Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1632

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1632 tal-11 ta’ Awwissu 2023 li jagħti bidu għal investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indoneżja, minn importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam u kemm jekk le, u li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam soġġetti għal reġistrazzjoni

    C/2023/5442

    ĠU L 202, 14.8.2023, p. 16–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1632/oj

    14.8.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 202/16


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1632

    tal-11 ta’ Awwissu 2023

    li jagħti bidu għal investigazzjoni li tikkonċerna ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012 fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indoneżja, minn importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam u kemm jekk le, u li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam soġġetti għal reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

    Wara li infurmat lill-Istati Membri,

    Billi:

    A.   TALBA

    (1)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indoneżja u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam u kemm jekk le, soġġetti għal reġistrazzjoni.

    (2)

    It-talba tressqet fit-3 ta’ Lulju 2023 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar – “EUROFER” (“l-applikant”).

    B.   PRODOTT

    (3)

    Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa prodotti llaminati ċatti tal-azzar inossidabbli, mhux maħdumin aktar ħlief illaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), ikklassifikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2012 (2) taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7219 90 20, 7219 90 80, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81, 7220 20 89, 7220 90 20 u 7220 90 80 u li joriġinaw mill-Indoneżja (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa.

    (4)

    Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7219 90 20, 7219 90 80, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81, 7220 20 89, 7220 90 20 u 7220 90 80, iżda kkonsenjat mit-Tajwan, mit-Turkija jew mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam u kemm jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7219310010, 7219321010, 7219329010, 7219331010, 7219339010, 7219341010, 7219349010, 7219351010, 7219359010, 7219902010, 7219908010, 7220202110, 7220202910, 7220204110, 7220204910, 7220208110, 7220208910, 7220902010 u 7220908010) (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    C.   MIŻURI EŻISTENTI

    (5)

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012 (“il-miżuri anti-dumping eżistenti”). Il-prodott ikkonċernat huwa wkoll soġġett għal miżuri kumpensatorji imposti mir-Regolament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/433 (3) (“il-miżuri kumpensatorji eżistenti”). Dawn il-miżuri huma soġġetti għal investigazzjoni antiċirkomvenzjoni separata.

    D.   RAĠUNIJIET

    (6)

    It-talba fiha provi biżżejjed li qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat. L-evidenza fit-talba turi dan li ġej.

    (7)

    Wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti, seħħet bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mill-Indoneżja, kif ukoll mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam lejn l-Unjoni.

    (8)

    Jidher li din il-bidla ġejja minn prattika li għaliha ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jiġifieri l-konsenja tal-prodott ikkonċernat li jgħaddi mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam fi triqtu lejn l-Unjoni wara li jiġi sottopost għal operazzjonijiet operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija fit-Tajwan, fit-Turkija jew fil-Vjetnam rispettivament. L-evidenza pprovduta mill-applikant ixxaqleb lejn l-indikazzjoni li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija, li jibdew minn ċangaturi tal-azzar inossidabbli u/jew prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja, jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni peress li l-operazzjonijiet bdew jew żdiedu b’mod sostanzjali mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping. Iċ-ċangaturi tal-azzar inossidabbli u/jew il-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli llaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Indoneżja jikkostitwixxu aktar minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat/lest u l-valur miżjud matul l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija huwa inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

    (9)

    Barra minn hekk, l-evidenza turi li minħabba dawn il-prattiki deskritti hawn fuq, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet. Jidher li fis-suq tal-Unjoni daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat qegħdin isiru bi prezzijiet dannużi.

    (10)

    Fl-aħħar nett, l-evidenza turi li l-prezzijiet tal-prodott investigat huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat, aġġustat għall-iżvilupp tal-prezz tal-prodott ikkonċernat fl-Indoneżja mill-perjodu ta’ investigazzjoni użat meta ġew stabbiliti l-miżuri eżistenti.

    (11)

    Fl-eventwalità li l-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr dik imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri dawn il-prattiki wkoll.

    E.   PROĊEDURA

    (12)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott investigat soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    (13)

    Sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, tista’ wkoll tintalab informazzjoni mill-industrija tal-Unjoni.

    (14)

    L-awtoritajiet tat-Tajwan, tat-Turkija, tal-Vjetnam u tal-Indoneżja se jiġu notifikati bil-bidu tal-investigazzjoni.

    (a)   Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza

    (15)

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti espliċitament (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u (b) li tingħata l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermetti li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

    (16)

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluż l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive (4). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistednin jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    (17)

    Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

    (18)

    Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfornix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    (19)

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

    (20)

    Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jkollhom bżonn kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu hawnhekk https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf.

    Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qegħdin jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3.

    (21)

    Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq.

    (22)

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate G

    Office: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

    Email: TRADE-SSCR-AC@ec.europa.eu

    (b)   Ġbir ta’ informazzjoni u seduti ta’ smigħ

    (23)

    Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn il-preżentazzjonijiet isiru sal-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jippreżentaw talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu.

    (c)   Talbiet għal eżenzjonijiet

    (24)

    F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni.

    (25)

    Peress li ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott investigat fit-Tajwan, fit-Turkija u fil-Vietnam li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definiti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni, jenħtieġ li dawn jippreżentaw ruħhom sal-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi fl-Indoneżja, il-kwestjonarju tal-formola tat-talba għal eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fit-Tajwan, fit-Turkija u fil-Vjetnam u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2674. Il-kwestjonarji għandhom jiġu ppreżentati sal-limitu taż-żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

    F.   REĠISTRAZZJONI

    (26)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li tkun ikkonstatata ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji anti-dumping, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet.

    G.   LIMITI TA’ ŻMIEN

    (27)

    Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien li fihom:

    il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jippreżentaw kwestjonarji, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub jew kwalunkwe informazzjoni oħra li trid tiġi kkunsidrata matul l-investigazzjoni,

    il-produtturi fit-Tajwan, fit-Turkija u fil-Vjetnam ikunu jistgħu jitolbu eżenzjonijiet mill-miżuri,

    il-partijiet interessati jkunu jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

    (28)

    Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti taż-żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

    (29)

    Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (30)

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni ma għandhiex titqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (31)

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    I.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

    (32)

    L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    J.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

    (33)

    Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (34)

    Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.

    K.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

    (35)

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti taż-żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u ta’ terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

    (36)

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fiż-żmien debitu.

    (37)

    Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-oqfsa ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet li minħabba fihom dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

    (38)

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti, mhux maħdumin aktar ħlief llaminati fil-kiesaħ (ridotti fil-kiesaħ), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7219 90 20, 7219 90 80, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81, 7220 20 89, 7220 90 20 u 7220 90 80, ikkonsenjati mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Vjetnam u kemm jekk le (il-kodiċijiet TARIC 7219310010, 7219321010, 7219329010, 7219331010, 7219339010, 7219341010, 7219349010, 7219351010, 7219359010, 7219902010, 7219908010, 7220202110, 7220202910, 7220204110, 7220204910, 7220208110, 7220208910, 7220902010 u 7220908010) humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012.

    Artikolu 2

    1.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, it-talbiet għal eżenzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    3.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu taż-żmien ta’ 37 jum. Għas-seduti dwar l-istadju tal-bidu tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2012 tas-17 ta’ Novembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju anti-dumping provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (ĠU L 410, 18.11.2021, p. 153)..

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/433 tal-15 ta’ Marzu 2022 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju anti-dumping provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja (ĠU L 88, 16.3.2022, p. 24).

    (4)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    Top