EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1304

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1304 tas-26 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi

ST/9494/2023/INIT

ĠU L 161, 27.6.2023, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1304/oj

27.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1304

tas-26 ta’ Ġunju 2023

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1), 41(2), 42(4) u 30(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill qabel li l-limitu massimu finanzjarju ġenerali tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“Faċilità”) jenħtieġ li jiżdied b’EUR 2 000 miljun (fi prezzijiet tal-2018) matul is-snin bejn l-2024 u l-2027. L-implimentazzjoni ta’ dik iż-żieda għandha tirrispetta l-limitu massimu għall-pagamenti miftiehma għall-2023. Il-Kunsill irrikonoxxa wkoll li minħabba l-evoluzzjoni tal-ambjent tas-sigurtà internazzjonali jaf ikunu neċessarji aktar żidiet tal-limitu massimu finanzjarju ġenerali tal-Faċilità sal-2027. Kwalunkwe żieda oħra għandha tiġi deċiża mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu u għandha tiġi stabbilita f’emenda għad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1). Iż-żieda globali totali tal-limitu massimu finanzjarju tal-Faċilità sal-2027 m’għandhiex taqbeż EUR 5 500 miljun (fi prezzijiet tal-2018).

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill Ewropew enfasizza mill-ġdid id-dimensjoni globali tal-Faċilità u laqa’ l-ftehim fil-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2022 biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tagħha.

(3)

Fit-13 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/577 (2), li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

(4)

Fl-20 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill qabel li jikkunsidra żieda ulterjuri tal-limitu massimu finanzjarju ġenerali tal-Faċilità b’EUR 3 500 miljun (fi prezzijiet tal-2018). L-implimentazzjoni ta’ dik iż-żieda għandha tirrispetta l-ambitu globali u l-prevedibbiltà tal-Faċilità u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament fit-tul tagħha għal miżuri ta’ assistenza li jipprovdu kemm tagħmir letali kif ukoll mhux letali u għal missjonijiet u operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta’ dik iż-żieda hija li tirrispetta l-limitu massimu għall-pagamenti maqbul għall-2023. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-limitu finanzjarju massimu għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-perjodu 2021-2027 għandu jkun ta’ EUR 12 040 000 000 fi prezzijiet attwali.

2.   It-tqassim tal-limitu finanzjarju massimu fis-sena għandu jkun kif stipulat fl-Anness I.

3.   Il-limitu finanzjarju massimu għandu jintuża b’mod li jippreserva l-ambitu ġeografiku dinji tal-Faċilità u l-kapaċità tal-Unjoni li tipprevjeni l-kriżijiet u l-kunflitti u tirrispondi malajr għalihom, primarjament iżda mhux esklużivament f’żoni li juru l-aktar theddid urġenti u kritiku għas-sigurtà tal-Unjoni wara, skont l-Artikolu 9(1), il-prijoritajiet strateġiċi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kumitat tal-Faċilità msemmi fl-Artikolu 11 għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-limitu massimu billi jiddefinixxi l-ammonti globali maħsuba għall-miżuri ta’ assistenza u l-ammonti globali maħsuba għall-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tagħha. Il-Kumitat tal-Faċilità għandu jirrevedi dawk l-ammonti globali skont il-ħtieġa f’konformità mal-orjentazzjoni strateġika pprovduta mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà skont l-Artikolu 9(2).”

;

(2)

fl-Artikolu 73, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“10.   Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar l-użu tal-limitu finanzjarju massimu skont l-Artikolu 2(3) sat-30 ta’ Settembru 2023.”

;

(3)

L-Anness I huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

LIMITI MASSIMI FINANZJARJI ANNWALI

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati fil-limiti tal-ammonti li ġejjin, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17(3) u (3a) u soġġett għall-Artikolu 73(2):

Prezzijiet attwali f’miljuni ta’ euro

 

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Prezzijiet attwali

399

591

980

2 785

2 380

2 425

2 480

”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/577 tat-13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (ĠU L 75, 14.3.2023, p. 23).


Top