Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2849

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2849 tat-12 ta’ Ottubru 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għar-rappurtar u s-sottomissjoni tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji

    C/2023/6748

    ĠU L, 2023/2849, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2849/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2849/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2849

    15.12.2023

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2849

    tat-12 ta’ Ottubru 2023

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għar-rappurtar u s-sottomissjoni tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11a(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għar-rappurtar tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji fit-trasport marittimu, kif ukoll għas-sottomissjoni tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji lill-awtorità amministrattiva responsabbli.

    (2)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll regoli għad-determinazzjoni tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji mill-awtorità amministrattiva responsabbli f’sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal meta ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji mill-kumpanija lill-awtorità amministrattiva responsabbli sal-iskadenza.

    (3)

    L-entitajiet responsabbli għall-konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 u mad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) iridu jiġu identifikati b’mod ċar il-ħin kollu. Għal dan l-għan, u bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koerenza fl-amministrazzjoni u l-infurzar, ir-Regolament (UE) 2015/757 jipprevedi li l-istess entità trid tkun responsabbli għat-tnejn li huma. Minkejja dan, fil-kuntest tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2015/757, jenħtieġ li tiġi vvalutata l-konsistenza ta’ tali approċċ ma’ politiki u prattiki internazzjonali oħra tal-UE u, meta jkun xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) 2015/757.

    (4)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll il-konsistenza tal-klassifikazzjoni żero tal-bijomassa, b’mod partikolari tal-bijomassa bbażata fuq l-għelejjel tal-ikel u tal-għalf, fid-Direttiva 2003/87/KE ma’ politiki oħra tal-UE, u, meta jkun xieraq, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel proposta biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni rilevanti.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, li għandha tinkludi l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu mill-perjodu ta’ rappurtar li jibda fl-1 ta’ Jannar 2024, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika minn dik id-data,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Regoli għar-rappurtar tad- data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji

    1.   Il-kumpaniji għandhom jissottomettu lill-awtorità amministrattiva responsabbli d-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji kkalkulata f’konformità mar-regoli ta’ monitoraġġ imsemmija fil-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757.

    2.   Il-kumpaniji għandhom jinkludu fid-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    data li tidentifika l-kumpanija u l-bastimenti taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija, kif ġej:

    (i)

    l-isem u l-indirizz tal-kumpanija;

    (ii)

    in-numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-OMI tas-sid irreġistrat u ta-kumpanija;

    (iii)

    il-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija, kif irreġistrat taħt l-Iskema tan-Numru Uniku tal-Identifikazzjoni tal-Kumpanija u s-Sid Reġistrat tal-OMI;

    (iv)

    l-indirizz tal-kumpanija;

    (v)

    l-isem, it-titolu tal-impjieg, l-indirizz tan-negozju, id-dettalji tat-telefown u tal-posta elettronika ta’ persuna ta’ kuntatt;

    (vi)

    l-awtorità amministrattiva responsabbli;

    (vii)

    lista ta’ bastimenti, li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, li huma taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija matul il-perjodu ta’ rappurtar, inkluż, għal kull bastiment, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-bastiment tal-OMI u n-numru ta’ identifikazzjoni uniku tal-kumpanija u tas-sid irreġistrat tal-OMI, kif ukoll il-perjodu li matulu l-bastiment kien taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija;

    (b)

    data relatata mal-verifika, kif ġej:

    (i)

    l-isem tal-verifikatur;

    (ii)

    l-indirizz tal-verifikatur;

    (iii)

    in-numru tal-akkreditazzjoni tal-verifikatur;

    (iv)

    il-korp nazzjonali ta’ akkreditament li jkun akkredita lill-verifikatur;

    (v)

    id-dikjarazzjoni tal-verifikatur;

    (c)

    is-somma tal-emissjonijiet aggregati totali ta’ gassijiet serra tal-bastimenti kollha li għandhom jiġu rrapportati skont id-Direttiva 2003/87/KE kif iddeterminati fil-livell tal-bastiment f’konformità mal-Parti C, il-punti 1.1 sa 1.7, tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757, espressi f’tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2 u diżaggregati skont il-gassijiet serra;

    (d)

    l-għadd totali tal-emissjonijiet aggregati totali ta’ gassijiet serra tal-bastimenti kollha li għandhom jiġu rrapportati skont id-Direttiva 2003/87/KE kif iddeterminati fil-livell tal-bastiment f’konformità mal-Parti C tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/757, kif ikkalkulati f’konformità ma’:

    (i)

    il-parti C, il-punt 1.1, ta’ dak l-Anness;

    (ii)

    il-parti C, il-punti 1.1 u 1.2, ta’ dak l-Anness;

    (iii)

    il-parti C, il-punti 1.1 u 1.2 u 1.3, ta’ dak l-Anness;

    (iv)

    il-parti C, il-punti 1.1 sa 1.4, ta’ dak l-Anness;

    (v)

    il-parti C, il-punti 1.1 sa 1.5, ta’ dak l-Anness;

    (vi)

    il-parti C, il-punti 1.1 sa 1.6, ta’ dak l-Anness;

    (e)

    l-informazzjoni rilevanti kollha relatata mal-metodoloġija użata biex tiġi aggregata d-data dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji, inklużi l-bidliet fil-metodoloġija meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti.

    Artikolu 2

    Determinazzjoni tal-emissjonijiet mill-awtorità amministrattiva responsabbli

    1.   L-awtorità amministrattiva responsabbli għandha tagħmel stima konservattiva tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji mill-kumpanija sal-iskadenza msemmija fl-Artikolu 11a tar-Regolament (UE) 2015/757;

    (b)

    id-data aggregata vverifikata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 11a tar-Regolament (UE) 2015/757 tinstab li mhix konformi ma’ dak ir-Regolament;

    (c)

    id-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji ma tkunx ġiet ivverifikata bħala sodisfaċenti f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072 (3).

    2.   Meta verifikatur ikun ikkonkluda, fir-rapport ta’ verifika skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (UE) 2015/757, li jeżistu dikjarazzjonijiet skorretti mhux materjali u ma jkunux ġew ikkoreġuti mill-kumpanija qabel ma toħroġ id-dikjarazzjoni ta’ verifika, l-awtorità amministrattiva responsabbli għandha tivvaluta dawk id-dikjarazzjonijiet skorretti, u fejn id-dikjarazzjonijiet skorretti jinstabu li huma materjali, għandha tagħmel stima konservattiva tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji.

    3.   Meta l-awtorità amministrattiva responsabbli tagħmel stima konservattiva tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji, din għandha tinforma lill-kumpanija jekk ikunux meħtieġa korrezzjonijiet u liema jkunu. Il-kumpanija għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-verifikatur.

    4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ u l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji, meta dawk l-awtoritajiet ma jkunux l-istess.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.

    (2)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072 tat-22 ta’ Settembru 2016 dwar l-attivitajiet ta’ verifika u l-akkreditament tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 5).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2849/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top