Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1408

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1408 tas-27 ta’ Awwissu 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-alkalojdi tropaniċi f’ċerti oġġetti tal-ikel (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/6193

    ĠU L 304, 30.8.2021, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1408/oj

    30.8.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 304/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1408

    tas-27 ta’ Awwissu 2021

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-alkalojdi tropaniċi f’ċerti oġġetti tal-ikel

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti, inkluż l-alkalojdi tropaniċi, fl-oġġetti tal-ikel.

    (2)

    L-atropina hija taħlita raċemika ta’ (-)-joxjamina u (+)-joxjamina li minnha l-enantjomeru (-)-joxjamina biss juri attività antikolinerġika. Mhuwiex dejjem possibbli li ssir distinzjoni bejn l-enantjomeri tal-joxjamina, għal raġunijiet analitiċi. Madankollu, minħabba li s-sinteżi tal-alkalojdi tropaniċi fil-pjanti twassal għal (-)-joxjamina u għal (-)-skopolamina u mhux għal (+)-joxjamina u (+)-skopolamina, ir-riżultati analitiċi dwar l-atropina u l-iskopolamina fl-ikel li joriġina mill-pjanti jirriflettu l-okkorrenza ta’ (-)-joxjamina u (-)-skopolamina rispettivament.

    (3)

    L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni fl-2013 dwar l-alkalojdi tropaniċi fl-ikel u fl-għalf (3). L-Awtorità stabbiliet grupp ta’ doża akuta ta’ referenza (“DAR”) ta’ 0,016 μg/kg f’piż tal-ġisem (body weight, “b.w.”) espressa bħala s-somma ta’ (-)-joxjamina u (-)-skopolamina, meta wieħed jippreżumi potenza ekwivalenti. L-Awtorità kkonkludiet li, abbażi tal-informazzjoni limitata disponibbli, l-esponiment tal-kontaminanti fid-dieta tat-trabi li jkunu telqu jimxu tista’ taqbeż b’mod sinifikanti l-grupp ta’ DAR. Għalhekk, enfasizzat il-ħtieġa għal karatterizzazzjoni aħjar tal-alkalojdi tropaniċi fl-ikel u fl-għalf, naturali jew bħala kontaminanti, u rrakkomandat li tinġabar data analitika dwar l-okkorrenza tal-alkalojdi tropaniċi fiċ-ċereali u fiż-żrieragħ taż-żejt.

    (4)

    Filwaqt li tqiesu l-konklużjonijiet tal-opinjoni, il-livelli massimi għall-atropina u għall-iskopolamina ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/239 (4) f’ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u t-tfal żgħar, li fihom il-millieġ, is-sorgu, il-qamħ Saraċin jew il-prodotti derivati minnhom.

    (5)

    Wara r-rakkomandazzjoni fl-opinjoni tagħha tal-2013, l-Awtorità ppubblikat sejħa għal proposti biex tinvestiga l-konċentrazzjonijiet tal-alkalojdi tropaniċi f’firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-ikel derivati mill-pjanti f’reġjuni differenti fl-Unjoni. Is-sejbiet tal-investigazzjoni kienu ppubblikati fit-8 ta’ Diċembru 2016 (5).

    (6)

    Fil-5 ta’ Frar 2018, l-Awtorità ppubblikat rapport xjentifiku dwar il-valutazzjoni tal-esponiment akut mid-dieta għall-alkalojdi tropaniċi fil-popolazzjoni tal-Unjoni, filwaqt li qieset id-data ġdida ta’ okkorrenza (6). Id-DAR inqabżet għal diversi gruppi tal-popolazzjoni f’diversi gruppi ta’ esponiment akut. Għalhekk, il-preżenza tal-alkalojdi tropaniċi, b’mod partikolari l-atropina u l-iskopolamina, issir kwistjoni ta’ tħassib għas-saħħa.

    (7)

    Jenħtieġ li l-livelli massimi ta’ dawk l-alkalojdi tropaniċi jiġu stabbiliti għall-oġġetti tal-ikel li jinstab li fihom konċentrazzjoni għolja ta’ alkalojdi tropaniċi u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-esponiment tal-popolazzjoni, jiġifieri ta’ ċerti ċereali, ta’ prodotti derivati minnhom u tal-infużjonijiet erbali. Fir-rigward taċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali b’mod partikolari, prattiki agrikoli u tal-ħsad tajbin inaqqsu ħafna l-kontaminazzjoni tal-għelejjel minn-żrieragħ ta’ speċijiet li fihom l-alkalojdi tropaniċi, bħad-Datura stramonium. Fil-każ ta’ kontaminazzjoni, dawk iż-żrieragħ jistgħu jitneħħew għal ċerti ċereali billi jintgħażlu u jitnaddfu. Madankollu, dawn ma jistgħux jitneħħew faċilment mis-sorgu, mill-millieġ, mill-qamħirrum u mill-qamħ Saraċin. Minħabba li l-livelli massimi għal dawk l-oġġetti tal-ikel huma ogħla mil-livelli stabbiliti għall-oġġetti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar, jista’ jiġi stabbilit livell massimu għas-somma tal-atropina u tal-iskopolamina għal kull wieħed minn dawk il-prodotti tal-ikel.

    (8)

    Barra minn hekk, data ta’ monitoraġġ riċenti tindika li l-ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u l-ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar li jkun fih qamħirrum jew prodotti derivati mill-qamħirrum jistgħu jiġu wkoll kkontaminati bl-alkalojdi tropaniċi. Huwa għalhekk xieraq li l-livelli massimi eżistenti għall-ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u għall-ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar jiġu estiżi għal dan l-ikel.

    (9)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Minħabba li l-prattiki agrikoli u tal-ħsad tajbin ġew introdotti jew implimentati biss reċentement u sabiex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet vulnerabbli, huwa xieraq li fir-rigward ta’ ikel ieħor għajr ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar li fihom il-qamħirrum, jiġi pprovdut perjodu raġonevoli sakemm jibdew japplikaw il-livelli massimi u perjodu ta’ tranżizzjoni għall-oġġetti tal-ikel kollha li kienu tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-data tal-applikazzjoni tagħhom.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u l-ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar, li fih qamħirrum jew prodotti derivati minnhom, li jitqiegħed fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jista’ jibqa’ fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima tiegħu jew sad-data tal-iskadenza tiegħu.

    L-oġġetti tal-ikel elenkati fil-punti 8.2.2 sa 8.2.9. tal-Anness, li jitqiegħdu fis-suq legalment qabel l-1 ta’ Settembru 2022, jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data tad-durabbiltà minima tagħhom jew sad-data tal-iskadenza tagħhom.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Awwissu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

    (3)  Scientific Opinion on tropane alkaloids in food and feed. EFSA Journal 2013;11(10):3386, 113 pp. doi:10.2903/j.efsa.2013.3386.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/239 tad-19 ta’ Frar 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ alkalojdi tropaniċi f’ċertu ikel b’bażi ta’ ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar (ĠU L 45, 20.2.2016, p. 3)

    (5)  Mulder, PPJ., De Nijs, M., Castellari, M., Hortos, M., MacDonald, S., Crews, C., Hajslova, J. u Stranska, M., 2016. “Occurrence of tropane alkaloids in food”. Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2016:EN-1140, 200 pp. doi:10.2903/sp.efsa.2016.EN-1140.

    (6)  Arcella, D., Altieri, A., Horváth, Zs, 2018. ‘Scientific report on human acute exposure assessment to tropane alkaloids’. EFSA Journal 2018;16(2):5160, 29 pp. doi:10.2903/j.efsa.2018.5160.


    ANNESS

    Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, it-taqsima 8, l-entrata 8.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Oġġetti tal-ikel (1)

    Livell massimu (μg/kg)

    8.2.

    Alkalojdi tropaniċi  (*1)

     

     

     

    Atropina

    Skopolamina

    8.2.1.

    Ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar, li fih il-millieġ, is-sorgu, il-qamħ Saraċin, il-qamħirrum jew il-prodotti derivati minnhom (3) (29)

    1,0

    1,0

     

     

    Somma tal-atropina u l-iskopolamina

    8.2.2.

    Millieġ u sorgu mhux ipproċessati (18)

    5,0 mill-1 ta’ Settembru 2022

    8.2.3.

    Qamħirrum mhux ipproċessat (18) minbarra

    qamħirrum mhux ipproċessat maħsub biex jiġi pproċessat permezz ta’ tħin niedi (37) u

    qamħirrum mhux ipproċessat għat-tifqigħ

    15 mill-1 ta’ Settembru 2022

    8.2.4.

    Qamħ Saraċin mhux ipproċessat (18)

    10 mill-1 ta’ Settembru 2022

    8.2.5.

    Qamħirrum

    Millieġ, sorgu u qamħirrum imqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali

    Prodotti tat-tħin tal-millieġ, tas-sorgu u tal-qamħirrum

    5,0 mill-1 ta’ Settembru 2022

    8.2.6.

    Qamħ Saraċin imqiegħed fis-suq għall-konsumatur finali

    Prodotti tat-tħin tal-qamħ Saraċin

    10 mill-1 ta’ Settembru 2022

    8.2.7.

    Infużjonijiet erbali (prodott imnixxef) minbarra l-infużjonijiet erbali msemmija f’8.2.8.

    25 mill-1 ta’ Settembru 2022

    8.2.8.

    Infużjonijiet erbali (prodott imnixxef) taż-żrieragħ tal-ħlewwa

    50 mill-1 ta’ Settembru 2022

    8.2.9.

    Infużjonijiet erbali (likwidi)

    0,20 mill-1 ta’ Settembru 2022


    (*1)  L-alkalojdi tropaniċi msemmija huma l-atropina u l-iskopolamina.”


    Top