Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1643

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1643 tal-20 ta’ Settembru 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

    ST/8896/2022/INIT

    ĠU L 248, 26.9.2022, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1643/oj

    26.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1643

    tal-20 ta’ Settembru 2022

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati mal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) għal ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru.

    (2)

    Fis-26 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill estenda b’sena l-awtorizzazzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2016.

    (3)

    In-negozjati għall-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha (“il-Ftehim”) ġew konklużi b’suċċess fit-2 ta’ Ġunju 2021.

    (4)

    L-Istati Membri tal-ASEAN huma fost l-iktar ekonomiji li qed jikbru malajr fid-dinja, u s-swieq tagħhom għas-servizzi tal-ajru għandhom potenzjal qawwi għal iktar tkabbir. Il-Ftehim għandu l-għan b’mod partikolari li jiżgura kompetizzjoni ġusta, il-faċilitazzjoni tal-ftuħ gradwali tas-suq u żieda fl-aċċess għal rotot u għall-kapaċità bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tal-ASEAN, biex b’hekk ikun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u għall-ekonomija.

    (5)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni.

    (6)

    L-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni ma jaffettwax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tiġix interpretata bħala li tagħmel użu mill-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mill-Ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża sal-punt li tali kompetenza tkun għadha ma ġietx eżerċitata internament mill-Unjoni.

    (7)

    Sabiex il-Ftehim iwassal il-benefiċċji sħaħ tiegħu malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li huwa jiġi konkluż b’mod rapidu. Għal dak l-għan, huwa previst li, fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Membri tal-Assoċjazzjonijiet tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja jagħmlu dikjarazzjoni (“id-dikjarazzjoni mill-Partijiet”) li, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli tagħhom, se jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex idaħħlu fis-seħħ il-Ftehim malajr kemm jista’ jkun.

    (8)

    Ir-rispons mhux koordinat tal-pajjiżi madwar id-dinja għall-pandemija tal-COVID-19 kien partikolarment ta’ tfixkil għall-industrija tal-avjazzjoni. Sabiex jiġi evitat tali tfixkil f’każ ta’ kriżijiet futuri, hemm bżonn koordinazzjoni aħjar bejn l-Unjoni u s-sħab internazzjonali ewlenin. Għalhekk, huwa previst li fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim, il-Partijiet jesprimu wkoll fid-dikjarazzjoni mill-Partijiet l-intenzjoni tagħhom li jibqa’ jkollhom diskussjonijiet u koordinazzjoni mill-qrib, fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Konġunt previst skont il-Ftehim, dwar ir-risponsi għal avvenimenti ta’ kriżi mhux mistennija bħall-pandemija tal-COVID-19, bl-objettiv li jittaffew, sa fejn ikun possibbli, kwalunkwe effett ta’ tfixkil għas-servizzi tal-ajru.

    (9)

    Id-dikjarazzjoni mill-Partijiet jenġtieġ li tiġi approvata f’isem l-Unjoni.

    (10)

    Id-dikjarazzjoni mill-Partijiet, kif ukoll dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-Unjoni u l-Istati Membri tal-ASEAN bl-eċċezzjoni tal-Malasja u dikjarazzjoni mill-Malasja, ser jiġu kkumpilati f’Reġistru ta’ Dikjarazzjonijiet li jsiru fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru ASEAN-UE (“ir-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet”). Jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tar-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim (1).

    Artikolu 2

    Id-Dikjarazzjoni mill-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja u mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha (2) hija b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tar-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet magħmula fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru ASEAN-UE, huwa b’dan awtorizzat (3).

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw ir-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BEK


    (1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni tal-konklużjoni tiegħu.

    (2)  It-test tad-Dikjarazzjoni ser jiġi ppubblikat flimkien mal-Ftehim.

    (3)  It-test tar-Reġistru tad-Dikjarazzjonijiet ser jiġi ppubblikat flimkien mal-Ftehim.


    Top