Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2428

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2428 tat-23 ta’ Ottubru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, fir-rigward tal-emendar tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

    ST/14068/2023/INIT

    ĠU L, 2023/2428, 27.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2428/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2428/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2428

    27.10.2023

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2428

    tat-23 ta’ Ottubru 2023

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, fir-rigward tal-emendar tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003. F’konformità mad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (2) (id-‘deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali’), hija għandha tiġi applikata sal-31 ta’ Ottubru 2023.

    (2)

    Skont l-Artikolu 95(4), l-ewwel subparagrafu, tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, in-negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġdid (il-“Ftehim il-ġdid”) tnedew f’Settembru 2018. Il-Ftehim il-ġdid ser jiġi ffirmat fil-15 ta’ Novembru 2023 mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Skont l-Artikolu 98(4) tal-Ftehim il-ġdid, l-applikazzjoni proviżorja tiegħu għandha tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-iffirmar ta’ dak il-Ftehim. Għaldaqstant huwa neċessarju li tiġi emendata d-deċiżjoni dwar il-miżuri tranżizzjonali sabiex tiġi estiża ulterjormenttl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

    (3)

    L-Artikolu 95(4), it-tieni subparagrafu, tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jipprevedi li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jadotta kwalunkwe miżuri tranżizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa sakemm il-Ftehim il-ġdid jidħol fis-seħħ.

    (4)

    Skont l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, fit-23 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE ddelega s-setgħat ta’ adozzjoni ta’ miżuri tranżizzjonali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (3). Għaldaqstant huwa l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li għandu jemenda l-miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

    (5)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, peress li l-att previst ser jorbot lill-Unjoni.

    (6)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ser jibqgħu jiġu applikati bil-għan li tinżamm il-kontinwità fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati AKP, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, il-miżuri tranżizzjonali emendati mhumiex maħsuba għala emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif previst fl-Artikolu 95(3) tiegħu,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, għandha tkun li tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 3/2019 l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE sabiex l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE għandhom jiġu applikati f’konformità mal-mira u l-għan tal-Artikolu 95(4) tiegħu.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġie emendat permezz tal-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u permezz tal-Ftehim iffirmat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (ĠU L 1, 3.1.2020, p. 3).

    (3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tat-23 ta’ Mejju 2019 dwar id-delega tas-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar id-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 114).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2428/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top