Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0011

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/11 tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) u l-Protokolli tagħha fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Annessi I, II, III u IV u l-Anness VII, Taqsima A, tal-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis Ikkaġunat mill-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Blata Kontinentali, Qiegħ il-Baħar u s-Sottoswol tiegħu (“Protokoll Offshore”)

    ST/13972/2021/INIT

    ĠU L 4, 7.1.2022, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/11/oj

    7.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 4/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/11

    tat-2 ta’ Diċembru 2021

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) u l-Protokolli tagħha fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Annessi I, II, III u IV u l-Anness VII, Taqsima A, tal-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis Ikkaġunat mill-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Blata Kontinentali, Qiegħ il-Baħar u s-Sottoswol tiegħu (“Protokoll Offshore”)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Protokoll tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (“il-Konvenzjoni ta’ Barċellona”) għall-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis Ikkaġunat mill-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Blata Kontinentali, Qiegħ il-Baħar u s-Sottoswol tiegħu (il-“Protokoll Offshore”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/5/UE (1) u daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2013.

    (2)

    Skont l-Artikolu 18(2), punt (iii), tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tadotta emendi għall-annessi tal-Protokolli tal-Konvenzjoni.

    (3)

    Matul it-22 laqgħa tagħhom mis-7 sal-10 ta’ Diċembru 2021, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha huma mistennija jadottaw deċiżjoni (‘id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti’) li temenda l-Annessi I, II, III u IV u l-Anness VII, Taqsima A, tal-Protokoll Offshore.

    (4)

    Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent, li hija kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4(2), il-punt (e), tat-Trattat. Id-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti ma taqax f’qasam li fil-parti l-kbira tiegħu huwa kopert mir-regoli tal-Unjoni dwar tali protezzjoni. L-Unjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tagħmel użu mill-possibbiltà li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti bid-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti, li fir-rigward tagħha l-kompetenza tagħha għadha ma ġietx eżerċitata internament.

    (5)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, billi d-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti tikkonċerna l-adozzjoni ta’ emendi għall-Annessi I, II, II u IV u l-Anness VII, Taqsima A, tal-Protokoll Offshore li ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

    (6)

    Peress li l-emendi previsti fl-Annessi I, II, III u IV u l-Anness VII, Taqsima A, tal-Protokoll Offshore ser jaġġornaw ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran, ser jaffettwaw l-impenji u l-ambizzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, u ser itejbu l-protezzjoni tal-ambjent, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Annessi I, II, III u IV u l-Anness VII, taqsima A, tal-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-Tniġġis Ikkaġunat mill-Esplorazzjoni u l-Isfruttament tal-Blata Kontinentali, Qiegħ il-Baħar u s-Sottoswol tiegħu.

    Artikolu 2

    Fid-dawl tal-iżviluppi fit-22 laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 jista’ jiġi maqbul mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, matul laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. VRTOVEC


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/5/UE tas-17 ta’ Diċembru 2012 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu (ĠU L 4, 9.1.2013, p. 13).


    Top