Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1025

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1025 tat-22 ta’ Mejju 2023 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1490

    ST/8771/2023/INIT

    ĠU L 137, 25.5.2023, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1025/oj

    25.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 137/26


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1025

    tat-22 ta’ Mejju 2023

    li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1490

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 287, il-punt (12), tad-Direttiva 2006/112/KE jippermetti lill-Ungerija teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

    (2)

    Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/73 (2), l-Ungerija kienet awtorizzata, sal-31 ta’ Diċembru 2024, biex tkompli tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287, il-punt (12), tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk biex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma kienx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 48 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni (“il-miżura speċjali”).

    (3)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2022, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex iżżid il-livell limitu tal-miżura speċjali eżistenti għal EUR 71 500 għall-bqija tal-perjodu awtorizzat.

    (4)

    Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba tal-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Jannar 2023. Permezz ta’ ittra bid-data tat-12 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

    (5)

    Il-miżura speċjali mitluba mill-Ungerija hija fi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3), li l-għan tagħha huwa li jitnaqqas il-piżtal-konformità għall-impriżi ż-żgħar u jiġu evitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern.

    (6)

    Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (7)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ungerija, il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT tal-Ungerija li jinġabar fl-istadju tal-konsum finali.

    (8)

    Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (4), ma għandu jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Ungerija fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji bbażata fuq il-VAT mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

    (9)

    Minħabba l-fatt li l-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fuq is-simplifikazzjoni tal-obbligi relatati mal-VAT, peress li naqset il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u minħabba li ma jistax ikollha impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li l-Ungerija tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali.

    (10)

    Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024 l-Istati Membri jridu jadottaw u jippubblikaw, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1(12) ta’ dik id-Direttiva u jridu japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, huwa adatt li l-Ungerija tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    (11)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1490 (5) titħassar,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikolu 287, il-punt (12), tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 71 500 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1490 hija mħassra.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/73 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1490 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni lill-Ungerija biex tapplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 12, 19.1.2022, p. 148).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1490 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 38).


    Top