Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0654

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/8703

    ĠU L 137, 22.4.2021, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/654/oj

    22.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 137/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/654

    tat-18 ta’ Diċembru 2020

    li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 75(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 75(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ att delegat, rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ sejħiet madwar l-Unjoni għal servizzi tal-mobile u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ sejħiet madwar l-Unjoni għal servizzi fissi sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju fl-indirizzar tal-problemi ta’ kompetizzjoni relatati mat-terminazzjoni ta’ sejħiet bl-ingrossa b’mod konsistenti madwar l-Unjoni. Il-prinċipji, il-kriterji u l-parametri li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonforma magħhom meta tadotta l-att delegat huma stabbiliti fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

    (2)

    Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (ARN) li jiddefinixxu s-swieq rilevanti xierqa għaċ-ċirkostanzi nazzjonali, iwettqu t-test tat-tliet kriterji u jimponu rimedji oħra minbarra l-kontroll tal-prezzijiet skont l-Artikolu 64(3), 67 u 68 tal-Kodiċi. Konsegwentement, l-obbligi li mhumiex marbuta mal-prezzijiet li bħalissa huma imposti mill-ARN fuq l-operaturi b’saħħa sinifikanti fis-suq fir-rigward tas-servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi jew tal-mobile ma għandhomx jiġu affettwati mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u għalhekk se jibqgħu validi sakemm jiġu rieżaminati, f’konformità mar-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

    (3)

    Il-prattika regolatorja turi li n-numru li fuqu jiġu tterminati telefonati bil-mobile jew fissi għandu rwol kruċjali fis-sostitwibbiltà tad-domanda u fid-dinamika kompetittiva fit-terminazzjoni tat-telefonati, u għalhekk huwa l-element ewlieni li jwassal għall-monopolju tat-terminazzjoni li jiġġustifika l-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni. Għalhekk, il-kriterju ewlieni użat għad-definizzjoni ta’ servizzi ta’ terminazzjoni jenħtieġ li jkun il-firxa ta’ numerazzjoni, jiġifieri jekk it-telefonata tiġix mwassla lil numru tal-mobile, f’każ ta’ servizz ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile, jew għal tipi oħra ta’ numri bħal numri ġeografiċi u ċerti numri mhux ġeografiċi, fil-każ ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi.

    (4)

    Is-servizzi tat-terminazzjoni jenħtieġ li jinkludu servizzi pprovduti permezz ta’ kwalunkwe teknoloġija li tintuża biex jiġu tterminati s-sejħiet bil-vuċi mill-fornitur tat-terminazzjoni bħal pereżempju fuq network 2G, 3G, 4G jew 5G u/jew permezz tal-WiFi, jew kwalunkwe tip ta’ network fiss, irrispettivament mill-oriġini tat-telefonata.

    (5)

    Kwalunkwe servizz ta’ terminazzjoni, ta’ telefonati bil-mobile jew fissi, jinvolvi li n-network tal-operatur ta’ terminazzjoni jkun interkonness ma’ mill-inqas network wieħed li ma jkunx tiegħu stess. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi jenħtieġ għalhekk li jitqiesu bħala dawk li għandhom kontroll tekniku u d-dritt legali li jużaw in-numru li fuqu wieħed ikun ċempel u r-routing tat-telefonata lir-riċevitur.

    (6)

    Is-servizz ta’ terminazzjoni jenħtieġ li jeskludi l-faċilitajiet assoċjati li jistgħu jkunu meħtieġa minn ċerti operaturi jew f’ċerti Stati Membri għall-forniment ta’ servizzi ta’ terminazzjoni. Madankollu, il-ports ta’ interkonnessjoni, li bħalissa huma regolati f’ħafna Stati Membri, huma elementi essenzjali tas-servizzi ta’ terminazzjoni għal kwalunkwe operatur peress li hija meħtieġa kapaċità akbar għall-interkonnessjoni biż-żieda fit-traffiku, u għalhekk jenħtieġ li jiġu inklużi fid-definizzjoni tas-servizz ta’ terminazzjoni. Fornitur ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi jenħtieġ li ma jimponi l-ebda kost għajr ir-rati rilevanti stabbiliti minn dan ir-Regolament għas-servizz sħiħ li jtemm telefonata lil utent fuq in-network tiegħu.

    (7)

    Servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet fil-vuċi għal ċerti numri mhux ġeografiċi, bħal dawk li jintużaw għal servizzi ta’ rati primjum, servizzi bla ħlas u servizzi b’kostijiet komuni (magħrufa wkoll bħala “servizzi ta’ valur miżjud”), ma jġibux irwieħhom bħala servizzi ta’ terminazzjoni “tradizzjonali” fejn hemm monopolju tal-operaturi li jtemmu t-telefonata. Il-fornituri ta’ servizzi bħal dawn għandhom xi setgħa ta’ negozjar, u jistgħu jinnegozjaw ir-rata ta’ terminazzjoni bħala parti mill-ftehim dwar il-kondiviżjoni tad-dħul. Għalhekk, il-fornituri tat-terminazzjoni jiffaċċjaw ċerti restrizzjonijiet meta jiffissaw l-imposti għat-terminazzjoni ta’ telefonati għal dawn in-numri mhux ġeografiċi, b’differenza mit-terminazzjoni ta’ telefonati għal numri ġeografiċi jew tal-mobile. Għalhekk, it-terminazzjoni ta’ telefonati għal dawn in-numri jenħtieġ li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-meded tan-numerazzjoni speċifiċi għall-komunikazzjonijiet bejn magna u oħra (M2M) ma jintużawx biex jipprovdu komunikazzjonijiet interpersonali, peress li huma traffiku tad-data u mhux traffiku tal-vuċi, u għalhekk jenħtieġ li ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li huwa limitat għall-komunikazzjonijiet bil-vuċi.

    (8)

    Servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet għal telefonati għal tipi oħra ta’ numri mhux ġeografiċi, bħal dawk li jintużaw għal servizzi nomadiċi fissi u biex jiġu aċċessati servizzi ta’ emerġenza, juru l-karatteristiċi tal-monopolju tat-terminazzjoni, u huma pprovduti fuq infrastruttura fissa. Għalhekk, jenħtieġ li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jiġu ttrattati bħala servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi.

    (9)

    Xi servizzi ta’ sejħiet bil-vuċi pprovduti mill-operaturi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala servizzi purament tal-mobile jew purament fissi iżda huma servizzi ibridi. Is-servizzi taż-“Żona tal-Oriġini” huma eżempju ta’ dawn is-servizzi ibridi, fejn it-telefonati huma tipikament mwassla għal numru fiss fuq network tal-mobile. Skont id-definizzjoni tas-servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi fejn in-numru li wieħed iċempel fuqu jkun il-kriterju determinanti, tali servizzi ibridi jenħtieġ li jiġu ttrattati bħala servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile jew fissi skont in-numru li wieħed ikun ċempel fuqu.

    (10)

    Jenħtieġ li r-rati regolati għas-servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi japplikaw għal telefonati li joriġinaw minn u jintemmu għal numru inkluż fil-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni li jikkorrispondi għall-kodiċijiet tal-pajjiżi tal-E.164 għal żoni ġeografiċi li jappartjenu għat-territorju tal-Unjoni (numri tal-Unjoni). In-numri tal-pajjiżi terzi huma kollha numri għajr in-numri tal-Unjoni. L-inklużjoni ta’ telefonati li joriġinaw minn numri ta’ pajjiżi terzi u li jintemmu għal numru tal-Unjoni, fil-każ fejn l-operaturi ta’ pajjiżi terzi jitolbu rati ta’ terminazzjoni ogħla mir-rati massimi uniċi għat-terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi madwar l-Unjoni jew fejn tali rati ta’ terminazzjoni ma jkunux regolati skont prinċipji kosteffiċjenti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 75 u l-Anness III tal-Kodiċi, toħloq ir-riskju li jiġu mminati l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk li tiġi żgurata l-integrazzjoni tas-suq intern.

    (11)

    Il-kombinazzjoni ta’ rati baxxi ta’ terminazzjoni regolati għal telefonati li jkunu oriġinaw minn numri ta’ pajjiżi terzi u li jkunu ntemmu għal numri tal-Unjoni u rati ta’ terminazzjoni għolja u mhux kosteffiċjenti għal telefonati lil numri ta’ pajjiżi terzi x’aktarx tirriżulta f’rati ta’ terminazzjoni ogħla għal telefonati li joriġinaw minn numri tal-Unjoni u li jintemmu għal numri ta’ pajjiżi terzi, li jkollha impatt negattiv fuq it-tariffi bl-imnut fl-Unjoni u fuq l-istruttura tal-kost tal-operaturi tal-Unjoni. Il-gradi differenti ta’ esponiment tal-operaturi tal-Unjoni għal telefonati li jintemmu minn tali operaturi ta’ pajjiżi terzi li jimponu rati ta’ terminazzjoni għolja u mhux kosteffiċjenti jwasslu għal żbilanċi fl-istrutturi tal-kostijiet tal-operaturi tal-Unjoni minħabba fatturi barra mill-kontroll tal-operaturi nfushom. Dan x’aktarx jipprevjeni l-ħolqien ta’ offerti bl-imnut pan-Ewropej li jkunu jinkludu telefonati għal ċerti numri ta’ pajjiżi terzi, minħabba rati ogħla ta’ terminazzjoni għat-telefonati għal dawk il-pajjiżi, li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-konsumaturi u speċjalment fuq in-negozji fl-Unjoni. Barra minn hekk, dan joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni peress li l-impatt asimetriku tal-esponiment għal rati għolja ta’ terminazzjoni għal telefonati li jintemmu għal numri ta’ pajjiżi terzi jirriżulta f’kundizzjonijiet kompetittivi differenti li jiffaċċjaw operaturi differenti tal-Unjoni, li fl-aħħar mill-aħħar iwassal ukoll għal distorsjoni fil-kapaċità ta’ investiment u inċentivi madwar l-Unjoni (kemm l-investiment fl-operaturi kif ukoll mill-operaturi). Dawn l-effetti kollha jmorru b’mod ċar kontra l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, li huma li jippromwovu l-integrazzjoni tas-suq uniku billi jneħħu d-distorsjonijiet bejn l-operaturi minħabba rati ta’ terminazzjoni mitluba li huma ferm ogħla mill-kost.

    (12)

    Bil-għan li jiġu applikati r-rati massimi uniċi għat-terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi madwar l-Unjoni b’mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju, u li tiġi limitata l-esklużjoni ta’ telefonati li joriġinaw minn numri ta’ pajjiżi terzi għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tas-suq intern u biex tiġi żgurata l-proporzjonalità, ir-rati stabbiliti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw għal telefonati li joriġinaw minn numri ta’ pajjiżi terzi u li jintemmu għal numri tal-Unjoni meta r-rati ta’ terminazzjoni applikati minn fornituri ta’ pajjiżi terzi ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi li joriġinaw minn numri tal-Unjoni jkunu f’livell ugwali jew inqas mil-livell tar-rati massimi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi stabbiliti minn dan ir-Regolament. Matul il-perjodu tranżitorju għar-rati għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi fl-2021 u matul il-perjodu ta’ traħħis gradwali għar-rati għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile (mill-2021 sal-2023), ir-rati massimi rilevanti għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile li se jiskattaw dan il-mekkaniżmu se jkunu dawk stabbiliti mill-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 4 tar-Regolament. Ir-rati massimi rilevanti għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi li se jiskattaw dan il-mekkaniżmu fl-2021 se jkunu dawk stabbiliti mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi fl-Unjoni jenħtieġ li japplikaw dawn ir-rati abbażi tar-rati applikati jew proposti minn fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi f’pajjiżi terzi.

    (13)

    Minħabba li l-fornituri tas-servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi tal-Unjoni mhux dejjem jistgħu jkunu fil-pożizzjoni li jkunu jafu l-livell tar-rata ta’ terminazzjoni applikata mill-operaturi ta’ pajjiżi terzi, normalment jenħtieġ li dawn tal-aħħar ikunu responsabbli biex jipprovdu informazzjoni verifikabbli li turi l-livell tar-rata ta’ terminazzjoni offruta. Meta l-fornituri ta’ tranżitu (jew intermedjarji oħra) jerġgħu jbigħu servizzi ta’ terminazzjoni lill-operaturi tal-Unjoni, ir-rata ta’ terminazzjoni applikata jew offruta minn dawk il-fornituri ta’ tranżitu tkun dik rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk tkunx daqs jew inqas mir-rati massimi għat-terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi stabbiliti minn dan ir-Regolament.

    (14)

    Meta l-operaturi ta’ pajjiżi terzi jitolbu rati ta’ terminazzjoni għal telefonati li joriġinaw minn numri tal-Unjoni u li jintemmu għal numri ta’ pajjiżi terzi li jkunu ogħla mir-rati ta’ terminazzjoni madwar l-Unjoni, ir-rati stabbiliti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll għal telefonati li joriġinaw minn numri ta’ pajjiżi terzi u li jintemmu għal numri tal-Unjoni, meta l-Kummissjoni tiddetermina, abbażi tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni minn pajjiżi terzi bħal dawn, li r-regolamentazzjoni tar-rati ta’ terminazzjoni f’dawn il-pajjiżi tkun ibbażata fuq prinċipji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 75 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u l-Anness III tagħha. Il-lista ta’ pajjiżi terzi li jissodisfaw rekwiżiti bħal dawn jenħtieġ li sussegwentement tiġi inkluża f’dan ir-Regolament u tiġi aġġornata kif xieraq.

    (15)

    Peress li l-oriġini tat-telefonata tiddefinixxi jekk ir-rati ta’ terminazzjoni madwar l-Unjoni japplikawx jew le, huwa essenzjali li l-operaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu jidentifikaw il-pajjiż tal-oriġini ta” min ikun qed iċempel. Għal dan il-għan, l-operaturi jistgħu joqogħdu fuq il-kodiċi tal-pajjiż fl-identifikazzjoni tal-linja ta’ min iċempel (CLI). Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi tal-Unjoni jenħtieġ li jirċievu CLI valida assenjata għal kull telefonata li tidħol. Konsegwentement, l-operaturi tal-Unjoni ma jkunux marbuta li japplikaw rati ta’ terminazzjoni madwar l-Unjoni għat-terminazzjoni ta’ telefonati jekk is-CLI tkun nieqsa, invalida jew frawdolenti.

    (16)

    Sabiex jiġi stmat il-kost effiċjenti għat-terminazzjoni ta’ sejħa bil-vuċi fuq network ipotetiku tal-mobile jew fiss fl-Unjoni f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u l-Anness III tagħha, ġew żviluppati żewġ mudelli tal-kost, rispettivament għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile u fissi, billi tqiesu l-kostijiet f’kull Stat Membru.

    (17)

    Abbażi tal-feedback dwar il-kostijiet f’kull Stat Membru li wasal permezz tal-proċess ta’ konsultazzjoni, il-mudelli tal-kost ġew finalizzati kemm għan-networks tal-mobile kif ukoll għal dawk fissi. Skont l-Anness III tad-Direttiva (UE) 2018/1972, il-mudelli tal-kost stabbilixxew rati abbażi tal-irkupru tal-kostijiet imġarrba minn operatur effiċjenti. Għalhekk, ir-rati huma bbażati biss fuq l-ispejjeż inkrementali għall-forniment tas-servizz ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi bl-ingrossa, jiġifieri dawk il-kostijiet relatati mat-traffiku biss li jiġu evitati fin-nuqqas ta’ servizz ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi bl-ingrossa.

    (18)

    Ir-rati massimi uniċi għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile u fissi madwar l-Unjoni ġew stabbiliti b’referenza għall-kost effiċjenti fil-pajjiż bl-ogħla kost skont il-mudelli tal-kost ikkummissjonati, biex b’hekk jiġi żgurat il-prinċipju tal-irkupru tal-kost madwar l-Unjoni, u sussegwentement jiżdied marġini ta’ sikurezza minuri biex jitqiesu ineżattezzi possibbli fil-mudelli tal-kost.

    (19)

    Ir-rati massimi uniċi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi madwar l-Unjoni stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jibdew japplikaw xahrejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, sabiex jiġi żgurat li l-operaturi jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jaġġustaw is-sistemi tagħhom ta’ informazzjoni, fatturar u kontabbiltà, u jagħmlu l-bidliet meħtieġa fil-ftehimiet ta’ interkonnessjoni.

    (20)

    Meta r-rati medji attwali ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi fl-Unjoni jkunu ogħla b’mod sinifikanti mir-rati li għandhom jiġu imposti fil-futur, jiġifieri r-rati massimi uniċi kosteffiċjenti ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi madwar l-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġi applikat perjodu ta’ traħħis gradwali, li huwa prattika regolatorja komuni. F’każijiet bħal dawn, il-perjodu ta’ traħħis gradwali jenħtieġ li jipprovdi għodda effettiva biex tiġi indirizzata l-applikazzjoni ta’ rati aktar baxxi f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    (21)

    Meta wieħed iqis il-medja attwali tar-rati għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Istati Membri, jenħtieġ li jitfassal perjodu ta’ traħħis gradwali biex tintlaħaq ir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni. Sabiex jintlaħaq bilanċ bejn implimentazzjoni rapida u l-ħtieġa li jiġi evitat tfixkil sinifikanti għall-operaturi, it-traħħis gradwali jenħtieġ li jibda f’livell qrib il-medja attwali tar-rati ta’ terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile u jonqos kull sena fuq perjodu ta’ tliet snin qabel ma tintlaħaq ir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni fl-2024.

    (22)

    Għalhekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi traħħis gradwali ta’ tliet snin, li jilħaq ir-rata massima unika kosteffiċjenti għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi madwar l-Unjoni fl-2024. Jenħtieġ li ma jkun meħtieġ l-ebda perjodu tranżitorju fil-każ ta’ fornituri fl-Istati Membri li japplikaw rati ogħla mir-rati massimi uniċi għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni għall-2021, peress li t-traħħis gradwali jilħaq l-objettiv li jitnaqqas l-impatt tal-implimentazzjoni tar-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni.

    (23)

    F’xi Stati Membri, ir-rati massimi regolati bħalissa għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile huma inqas mir-rati għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile stabbiliti għall-2021, l-2022 u l-2023 bħala riżultat tal-perjodu ta’ traħħis gradwali, u qrib ir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni. Sabiex jiġu evitati żidiet potenzjali fil-prezzijiet bl-imnut f’dawk l-Istati Membri, li jirriżultaw minn żieda temporanja fir-rati regolati għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile, jenħtieġ li jkun possibbli li r-rati regolati attwali għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile f’dawk l-Istati Membri jkomplu jiġu applikati sas-sena fejn ir-rata massima għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile stabbilita minn dan ir-Regolament għal dik is-sena tkun f’livell ugwali jew inqas mir-rati attwali ta’ terminazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri għal dik is-sena.

    (24)

    Peress li d-differenza bejn il-medja tar-rati attwali għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi u r-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni stabbilita f’dan ir-Regolament hija iżgħar minn dik tar-rati għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile, perjodu ta’ traħħis gradwali ma jkunx meħtieġ. Madankollu, l-għoti ta’ perjodu tranżitorju lil ċerti Stati Membri jenħtieġ li jkun xieraq biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għar-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni u biex jiġi evitat kwalunkwe dewmien bla bżonn għall-applikazzjoni tagħha.

    (25)

    Abbażi tal-livelli attwali tar-rati għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi f’ċerti Stati Membri u l-livell tar-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni stabbilita f’dan ir-Regolament, huwa ġġustifikat li jingħata perjodu tranżitorju lil xi Stati Membri. Il-perjodu tranżitorju jenħtieġ li jibda mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2021. Matul il-perjodu tranżitorju, fl-Istati Membri kkonċernati jistgħu japplikaw rati speċifiċi, differenti mir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni.

    (26)

    F’dawk l-Istati Membri fejn ir-rati attwali għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi huma ogħla b’mod sinifikanti mir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni, huwa ġġustifikat li jingħata perjodu tranżitorju biex ikun jista’ jsir aġġustament gradwali ta’ dawk ir-rati. Fl-Istati Membri kollha għajr tnejn fejn ir-rati attwali għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi huma ogħla minn EUR 0,0875 ċenteżmi (ir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni flimkien ma’ 25 %), ir-rata massima għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi fl-2021 jenħtieġ li tkun ugwali għar-rati attwali tagħhom imnaqqsa b’20 %. Fil-Polonja u l-Finlandja, li s’issa għadhom ma segwewx il-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/396/KE (2) u li bħalissa għandhom rati għolja ħafna għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi, tnaqqis ta’ 20 % ikun pass insuffiċjenti lejn ir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni. Għalhekk, ir-rata tagħhom għall-perjodu tranżitorju jenħtieġ li tkun dik tal-Istat Membru bl-ogħla rata matul il-perjodu tranżitorju, bl-esklużjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati Membri. Għall-bqija tal-Istati Membri fejn ir-rati attwali għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi huma taħt ir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni, jew fejn tnaqqis ta’ 20 % jġibhom fil-livell tar-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni jew inqas minnha, jenħtieġ li ma jiġi stabbilit l-ebda perjodu tranżitorju.

    (27)

    Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi ġie kkonsultat skont l-Artikolu 75(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u ta l-opinjoni tiegħu fil-15 ta’ Ottubru 2020.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni li għandhom jiġu imposti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi bl-ingrossa għall-forniment ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile u dawk fissi.

    2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 64(3) u l-Artikoli 67 u 68 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

    3.   L-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw għal telefonati li joriġinaw minn numri tal-Unjoni u li jintemmu għalihom.

    4.   L-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw ukoll għal telefonati li joriġinaw minn numri ta’ pajjiżi terzi u li jintemmu għan-numri tal-Unjoni meta tiġi ssodisfata waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    meta fornitur ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi f’pajjiż terz japplika għal telefonati li joriġinaw minn numri tal-Unjoni, rati għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile jew fissi ugwali għal jew inqas mir-rati massimi ta’ terminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 4 jew 5 rispettivament għal terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile jew fissi, għal kull sena u għal kull Stat Membru, abbażi tar-rati applikati jew proposti minn fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi f’pajjiżi terzi lil fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi fl-Unjoni; jew

    (b)

    meta:

    i.

    il-Kummissjoni tiddetermina li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn pajjiż terz, ir-rati ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi għal telefonati li joriġinaw minn numri tal-Unjoni u li jintemmu għal numri ta’ dak il-pajjiż terz huma regolati skont il-prinċipji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 75 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 u l-Anness III tagħha; u

    ii.

    dak il-pajjiż terz ikun elenkat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    5.   L-Artikoli 4 u 5 għandhom jinftiehmu bħala ħlasijiet għal kull minuta (mingħajr VAT) u għandhom jiġu imposti fuq bażi ta’ kull sekonda.

    Artikolu 2

    1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “servizz ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile” tfisser is-servizz bl-ingrossa meħtieġ biex itemm it-telefonati għal numri tal-mobile li huma riżorsi ta’ numerazzjoni assenjati pubblikament, jiġifieri numri mill-pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni, ipprovduti mill-operaturi bil-kapaċità li jikkontrollaw it-terminazzjoni u li jistabbilixxu r-rati ta’ terminazzjoni għal telefonati għal dawn in-numri, fejn ikun hemm interkonnessjoni ma’ mill-inqas network wieħed, irrispettivament mit-teknoloġija użata, inklużi l-ports ta’ interkonnessjoni;

    (b)

    “servizz ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi” tfisser is-servizz bl-ingrossa meħtieġ biex itemm telefonati għal numri ġeografiċi u numri mhux ġeografiċi użati għal servizzi nomadiċi fissi u biex jiġu aċċessati servizzi ta’ emerġenza, li huma riżorsi tan-numerazzjoni assenjati pubblikament, jiġifieri numri mill-pjanijiet nazzjonali tan-numerazzjoni, ipprovduti mill-operaturi bil-kapaċità li jikkontrollaw it-terminazzjoni u jistabbilixxu r-rati ta’ terminazzjoni għal telefonati bħal dawn, fejn ikun hemm interkonnessjoni ma’ mill-inqas network wieħed, irrispettivament mit-teknoloġija użata, inklużi ports ta’ interkonnessjoni;

    (c)

    “numru tal-Unjoni” tfisser numru minn pjanijiet nazzjonali ta’ numerazzjoni li jikkorrispondi għall-kodiċijiet tal-pajjiżi E.164 għal żoni ġeografiċi li jappartjenu għat-territorju tal-Unjoni.

    Artikolu 3

    1.   Fornitur ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile jew fissi ma għandu jitlob l-ebda rata ogħla mir-rata massima rilevanti ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi għas-servizz ta’ terminazzjoni ta’ telefonata lil utent aħħari fuq in-network tiegħu kif previst fl-Artikoli 4 u 5.

    2.   Meta r-rati ta’ terminazzjoni ta’ sejħiet bil-vuċi jkunu attwalment stabbiliti f’munita oħra għajr l-euro, ir-rati massimi għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile u fissi skont l-Artikoli 4(1), 4(2), 4(4), 4(5) u 5(1) għandhom jiġu kkonvertiti fil-munita nazzjonali billi tiġi applikata l-medja tar-rati referenzjali tal-kambju ppubblikati fl-1 ta’ Jannar, l-1 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu 2021 mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Ir-rati massimi għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile u fissi denominati f’muniti oħra għajr l-euro għandhom jiġu riveduti kull sena u aġġornati sal-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, bl-użu tal-medja l-aktar reċenti tar-rati referenzjali tal-kambju ppubblikati fl-1 ta’ Settembru, l-1 ta’ Ottubru u l-1 ta’ Novembru mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    1.   Ir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni għandha tkun ta’ EUR 0,2 ċenteżmi fil-minuta.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile jistgħu japplikaw ir-rati massimi għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile li ġejjin:

    (a)

    mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021, fi Stati Membri għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 3: EUR 0,7 ċenteżmi fil-minuta;

    (b)

    Mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022, fi Stati Membri għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 4: EUR 0,55 ċenteżmu fil-minuta;

    (c)

    mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023, fi Stati Membri għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 5: EUR 0,4 ċenteżmi fil-minuta.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1, mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile jistgħu japplikaw ir-rati massimi għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fl-Istati Membri li ġejjin:

    (a)

    HRK 0,045 fil-minuta fil-Kroazja;

    (b)

    EUR 0,20 ċenteżmu fil-minuta f’Ċipru;

    (c)

    DKK 0,0385 fil-minuta fid-Danimarka;

    (d)

    EUR 0,622 ċenteżmu fil-minuta fil-Greċja;

    (e)

    HUF 1,71 fil-minuta fl-Ungerija;

    (f)

    EUR 0,43 ċenteżmu fil-minuta fl-Irlanda;

    (g)

    EUR 0,67 ċenteżmu fil-minuta fl-Italja;

    (h)

    EUR 0,4045 ċenteżmu fil-minuta f’Malta;

    (i)

    EUR 0,581 ċenteżmu fil-minuta fin-Netherlands;

    (j)

    EUR 0,36 ċenteżmu fil-minuta fil-Portugall;

    (k)

    EUR 0,64 ċenteżmu fil-minuta fi Spanja;

    (l)

    SEK 0,0216 fil-minuta fl-Iżvezja.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022, il-fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile jistgħu japplikaw ir-rati massimi għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile fl-Istati Membri li ġejjin:

    (a)

    EUR 0,20 ċenteżmu fil-minuta f’Ċipru;

    (b)

    EUR 0,52 ċenteżmu fil-minuta fid-Danimarka;

    (c)

    EUR 0,47 ċenteżmu fil-minuta fl-Ungerija;

    (d)

    EUR 0,43 ċenteżmu fil-minuta fl-Irlanda;

    (e)

    EUR 0,40 ċenteżmu fil-minuta f’Malta;

    (f)

    EUR 0,36 ċenteżmu fil-minuta fil-Portugall;

    (g)

    EUR 0,21 ċenteżmu fil-minuta fl-Iżvezja.

    5.   B’deroga mill-paragrafu 1, mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile jistgħu japplikaw ir-rati massimi għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile li ġejjin fl-Istati Membri li ġejjin:

    (a)

    EUR 0,20 ċenteżmu fil-minuta f’Ċipru;

    (b)

    EUR 0,36 ċenteżmu fil-minuta fil-Portugall;

    (c)

    EUR 0,21 ċenteżmu fil-minuta fl-Iżvezja.

    Artikolu 5

    1.   Ir-rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni għandha tkun ta’ EUR 0,07 ċenteżmi fil-minuta.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-fornituri ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi jistgħu japplikaw ir-rati massimi li ġejjin għal servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fl-Istati Membri li ġejjin:

    (a)

    EUR 0,089 ċenteżmi fil-minuta fl-Awstrija;

    (b)

    EUR 0,093 ċenteżmi fil-minuta fil-Belġju;

    (c)

    HRK 0,0057 fil-minuta fil-Kroazja;

    (d)

    CZK 0,0264 fil-minuta fiċ-Ċekja;

    (e)

    EUR 0,111-il ċenteżmu fil-minuta fil-Finlandja;

    (f)

    EUR 0,076 ċenteżmi fil-minuta fil-Latvja;

    (g)

    EUR 0,072 ċenteżmi fil-minuta fil-Litwanja;

    (h)

    EUR 0,110 il ċenteżmu fil-minuta fil-Lussemburgu;

    (i)

    EUR 0,111-il ċenteżmu fil-minuta fin-Netherlands;

    (j)

    PLN 0,005 fil-minuta fil-Polonja;

    (k)

    EUR 0,078 ċenteżmi fil-minuta fir-Rumanija;

    (l)

    EUR 0,078 ċenteżmi fil-minuta fis-Slovakkja.

    Artikolu 6

    1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Dan għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36

    (2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/396/KE tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar it-Trattament Regolatorju tar-Rati għat-Terminazzjoni ta’ Telefonati Fissi u tal-Mobile fl-UE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 67).


    ANNESS

    Lista ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 1(4)(b) ta’ dan ir-Regolament:

    1.


    Top