Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0478

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/478 tal-24 ta’ Marzu 2022 rigward iż-żamma ta’ miżuri ta’ protezzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi mit-Turkija intenzjonati għall-konsum mill-bniedem (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/1705

    ĠU L 98, 25.3.2022, p. 54–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/01/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/478/oj

    25.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 98/54


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/478

    tal-24 ta’ Marzu 2022

    rigward iż-żamma ta’ miżuri ta’ protezzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ molluski bivalvi mit-Turkija intenzjonati għall-konsum mill-bniedem

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 743/2013 (2) ġie adottat peress li l-awditi tal-Kummissjoni identifikaw nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti Torok fil-produzzjoni ta’ molluski bivalvi intenzjonati għad-dħul fl-Unjoni, u peress li l-Istati Membri rrapportaw konsenji mhux konformi ta’ molluski bivalvi li joriġinaw mit-Turkija u li ma kinux qed jissodisfaw l-istandards mikrobijoloġiċi tal-Unjoni.

    (2)

    L-iktar awditu reċenti tal-Kummissjoni li sar f’Settembru 2015, sab li għad hemm nuqqasijiet sinifikanti fis-sistema ta’ kontroll għall-molluski bivalvi intenzjonati għad-dħul fl-Unjoni.

    (3)

    F’Jannar 2020, l-awtoritajiet kompetenti Torok ippreżentaw informazzjoni rigward il-miżuri korrettivi li nbdew biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet. Filwaqt li dan inizjalment ġie vvalutat b’mod favorevoli fuq il-karta, awditu fuq il-post biex tiġi vverifikata l-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet għadu ma kienx possibbli minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-COVID-19. Sakemm l-eżiti ta’ dan l-awditu jkunu tqiesu b’mod favorevoli, il-miżuri imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 743/2013 jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ.

    (4)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 743/2013 skada fil-31 ta’ Diċembru 2021. Barra minn hekk, minħabba li d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE (3), li tikkostitwixxi l-bażi għar-Regolament imsemmi hawn fuq, ma għadhiex applikabbli, il-bażi ġuridika tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi aġġornata biex tirreferi għall-Artikolu 128 tar-Regolament (UE) 2017/625.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-molluski bivalvi ħajjin, imkessħin, iffriżati u pproċessati intenzjonati għall-konsum mill-bniedem (Kodiċijiet NM: 0307, 1605) u li joriġinaw jew li jintbagħtu mit-Turkija.

    Artikolu 2

    Projbizzjoni tad-dħul ta’ molluski bivalvi ħajjin u mkessħin

    L-Istati Membri ma għandhomx jippermettu d-dħul fl-Unjoni ta’ molluski bivalvi ħajjin u mkessħin li joriġinaw jew li jintbagħtu mit-Turkija.

    Artikolu 3

    Miżuri li jikkonċernaw molluski bivalvi ffriżati u pproċessati

    1.   L-Istati Membri, billi jużaw pjanijiet għat-teħid ta’ kampjuni u metodi ta’ detezzjoni xierqa, għandhom iwettqu testijiet fuq il-konsenji ta’ molluski bivalvi ffriżati u pproċessati li joriġinaw jew li jintbagħtu mit-Turkija kif previst fl-paragrafu 2.

    Dawk it-testijiet għandhom jitwettqu fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni tal-konsenji kkonċernati.

    2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu t-testijiet meħtieġa biex jidentifikaw:

    (a)

    il-livell ta’ kontaminazzjoni ta’ Escherichia coli fil-konsenji kollha ta’ molluski bivalvi ffriżati;

    (b)

    il-preżenza ta’ bijotossini tal-baħar fil-konsenji kollha ta’ molluski bivalvi ffriżati jew ipproċessati.

    3.   Il-konsenji soġġettati għat-testijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jibqgħu taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kkonċernat sakemm jaslu u jiġu vvalutati r-riżultati ta’ dawk it-testijiet.

    4.   Jekk it-testijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 jindikaw li konsenja x’aktarx li tkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tissekwestra u jew teqred il-konsenja jew tissoġġettaha għal trattament speċjali kif previst fl-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2017/625 u f’konformità mal-Artikolu 71(1) u (2) ta’ dak l-istess Regolament.

    Artikolu 4

    Nefqiet

    In-nefqiet kollha mġarrba mill-Istati Membri bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu mgħoddija lill-operatur jew lir-rappreżentant tiegħu/tagħha responsabbli mill-konsenja fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ dik il-konsenja fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fir-raba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 743/2013 tal-31 ta’ Lulju 2013 li jintroduċi miżuri ta’ protezzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-molluski bivalvi mit-Turkija intenzjonati għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 205, 1.8.2013, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).


    Top