Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1201

    Deċiżjoni (UE) 2022/1201tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna

    PE/43/2022/REV/1

    ĠU L 186, 13.7.2022, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 23/09/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1201/oj

    13.7.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 186/1


    DEĊIŻJONI (UE) 2022/1201TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Lulju 2022

    li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna (2), inkluż Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017. Minħabba li l-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 għaraf il-perspettiva Ewropea tal-Ukrajna u ddeċieda li jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Ukrajna, jenħtieġ li l-Ukrajna titqies bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

    (2)

    Fir-rebbiegħa tal-2014, l-Ukrajna bdiet programm ambizzjuż ta’ riforma bil-għan li tistabbilizza l-ekonomija tagħha u ttejjeb l-għajxien taċ-ċittadini tagħha. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll ir-riformi kostituzzjonali, elettorali u ġudizzjarji huma fost l-ogħla prijoritajiet fl-aġenda. L-implimentazzjoni ta’ dawk ir-riformi ġiet appoġġata minn sitt programmi konsekuttivi ta’ assistenza makrofinanzjarja, li taħthom l-Ukrajna rċeviet assistenza fil-forma ta’ self għal total ta’ EUR 6,2 biljun. L-aħħar assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza, li saret disponibbli fil-kuntest tat-tensjonijiet dejjem jiżdiedu fil-fruntiera mar-Russja skont id-Deċiżjoni (UE) 2022/313 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ipprovdiet EUR 1,2 biljun f’self lill-Ukrajna, żborżat f’żewġ pagamenti ta’ EUR 600 miljun f’Marzu u f’Mejju 2022.

    (3)

    Il-gwerra ta’ aggressjoni bla provokazzjoni u bla ġustifikazzjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 ikkawżat lill-Ukrajna telf ta’ aċċess għas-suq u tnaqqis drastiku fid-dħul pubbliku, filwaqt li l-infiq pubbliku biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja u biex tinżamm il-kontinwità tas-servizzi tal-Istat żdied b’mod sinifikanti. F’din is-sitwazzjoni inċerta u volatili ħafna, l-aħjar stimi tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) jindikaw diskrepanza finanzjarja straordinarja ta’ madwar USD 39 biljun fl-2022, li madwar nofshom jistgħu jiġu ssodisfati jekk l-appoġġ internazzjonali mwiegħed s’issa jiġi żborżat kompletament. L-għoti rapidu mill-Unjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna skont din id-Deċiżjoni, bħala l-ewwel stadju tal-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali sħiħa ta’ massimu EUR 9 biljun, fiċ-ċirkostanzi straordinarji attwali, huwa meqjus bħala rispons xieraq għal żmien qasir għall-finanzjament immedjat l-aktar urġenti tal-Ukrajna u għar-riskji mdaqqsa għall-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż. Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-istabbilizzazzjoni makrofinanzjarja tal-Ukrajna u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiż u b’hekk tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Ukrajna u l-kapaċità tagħha li fl-aħħar mill-aħħar tkun f’pożizzjoni li tħallas lura l-obbligi finanzjarji tagħha.

    (4)

    Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni, filwaqt li titqies ukoll l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali sħiħa ppjanata, hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern residwu tal-Ukrajna, imwettqa f’kooperazzjoni mal-FMI u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn, u tqis il-kapaċità tal-Ukrajna li tiffinanzja lilha nnifisha bir-riżorsi proprji tagħha. Din id-determinazzjoni tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi bilaterali u multilaterali, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fl-Ukrajna u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni. Għandu jiġi rikonoxxut l-impenn tal-awtoritajiet tal-Ukrajna li jikkooperaw mill-qrib mal-FMI dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza għal żmien qasir u l-intenzjoni tagħhom li jaħdmu mal-FMI fuq programm ekonomiku xieraq meta l-kundizzjonijiet jippermettu. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li żżomm l-istabbiltà u r-reżiljenza makrofinanzjarji fiċ-ċirkostanzi tal-gwerra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

    (5)

    L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġja l-politika esterna tal-Unjoni rigward l-Ukrajna. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenħtieġ li jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiggarantixxu l-konsistenza tagħha.

    (6)

    Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-Ukrajna tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-gwerra li għaddejja bħalissa, u b’mod partikolari l-istat attwali tal-liġi marzjali, ma għandhomx jidħlu fuq dawn il-prinċipji, minkejja l-konċentrazzjoni tal-poter fil-fergħa eżekuttiva.

    (7)

    Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali tal-Unjoni, l-Ukrajna għandha tadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma’ dik l-assistenza, u l-ġlieda kontrihom. Barra minn hekk, għandu jiġi previst fil-ftehim ta’ self li l-Kummissjoni twettaq verifiki, li l-Qorti tal-Awdituri twettaq il-kontrolli kontabilistiċi, u li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun jista’ jeżerċita l-kompetenzi tiegħu, f’konformità mal-Artikoli 129 u 220 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

    (8)

    L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni, bħala l-ewwel stadju tal-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali sħiħa ppjanata lill-Ukrajna, jenħtieġ li tkun marbuta ma’ rekwiżiti ta’ rappurtar aktar stretti, li għandhom jiġu stabbiliti f’memorandum ta’ qbil (MtQ). Dawk ir-rekwiżiti ta’ rapportar stretti jenħtieġ li jkollhom l-għan, fiċ-ċirkostanzi attwali tal-gwerra, li jiżguraw li l-fondi jintużaw b’mod effiċjenti, trasparenti u li jista’ jingħata rendikont tal-użu tagħhom. Il-kundizzjonijiet tal-politika, li jenħtieġ li jkollhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza immedjata tal-Ukrajna u s-sostenibbiltà tad-dejn fit-tul tagħha, u b’hekk inaqqsu r-riskji marbuta mal-ħlas lura tal-obbligi finanzjarji pendenti u futuri tagħha, se tkun mehmuża mal-operazzjonijiet futuri tal-assistenza makrofinanzjarja.

    (9)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jingħataw -setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    (10)

    L-assistenza makrofinanzjarja ta’ sa EUR 1 biljun skont din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi obbligu finanzjarju għall-Unjoni fi ħdan il-volum kumplessiv tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna taħt ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (11)

    F’konformità mal-Artikolu 210(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-garanziji baġitarji jew mill-assistenza finanzjarja mġarrba mill-baġit jitqiesu bħala sostenibbli, jekk l-evoluzzjoni pluriennali prevista tagħhom tkun kompatibbli mal-limiti ffissati mir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (7) u l-limitu massimu fuq approprjazzjonijiet ta’ pagament annwali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (8). Sabiex l-Unjoni tkun tista’ tipprovdi appoġġ sostanzjali lill-Ukrajna permezz tal-assistenza makrofinanzjarja b’mod finanzjarjament sikur, filwaqt li tippreserva l-affidabbiltà għolja tal-kreditu tal-Unjoni u, għalhekk, il-kapaċità tagħha li twassal finanzjament effettiv fil-kuntest kemm tal-politiki interni kif ukoll dawk esterni tagħha, huwa essenzjali li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b’mod adegwat mill-materjalizzazzjoni ta’ dawk l-obbligazzjonijiet kontinġenti u li jiġi żgurat li dawn ikunu finanzjarjament sostenibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 210(3) tar-Regolament Finanzjarju.

    (12)

    F’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, u qabel ma wieħed jipproċedi bl-għoti ta’ self addizzjonali taħt l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna, huwa neċessarju li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-fond ta’ proviżjonament komuni b’mezzi proporzjonati mar-riskji li jinħolqu mill-obbligazzjonijiet kontinġenti marbuta ma’ l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Ukrajna skont din id-Deċiżjoni. Mingħajr tisħiħ bħal dan, il-baġit tal-Unjoni ma jkunx jista’ jipprovdi, b’mod finanzjarjament sikur, l-assistenza li jirrikjedu l-ħtiġijiet relatati mal-gwerra tal-Ukrajna. Biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, abbażi tal-valutazzjoni attwali, jenħtieġ li l-kopertura prevista għas-self ta' assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali sħiħa ta’ sa EUR 8,8 biljun lill-Ukrajna, inkluż dan il-pagament ta’ EUR 1 biljun, tkun ta’ 70 % tal-valur tas-self.

    (13)

    Abbażi ta’ dak, ir-rata ta’ proviżjonament għas-self ta’ EUR 1 biljun jenħtieġ li tiġi stabbilita għal 70 %, minflok ma tiġi applikata r-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(5), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) 2021/947 l. L-ammont korrispondenti ta’ EUR 700 miljun jenħtieġ li jiġi ffinanzjat mill-pakkett finanzjarju għall-programmi ġeografiċi skont ir-Regolament (UE) 2021/947. Jenħtieġ li dan l-ammont ikun impenjat u mħallas f’kompartiment iddedikat tal-fond ta’ proviżjonament komuni fil-perjodu sal-2027.

    (14)

    Minħabba ż-żieda fir-rata ta’ proviżjonament għal dan il-pagament ta’ assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, huwa xieraq li l-obbligu finanzjarju jiġi ġestit mill-assistenza makrofinanzjarja skont din id-Deċiżjoni b’mod separat minn obbligi finanzjarji oħrajn skont il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna. Barra minn hekk, huwa propost li l-proviżjonament imwarrab fil-fond ta’ proviżjonament Komuni fir-rigward ta’ l-assistenza makrofinanzjarja skont din id-Deċiżjoni jintuża biss għal obbligi finanzjarji skont din id-Deċiżjoni, minflok f’konformità mar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(6) tar-Regolament (UE) 2021/947. Dak jenħtieġ li jiġi segwit mill-esklużjoni tal-proviżjonament imwarrab fir-rigward ta’ l-assistenza makrofinanzjarja skont din id-Deċiżjoni mill-applikazzjoni tar-rata ta’ proviżjonament effettiva implimentata f’konformità mal-Artikolu 213 tar-Regolament Finanzjarju.

    (15)

    Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja tal-Unjonilill-Ukrajna bil-ħsieb li tappoġġa, b’mod partikolari, ir-reżiljenza u l-istabbiltà ekonomika tagħha, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (16)

    Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa bla provokazzjoni u bla ġustifikazzjoni, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat previstfl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

    (17)

    Minħabba s-sitwazzjoni diffiċli tal-Ukrajna kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, u biex din tiġi appoġġata fil-perkors ta’ stabbiltà fit-tul tagħha, huwa xieraq li ssir deroga mill-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament Finanzjarju u li l-Unjoni tkun tista’ tkopri l-kostijiet tar-rata tal-imgħax relatati mas-self skont din id-Deċiżjoni u tirrinunzja l-kostijiet amministrattivi li inkella jkunu dovuti mill-Ukrajna. Jenħtieġ li s-sussidju tar-rata tal-imgħax jingħata eċċezzjonalment bħala strument meqjus xieraq biex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament Finanzjarju u jenħtieġ li jitħallas mill-baġit tal-Unjoni. Matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2021-2027 is-sussidju tar-rata tal-imgħax jenħtieġ li jitħallas mill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), l-ewwel inċiż, tar-Regolament (UE) 2021/947. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Ukrajna titlob is-sussidju tar-rata tal-imgħax u l-eżenzjoni mill-kostijiet amministrattivi kull sena, sal-aħħar ta’ Marzu. Sabiex ikun hemm flessibbiltà fil-ħlas lura tal-kapital, għandu jkun possibbli wkoll li jiġi rifinanzjat is-self assoċjat kuntrattat f’isem l-Unjoni, b’deroga mill-Artikolu 220(2) tar-Regolament Finanzjarju.

    (18)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Ukrajna assistenza makrofinanzjarja għal ammont massimu ta’ EUR 1 biljun (l-“assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”) bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-Ukrajna. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tingħata lill-Ukrajna fil-forma ta’ self.

    2.   Sabiex tiffinanzja l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u li ssellifhom lill-Ukrajna. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 25 sena.

    3.   Il-pakkett finanzjaru msemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (a), l-ewwel inċiż, tar-Regolament (UE) 2021/947 għandu jintuża biex ikopri l-kostijiet tal-pagamenti tal-imgħax relatati mal-assistenza makrofinanzjarja matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2021-2027 bħala sussidju tar-rata tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-Deċiżjoni.

    4.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew il-qbil milħuqa bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna fil-MtQ imsemmi fl-Artikolu 3(1).

    5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

    6.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta’ 12-il xahar, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ imsemmi fl-Artikolu 3(1).

    7.   Jekk il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna jonqsu b’mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza, tissospendiha jew tħassarha.

    Artikolu 2

    1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Ukrajna tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari multipartitika, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

    2.   Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw it-twettiq tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, b’mod partikolari qabel ma jsiru l-iżborżi, filwaqt li jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi fl-Ukrajna u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni hemmhekk tal-liġi marzjali.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (9).

    Artikolu 3

    1.   Il-Kummissjoni għandha tilħaq ftehim mal-Ukrajna dwar rekwiżiti ta’ rapportar definiti b’mod ċar li magħhom għandha tkun marbuta l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom jiġu stabbiliti fil-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) u jkunu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 8(2).

    2.   Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tintuża b’mod effiċjenti, trasparenti u li jista’ jingħata rendikont tal-użu tagħha. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti ta’ rapportar.

    3.   It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi ftehim dwar is-self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, u b’mod partikoli tar-rekwiżiti ta’ rapportar stipulati fil-MtQ. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati ta’ dik il-verifika.

    Artikolu 4

    1.   Soġġett għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f’pagament uniku, fil-forma ta’ self. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-perjodu ta’ żmien għall-iżborż tal-pagament. Il-pagament jista’ jiġi żborżat f’parti waħda jew iktar.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagament, soġġett għall-valutazzjoni tagħha tar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    ir-rispett għall-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1);

    (b)

    id-dħul fis-seħħ tal-MtQ, li għandu jipprovdi għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ rappurtar applikabbli matul il-perjodu kollu tas-self.

    3.   Meta r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni għandha tissospendi temporanjament jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, jew tieħu l-miżuri xierqa skont il-ftehim tas-self. F’tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew it-tħassir.

    4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha, fil-prinċipju, tiġi żborżata lill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jinqablu fil-MtQ, inkluż konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu żborżati lill-Ministeru għall-Finanzi tal-Ukrajna bħala l-benefiċjarju aħħari.

    Artikolu 5

    1.   L-operazzjonijiet ta’ teħid u għoti b’self għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 220 tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament Finanzjarju, l-Unjoni tista’ ġġarrab l-interessi, billi tagħti sussidju fuq ir-rata tal-imgħax, u kostijiet amministrattivi relatati mal-għoti u teħid b’self, bl-eċċezzjoni tal-kostijiet relatati mal-ħlas lura bikri tas-self, fir-rigward tas-self skont din id-Deċiżjoni.

    3.   L-Ukrajna tista’ titlob is-sussidju tar-rata tal-imgħax u l-kopertura tal-kostijiet amministrattivi mill-Unjoni sal-aħħar ta’ Marzu ta’ kull sena.

    4.   Fejn ikun meħtieġ, b’deroga mill-Artikolu 220(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja t-teħid ta’ self assoċjat ikkuntrattat f’isem l-Unjoni.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

    Artikolu 6

    Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid, permezz ta’ valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tal-Ukrajna, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

    Artikolu 7

    1.   Għall-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni pprovduta fil-forma ta’ self skont din id-Deċiżjoni, għandha tapplika r-rata ta’ proviżjonament ta’ 70 % minflok ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(5), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/947.

    2.   Minflok ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 31(6) tar-Regolament (UE) 2021/947, l-obbligi finanzjarji mill-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni pprovduta fil-forma ta’ self skont din id-Deċiżjoni għandhom ikunu koperti separatament minn obbligi finanzjarji oħrajn taħt il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna u l-proviżjonament imwarrab fil-fond ta’ proviżjonament komuni fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni pprovduta fil-forma ta’ self skont din id-Deċiżjoni għandu jintuża biss għall-obbligi finanzjarji derivati minnha.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 213 tar-Regolament Finanzjarju, ir-rata ta’ proviżjonament effettiva ma għandhiex tapplika għall-proviżjonament imwarrab fil-proviżjonament komuni fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni pprovduta fil-forma ta’ self skont din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 9

    1.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bħala parti mir-rapport annwali tagħha, valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ dik l-implimentazzjoni. Dan ir-rapport għandu:

    (a)

    jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

    (b)

    jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-Ukrajna, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3(1);

    (c)

    jindika l-konnessjoni bejn ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-MtQ, is-sitwazzjoni makrofinanzjarja attwali tal-Ukrajna, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagament tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

    2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara tmiem il-perjodu ta’ disponibbiltà, il-Kummissjoni tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja mitmuma tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Z. STANJURA


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2022 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022.

    (2)  Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).

    (3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/313 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lill-Ukrajna (ĠU L 55, 28.2.2022, p. 4).

    (4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

    (9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).


    Top