Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2141

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2141 tat-13 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 fir-rigward tar-rapportar ta’ penali għall-kundizzjonalità u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290 fir-rigward tar-rapportar tal-avvanzi fl-indikaturi tal-output użati għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni u l-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output

    C/2023/6781

    ĠU L, 2023/2141, 16.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2141/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2141/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2141

    16.10.2023

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2141

    tat-13 ta’ Ottubru 2023

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 fir-rigward tar-rapportar ta’ penali għall-kundizzjonalità u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290 fir-rigward tar-rapportar tal-avvanzi fl-indikaturi tal-output użati għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni u l-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 133 u l-Artikolu 134(14) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-punt 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/130 (2) jistabbilixxi l-preżentazzjoni tal-informazzjoni kwantitattiva meħtieġa għar-rikonċiljazzjoni tal-informazzjoni stabbilita fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni man-nefqa ddikjarata fil-kontijiet annwali, kif stabbilit fl-Artikolu 134(5), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Skont l-Artikolu 45(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u skont l-Artikolu 32(1), il-punt (a), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 (4) l-ammonti li jikkorrispondu għal penali applikati f’konformità mal-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament (UE) 2021/2115 (penali ta’ kundizzjonalità) għandhom jiġu ddikjarati fil-kontijiet annwali bħala dħul assenjat, separatament min-nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). Għalhekk mhuwiex meħtieġ li tiġi inkluża l-informazzjoni kwantitattiva dwar dawk il-penali fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni, fin-nefqa li tikkonċerna l-interventi fil-forma ta’ pagamenti diretti, meħtieġa għar-rikonċiljazzjoni mal-kontijiet annwali. Għalhekk, l-informazzjoni kwantitattiva meħtieġa għar-rikonċiljazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni man-nefqa stipulata fil-kontijiet annwali, stabbilita fil-punt 2.2.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130, jenħtieġ li tiġi emendata biex titneħħa r-referenza għall-penali ta’ kundizzjonalità.

    (2)

    Kif stabbilit fl-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u fl-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2021/2116, is-sistema ta’ kundizzjonalità ma tapplikax għat-tipi ta’ intervent f’ċerti setturi msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115. Għalhekk, l-informazzjoni kwantitattiva meħtieġa għar-rikonċiljazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata għat-tipi ta’ interventi, stabbilita fil-punt 2.2.2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 jenħtieġ li tiġi emendata biex titneħħa r-referenza għall-penali ta’ kundizzjonalità.

    (3)

    Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-koerenza fir-rigward tar-rapportar tal-ammonti mhux imħallsa wara penali fir-rigward tan-nefqa fil-qafas tal-FAEŻR, fil-punt 2.2.3(b)(ii) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130, jenħtieġ li titħassar referenza għall-Artikolu 45(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2116. L-ammonti mhux imħallsa wara l-penali applikati skont l-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandhom jiġu rrapportati fil-punt 2.2.3.(b)(ii) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130, f’konformità mal-Artikoli 85 u 89 tar-Regolament (UE) 2021/2116.

    (4)

    L-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/2116 ġie emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1408 (5) fir-rigward tal-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji tal-interventi msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115, flimkien mal-possibbiltà tal-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji tal-interventi stabbiliti fl-Artikolu 44(3) ta’ dak ir-Regolament. Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1408 daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Awwissu 2022. Il-punt 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 (6) jirreferi biss għall-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem imsemmija fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Għalhekk jeħtieġ li jiġi emendat il-punt 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290 biex ir-regoli applikabbli għar-rapportar tal-pagamenti bil-quddiem fl-indikaturi tal-output użati għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni jiġu estiżi wkoll għall-pagamenti bil-quddiem imħallsa f’konformità mal-Artikolu 44(3a) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

    (5)

    L-indikaturi komuni tal-output stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115, huma l-bażi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK matul l-implimentazzjoni tagħhom. Regoli komuni dwar il-metodi għall-kalkolu tal-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output użati għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni huma stabbiliti fil-punt 3(a) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290. Dawn ir-regoli jeħtieġ li jiġu emendati biex jiġu żgurati l-kompletezza u l-konsistenza tar-rapportar tal-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output fil-livell tal-ammont unitarju. Il-punt 3(a)(i) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290 jenħtieġ li jiġi emendat ukoll biex jiġi żgurat ir-rapportar tal-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output fir-rigward tal-appoġġ ipprovdut lir-riċevituri finali permezz ta’ strumenti finanzjarji.

    (6)

    Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290 il-punt 3(b)(i) jistabbilixxi regoli dwar ir-rapportar tal-valuri aggregati fir-rigward tal-indikatur tal-output O.3. Dawn ir-regoli jenħtieġ li jiġu emendati biex tiġi żgurata l-koerenza mar-regoli dwar ir-rapportar tal-valuri aggregati tal-indikaturi tal-output stabbiliti fil-punt 3(a), il-punti (i) sa (ix), ta’ dak l-Anness.

    (7)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 u (UE) 2021/2290 jiġu emendati skont dan.

    (8)

    Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw is-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom għar-regoli emendati dwar ir-rapportar tal-valuri aggregati tal-indikatur tal-output stabbiliti fil-punt 3(b)(i) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290, jenħtieġ li l-Artikolu 2, il-punt (3)(b), japplika mis-16 ta’ Frar 2024, biex jiġi żgurat li dawn il-valuri jiġu rrapportati fir-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni msemmija fl-Artikolu 134 tar-Regolament (UE) 2021/2115 mis-sena finanzjarja 2024.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Agrikola Komuni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/130 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-punt 2.2.1(b), il-punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(iii)

    l-ammonti mhux imħallsa wara l-penali, stabbiliti fl-Artikolu 59(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2116;”;

    (2)

    fil-punt 2.2.2(b), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(ii)

    l-ammonti mhux imħallsa wara l-penali, stabbiliti fl-Artikolu 59(1) il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2021/2116;”;

    (3)

    fil-punt 2.2.3(b), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(ii)

    l-ammonti mhux imħallsa wara l-penali, stabbiliti fl-Artikolu 59(1), il-punt (d), u fl-Artikoli 85 u 89 tar-Regolament (UE) 2021/2116;”.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2290 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.

    L-interventi li għalihom ikunu saru pagamenti fil-forma ta’ pagamenti bil-quddiem kif imsemmi fl-Artikolu 32(4), il-punt (a) u fl-Artikolu 32(5) u fl-Artikolu 44(3) u (3a) tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) qabel ma jingħata l-output korrispondenti ma għandhomx jiġu inklużi fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni f’konformità mal-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għas-sena finanzjarja agrikola li fiha jkun tħallas il-pagament bil-quddiem. Dawk il-pagamenti bil-quddiem għandhom jiġu rrapportati għas-sena finanzjarja agrikola li fiha l-output jitħallas kollu.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).”;"

    (2)

    fil-punt 3, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    meta jirrapportaw l-indikaturi tal-output użati għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni, l-Istati Membri għandhom jinkludu wkoll il-valuri aggregati li ġejjin:

    (i)

    l-output totali għal kull intervent;

    (ii)

    l-output totali għal kull unità ta’ kejl fil-każ li jiġu stabbiliti diversi unitajiet ta’ kejl għal intervent;

    (iii)

    meta jkun hemm diversi ammonti unitarji fi ħdan intervent, l-output totali għandu jiġi stabbilit għal kull kategorija stabbilita hawn taħt:

    kull żona msemmija fl-Artikolu 71(2) u fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    kull tip ta’ għodda għall-ġestjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 76(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    l-azzjonijiet preparatorji fil-qafas tal-istrateġiji LEADER imsemmija fl-Artikolu 77(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115 u l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-qafas tal-istrateġiji LEADER imsemmija f’dak l-Artikolu tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    kull strument finanzjarju msemmi fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (iv)

    l-output totali għal kull indikatur tal-output;

    (v)

    l-output totali għal kull kategorija msemmija fil-punt 3(a)(iii), jekk rilevanti għall-indikatur tal-output;

    (vi)

    l-output totali għal kull tip ta’ intervent, skont kif ikun xieraq;

    (vii)

    l-output totali għal kull unità ta’ kejl u, skont kif ikun xieraq, l-output totali bl-użu ta’ unità komuni ta’ kejl fil-każ li l-indikatur tal-output jew it-tip ta’ intervent jinkludi diversi interventi li l-output tagħhom jitkejjel b’unitajiet differenti ta’ kejl;

    (viii)

    l-għadd ta’ riċevituri finali tal-appoġġ fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, għal kull intervent u indikaturi tal-output ikkonċernati;”;

    (3)

    il-punt 3(b)(i) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    l-ewwel inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “—

    il-valur ta’ dan l-indikatur għandu jiġi pprovdut għal kull intervent, għal kull indikatur tal-output użat għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni, u għal kull tip ta’ intervent;”;

    (b)

    it-tieni inċiż li ġej jiddaħħal wara l-ewwel inċiż:

    “—

    il-valur ta’ dan l-indikatur għandu jiġi pprovdut għal kull kategorija msemmija fil-punt 3(a)(iii), għal kull intervent u għal kull indikatur tal-output użat għall-approvazzjoni tal-prestazzjoni, meta l-interventi jew l-indikaturi tal-output jinkludu l-kategoriji msemmija fil-punt 3(a)(iii);”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 2, il-punt (3)(b), għandu japplika mis-16 ta’ Frar 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/130 tat-18 ta’ Jannar 2023 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni (ĠU L 17, 19.1.2023, p. 77).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-verifiki, il-garanziji u t-trasparenza (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 131).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1408 tas-16 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem għal ċerti interventi u miżuri ta’ appoġġ previsti fir-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 216, 19.8.2022, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 486).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2141/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top