Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2307

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2307 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar id-dokumenti u n-notifiki meħtieġa għall-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/8811

    ĠU L 461, 27.12.2021, p. 30–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2307/oj

    27.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 461/30


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2307

    tal-21 ta’ Ottubru 2021

    li jistabbilixxi regoli dwar id-dokumenti u n-notifiki meħtieġa għall-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 39(2), u l-Artikolu 43(7) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, prodott jista’ jiġi importat minn pajjiż terz għall-fini tat-tqegħid ta’ dak il-prodott fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku jew bħala prodott fil-fażi ta’ konverżjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għal ċerti operaturi fl-Unjoni fir-rigward ta’ konsenji mad-dħul fl-Unjoni u wara r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni ta’ konsenja jew ta’ parti minn konsenja. Dawk l-operaturi huma l-importaturi li jippreżentaw il-konsenja għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, jew operaturi li jaġixxu f’isimhom, u l-ewwel konsenjatarji u konsenjatarji li se jirċievu l-konsenja jew parti mill-konsenja.

    (2)

    Bil-ħsieb li tiġi organizzata sistema ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-konsenji li tiżgura t-traċċabbiltà, l-importatur jenħtieġ li jagħti notifika minn qabel tal-wasla ta’ konsenja lill-awtorità kompetenti u lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll tiegħu stess billi jippreżenta l-informazzjoni rilevanti dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni previst fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 (2).

    (3)

    Barra minn hekk, jeħtieġ jiġu stabbiliti regoli dettaljati fir-rigward tal-kontenut tal-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni kif ukoll rigward il-mezzi tekniċi li bihom jinħareġ.

    (4)

    L-importatur, l-ewwel konsenjatarju u l-konsenjatarju jenħtieġ li jipprovdu ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni jew l-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni fuq talba tal-awtoritajiet ta’ kontroll jew tal-korpi ta’ kontroll. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi addizzjonali fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża mill-importatur, mill-ewwel konsenjatarju u mill-konsenjatarju, rispettivament, fid-deskrizzjoni tal-unità ta’ produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni msemmija fil-punt (d)(i) tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2018/848.

    (5)

    Biex jiġi żgurat li jkun hemm segwitu xieraq għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità suspettat jew stabbilit li jinstab matul il-verifika mwettqa mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fuq konsenja, tiġi kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni bl-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika.

    (6)

    Fir-rigward taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni stampat u tal-estratt stampat taċ-ċertifikati ta’ spezzjoni, approvat fuq il-karta b’firma bl-idejn f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306, jeħtieġ jiġu stabbiliti rekwiżiti tranżitorji għall-użu ta’ dan iċ-ċertifikat u ta’ dawn l-estratt tiegħu mill-ewwel konsenjatarju u mill-konsenjatarju, kif ukoll ir-rekwiżit li dan iċ-ċertifikat u l-estratti tiegħu jakkumpanjaw il-merkanzija sal-bini tal-ewwel konsenjatarju u tal-konsenjatarju.

    (7)

    Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar:

    (a)

    id-dikjarazzjonijiet u l-komunikazzjonijiet mill-importaturi, l-operaturi responsabbli għall-konsenji, l-ewwel konsenjatarji u l-konsenjatarji għall-importazzjoni ta’ prodotti minn pajjiżi terzi bl-għan li dawk il-prodotti jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni bħala prodotti organiċi jew bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni; u

    (b)

    in-notifika mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tan-nuqqas ta’ konformità suspettat jew stabbilit tal-konsenji.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “importatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni u soġġetta għas-sistema ta’ kontroll imsemmija fir-Regolament (UE) 2018/848, li tippreżenta l-konsenja għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni, waħedha jew permezz ta’ rappreżentant;

    (2)

    “operatur responsabbli għall-konsenja” tfisser, għall-finijiet tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 (3), l-importatur, jew persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tirrappreżenta l-konsenja fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’isem l-importatur;

    (3)

    “l-ewwel konsenjatarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni u soġġetta għas-sistema ta’ kontroll imsemmija fir-Regolament (UE) 2018/848 li lilha tiġi kkonsenjata l-konsenja mill-importatur wara r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera u li tirċiviha għal aktar preparazzjoni u/jew għal kummerċjalizzazzjoni;

    (4)

    “konsenjatarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni u soġġetta għas-sistema ta’ kontroll imsemmija fir-Regolament (UE) 2018/848 li l-lott miksub mill-qsim ta’ konsenja jiġi kkonsenjat lilha mill-importatur wara r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera u li tirċevih għal aktar preparazzjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni;

    (5)

    “konsenja” tfisser konsenja, kif definita fil-punt (37) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ta’ prodotti maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni bħala prodotti organiċi jew prodotti fil-fażi tal-konverżjoni; madankollu, fil-każ ta’ prodotti organiċi u ta’ prodotti fil-fażi tal-konverżjoni eżentati minn kontrolli uffiċjali f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2305 (5), din tfisser kwantità ta’ prodotti taħt kodiċi wieħed jew aktar tan-Nomenklatura Magħquda, koperti minn ċertifikat ta’ spezzjoni wieħed, imwassal bl-istess mezz ta’ trasport u importat mill-istess pajjiż terz.

    Artikolu 3

    Notifika minn qabel tal-wasla

    1.   Għal kull konsenja, l-importaturjew, meta xieraq, l-operatur responsabbli għall-konsenja, għandu jagħti notifika minn qabel tal-wasla tal-konsenja fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew fil-punt ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera billi jimla u jissottometti fis-Sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti (TRACES) imsemmija fil-punt (36) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 (6) il-parti rilevanti taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni f’konformità mal-mudell u n-noti stabbiliti fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 lill-entitajiet li ġejjin:

    (a)

    l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306;

    (b)

    l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll tal-importatur.

    2.   Għal kull konsenja soġġetta għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, għandu japplika l-paragrafu 1 flimkien mar-rekwiżiti dwar notifika minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla tal-konsenji skont il-punt (a) tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament (UE) 2017/625.

    3.   In-notifiki minn qabel skont il-paragrafu 1 għandhom jingħataw f’konformità mar-rekwiżiti minimi taż-żmien stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1013 (7).

    Artikolu 4

    Ċertifikat ta’ spezzjoni u estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni

    1.   L-importatur u l-ewwel konsenjatarju għandhom jimlew iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni fi TRACES kif ġej:

    (a)

    fil-kaxxa 23 dwar proċeduri doganali speċjali, l-importatur għandu jimla fi TRACES l-informazzjoni kollha, għajr l-informazzjoni dwar il-verifika mwettqa mill-awtorità kompetenti rilevanti;

    (b)

    fil-kaxxa 24 dwar l-ewwel konsenjatarju, l-importatur għandu jimla l-informazzjoni fi TRACES jekk l-informazzjoni ma tkunx imtliet mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll fil-pajjiż terz qabel il-verifika tal-konsenja u l-approvazzjoni taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni mill-awtorità kompetenti; u

    (c)

    il-kaxxa 31 dwar id-dikjarazzjoni tal-ewwel konsenjatarju għandha timtela fi TRACES mill-ewwel konsenjatarju meta jirċievi l-konsenja wara r-rilaxx tagħha għaċ-ċirkolazzjoni libera.

    2.   Jekk id-deċiżjoni meħuda dwar il-konsenja f’konformità mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306; tindika li l-konsenja għandha tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-importatur għandu jirrapporta n-numru taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni fid-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera kif imsemmi fl-Artikolu 158(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    3.   Meta konsenja tinqasam f’lottijiet differenti taħt superviżjoni doganali u qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera f’konformità mal-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306, l-importatur għandu jimla u jissottometti estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni bi TRACES għal kull wieħed mil-lottijiet f’konformità mal-mudell u n-noti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    L-istess japplika jekk konsenja tinqasam f’lottijiet differenti f’konformità mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 wara l-verifika u l-approvazzjoni taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni.

    Jekk id-deċiżjoni fir-rigward ta’ lott irreġistrat fl-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni f’konformità mal-Artikoli 6(6) u 7(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 tindika li l-lott għandu jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera, in-numru tal-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni għandu jiġi rrappurtat fid-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera kif imsemmi fl-Artikolu 158(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

    Il-konsenjatarju għandu, meta jirċievi lott, jimla fi TRACES il-kaxxa 13 tal-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni, biex jikkonferma jekk, mal-wasla tal-lott, l-imballaġġ jew il-kontenitur u, meta rilevanti, iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni kinux konformi mal-punt 6 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848.

    4.   L-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni għandu jitfassal bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-lott ikun se jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera. Stat Membru jista’ jagħti l-kunsens għat-tfassil ta’ estratt taċ-ċertifikati b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni u, jekk meħtieġ, flimkien ma’ traduzzjoni awtentikata.

    Artikolu 5

    Kontijiet dokumentati

    Fuq talba mill-awtorità kompetenti, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll rilevanti, l-importatur, l-ewwel konsenjatarju jew il-konsenjatarju għandu jipprovdi ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni jew, meta rilevanti, l-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni fejn ikun jissemma.

    Artikolu 6

    Deskrizzjoni tal-unitajiet ta’ produzzjoni u tal-attivitajiet

    Fil-każ ta’ importatur li jiddikjara l-konsenja għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, id-deskrizzjoni sħiħa tal-unità ta’ produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni u tal-attivitajiet kif imsemmija fil-punt (d)(i) tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandha tinkludi:

    (a)

    il-bini;

    (b)

    l-attivitajiet, bl-indikazzjoni tal-punti tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni;

    (c)

    kwalunkwe faċilità oħra li l-importatur ikollu l-ħsieb li juża għall-ħażna tal-prodotti importati sakemm jiġu kkonsenjati lill-ewwel konsenjatarju; u

    (d)

    impenn li jiġi żgurat li kull faċilità li tkun se tintuża għall-ħażna ta’ prodotti importati tkun sottomessa għal kontroll, li għandu jsir mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll jew, fejn dawn il-faċilitajiet tal-ħażna jkunu jinstabu fi Stat Membru jew f’reġjun ieħor, minn awtorità ta’ kontroll jew minn korp ta’ kontroll approvati għall-kontrolli f’dak l-Istat Membru jew f’dak ir-reġjun.

    Fil-każ tal-ewwel konsenjatarju u tal-konsenjatarju, id-deskrizzjoni għandha tinkludi l-faċilitajiet użati għall-wasla ta’ konsenji u għall-ħażna tagħhom.

    Artikolu 7

    Notifika ta’ nuqqas ta’ konformità suspettat jew stabbilit

    Jekk matul il-verifika tal-konformità ta’ konsenja skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 jiġu identifikati każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità suspettat jew stabbilit, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bl-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS) u l-mudell stabbilit fit-Taqsima 4 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/279 (9).. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti, jew meta rilevanti, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll tal-pajjiż terz ikkonċernat.

    Artikolu 8

    Dispożizzjonijiet tranżitorji għaċ-ċertifikati ta’ spezzjoni stampati u għall-estratti tagħhom

    1.   Iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni stampat approvat b’firma bl-idejn f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 u l-estratt stampat taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni approvat b’firma bl-idejn f’konformità mal-Artikolu 11(5) ta’ dak ir-Regolament għandhom jakkumpanjaw il-merkanzija sal-bini tal-ewwel konsenjatarju jew tal-konsenjatarju.

    2.   Malli jirċievi ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni stampat imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel konsenjatarju għandu jivverifika jekk l-informazzjoni rrappurtata f’dak iċ-ċertifikat tikkorrispondix mal-informazzjoni mimlija f’dak iċ-ċertifikat fi TRACES.

    F’każ li l-informazzjoni relatata mal-għadd ta’ pakketti msemmija fil-kaxxa 13 taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni u l-informazzjoni fil-kaxxi 16 u 17 ta’ dak iċ-ċertifikat ma timteliex fiċ-ċertifikat ta’ spezzjoni stampat, jew f’każ li dik l-informazzjoni tkun differenti mill-informazzjoni mimlija fiċ-ċertifikat fi TRACES, l-ewwel konsenjatarju għandu jikkunsidra l-informazzjoni mimlija fiċ-ċertifikat fi TRACES.

    3.   Wara l-verifika msemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel konsenjatarju għandu jiffirma ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni stampat fil-kaxxa 31 u għandu jibgħat dak iċ-ċertifikat lill-importatur imsemmi fil-kaxxa 12 tiegħu.

    4.   L-importatur għandu jżomm iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni stampat imsemmi fil-paragrafu 3 għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll għal mill-inqas sentejn.

    5.   Fil-każ ta’ estratt stampat taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-konsenjatarju għandu, mal-wasla tal-lott, jiffirma bl-idejn dak l-estratt stampat fil-kaxxa 13.

    6.   Il-konsenjatarju tal-lott għandu jżomm l-estratt stampat taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni msemmi fil-paragrafu 5 għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll u/jew tal-korpi ta’ kontroll għal mill-inqas sentejn.

    7.   L-ewwel konsenjatarju jew, meta rilevanti, l-importatur jistgħu jagħmlu kopja taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni stampat imsemmi fil-paragrafu 3 biex jinfurmaw lill-awtoritajiet ta’ kontroll u lill-korpi ta’ kontroll f’konformità mal-Artikolu 5. Kull kopja ta’ dan it-tip għandu jkollha l-kelma “KOPJA” stampata fuqha.

    8.   Il-konsenjatarju jew, meta rilevanti, l-importatur jistgħu jagħmlu kopja tal-estratt stampat taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni msemmi fil-paragrafu 5 biex jinfurmaw lill-awtoritajiet ta’ kontroll u lill-korpi ta’ kontroll f’konformità mal-Artikolu 5. Kull kopja ta’ dan it-tip għandu jkollha l-kelma “KOPJA” stampata fuqha.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ konsenji ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi tal-konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni u dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni (Ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-każijiet meta l-verifiki identitarji u l-verifiki fiżiċi fuq ċerti oġġetti jistgħu jitwettqu f’punti ta’ kontroll u l-verifiki dokumentarji jistgħu jitwettqu ’l bogħod mill-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u l-kundizzjonijiet li bihom isiru dawn il-verifiki (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 64).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2305 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-każijiet fejn il-prodotti organiċi u l-prodotti fil-fażi tal-konverżjoni huma eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, il-kundizzjonijiet ta’ din l-eżenzjoni, u l-post tal-kontrolli uffiċjali għal tali prodotti, u li jemenda r-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/2123 u (UE) 2019/2124 (Ara paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1715 tat-30 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għat-tħaddim tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali u l-komponenti tas-sistema tagħha (“ir-Regolament IMSOC”) (ĠU L 261, 14.10.2019, p. 37).

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1013 tas-16 ta’ April 2019 dwar in-notifika minn qabel tal-kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti li jidħlu fl-Unjoni (ĠU L 165, 21.6.2019, p. 8).

    (8)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/279 tat-22 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u miżuri oħra li jiżguraw it-traċċabilità u l-konformità fil-produzzjoni organika u fit-tikkettar ta’ prodotti organiċi (ĠU L 62, 23.2.2021, p. 6).


    ANNESS

    PARTI I

    ESTRATT Nru.......... TAĊ-ĊERTIFIKAT TA’ SPEZZJONI GĦALL-IMPORTAZZJONI TA’ PRODOTTI ORGANIĊI U FIL-FAŻI TA’ KONVERŻJONI FL-UNJONI EWROPEA

    1.

    L-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll li ħarġu ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni sottostanti

    2.

    Proċeduri skont ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1):

    Konformità (l-Artikolu 46);

    Pajjiż terz ekwivalenti (l-Artikolu 48);

    Awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll ekwivalenti (l-Artikolu 57); jew

    Ekwivalenza skont ftehim kummerċjali (l-Artikolu 47).

    3.

    Numru ta’ referenza taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni

    4.

    Awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll

    5.

    Importatur

    6.

    Pajjiż tal-oriġini

    7.

    Pajjiż tal-esportazzjoni

    8.

    Post ta’ kontroll fuq il-fruntiera/punt ta’ kontroll/punt ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera

    9.

    Pajjiż tad-destinazzjoni

    10.

    Konsenjatarju tal-lott miksub mill-qsim

    11.

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Kodiċijiet NM organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni Kategorija Numru ta’ pakketti Numru tal-lott Piż nett tal-lott u piż nett

    tal-konsenja oriġinali

    12.

    Dikjarazzjoni tal-awtorità kompetenti rilevanti li tivverifika u tapprova l-estratt taċ-ċertifikat.

    Dan l-estratt jikkorrispondi mal-lott deskritt hawn fuq u nkiseb bil-qsim ta’ konsenja koperta minn ċertifikat oriġinali ta’ spezzjoni bin-numru msemmi fil-kaxxa 3.

    Biex jiġi rilaxxat bħala organiku;

    Biex jiġi rilaxxat bħala fil-fażi ta’ konverżjoni;

    Biex jiġi rilaxxat bħala mhux organiku;

    Il-lott ma jistax jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera

    Informazzjoni addizzjonali:

    L-Awtorità u l-Istat Membru:

    Data:

    Isem u firma tal-persuna awtorizzata/siġill elettroniku kwalifikat

     

    13.

    Dikjarazzjoni tal-konsenjatarju tal-lott

    Dan biex jiġi kkonfermat li mal-wasla tal-prodotti, l-imballaġġ jew il-kontenitur u, meta rilevanti, iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni:

    huma konformi mal-punt 6 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848; jew

    mhumiex konformi mal-punt 6 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848.

     

    Isem u firma tal-persuna awtorizzata

    Data:

     

    PARTI II

    NOTI BIEX JIMTELA L-MUDELL TAL-ESTRATT TAĊ-ĊERTIFIKAT TA’ SPEZZJONI

    Estratt Nru ….:

    In-numru tal-estratt jikkorrispondi man-numru tal-lott miksub bil-qsim tal-konsenja oriġinali.

    Kaxxa 1

    :

    L-isem, l-indirizz u l-kodiċi tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll fil-pajjiż terz li jkun ħareġ iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni sottostanti.

    Kaxxa 2

    :

    Din il-kaxxa tindika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848 li huma rilevanti għall-ħruġ u l-użu ta’ dan l-estratt; indika d-dispożizzjoni rilevanti li abbażi tagħha ġiet importata l-konsenja sottostanti, ara l-kaxxa 2 taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni sottostanti.

    Kaxxa 3

    :

    In-numru taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni assenjat awtomatikament liċ-ċertifikat sottostanti mis-Sistema Elettronika tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji (TRACES).

    Kaxxa 4

    :

    L-isem, l-indirizz u l-kodiċi tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll responsabbli mill-kontrolli fir-rigward tal-operatur li jkun qasam il-konsenja.

    Il-kaxxi 5, 6 u 7

    :

    Ara l-informazzjoni rilevanti fiċ-ċertifikat ta’ spezzjoni sottostanti.

    Kaxxa 8

    :

    Dan hu l-kodiċi alfanumeriku uniku assenjat minn TRACES lill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera jew lill-punt ta’ kontroll għajr lil post ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 53(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew lill-punt ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea, kif xieraq, inkluż il-pajjiż fejn jitwettqu l-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-lott f’konformità mal-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 (3) u meta d-deċiżjoni dwar il-konsenja tiġi rreġistrata fil-kaxxa 30 taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni.

    Kaxxa 9

    :

    Il-pajjiż tad-destinazzjoni tfisser il-pajjiż tal-ewwel konsenjatarju fl-Unjoni Ewropea.

    Kaxxa 10

    :

    Il-konsenjatarju tal-lott (miksub bil-qsim) fl-Unjoni Ewropea.

    Kaxxa 11

    :

    Deskrizzjoni tal-prodotti, li tinkludi:

    l-indikazzjoni jekk il-prodotti humiex organiċi jew fil-konverżjoni;

    il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) kif imsemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4) għall-prodotti kkonċernati (livell ta’ 8 ċifri meta possibbli);

    il-kategorija tal-prodott f’konformità mal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 (5);

    in-numru ta’ pakketti (in-numru ta’ kaxxi, kaxxi tal-kartun, boroż, bramel, eċċ.);

    il-piż nett espress f’unitajiet xierqa (kg ta’ massa netta, litru, eċċ.) u l-piż nett indikat fil-kaxxa 13 taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni sottostanti.

    Kaxxa 12

    :

    Din il-kaxxa trid timtela mill-awtorità kompetentigħal kull lott li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ qsim imsemmija fl-Artikoli 6(6) u 7(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306.

    L-awtorità kompetenti trid tagħżel l-għażla xierqa billi żżid, jekk meħtieġ, kull informazzjoni addizzjonali meqjusa rilevanti. B’mod partikolari, jekk tintgħażel “Il-lott ma jistax jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera”, l-informazzjoni rilevanti trid tingħata taħt “informazzjoni addizzjonali”.

    Fil-każ ta’ prodotti soġġetti għal kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, din il-kaxxa trid timtela mill-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

    Il-firma bl-idejn tal-persuna awtorizzata hija meħtieġa biss fil-każ ta’ estratti ta’ ċertifikati ta’ spezzjoni approvati fuq il-karta sat-30 ta’ Ġunju 2022 f’konformità mal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Delegat (UE)2021/2306 .

    Kaxxa 13

    :

    Din il-kaxxa trid timtela mill-konsenjatarju mal-wasla tal-lott, billi tintgħażel għażla waħda wara li jitwettqu l-kontrolli previsti fil-punt 6 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848.

    Il-firma bl-idejn tal-konsenjatarju hija meħtieġa għall-estratti ta’ ċertifikati ta’ spezzjoni approvati fuq il-karta sat-30 ta’ Ġunju 2022 f’konformità mal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306.


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ kunsinni ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni u dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni (ĠU L 461, 27.12.2021, p.13).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1378 tad-19 ta’ Awwissu 2021 li jistabbilixxi ċerti regoli fir-rigward taċ-ċertifikat maħruġ lill-operaturi, lill-gruppi ta’ operaturi u lill-esportaturi f’pajjiżi terzi involuti fl-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni u jistabbilixxi l-lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u ta’ korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 297, 20.8.2021, p. 24).


    Top