipprovdi lill-konsumaturi bl-informazzjoni prekuntrattwali dwar id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija u d-disponibbiltà ta’ aġġornamenti. Jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata lill-konsumaturi b’mod ċar u li jinftiehem u f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). L-obbligu li tingħata din l-informazzjoni lill-konsumaturi jikkomplementa d-drittijiet tal-konsumaturi previsti fid-Direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771 u huwa mingħajr preġudizzju għalihom.

    (26)

    Indikatur tajjeb tad-durabbiltà ta’ oġġett huwa l-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/771. Il-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur tikkostitwixxi impenn min-naħa tal-produttur fil-konfront tal-konsumatur rigward id-durabbiltà ta’ oġġett. B’mod aktar speċifiku tirrappreżenta impenn li l-oġġett se jżomm il-funzjonijiet u l-prestazzjonijiet meħtieġa tiegħu waqt li jkun qed jintuża normalment. Bil-għan li l-konsumaturi jiġu infurmati bil-fatt li garanzija ta’ durabbiltà hija offruta għal oġġett partikolari, jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiġi fornuta lill-konsumatur bl-użu ta’ tikketta armonizzata. Jenħtieġ li l-kummerċjanti li jbigħu l-oġġetti jkunu meħtieġa, fejn il-produttur jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-kummerċjant, jinformaw lill-konsumaturi bl-eżistenza u bid-durata ta’ kwalunkwe garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà, offruta mill-produttur mingħajr kostijiet addizzjonali, li tkopri l-oġġett kollu kemm hu, u b’durata ta’ aktar minn sentejn. Il-kummerċjant jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ ifittex b’mod attiv tali informazzjoni mill-produttur, pereżempju, billi jfittex fuq is-siti web speċifiċi għall-prodott. Bil-għan li jiġi evitat li l-konsumaturi jitfixklu bejn il-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà u l-garanzija legali ta’ konformità, jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu mfakkra fuq it-tikketta armonizzata li jibbenefikaw ukoll minn garanzija legali ta’ konformità.

    (27)

    Ir-rapporti ta’ dan l-aħħar urew li l-konsumaturi spiss ma jkunux konxji tad-drittijiet legali tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2019/771. Għaldaqstant, avviż armonizzat jenħtieġ li jfakkar lill-konsumaturi bl-eżistenza u bl-elementi ewlenin tal-garanzija legali ta’ konformità, inkluż id-durata minima tagħha ta’ sentejn u b’referenza ġenerali għall-possibbiltà li d-durata tal-garanzija legali ta’ konformità tista’ tkun itwal skont il-liġi nazzjonali. Dan jevita il-possibblità ta’ tfixkil bl-informazzjoni dwar il-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà.

    (28)

    Jenħtieġ li t-tikketta armonizzata tkun għall-wiri b’mod evidenti u użata b’tali mod li tippermetti lill-konsumaturi jidentifikaw faċilment liema oġġett partikolari jibbenefika minn garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà offruta mingħajr kostijiet addizzjonali, li tkopri l-oġġett kollu kemm hu, u b’durata ta’ aktar minn sentejn, pereżempju billi t-tikketta titqiegħed direttament fuq l-imballaġġ ta’ oġġett partikolari, billi t-tikketta tkun għall-wiri b’mod evidenti fuq l-ixkaffa fejn ikunu jinsabu l-oġġetti koperti minn tali garanzija, jew billi titqiegħed direttament ħdejn l-istampa tal-oġġett Fil-każ ta’ bejgħ online. Il-produtturi li joffru tali garanziji kummerċjali ta’ durabbiltà jistgħu huma stess iqiegħdu t-tikketta armonizzata direttament fuq l-oġġett partikolari jew fuq l-imballaġġ tiegħu, bil-għan li jgawdu minn vantaġġ kummerċjali. Il-kummerċjanti jenħtieġ li jiżguraw li t-tikketta armonizzata tkun viżibbli b’mod ċar. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-avviż armonizzat ifakkar b’mod ġenerali lill-konsumaturi bil-garanzija legali ta’ konformità applikabbli għall-oġġett kollha skont id-Direttiva (UE) 2019/771. L-avviż armonizzat jenħtieġ li jkun għall-wiri b’mod evidenti, pereżempju bħala kartellun li jattira l-attenzjoni mdendel mal-ħajt f’ħanut, ħdejn il-bank tal-kaxxiera jew, fil-każijiet ta’ bejgħ online, imqiegħed bħala tfakkira ġenerali fuq is-sit web tal-kummerċjanti li jbigħ l-oġġetti.

    (29)

    Jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tad-disinn u tal-kontenut tat-tikketta armonizzata u tal-avviż armonizzat. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

    (30)

    Fid-dawl tad-durata minima ta’ sentejn tal-garanzija legali ta’ konformità kif previst fid-Direttiva (UE) 2019/771 u l-fatt li ħafna ħsarat fil-prodotti jseħħu wara dik id-durata, l-obbligu tal-kummerċjant li jinforma lill-konsumaturi bl-eżistenza u bid-durata tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur permezz ta’ tikketta armonizzata jenħtieġ li japplika biss għal garanziji kummerċjali ta’ durabbiltà li jkunu offruti għal perjodu itwal minn sentejn. Barra minn hekk, it-tikketta armonizzata jenħtieġ li tfakkar ukoll lill-konsumaturi bl-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità.

    (31)

    Sabiex ikun aktar faċli għall-konsumaturi li jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali informata meta jqabblu l-oġġetti qabel ma jikkonkludu kuntratt, il-kummerċjanti jenħtieġ li jinformaw lill-konsumaturi bl-eżistenza u bid-durata tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur għall-oġġett kollu u mhux għal komponenti speċifiċi tal-oġġett.

    (32)

    Il-produttur u l-bejjiegħ jenħtieġ li jibqgħu liberi li joffru tipi oħra ta’ garanziji kummerċjali u servizzi ta’ wara l-bejgħ. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur dwar garanziji jew servizzi kummerċjali oħra jenħtieġ li ma tfixkilx lill-konsumatur fir-rigward tal-eżistenza u d-durata tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà offruta mingħajr kostijiet addizzjonali mill-produttur, li tkopri l-oġġett kollu u b’durata ta’ aktar minn sentejn, u li għalija tintuża tikketta armonizzata.

    (33)

    Sabiex il-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet informati aħjar u tiġi promossa l-kompetizzjoni bejn il-produtturi fir-rigward tad-durabbiltà tal-oġġetti b’elementi diġitali, il-kummerċjanti li jbigħu dawk l-oġġetti jenħtieġ li jinformaw lill-konsumaturi bil-perjodu minimu li matulu l-produttur jintrabat li jipprovdi aġġornamenti tas-software għal tali oġġetti kemm jekk jiġi espress bħala perjodu ta’ żmien jew b’referenza għal data. Bl-istess mod, il-kummerċjanti li joffru kontenut diġitali u servizzi diġitali jenħtieġ li jinformaw ukoll lill-konsumaturi bil-perjodu minimu li matulu l-fornitur tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jintrabat li jipprovdi aġġornamenti tas-software, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, neċessarji biex il-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali jinżammu f’konformità. Dan l-obbligu jenħtieġ li jiżgura li l-konsumaturi jirċievu din l-informazzjoni b’mod sempliċi u ċar u tħallihom iqabblu l-perjodi minimi differenti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-Direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771 u, meta applikabbli, il-liġi tal-Unjoni speċifika għall-prodott. L-informazzjoni dwar l-aġġornamenti tas-software jenħtieġ li tingħata b’tali mod li ma tkunx qarrieqa skont id--Direttiva 2005/29/KE. Jenħtieġ li l-kummerċjant ikun obbligat jagħti din l-informazzjoni biss meta l-produttur jew il-fornitur ikun qiegħed tali informazzjoni għad-dispożizzjoni.

    (34)

    Skont l-Artikolu 5(1), il-punt (e), u l-Artikolu 6(1), il-punt (m), tad-Direttiva 2011/83/UE, qabel ma l-konsumaturi jintrabtu b’kuntratt, il-kummerċjanti huma obbligati jagħtu lill-konsumaturi l-informazzjoni dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ, inklużi servizzi ta’ tiswija, meta tali servizzi jkunu fornuti. Barra minn hekk, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni tranżazzjonali informata u jagħżlu oġġetti li jkunu aktar faċli biex jissewwew, jenħtieġ li l-kummerċjanti, fejn applikabbli, jipprovdu, qabel il-konsumaturi jintrabtu bil-kuntratt„ il-punteġġ għat-tiswija għall-oġġett kif ipprovdut mill-produttur u kif stabbilit fil-livell tal-Unjoni.

    (35)

    Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu informati tajjeb dwar il-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti li jixtru, fejn punteġġ għat-tiswija ma jkunx stabbilit fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-kummerċjanti jipprovdu informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija li tkun magħmula disponibbli mill-produttur, bħal informazzjoni dwar id-disponibbiltà, l-istima tal-prezz u l-proċedura għall-ordni ta’ spare parts li huma neċessarji biex l-oġġetti jinżammu f’konformità, dwar id-disponibbiltà tal-istruzzjonijiet relatati mat-tiswija u mal-manutenzjoni kif ukoll dwar ir-restrizzjonijiet relatati mat-tiswija.

    (36)

    Il-kummerċjanti jenħtieġ li jipprovdu lill-konsumaturi t-tikketta armonizzata, l-informazzjoni dwar il-perjodu minimu għall-aġġornamenti u l-informazzjoni dwar it-tiswija għajr il-punteġġ għat-tiswija, meta l-produttur jew il-fornitur tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, meta jkun differenti mill-kummerċjant, jagħmel l-informazzjoni rilevanti disponibbli. B’mod partikolari, fir-rigward tal-oġġetti, il-kummerċjant jenħtieġ li jgħaddi lill-konsumaturi l-informazzjoni li l-produttur ikun ipprovda lill-kummerċjant jew li b’xi mod ieħor kellu l-ħsieb li jagħmel disponibbli għall-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, billi jindikaha fuq il-prodott innifsu, fuq l-imballaġġ jew it-tabelli jew t-tikketti tiegħu li l-konsumatur normalment jikkonsulta qabel ma jikkonkludi l-kuntratt. Il-kummerċjant jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ ifittex b’mod attiv tali informazzjoni mill-produttur, pereżempju, billi jfittex fuq is-siti web speċifiċi għall-prodott. Fl-istess ħin, ikun fl-interess tal-produtturi li jipprovdu b’mod proattiv tali informazzjoni biex igawdu minn vantaġġ kummerċjali.

    (37)

    Jenħtieġ li l-kummerċjanti, meta jkun il-każ, jinfurmaw lill-konsumaturi bid-disponibbiltà ta’ għażliet ta’ kunsinna favur l-ambjent, bħall-kunsinna ta’ oġġetti permezz ta’ cargo bikes jew vetturi elettriċi tal-kunsinni jew bil-possibbiltà l-kunsinni jiġu raggruppati.

    (38)

    Jekk kuntratt mill-bogħod li se jiġi konkluż b’mezzi elettroniċi jimponi lill-konsumatur l-obbligu li jħallas, il-kummerċjant jenħtieġ li jgħarraf ukoll lill-konsumatur bit-tikketta armonizzata, kull meta tkun fornuta, b’mod ċar u evidenti, u immedjatament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni biex jiżgura li l-konsumatur ikun qies dik l-informazzjoni.

    (39)

    Id-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE jkomplu jaħdmu bħala “xibka ta’ sikurezza” li tiżgura li jkun jista’ jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fis-setturi kollha, billi tikkomplementa l-liġi tal-Unjoni speċifika għas-settur u għall-prodott li tipprevali f’każ ta’ kunflitt.

    (40)

    Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri, li tippermetti deċiżjonijiet tranżazzjonali informati aħjar mill-konsumaturi biex tippromwovi konsum sostenibbli, li telimina prattiki li jikkawżaw ħsara lill-ekonomija sostenibbli u jbiegħdu lill-konsumaturi mill-għażliet ta’ konsum sostenibbli, u li tiżgura applikazzjoni aħjar u konsistenti tal-qafas legali tal-Unjoni għall-konsumatur, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba li n-natura tal-problema tinsab fuq skala tal-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

    (41)

    F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (16), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dokumenti ta’ dak it-tip hija ġustifikata.

    (42)

    Bil-għan li tiġi faċilitata l-applikazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva, huwa importanti li l-Kummissjoni żżomm id-dokumenti ta’ gwida relatati mad-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE aġġornati biex tqis il-kontenut ta’ din id-Direttiva,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2005/29/KE

    Id-Direttiva 2005/29/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiżdied il-punti li ġej:

    “(ca)

    “oġġetti” tfisser oġġetti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

    (*1)  Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).’;"

    (b)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    ‘(o)

    “asserzjoni ambjentali” tfisser kwalunkwe messaġġ jew rappreżentazzjoni li ma jkunux obbligatorji skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, fi kwalunkwe forma, inkluża rappreżentazzjoni b’test, bi stampi, bi grafika jew b’simbolu, bħal tikketti, ismijiet ta’ ditti, ismijiet ta’ kumpaniji jew ismijiet ta’ prodotti, fil-kuntest ta’ komunikazzjoni kummerċjali, u li jiddikjaraw jew jimplikaw li prodott, kategorija ta’ prodott, ditta jew kummerċjant għandhom impatt pożittiv jew impatt żero fuq l-ambjent jew li huma anqas ta’ ħsara għall-ambjent minn prodotti, kategoriji ta’ prodotti, ditti jew kummerċjanti oħra, rispettivament, jew li jejbu l-impatt tagħhom maż-żmien;

    (p)

    “asserzjoni ambjentali ġenerika” tfisser kwalunkwe asserzjoni ambjentali li ssir bil-miktub jew bil-fomm, inkluż permezz tal-media awdjoviżiva, li mhijiexinkluża fuq tikketta tas-sostenibbiltà, u li fiha l-ispeċifikazzjoni tal-asserzjoni ma tkunx ipprovduta f’termini ċari u prominenti fuq l-istess mezz;

    (q)

    “tikketta tas-sostenibbiltà” tfisser kwalunkwe marka ta’ fiduċja, marka ta’ kwalità jew ekwivalenti, pubblika jew privata, ta’ natura volontarja, li għandha l-għan li tiddistingwi u tippromwovi prodott, proċess jew negozju b’referenza għall-karatteristiċi ambjentali jew soċjali, jew it-tnejn li huma u teskludi kwalunkwe tikketta obbligatorja meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali;

    (r)

    “skema ta’ ċertifikazzjoni” tfisser skema ta’ verifika min-naħa ta’ parti terza li tiċċertifika li prodott, proċess jew negozju jkun konformi ma’ ċerti rekwiżiti, li tawtorizza l-użu ta’ tikketta tas-sostenibbiltà korrispondenti, U li t-termini tagħha, inklużi r-rekwiżiti tagħha, huma pubblikament disponibbli u jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

    (i)

    l-iskema hija miftuħa f’kundizzjonijiet trasparenti, ġusti u nondiskriminatorji għall-kummerċjanti kollha li jkunu lesti u kapaċi jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-iskema;

    (ii)

    ir-rekwiżiti tal-iskema huma żviluppati mis-sid tal-iskema f’konsultazzjoni mal-esperti u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

    (iii)

    l-iskema tiddefinixxi l-proċeduri biex jiġi ttrattat in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-skema u tipprevedi l-irtirar jew is-sospensjoni tal-użu tat-tikketta tas-sostenibbiltà mill-kummerċjant fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-iskema; u

    (iv)

    il-monitoraġġ tal-konformità ta’ kummerċjant mar-rekwiżiti tal-iskema huwa suġġett għal proċedura oġġettiva u jsir minn parti terza li l-kompetenza u l-indipendenza tagħha kemm mis-sid tal-iskema kif ukoll mill-kummerċjant ikunu bbażati fuq standards u proċeduri internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali;

    (s)

    “prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta” tfisser prestazzjoni ambjentali konformi mar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) jew ma’ skemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ekotikkettar tat-tip I f’konformità mal-istandards EN ISO 14024, rikonoxxuti uffiċjalment fl-Istati Membri, jew l-ogħla prestazzjoni ambjentali f’konformità ma’ liġi tal-Unjoni oħra applikabbli;

    (t)

    “durabbiltà” tfisser durabbiltà kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tad-Direttiva (UE) 2019/771;

    (u)

    “aġġornament tas-software” tfisser aġġornamentli jkun meħtieġ biex l-oġġetti b’elementi diġitali, kontenut diġitali u servizzi diġitali jinżammu konformi f’konformità mad-Direttiva(UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) u d-Direttiva (UE) 2019/771, inkluż aġġornament tas-sigurtà, jew aġġornament tal-funzjonalità;

    (v)

    “parti konsumabbli” tfisser kwalunkwe komponent ta’ oġġett li jintuża b’mod rikorrenti u li jeħtieġ li jiġi sostitwit jew reintegrat biex l-oġġett jiffunzjona kif maħsub;

    (w)

    “funzjonalità” tfisser funzjonalità kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2019/771.”;

    (*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1)."

    (*3)  Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1).’;"

    (2)

    l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, il-karatteristiċi ambjentali jew soċjali, l-aċċessorji, l-aspetti relatati maċ-ċirkolarità, pereżempju d-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija jew ir-riċiklabbiltà, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ lmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-iskop, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott;”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(d)

    il-formulazzjoni ta’ asserzjoni ambjentali relatata mal-prestazzjoni ambjentali futura mingħajr impenji ċari, oġġettivi, pubblikament disponibbli u verifikabbli stabbiliti fi pjan ta’ implimentazzjoni dettaljat u realistiku li jinkludi objettivi li jistgħu jitkejlu u skadenzi preċiżi u elementi rilevanti oħra neċessarji biex tiġi sostenuta l-implimentazzjoni tiegħu, bħall-allokazzjoni tar-riżorsi, u li jiġi vverifikat regolarment minn espert terz indipendenti, li s-sejbiet tiegħu jkunu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi;

    (e)

    ir-reklamar ta’ benefiċċji għall-konsumaturi li huma irrilevanti u li ma jirriżultaw minn ebda karatteristika tal-prodott jew tan-negozju.”;

    (3)

    fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “7.

    Meta kummerċjant jipprovdi servizz li jqabbel il-prodotti u jagħti lill-konsumatur l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ambjentali jew soċjali jew dwar l-aspetti relatati maċ-ċirkolarità, bħad-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija jew ir-riċiklabbiltà, tal-prodotti jew tal-fornituri ta’ dawk il-prodotti, informazzjoni dwar il-metodu tat-tqabbil, il-prodotti li huma l-oġġett tat-tqabbil u l-fornituri ta’ dawk il-prodotti, u l-miżuri biex din l-informazzjoni tinżamm aġġornata għandu jitqies bħala informazzjoni importanti.”;

    (4)

    l-Anness I huwa emendat skont l-Anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    Emendi għad-Direttiva 2011/83/UE

    Id-Direttiva 2011/83/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 2, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(14a)

    “garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà” tfisser garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà ta’ produttur kif imsemmi fl-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/771, li abbażi tagħha l-produttur ikun direttament responsabbli lejn il-konsumatur matul il-perjodu kollu tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà għat-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-oġġetti f’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva (UE) 2019/771, kull meta l-oġġetti ma jżommux id-durabbiltà tagħhom;

    (14b)

    “durabbiltà” tfisser durabbiltà kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13) tad-Direttiva (UE) 2019/771;

    (14c)

    “produttur” tfisser produttur kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2019/771;

    (14d)

    “punteġġ għat-tiswija” tfisser punteġġ li jesprimi l-kapaċità ta’ oġġett li jissewwa, abbażi ta’ rekwiżiti armonizzati stabbiliti fil-livell tal-Unjoni;

    (14e)

    “aġġornament tas-software” tfisser aġġornament bla ħlas, inkluż aġġornament tas-sigurtà, li jkun meħtieġ biex l-oġġetti b’elementi diġitali, kontenut diġitali u servizzi diġitali jinżammu konformi f’konformità mad-Direttivi (UE) 2019/770 u (UE) 2019/771;”

    (2)

    fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità għall-oġġetti u tal-elementi ewlenin tagħha, inkluża d-durata minima tagħha ta’ sentejn kif previst fid-Direttiva (UE) 2019/771, b’mod evidenti, permezz tal-avviż armonizzat msemmi fl-Artikolu 22a ta’ din id-Direttiva;”;

    (b)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(ea)

    meta l-produttur joffri lill-konsumatur garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà mingħajr kostijiet addizzjonali, li tkopri l-oġġett kollu kemm hu u b’durata ta’ aktar minn sentejn u jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli lill-kummerċjant, l-informazzjoni li dak l-oġġett jibbenefika minn tali garanzija, id-durata tagħha u tfakkira tal-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità, b’mod evidenti, permezz tat-tikketta armonizzata msemmija fl-Artikolu 22a;

    (eb)

    tfakkira tal-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità għall-kontenut diġitali u għas-servizzi diġitali;

    (ec)

    fejn applikabbli, l-eżistenza ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ u l-kundizzjonijiet relatati, kif ukoll il-garanziji kummerċjali;

    (ed)

    għall-oġġetti b’elementi diġitali, għall-kontenut diġitali u għas-servizzi diġitali, fejn il-produttur jew il-fornitur jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-kummerċjant, il-perjodu minimu, kemm jekk espress bħala perjodu ta’ żmien jew b’referenza għal data, li matulu l-produttur jew il-fornitur ifornu aġġornamenti tas-software.”;

    (c)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(i)

    fejn applikabbli, il-punteġġ għat-tiswija għall-oġġetti;

    (j)

    fejn il-punt (i) ma jkunx applikabbli u sakemm il-produttur jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-kummerċjant, l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà, u l-istima tal-prezz u l-proċedura għall-ordni ta’ spare parts li huma neċessarji biex l-oġġetti jinżammu f’konformità, dwar id-disponibbiltà tat-tiswija u l-istruzzjonijiet relatati mal-manutenzjoni u dwar ir-restrizzjonijiet relatati mat-tiswija.”;

    (3)

    fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(g)

    l-arranġamenti għal ħlas, kunsinna, inklużi għażliet ta’ kunsinna favur l-ambjent meta disponibbli, eżekuzzjoni, id-data sa meta l-kummerċjanti jimpenja ruħu jikkunsinna l-oġġetti jew jagħti s-servizzi u, jekk ikun il-każ, il-politika ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-kummerċjant;”;

    (b)

    il-punt (l) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(l)

    tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità għall-oġġetti u tal-elementi ewlenin tagħha, inkluża d-durata minima tagħha ta’ sentejn kif previst fid-Direttiva (UE) 2019/771, b’mod evidenti, permezz tal-avviż armonizzat msemmi fl-Artikolu 22a ta’ din id-Direttiva;”;

    (c)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(la)

    meta l-produttur joffri lill-konsumatur garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà mingħajr kostijiet addizzjonali li tkopri l-oġġett kollu kemm hu u ta’ durabbiltà ta’ aktar minn sentejn, u jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli lill-kummerċjant, l-informazzjoni li dak l-oġġett jibbenefika minn tali garanzija, id-durata tagħha u tfakkira tal-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità, b’mod evidenti, permezz tat-tikketta armonizzata msemmija fl-Artikolu 22a;

    (lb)

    tfakkira tal-eżistenza ta’ garanzija legali ta’ konformità għall-kontenut diġitali u għas-servizzi diġitali;

    (lc)

    għall-oġġetti b’elementi diġitali, għall-kontenut diġitali u għas-servizzi diġitali, jekk il-produttur jew il-fornitur jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-kummerċjant, il-perjodu minimu, kemm jekk espress bħala perjodu ta’ żmien jew b’referenza għal data, li matulu l-produttur jew il-fornitur ifornu aġġornamenti tas-software.”;

    (d)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(u)

    fejn applikabbli, il-punteġġ għat-tiswija għall-oġġetti;

    (v)

    fejn il-punt (u) ma jkunx applikabbli u sakemm il-produttur jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-kummerċjant, l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà u l-istima tal-prezz u l-proċedura għall-ordni ta’ spare parts li huma neċessarji biex l-oġġetti jinżamm f’konformità, dwar id-disponibbiltà tat-tiswija u l-istruzzjonijiet relatati mal-manutenzjoni u dwar ir-restrizzjonijiet relatati mat-tiswija.”;

    (4)

    fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    Jekk kuntratt mill-bogħod li għandu jiġi konkluż b’mezzi elettroniċi jimponi lill-konsumatur l-obbligu li jħallas, il-kummerċjant għandu jgħarrfu b’mod ċar u evidenti, u immedjatament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni, bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punti (a), (e), (la), (o) u (p).”.

    (5)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej fil-Kapitolu V:

    “Artikolu 22a

    Avviż armonizzat u tikketta armonizzata

    1.   Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu informati tajjeb u jistgħu jifhmu faċilment id-drittijiet tagħhom fl-Unjoni kollha, għandu jintuża avviż armonizzat għall-għoti tal-informazzjoni skont l-Artikolu 5(1), il-punt (e), u l-Artikolu 6(1), il-punt (l), u u tikketta armonizzata għandha tintuża għall-għoti ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 5(1), il-punt (ea), u l-Artikolu 6(1), il-punt (1a).

    2.   Sas-27 ta’ Settembru 2025 il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tispeċifika d-disinn u l-kontenut tal-avviż armonizzat imsemmi fil-paragrafu 1.

    3.   L-avviż armonizzat għandu jkun fih l-elementi ewlenin tal-garanzija legali ta’ konformità, inkluż id-durata minima tagħha ta’ sentejn kif previst fid-Direttiva (UE) 2019/771 u referenza ġenerali għall-possibbiltà li d-durata tal-garanzija legali ta’ konformità tkun itwal skont il-liġi nazzjonali.

    4.   Sas-27 ta’ Settembru 2025 il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tispeċifika d-disinn u l-kontenut tat-tikketta armonizzata msemmija fil-paragrafu 1.

    5.   L-avviż armonizzat u t-tikketta armonizzata għandhom ikunu faċilment rikonoxxibbli u komprensibbli għall-konsumaturi u faċli biex il-kummerċjanti jużawhom u jirriproduċuhom.

    6.   Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27a.”

    ;

    (6)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 27a

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (*4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).’."

    Artikolu 3

    Rapportar mill-Kummissjoni u rieżami

    Sas-27 ta’ Settembru 2031, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    Dak ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-kontribut ta’ din id-Direttiva biex jitjiebu d-drittijiet tal-konsumatur, b’mod partikolari l-effikaċja tat-tikketta armonizzata u l-avviż armonizzat fir-rigward tat-titjieb tad-disponibbiltà tal-garanziji kummerċjali ta’ durabbiltà u l-fehim tal-konsumaturi dwarhom, kif ukoll l-għarfien tal-konsumaturi tad-drittijiet tagħhom skont il-garanzija legali ta’ konformità. Barra minn hekk, ir-rapport għandu jivvaluta l-kontribut kumplessiv ta’ din id-Direttiva għall-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika u l-impatt tagħha fuq il-kummerċjanti.

    Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, meta jkun xieraq, bi proposti leġiżlattivi rilevanti.

    Artikolu 4

    Traspożizzjoni

    1.   Sas-27 ta’ Marzu 2026, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

    Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mis-27 ta’ Settembru 2026.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodu ta’ kif issur tali referenza għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, it-28 ta’ Frar 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MICHEL


    (1)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 75.

    (2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Jannar 2024 (għada mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2024.

    (3)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1).

    (8)  Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7).

    (11)  Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1).

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).

    (13)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

    (14)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

    (15)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (16)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    ANNESS

    L-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    jiddaħħal il-punt li ġej:

    “2a.

    Il-wiri ta’ tikketta tas-sostenibbiltà li ma tkunx ibbażata fuq skema ta’ ċertifikazzjoni jew mhux stabbilita mill-awtoritajiet pubbliċi.”;

    (2)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “4a.

    Il-formulazzjoni ta’ asserzjoni ambjentali ġenerika li għaliha l-kummerċjant ma jkunx jista’ juri prestazzjoni ambjentali eċċellenti rikonoxxuta li tkun rilevanti għall-asserzjoni.

    4b.

    Il-formulazzjoni ta’ asserzjoni ambjentali dwar il-prodott kollu kemm hu jew in-negozju kollu kemm hu ta’ kummerċjant meta effettivament tikkonċerna biss ċertu aspett tal-prodott jew attività speċifika tan-negozju tal-kummerċjant.

    4c.

    Asserzjonijiet, ibbażati fuq kumpens għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li prodott ikollu impatt newtrali, imnaqqas jew pożittiv fuq l-ambjent f’termini ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra.”;

    (3)

    jiddaħħal il-punt li ġej:

    “10a.

    Il-preżentazzjoni tar-rekwiżiti imposti bil-liġi fuq il-prodotti kollha fil-kategorija ta’ prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni bħala karatteristika distintiva tal-offerta tal-kummerċjant.”;

    (4)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “23d.

    Iż-żamma ta’ informazzjoni mill-konsumatur dwar il-fatt li aġġornament tas-software se jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament ta’ oġġetti b’elementi diġitali jew l-użu ta’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali.

    23e.

    Il-preżentazzjoni ta’ aġġornament tas-software bħala neċessarju meta jtejjeb biss il-karatteristiċi ta’ funzjonalità.

    23f.

    Kwalunkwe komunikazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ oġġett li jkun fih karatteristika introdotta biex tillimita d-durabbiltà tiegħu minkejja informazzjoni dwar il-karatteristika u l-effetti tagħha fuq id-durabbiltà tal-oġġett ikunu disponibbli għall-kummerċjant.

    23 g.

    Id-dikjarazzjoni falza li f’kundizzjonijiet normali tal-użu oġġett għandu ċerta durabbiltà f’termini ta’ żmien għall-użu jew intensità.

    23 h.

    Il-preżentazzjoni ta’ oġġetti bħala li jippermettu t-tiswija meta ma jkunux.

    23i.

    Il-fatt li l-konsumatur jiġi mħajjar jissostitwixxi jew jirreintegra l-partijiet konsumabbli ta’ oġġett aktar kmieni milli meħtieġ għal raġunijiet tekniċi.

    23j.

    Iż-żamma ta’ informazzjoni dwar l-impediment tal-funzjonalità ta’ oġġett meta jintużaw partijiet konsumabbli, spare parts jew aċċessorji mhux fornuti mill-produttur oriġinali jew id-dikjarazzjoni falza li tali impediment se jsir.”.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/825/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top