Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1353

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1353 tal-14 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine)

    ST/8761/2024/INIT

    ĠU L, 2024/1353, 15.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1353/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1353/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1353

    15.5.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1353

    tal-14 ta’ Mejju 2024

    li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/486/PESK (1), li stabbiliet il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine).

    (2)

    Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/813 (2), li estendiet l-EUMM Ukraine sal-31 ta’ Mejju 2024.

    (3)

    Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa nediet aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna, li l-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022.

    (4)

    Fit-18 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/452 (3), li tat lill-EUAM Ukraine l-kompitu temporanju addizzjonali li tagħti pariri lill-awtoritajiet Ukreni bl-għan li tiffaċilita l-fluss ta’ refuġjati lejn il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja u l-fluss ta’ għajnuna umanitarja lejn l-Ukrajna.

    (5)

    Fit-13 ta’ April 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/638 (4), li tat lill-EUAM Ukraine l-kompitu addizzjonali li tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni biex tiffaċilita l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali.

    (6)

    Fit-23 ta’ Ġunju 2022, l-Ukrajna ngħatat l-istatus ta’ kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni mill-Kunsill Ewropew.

    (7)

    Fil-11 ta’ Diċembru 2023, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar id-dimensjoni ċivili tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), il-Kunsill issottolinja l-appoġġ sod u fit-tul tal-UE għall-Ukrajna. Il-Kunsill enfasizza l-importanza li jissaħħaħ l-appoġġ għad-dimensjoni ċivili tal-PSDK u li jingħata rispons rapidu għall-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-Ukrajna bħala parti mill-isforzi usa’ tal-UE għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Ukrajna. Il-Kunsill faħħar il-ħidma kollha li saret mill-EUAM Ukraine, inkluż l-appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà Ukren, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, kif ukoll, b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, l-isforzi li saru fil-qasam tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali u fl-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt fit-Territorji Liberati u Adjaċenti.

    (8)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2023, filwaqt li jfakkar fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-Aġenda ta’ Tessalonika tal-2003 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill ikkonferma l-impenn sħiħ u inekwivoku tiegħu lejn il-perspettiva ta’ sħubija mal-UE tal-Balkani tal-Punent, l-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia, filwaqt li tenna li l-futur tagħhom jinsab fl-Unjoni Ewropea.

    (9)

    Fl-14 ta’ Frar 2024, fil-kuntest tar-rieżami strateġiku tal-EUAM Ukraine, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li jestendi l-missjoni sal-31 ta’ Mejju 2027. Fid-19 ta’ Marzu 2024, il-KPS qabel li jemenda l-mandat tal-missjoni.

    (10)

    Fil-21 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu iddikjara li l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata li tappoġġa r-reparazzjoni, l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali. Il-Kunsill Ewropew laqa’ b’sodisfazzjon it-tisħiħ reċenti tal-EUAM Ukraine li ser jippermetti li jiżdied l-appoġġ għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi Ukreni fit-territorji liberati u adjaċenti tal-Ukrajna, u għar-riformi fil-kuntest tal-proċess ta’ adeżjoni tagħha mal-UE.

    (11)

    Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/486/PESK tiġi emendata biex tirrifletti l-eżitu tar-rieżami strateġiku tal-missjoni.

    (12)

    L-EUAM Ukraine ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2014/486/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-EUAM Ukraine, bħala missjoni ċivili mhux eżekuttiva tal-PSDK, għandu jkollha l-għan li:

    (a)

    tiżgura l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Ġenerali għar-Riforma tas-Settur kollu tal-Infurzar tal-Liġi fl-Ukrajna (OAS) u tal-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu, u riformi rilevanti oħra fis-settur tas-sigurtà ċivili, anke bil-ħsieb li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata u transnazzjonali b’mod effettiv, inkluż b’appoġġ għall-impenji relatati mal-adeżjoni tal-Ukrajna;

    (b)

    tappoġġa l-istabbiliment mill-ġdid bla xkiel tal-funzjonijiet tal-gvern Ukren u l-istat tad-dritt f’żoni diżokkupati, inkluż bl-għan li jiġu ġestiti u rikonċiljati t-tensjonijiet soċjali, filwaqt li jitħeġġeġ l-iżvilupp inklużiv;

    (c)

    tappoġġa l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet u mezzi effettivi għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-Ukrajna b’enfasi fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ kuntrabandu;

    (d)

    tikkontribwixxi għall-isforzi internazzjonali biex jiġi żgurat l-irfigħ tar-responsabbiltà għad-delitti internazzjonali billi tipprovdi appoġġ għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tagħhom.

    2.   Għal dawk il-finijiet, l-EUAM Ukraine għandha:

    (a)

    tagħti pariri u mentoraġġ lill-awtoritajiet Ukreni rilevanti fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali fit-twettiq u l-implimentazzjoni tar-riformi tas-settur tas-sigurtà ċivili, b’enfasi ċentrali fuq l-implimentazzjoni tal-OAS, inkluż fir-rigward tar-riformi relatati mal-adeżjoni mal-Unjoni;

    (b)

    b’appoġġ għall-proċess ta’ riforma, tikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità u l-mezzi strateġiċi u operazzjonali tal-Aġenziji tal-Infurzar tal-Liġi Ukreni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali, is-Servizz tas-Sigurtà tal-Ukrajna, u awtoritajiet Ukreni rilevanti oħra;

    (c)

    tappoġġa r-restawr ta’ preżenza tal-istat ċentrali, reġjonali u lokali u l-funzjonijiet tas-settur tas-sigurtà ċivili fit-territorji diżokkupati u adjaċenti;

    (d)

    tipprovdi pariri strateġiċi, mentoraġġ u taħriġ għar-riforma tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-Ukrajna, inkluż dwar l-aspetti marittimi, li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ kuntrabandu, kif ukoll il-korruzzjoni relatata mal-ġestjoni tal-fruntieri, il-kriminalità organizzata u l-kriminalità transnazzjonali;

    (e)

    tappoġġa lill-awtoritajiet Ukreni biex jiffaċilitaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 2a.”

    (2)

    fl-Artikolu 2a, il-paragrafu 2, il-punt c) jitħassar.

    (3)

    l-Artikolu 2b jitħassar.

    (4)

    Fl-Artikolu 14(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-ammont ta’ referenza finanzjarja masħub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Ukraine għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2024 sal-31 ta’ Mejju 2027 għandu jkun ta’ Eur 122 900 000.”

    (5)

    l-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandha titwettaq valutazzjoni strateġika tal-EUAM Ukraine sal-31 ta’ Diċembru 2025.”

    (6)

    fl-Artikolu 19, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Għandha tapplika sal-31 ta’ Mejju 2027.”

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi russell, l-14 ta’ Mejju 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. VAN PETEGHEM


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta’ Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 42).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/813 tal-20 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (ĠU L 180, 21.5.2021, p. 149).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/452 tat-18 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (ĠU L 92, 21.3.2022, p. 3).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/638 tat-13 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (ĠU L 117, 19.4.2022, p. 38).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1353/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top