Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1401

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1401 tat-12 ta’ Awwissu 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 fir-rigward tal-istandards Ewropej għal ċerti oġġetti tal-kura tat-tfal, għamara tat-tfal, tagħmir tal-ġinnastika, lighters u tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/5866

    ĠU L 213, 16.8.2022, p. 59–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1401/oj

    16.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 213/59


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1401

    tat-12 ta’ Awwissu 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 fir-rigward tal-istandards Ewropej għal ċerti oġġetti tal-kura tat-tfal, għamara tat-tfal, tagħmir tal-ġinnastika, lighters u tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/95/KE prodott għandu jitqies bħala sikur sa fejn u sakemm jirrigwarda r-riskji u l-kategoriji tar-riskji koperti bl-istandards nazzjonali rilevanti, meta jkun konformi mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva.

    (2)

    Permezz tal-ittra M/264 tas-16 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (European Committee for Standardisation, “CEN”) biex iħejji standards Ewropej relatati mas-sikurezza tal-oġġetti għall-indukrar tat-tfal (it-“talba M/264”).

    (3)

    Abbażi ta’ dik it-talba, is-CEN adotta l-istandard EN 716-1:2017 “Għamara - Sodod tat-tfal u sodod tat-tfal li jintlwew għall-użu domestiku - Parti 1: Rekwiżiti tas-sigurtà” u, barra minn hekk, standard konsolidat EN 716-1:2017+AC:2019, biex jinkludi r-rettifika AC:2019. L-istandard konsolidat EN 716-1:2017+AC:2019 jikkonforma mar-rekwiżit tas-sigurtà ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenzi tal-istandard EN 716-1:2017+AC:2019 għalhekk jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    (4)

    Fis-27 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/479/UE (2) dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jintlaħqu mill-istandards Ewropej għal tagħmir tal-ġinnastika.

    (5)

    Permezz tal-ittra M/507 tal-5 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni għamlet talba lis-CEN biex iħejji standards Ewropej dwar it-tagħmir tal-ġinnastika. Abbażi ta’ dik it-talba, is-CEN adotta l-istandard EN 914:2008 “Tagħmir tal-ġinnastika — Żbarri paralleli u kombinazzjoni ta’ żbarri asimetriċi/paralleli — Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar inkluża sigurtà”, li r-referenzi tiegħu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

    (6)

    Filwaqt li ħa kont tal-għarfien il-ġdid u l-iżvilupp tas-suq, is-CEN abbozza l-istandard il-ġdid EN 914:2020 li jikkonforma mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenza tiegħu għalhekk jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u tissostitwixxi r-referenza tal-istandard EN 914:2008.

    (7)

    Fit-2 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/376/UE (4) dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu sodisfatti mill-istandards Ewropej għal ċerti prodotti fl-ambjent tal-irqad għat-tfal.

    (8)

    Permezz tal-ittra M/497 tal-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni għamlet talba lis-CEN biex iħejji standards Ewropej dwar is-sikurezza ta’ oġġetti għall-kura tat-tfal, raggruppament 2 - riskji fl-ambjent tal-irqad. Abbażi ta’ dik it-talba, is-CEN adotta l-istandard EN 1130-1:1996 “Għamara — Bennieni u sodod għal użu domestiku — Parti 1: Rekwiżiti ta’ sigurtà” u EN 1130-2:1996 “Għamara — Bennieni u sodod għal użu domestiku — Parti 2: Metodi ta’ ttestjar”. Ir-referenzi ta’ dawk l-istandards ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5).

    (9)

    Filwaqt li ħa kont tal-għarfien il-ġdid u l-iżvilupp tas-suq, is-CEN adotta l-istandard il-ġdid EN 1130:2019 “Għamara tat-tfal - Bennieni - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar” li jikkonforma mar-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenza tal-istandard EN 1130:2019 għalhekk jenħtieġ li tissostitwixxi r-referenzi għall-istandards EN 1130-1:1996 u EN 1130-2:1996.

    (10)

    Imbagħad is-CEN abbozza r-rettifika EN 1130:2019/AC:2020 biex jikkoreġi l-abbrevjazzjoni kimika għall-Manganiż. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ EN 1130:2019, huwa xieraq li r-referenza għar-rettifika EN 1130:2019/AC:2020 tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ EN 1130:2019.

    (11)

    Fis-7 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2013/121/UE (6) dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għal ċerti sits għat-tfal.

    (12)

    Fit-22 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C (2014) 5058 final (7) dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jabbozzaw standards Ewropej għal ċerti sits għat-tfal (it-“talba M/527”).

    (13)

    Abbażi ta’ dik it-talba, is-CEN adotta l-istandard EN 1272:2017 “Oġġetti għall-kura tat-tfal - siġġijiet immuntati fuq il-mejda - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar” li jikkonforma mar-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenza tal-istandard EN 1272:2017 għalhekk jenħtieġ li tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    (14)

    Abbażi tat-talba M/264, is-CEN adotta l-istandard EN 1400:2013+A2:2018 “Oġġetti għall-użu u kura tat-tfal - Gażażi għat-trabi u t-tfal iż-żgħar - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar” li jikkonforma mar-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenza tal-istandard EN 1400:2013+A2:2018 għalhekk jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (15)

    Abbażi tat-talba M/264, is-CEN abbozza r-rettifika EN 1466:2014/AC:2015 “Oġġetti għall-użu u kura tat-tfal - kerrikots u stands - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar” għal EN 1466:2014. Ir-referenza tal-istandard EN 1466:2014 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8). Fid-dawl tal-fatt li r-rettifika EN 1466:2014/AC:2015 tinkludi korrezzjonijiet tekniċi, u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u konsistenti tal-EN 1466:2014, huwa xieraq li r-referenza tar-rettifika EN 1466:2014/AC:2015 tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ EN 1466:2014 li ġiet ippubblikata qabel.

    (16)

    Permezz tal-ittra M/266 tas-16 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni għamlet talba lis-CEN biex iħejji standards relatati mal-lighters għas-sikurezza tal-konsumaturi u t-tfal. Abbażi ta’ dik it-talba, is-CEN adotta l-istandard EN ISO 9994:2006 “Lighters - Speċifikazzjoni tas-sigurtà (ISO 9994:2005)”. Ir-referenza tal-istandard EN 9994:2006 ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (9).

    (17)

    Filwaqt li ħa kont tal-għarfien il-ġdid, is-CEN adotta l-istandard il-ġdid EN ISO 9994:2019 “Lighters - Speċifikazzjoni tas-sigurtà (ISO 9994:2018)” li jikkonforma mar-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Għalhekk, ir-referenza tal-istandard EN ISO 9994:2019 jenħtieġ li tissostitwixxi r-referenza tal-EN ISO 9994:2006.

    (18)

    Abbażi tat-talba M/527, is-CEN adotta l-istandard EN 14988:2017+A1:2020 “Sits għolja tat-tfal - Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar” li jikkonforma mar-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenza tal-istandard EN 14988:2017+A1:2020 għalhekk jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (19)

    Abbażi tat-talba M/527, is-CEN adotta l-istandard EN 16120:2012+A2:2016 “Oġġetti għall-użu u kura tat-tfal - sit immuntat mas-siġġu” li jikkonforma mar-rekwiżit ta’ sigurtà ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenzi tal-istandard EN 16120:2012+A2:2016 għalhekk jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (20)

    Fit-23 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2009/490/KE (10) dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għal plejers personali tal-mużika.

    (21)

    Permezz tal-ittra M/452 tat-28 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (European Committee for Electrotechnical Standardization, “CENELEC”) biex ifassal standards Ewropej għal plejers personali tal-mużika. Abbażi ta’ din it-talba, is-CENELEC adotta l-istandard EN IEC 62368-1:2020 dwar “Awdjo/vidjo, tagħmir awdjo/video, teknoloġija tal-informatika u komunikazzjoni - Parti 1: Rekwiżiti ta’ sigurtà” u, barra minn hekk, l-emenda EN IEC 62368-1:2020/A11:2020. L-EN IEC 62368-1:2020 qed jiġi propost bl-emenda A11:2020 tiegħu, li tikkonforma mar-rekwiżit tas-sigurtà ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Ir-referenza tiegħu jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tissostitwixxi r-referenzi EN 60065:2002 “Awdjo, video u apparat elettroniku simili - Rekwiżiti ta’ sigurtà” u EN 60950-1:2006 “Tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni - Sigurtà - Parti 1: Rekwiżiti ġenerali”. Madankollu, il-pubblikazzjoni ta’ dawk ir-referenzi jenħtieġ li tkun limitata għall-klawżoli 3.3.19 “Espożizzjoni akustika” u 10.6 “Salvagwardja kontra sorsi ta’ enerġija akustika”, peress li l-għan tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/490/KE huwa limitat biex jiġi żgurat li l-espożizzjoni għall-ħsejjes minn plejers personali tal-mużika ma toħloqx riskju għas-smigħ.

    (22)

    Ir-referenzi tal-istandards Ewropej adottati b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE huma ppubblikati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698. Biex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards Ewropej abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE jiġu elenkati f’att wieħed, ir-referenzi rilevanti tal-istandards il-ġodda, l-emendi u l-korrezzjonijiet għall-istandards jenħtieġ li jiġu inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698.

    (23)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 tiġi emendata skont dan.

    (24)

    Il-konformità mal-istandard nazzjonali rilevanti li jittrasponi l-istandard Ewropew li r-referenzi tiegħu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tagħti preżunzjoni ta’ sikurezza sa fejn huma relatati r-riskji u l-kategoriji ta’ riskji koperti mill-istandard nazzjonali rilevanti, mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

    (25)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1698 huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/479/UE tas-27 ta’ Lulju 2011 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jintlaħqu mill-istandards Ewropej għal tagħmir tal-ġinnastika skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 197, 29.7.2011, p. 13).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1698 tad-9 ta’ Ottubru 2019 dwar standards Ewropej għall-prodotti abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 259, 10.10.2019, p. 65).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/376/UE tat-2 ta’ Lulju 2010 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għal ċerti prodotti fl-ambjent tal-irqad għat-tfal skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 170, 6.7.2010, p. 39).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1698.

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/121/UE tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza li għandhom jiġu sodisfati mill-istandards Ewropej dwar ċerti sits għat-tfal skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (ĠU L 65, 8.3.2013, p. 23).

    (7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5058 tat-22 ta’ Lulju 2014 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jabbozzaw standards Ewropej għal ċerti sits għat-tfal b’appoġġ għad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1698.

    (9)  id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1698;

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/490/KE tat-23 ta’ Ġunju 2009 dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għal plejers personali tal-mużika skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 161, 24.6.2009, p. 38).


    ANNESS

    L-Anness I huwa emendat kif ġej:

    (1)

    tiddaħħal ir-ringiela li ġejja:

    “1a.

    EN 716-1:2017+AC:2019

    Għamara - Sodod tat-tfal u sodod tat-tfal li jingħalqu għall-użu domestiku - Parti 1: Rekwiżiti ta’ sigurtà”;

    (2)

    ir-ringiela 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “3.

    EN 914:2020

    Tagħmir tal-ġinnastika - Żbarri paralleli u kombinazzjoni ta’ żbarri asimetriċi/paralleli - Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar inkluża sigurtà”;

    (3)

    ir-ringieli 11 u 12 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “11.

    EN 1130:2019

    Għamara tat-tfal - Bennieni - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar

    EN 1130:2019/AC:2020”;

    (4)

    tiddaħħal ir-ringiela li ġejja:

    “12 a.

    EN 1272:2017

    Oġġetti għall-kura tat-tfal - Siġġijiet li jeħlu mal-mejda - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar”;

    (5)

    tiddaħħal ir-ringiela li ġejja:

    “13 a.

    EN 1400:2013+A2:2018

    Oġġetti għall-użu u l-kura tat-tfal - Gażażi għat-trabi u t-tfal iż-żgħar - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar”;

    (6)

    ir-ringiela 14 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “14.

    EN 1466:2014

    Artikli għall-kura tat-tfal - Kerrikots u stands - Rekwiżiti ta’ sigurtà u metodi ta’ ttestjar

    EN 1466:2014/AC:2015”;

    (7)

    ir-ringiela 27 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “27.

    EN OSI 9994:2019

    Lighters - Specifikazzjoni ta’ sigurtà (ISO 9994:2018)”;

    (8)

    jiddaħħlu r-ringieli li ġejjin:

    “48 a.

    EN 14988:2017+A1:2020

    Siġġijiet għolja għat-tfal - Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar

    48b.

    EN 16120:2012+A2:2016

    Oġġetti għall-użu u l-kura tat-tfal - sit immuntat mas-siġġu”;

    (9)

    ir-ringieli 66 u 67 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “66.

    EN IEC 62368-1:2020

    Tagħmir awdjo/video, teknoloġija tal-informatika u komunikazzjoni - Parti 1: Rekwiżiti ta’ sigurtà

    EN IEC 62368-1:2020/A11:2020

    Avviż: din il-pubblikazzjoni tikkonċerna biss il-klawżoli 3.3.19 “Espożizzjoni akustika” u 10.6 “Salvagwardja kontra sorsi ta’ enerġija akustika” tal-EN IEC 62368–1: 2020/A11: 2020.”.


    Top