Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2076

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2076 tal-25 ta’ Ottubru 2022 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2022/7848

    ĠU L 280, 28.10.2022, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2076/oj

    28.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 280/7


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2076

    tal-25 ta’ Ottubru 2022

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Gerassimos THOMAS

    Direttur Ġenerali

    Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Oġġett li jikkonsisti minn wajers elettriċi iżolati tar-ram, miġburin flimkien, iddisinjat apposta għall-installazzjoni ta’ apparat fiss touchscreen, ikkontrollat bil-vuċi u handsfree (imsejjaħ kitt tal-karozzi) f’vettura bil-mutur.

    L-oġġett jinkludi żewġ fuses u konnetturi differenti, inklużi konnetturi bullet. Il-kompożizzjoni eżatta tal-oġġett (l-għadd ta’ wajers u konnetturi speċifiċi) tiddependi fuq il-mudell speċifiku tal-vettura bil-mutur.

    Hekk kif jiġi installat, l-oġġett jgħaqqad flimkien il-kejbils eżistenti tas-sistema tar-radju tal-karozza mal-kitt tal-karozza (li jippermetti t-tħaddim ta’ mobile konness bil-Bluetooth).

    Dan jippermetti t-trażmissjoni ta’ sinjali elettriċi mill-kitt tal-karozza għas-sistema tar-radju tal-karozza (anke biex jitwaqqfu ħsejjes oħra waqt it-telefonati) u jipprovdi provvista tal-elettriku.

    8544 30 00

    Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8544 u 8544 30 00 .

    L-oġġett jikkonsisti minn wajers tal-intestatura 8544 magħmulin f’sett (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 8544 , it-tmien paragrafu, l-aħħar sentenza).

    L-oġġett huwa ddisinjat apposta wkoll biex jiġi installat f’vettura bil-mutur sabiex joħloq interkonnessjoni bejn diversi apparati tal-vettura bil-mutur u biex iwassal sinjali tal-elettriku u elettriċi.

    Għalhekk l-oġġett għandu l-karatteristiċi oġġettivi ta’ “settijiet oħrajn ta’ sistemi ta’ wajers tat-tip użat f’vetturi” tal-kodiċi NM 8544 30 00 . Konsegwentement, il-klassifikazzjoni taħt is-subintestatura 8544 42 bħala “kondutturi elettriċi oħra, għal vultaġġ li ma jaqbiżx l-1 000  V, mgħammrin b’konnetturi” hija eskluża.

    Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8544 30 00 bħala “settijiet oħrajn ta’ sistemi ta’ wajers ta’ tip użat f’vetturi, inġenji tal-ajru jew bastimenti”.


    Top