This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D1014
Council Decision (EU) 2022/1014 of 17 June 2022 on the position to be taken on behalf of the Union vis-à-vis the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland regarding the determination under Article 540(2) of the Trade and Cooperation Agreement between the European Union and the European Atomic Energy Community, of the one part, and the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland, of the other part, of the date from which personal data relating to DNA profiles and dactyloscopic data as referred to in Articles 530, 531, 534 and 536 of that Agreement may be supplied by Member States to the United Kingdom
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1014 tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward id-determinazzjoni skont l-Artikolu 540(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tad-data minn meta d-data personali relatata mal-profili tad-DNA u data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 ta’ dak il-Ftehim tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1014 tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward id-determinazzjoni skont l-Artikolu 540(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tad-data minn meta d-data personali relatata mal-profili tad-DNA u data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 ta’ dak il-Ftehim tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit
ST/9539/2022/INIT
ĠU L 170, 28.6.2022, p. 68–71
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 170/68 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1014
tas-17 ta’ Ġunju 2022
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward id-determinazzjoni skont l-Artikolu 540(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, tad-data minn meta d-data personali relatata mal-profili tad-DNA u data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 ta’ dak il-Ftehim tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2), punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (1),
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (2) (“il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”) jipprevedi kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kompetenti tal-Istati Membri, minn naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, li tikkonċerna t-tqabbil awtomatizzat tal-profili tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Bħala prerekwiżit għal tali kooperazzjoni, l-ewwel jeħtieġ li r-Renju Unit jieħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji u ssirlu evalwazzjoni mill-Unjoni. |
(2) |
Abbażi ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ġenerali, li jiġbor fil-qosor ir-riżultati ta’ kwestjonarju rilevanti, żjara ta’ evalwazzjoni u, meta jkun applikabbli, prova pilota, l-Unjoni trid tiddetermina d-data jew id-dati minn meta tali data tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
(3) |
Ir-Renju Unit kellu jgħaddi wkoll minn evalwazzjoni fir-rigward tat-tiftix u t-tqabbil ta’ profili tad-DNA u data dattiloskopika, li fir-rigward tagħhom diġà ġew stabbiliti kuntatti mar-Renju Unit f’konformità mal-acquis ta’ “Prüm” tal-Unjoni, kif jinsab fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (3) u 2008/616/ĠAI (4). |
(4) |
Permezz tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, l-elementi bażiċi tat-Trattat tas-27 ta’ Mejju 2005 bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Olanda u r-Repubblika tal-Awstrija dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni illegali, ġew trasposti fil-qafas legali tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u tekniċi neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta’ data dwar id-DNA, data dattiloskopika u data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Dawn id-deċiżjonijiet jiffurmaw l-acquis ta’ Prüm u huma vinkolanti f’konformità mat-Trattati u ma’ dawn id-deċiżjonijiet. |
(5) |
L-Artikolu 527 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi li l-objettiv tat-Titolu II tal-Parti 3 (Infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali) tiegħu hu li jistabbilixxi kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tar-Renju Unit, minn naħa, u l-Istati Membri, min-naħa l-oħra, dwar it-trasferiment awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika u ċerta data domestika dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. |
(6) |
B’ittra tat-23 ta’ Lulju 2021, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni, permezz tal-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja, li kien implimenta l-obbligi imposti skont il-Parti 3, Titolu II, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni fir-rigward tal-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika. Ir-Renju Unit għamel ukoll dikjarazzjonijiet u deżinjazzjonijiet f’konformità mal-Kapitolu 0, Artikolu 22, tal-Anness 39 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u esprima r-rieda tiegħu li jiġi evalwat għall-iskambju ta’ data bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri dwar il-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika. |
(7) |
Fl-14 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unitkwestjonarji relatati mal-iskambju awtomatiku ta’ profili tad-DNA u data dattiloskopika. Fit-8 ta’ Novembru 2021, ir-Renju Unit ipprovda lill-Kummissjoni t-tweġibiet tiegħu għal dawk il-kwestjonarji. Fil-11 ta’ Novembru 2021, dawk it-tweġibiet ġew ipprovduti lit-tim ta’ evalwazzjoni u ġew ippreżentati lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni tal-ĠAI u lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar ir-Renju Unit. |
(8) |
Fid-9 ta’ Novembru 2021, f’konformità mal-Kapitolu 4 tal-Anness 39 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kunsill iddeċieda li ma kienet meħtieġa l-ebda prova pilota fir-rigward tal-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika. |
(9) |
Fl-24 u l-25 ta’ Novembru 2021, ir-Renju Unit għadda minn evalwazzjoni fir-rigward tat-tiftix u t-tqabbil ta’ profili tad-DNA u data dattiloskopika. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni rigward il-profili tad-DNA kkonkluda li, abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjoni ex ante, l-implimentazzjoni tat-tqabbil awtomatizzat tal-profili tad-DNA u l-fluss ta’ informazzjoni relatat tista’ titqies li ġiet konkluża fir-Renju Unit, kemm fil-livell legali kif ukoll f’dak tekniku. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni rigward id-data dattiloskopika kkonkluda li, abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjoni ex ante, l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni tad-data dattiloskopika awtomatizzata u l-fluss ta’ informazzjoni tad-data dattiloskopika awtomatizzata relatat jistgħu jitqiesu li ġew konklużi fir-Renju Unit, kemm fil-livell legali kif ukoll f’dak tekniku. |
(10) |
Skont il-Kapitolu 4, Artikolu 5, tal-Anness 39 għall-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni, li jiġbru fil-qosor ir-riżultati tal-kwestjonarji u ż-żjara ta’ evalwazzjoni, ġew ippreżentati lill-Kunsill fis-17 ta’ Marzu 2022. |
(11) |
Peress li r-Renju Unit issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 539 u l-Anness 39 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, skont l-Artikolu 540(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jenħtieġ li l-Unjoni tiddetermina d-data jew id-dati minn meta l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu lir-Renju Unit data personali rigward il-profili tad-DNA u data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni tinnotifika lir-Renju Unit b’din il-pożizzjoni fil-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja. F’dawk iċ-ċirkostanzi, huwa għaldaqstant xieraq li tiġi stabblita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit rigward id-determinazzjoni ta’ dik id-data. |
(12) |
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni huwa vinkolanti għall-Istati Membri kollha bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689, li hija bbażata fuq l-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala l-bażi legali sostantiva tagħha. |
(13) |
Id-Danimarka u l-Irlanda huma marbutin bl-Artikolu 540 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2021/689 u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, li timplimenta l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni fil-konfront tar-Renju Unit rigward id-determinazzjoni tad-data minn meta d-data personali relatata mal-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika kif imsemmi fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni tkun tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri lir-Renju Unit hija stabbilita fid-dikjarazzjoni unilaterali tal-Unjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Ir-Renju Unit għandu jiġi nnotifikat bil-pożizzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 fil-Kumitat Speċjalizzat dwar l-Infurzar tal-Liġi u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
B. LE MAIRE
(1) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2.
(2) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).
ANNESS
DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI SKONT L-ARTIKOLU 540(2) FIL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT STABBILIT BL-ARTIKOLU 8(1)(R) TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA, DWAR ID-DATA MINN META D-DATA PERSONALI LI TIRRIGWARDA L-PROFILI TAD-DNA U D-DATA DATTILOSKOPIKA KIF IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 530, 531, 534 U 536 TAL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI TISTA' TIĠI PPROVDUTA MILL-ISTATI MEMBRI LIR-RENJU UNIT
DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu data personali rigward il-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika lir-Renju Unit kif imsemmija fl-Artikoli 530, 531, 534 u 536 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni mit-30 ta' Ġunju 2022.