Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022L0277

    Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/277 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fil-lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet ta’ tidwil ġenerali < 30 W b’tul tal-ħajja ta’ 20000 siegħa jew iktar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/8956

    ĠU L 43, 24.2.2022, p. 35–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2022/277/oj

    24.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 43/35


    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/277

    tat-13 ta’ Diċembru 2021

    li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fil-lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet ta’ tidwil ġenerali < 30 W b’tul tal-ħajja ta’ 20 000 siegħa jew iktar

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III tad-Direttiva.

    (2)

    Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

    (4)

    Permezz tad-Direttiva Delegata 2014/14/UE (2), il-Kummissjoni tat eżenzjoni għall-użu tal-merkurju, b’kontenut massimu ta’ 3,5 mg, f’lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet ta’ tidwil ġenerali < 30 W b’tul tal-ħajja ta’ 20 000 siegħa jew iktar (“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 1(g) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017, f’konformità mal-Anness III tad-Direttiva 2014/14/UE.

    (5)

    Il-merkurju jintuża fil-lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda sabiex jiġi prodott dawl ultravjola, li mbagħad jiġi kkonvertit f’dawl viżibbli mill-kisi fluworexxenti fuq il-bozza tal-lampa.

    (6)

    Fit-28 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“l-applikazzjoni għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, u din ġiet aġġornata b’applikazzjoni mġedda fis-17 ta’ Jannar 2020. F’konformità mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tiġi adottata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

    (7)

    L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li s-sostituti ħielsa mill-merkurju li huma affidabbli biżżejjed għat-tipi ta’ lampi koperti mill-eżenzjoni huma disponibbli u li s-sostituzzjoni hija prattikabbli xjentifikament u teknikament. Barra minn hekk, dik l-evalwazzjoni kkonkludiet li huwa ċar li l-benefiċċji tas-sostituzzjoni se jikkumpensaw għal kwalunkwe impatt negattiv. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawn il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

    (8)

    Ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/65/UE ma għadhomx issodisfati iktar, l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġi rrevokata.

    (9)

    Jenħtieġ li tiġi stabbilita data tal-iskadenza għall-eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2011/65/UE. Filwaqt li ammont żgħir tat-tipi ta’ lampi (3) koperti minn din l-eżenzjoni huma soġġetti għall-kriterji tal-ekodisinn stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2020 (4), li huma applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2021, u għalhekk mhux se jibqgħu jitqiegħdu fis-suq, il-maġġoranza l-kbira tal-lampi koperti mill-eżenzjoni attwali mhumiex affettwati mill-kriterji skont ir-Regolament dwar l-Ekodisinn imsemmi hawn fuq. B’hekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita d-data tal-iskadenza massima possibbli ta’ 18-il xahar wara d-deċiżjoni fir-rigward tal-entrata sħiħa tal-eżenzjoni sabiex jiġu evitati kostijiet soċjoekonomiċi għoljin bla bżonn għall-parteċipanti fis-suq b’rabta diretta mas-sostituzzjoni tal-kategorija tal-aħħar.

    (10)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2022.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

    (2)  Id-Direttiva ta’ Delega tal-Kummissjoni 2014/14/UE tat-18 ta’ Ottubru 2013 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għal 3,5 mg ta’ merkurju għal kull bozza f’bozoz fluworexxenti kompatti b’kappa waħda għal skopijiet ta’ illuminazzjoni ġenerali < 30 W b’ħajja ta’ 20 000 siegħa jew iktar (ĠU L 4, 9.1.2014, p. 71).

    (3)  Il-lampi CFL b’tagħmir ta’ kontroll integrat (CFLi) huma koperti bl-entrata “Sorsi tad-dawl oħra fil-kamp ta’ applikazzjoni mhux imsemmija hawn fuq” fit-Tabella 1 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2020 mill-1 ta’ Settembru 2021.

    (4)  Kif iddikjarat fil-Premessi 9 u 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2020, l-ebda rekwiżit speċifiku tal-ekodisinn dwar il-kontenut tal-merkurju ma għandu jiġi stabbilit f’dak ir-Regolament.


    ANNESS

    Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrata 1(g) hija sostitwita b’dan li ġej:

    Eżenzjoni

    Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà

    “1(g)

    Għal finijiet ta’ tidwil ġenerali < 30 W b’tul tal-ħajja ta’ 20 000  siegħa jew iktar: 3,5 mg

    Tiskadi fl-24 ta’ Awwissu 2023”


    Top