Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2305

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2305 tal-24 ta’ Novembru 2022 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva b’riskju baxx żejt tal-ħuta f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/8364

    ĠU L 305, 25.11.2022, p. 53–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2305/oj

    25.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/53


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2305

    tal-24 ta’ Novembru 2022

    li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva b’riskju baxx żejt tal-ħuta f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) flimkien mal-Artikolu 22(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (2) inkludiet iż-żejt tal-ħuta bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

    (2)

    Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

    (3)

    Kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva żejt tal-ħuta, tiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2023.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) u fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak l-Artikolu, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva żejt tal-ħuta lir-Repubblika Ċeka, bħala Stat Membru relatur.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, l-applikant ressaq id-dossiers supplimentari meħtieġa. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet ammissibbli.

    (6)

    Ir-Repubblika Ċeka ħejjiet abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid b’konsultazzjoni ma’ Franza, l-Istat Membru korelatur, u ressqitu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Settembru 2020. Fl-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid tagħha, ir-Repubblika Ċeka pproponiet li ġġedded l-approvazzjoni taż-żejt tal-ħuta bħala sustanza b’riskju baxx.

    (7)

    L-Awtorità għamlet id-dossier tas-sommarju supplimentari disponibbli għall-pubbliku. L-Awtorità ċċirkolat ukoll l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti u nediet konsultazzjoni pubblika dwaru. L-Awtorità għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. Fis-16 ta’ Diċembru 2021, l-Awtorità kkomunikat lill-Kummissjoni, il-konklużjoni tagħha (6) li indikat li jista jkun mistenni li ż-żejt tal-ħuta jissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fit-30 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ressqet rapport tat-tiġdid, u fis-17 ta’ Mejju 2022 ippreżentat abbozz ta’ dan ir-Regolament dwar iż-żejt tal-ħuta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    (8)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex iressaq il-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità u, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, dwar ir-rapport tat-tiġdid. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa u ġew ikkunsidrati fejn xieraq.

    (9)

    Ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati rigward użu wieħed jew aktar, ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva żejt tal-ħuta.

    (10)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 iż-żejt tal-ħuta huwa sustanza attiva b’riskju baxx. Iż-żejt tal-ħuta mhuwiex sustanza ta’ tħassib u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    (11)

    Għalhekk, jixraq li tiġġedded l-approvazzjoni taż-żejt tal-ħuta bħala sustanza b’riskju baxx.

    (12)

    Madanakollu, f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li tiġi stabbilita purità minima tas-sustanza attiva kif manifatturata sabiex tiġi żgurata is-sikurezza tas-sustanza attiva li għandha tintuża fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

    (13)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

    (14)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/708 (7) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni taż-żejt tal-ħuta sal-31 ta’ Awwissu 2023 sabiex il-proċess tat-tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva. Madankollu, dan ir-Regolament għandu jibda japplika malajr kemm jista’ jkun, peress li laħqet ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid qabel dik id-data ta’ skadenza estiża.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

    Kif speċifikat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva żejt tal-ħuta qed tiġġedded bil-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta’ bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26). Dan ir-Regolament ġie sostitwit bir-Regolament (UE) 2020/1740, madankollu, għandu jkompli japplika għall-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi: (1) li l-perjodu ta’ approvazzjoni tagħhom jintemm qabel is-27 ta’ Marzu 2024; (2) li fil-każ tagħhom, Regolament adottat f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fis-27 ta’ Marzu 2021 jew wara din id-data, jestendi l-perjodu ta’ approvazzjoni sas-27 ta’ Marzu 2024 jew sa wara din id-data.

    (6)  EFSA Journal 2022;20(1):10600, 39 pp. doi:10.2903/j.efsa.2022.10600 Disponibbli online: www.efsa.europa.eu

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/708 tal-5 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2,5-dichlorobenzoic acid methylester, aċidu aċetiku, aclonifen, sulfat tal-ammonju tal-aluminju, aluminium phosphide, silikat tal-aluminju, beflubutamid, benthiavalicarb, boscalid, calcium carbide, captan, cymoxanil, dimethomorph, dodemorph, ethephon, ethylene, estratt mis-siġra tat-te, residwi ta’ distilazzjoni tax-xaħam, aċidi xaħmin C7 sa C20, fluoxastrobin, flurochloridone, folpet, formetanate gibberellic acid, gibberellins, hydrolysed proteins, sulfat tal-ħadid, magnesium phosphide, metam, metamitron, metazachlor, metribuzin, milbemectin, fenmedifam, pirimiphos-methyl, żjut tal-pjanti/essenza tal-qronfol, żjut tal-pjanti/żejt tal-kolza, żjut tal-pjanti/żejt tan-nagħniegħ, propamocarb, proquinazid, prothioconazole, piretrini, ir-ramel kwarz, żejt tal-ħut, repellenti permezz ta’ riħa ta’ oriġini mill-annimali jew mill-pjanti/xaħam tan-nagħaġ, S-metolachlor, Feromoni tal-Lepidopteri ta’ Katina Dritta, sulcotrione, tebuconazole u urea (ĠU L 133, 10.5.2022, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni,

    Numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Żejt tal-ħuta

    Nru CAS: 8016-13-5

    Nru CIPAC: 918

    Mhux applikabbli

    Purità minima tas-sustanza attiva kif manifatturata: Żejt tal-ħuta 100 %.

    Identità tal-impuritajiet rilevanti (ta’ tħassib tossikoloġiku, ekotossikoloġiku u/jew ambjentali) fis-sustanza attiva kif manifatturata:

    Livelli massimi skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/32/KE (2) għall-impuritajiet li ġejjin, proporzjonati għal żejt tal-ħuta b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %:

     

    5 ng/kg tas-somma ta’ dibenżo-paradiossini poliklorinati (PCDDs) u dibenżofurani poliklorinati (PCDFs)  (3)

     

    20 ng/kg tas-somma ta’ dibenżo-paradiossini poliklorinati (PCDDs), dibenżofurani poliklorinati (PCDFs) u bifenili poliklorinati simili għad-diossini (PCBs) (4)

     

    0,5 mg/kg ta’ merkurju

     

    2 mg/kg ta’ kadmju

     

    10 mg/kg ta’ ċomb

     

    175 μg/kg ta’ PCBs mhux simili għad-diossini

    l-1 ta’ Marzu 2023

    it-28 ta’ Frar 2038

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar iż-żejt tal-ħuta, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    Fejn xieraq, il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju.


    (1)  Fir-rapport tat-tiġdid jinsabu aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva.

    (2)  Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10).

    (3)  Espressi bħala l-ekwivalenti tossiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

    (4)  Espressi bħala l-ekwivalenti tossiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).


    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-Parti A, titħassar l-entrata 248 dwar iż-żejt tal-ħuta;

    (2)

    fil-Parti D, tiżdied l-entrata li ġejja:

    Nru

    Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “41

    Żejt tal-ħuta

    Nru CAS: 8016-13-5

    Nru CIPAC: 918

    Mhux applikabbli

    Purità minima tas-sustanza attiva kif manifatturata: Żejt tal-ħuta 100 %

    Identità tal-impuritajiet rilevanti (ta’ tħassib tossikoloġiku, ekotossikoloġiku u/jew ambjentali) fis-sustanza attiva kif manifatturata:

    Livelli massimi skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/32/KE (2) għall-impuritajiet li ġejjin, proporzjonati għal żejt tal-ħuta b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %:

     

    5 ng/kg tas-somma ta’ dibenżo-paradiossini poliklorinati (PCDDs) u dibenżofurani poliklorinati (PCDFs) (3)

     

    20 ng/kg tas-somma ta’ dibenżo-paradiossini poliklorinati (PCDDs), dibenżofurani poliklorinati (PCDFs) u bifenili poliklorinati simili għad-diossini (PCBs) (4)

     

    0,5 mg/kg ta’ merkurju

     

    2 mg/kg ta’ kadmju

     

    10 mg/kg ta’ ċomb

     

    175 μg/kg ta’ PCBs mhux simili għad-diossini

    l-1 ta’ Marzu 2023

    it-28 ta’ Frar 2038

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar iż-żejt tal-ħuta, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

    Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, fejn xieraq.


    (1)  Fir-rapport tat-tiġdid jinsabu aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva.

    (2)  Id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10).

    (3)  Espressi bħala l-ekwivalenti tossiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

    (4)  Espressi bħala l-ekwivalenti tossiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).”


    Top