Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0558

    Regolament (UE) 2021/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/73/2020/REV/1

    ĠU L 116, 6.4.2021, p. 25–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/558/oj

    6.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 116/25


    REGOLAMENT (UE) 2021/558 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-31 ta’ Marzu 2021

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ aġġustamenti għall-qafas ta’ titolizzazzjoni bħala appoġġ għall-irkupru ekonomiku b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Il-kriżi tal-COVID-19 qed taffettwa lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tas-saħħa u lill-ekonomiji tal-Istati Membri b’mod sever. Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2020 intitolata ‘Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss’, il-Kummissjoni saħqet li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament se jkomplu jkunu sfida kontinwa fix-xhur li ġejjin. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi appoġġat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta’ emendi mmirati għal biċċiet eżistenti tal-leġiżlazzjoni finanzjarja.

    (2)

    L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ investiment (l-istituzzjonijiet) se jkollhom rwol ewlieni biex jikkontribwixxu għall-irkupru. Fl-istess ħin dawn x’aktarx se jiġu affettwati mis-sitwazzjoni ekonomika li sejra għall-agħar. L-awtoritajiet kompetenti pprovdew kapital, likwidità u għajnuna operazzjonali temporanji lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw li huma jkunu jistgħu jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija reali f’ambjent aktar diffiċli. Bl-istess objettiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill diġà adottaw malajr ċerti aġġustamenti mmirati għar-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 (4) u (UE) 2019/876 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19.

    (3)

    It-titolizzazzjoni hija element importanti tal-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji peress li hi tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet u l-ħruġ tal-kapital regolatorju, li jistgħu jiġu allokati mill-ġdid sabiex jappoġġaw self ulterjuri. Barra minn hekk, it-titolizzazzjoni tipprovdi lill-istituzzjonijiet u lil parteċipanti oħrajn fis-suq opportunitajiet ta’ investiment addizzjonali, sabiex b’hekk tippermetti d-diversifikazzjoni tal-portafoll u tiffaċilita l-fluss ta’ finanzjament għan-negozji u l-individwi kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq bażi transfruntiera madwar l-Unjoni kollha.

    (4)

    Huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jipprovdu l-fluss ta’ finanzjament meħtieġ lill-ekonomija reali fis-segwitu tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji prudenzjali adegwati biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Bidliet immirati għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-qafas tat-titolizzazzjoni jikkontribwixxu għall-ksib ta’ dawk l-objettivi u jtejbu l-koerenza u l-komplementarjetà ta’ dak il-qafas bil-miżuri varji meħuda fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19.

    (5)

    L-elementi finali tal-qafas ta’ Basel III ippubblikati fis-7 ta’ Diċembru 2017 jimponu,fil-każ ta’ skoperturi ta’ titolizzazzjoni, rekwiżit minimu ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fuq sett limitat ta’ fornituri ta’ protezzjoni biss, jiġifieri entitajiet li mhumiex entitajiet sovrani, entitajiet tas-settur pubbliku, istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji prudenzjali oħra. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Artikolu 249(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat biex jiġi allinjat mal-qafas ta’ Basel III sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija pubblika li jappoġġaw l-istrateġiji tal-istituzzjonijiet biex jittitolizzaw l-iskoperturi improduttivi (NPEs) fis-segwitu tal-pandemija tal-COVID-19.

    (6)

    Il-qafas prudenzjali attwali tal-Unjoni għat-titolizzazzjoni huwa mfassal abbażi tal-aktar karatteristiċi komuni tat-tranżazzjonijiet tipiċi ta’ titolizzazzjoni, jiġifieri s-self produttiv. Fl-“Opinion on the Regulatory Treatment of Non-Performing Exposure Securitisations” (Opinjoni dwar it-Trattament Regolatorju tat-Titolizzazzjonijiet tal-Iskoperturi Improduttivi) tagħha (6) (‘l-Opinjoni tal-EBA’), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) indikat li l-qafas prudenzjali attwali għat-titolizzazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 iwassal għal rekwiżiti kapitali sproporzjonati meta applikat għal titolizzazzjonijiet ta’ NPEs, minħabba li l-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni tat-Titolizzazzjoni (SEC-IRBA) u l-Approċċ Standardizzat tat-Titolizzazzjoni (SEC-SA) mhumiex konsistenti mal-motivaturi tar-riskju speċifiċi tal-NPEs. Għalhekk jenħtieġ li jiġi introdott trattament speċifiku għat-titolizzazzjoni tal-NPEs li jibni fuq l-Opinjoni tal-EBA kif ukoll fuq standards maqbula fuq livell internazzjonali.

    (7)

    Minħabba li huwa probabbli ħafna li s-suq għall-NPEs jikber u jinbidel b’mod pjuttost sostanzjali b’riżultat tal-kriżi tal-COVID-19, jenħtieġ li s-suq tat-titolizzazzjonijiet NPE jiġi mmonitorjat mill-qrib u jenħtieġ li l-qafas prudenzjali għat-titolizzazzjonijiet NPE jiġi vvalutat mill-ġdid fil-ġejjieni fid-dawl ta’ aggregazzjoni potenzjalment akbar ta’ data.

    (8)

    Fir-“Rapport dwar il-qafas STS għat-titolizzazzjoni sintetika” tas-6 ta’ Mejju 2020, l-EBA rrakkomandat li jiġi introdott qafas speċifiku għal titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS) fuq il-karta tal-bilanċ. Minħabba l-livell aktar baxx tar-riskju ta’ aġenzija u tar-riskju ta’ mmudellar ta’ titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ meta mqabbla ma’ titolizzazzjoni sintetika mhux STS, kalibrar sensittiv għar-riskju xieraq tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għal titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, kif ikkunsidrat f’dak ir-rapport, jenħtieġ li jiġi introdott, filwaqt li jitqies it-trattament regolatorju preferenzjali attwali tas-segmenti superjuri tal-portafolli tal-SMEs. Jenħtieġ li l-EBA tingħata l-mandat biex timmonitorja l-funzjonament tas-suq tat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ. Ir-rikors akbar għat-titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ promoss mit-trattament aktar sensittiv għar-riskju tas-segment superjuri ta’ tali titolizzazzjonijiet jillibera l-kapital regolatorju u fl-aħħar mill-aħħar jista’ jespandi aktar il-kapaċità ta’ self tal-istituzzjonijiet b’mod prudenzjalment sod.

    (9)

    Jenħtieġ li tiġi introdotta l-anterjorità għall-pożizzjonijiet superjuri pendenti f’titolizzazzjonijiet sintetiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għat-trattament prudenzjali preferenzjali li kien japplika qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament emendatorju.

    (10)

    Fil-kuntest tal-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19, huwa essenzjali li l-utenti finali jkunu jistgħu effettivament jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom sabiex jipproteġu r-robustezza tal-karti tal-bilanċ tagħhom. Ir-Rapport Finali tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali nnota li Approċċ Standardizzat għar-Riskju ta’ Kreditu tal-Kontroparti (SA-CCR), li jkun konservattiv iżżejjed, jista’ jkollu impatt li jagħmel ħsara fuq id-disponibbiltà u l-kost ta’ ħeġġijiet finanzjarji għall-utenti finali. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina l-applikazzjoni tal-approċċ SA-CCR sat-30 ta’ Ġunju 2021 filwaqt li tikkunsidra b’mod xieraq l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju u tal-ekonomija Ewropej, il-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni internazzjonali u kwalunkwe żvilupp fl-istandards u l-fora internazzjonali.

    (11)

    Il-marġni pożittiv sintetiku (SES) huwa mekkaniżmu użat ta’ spiss fit-titolizzazzjoni ta’ ċerti klassijiet ta’ assi għall-oriġinaturi u l-investituri biex jitnaqqsu l-kost tal-protezzjoni u l-iskopertura għal riskju, rispettivament. Jenħtieġ li jiġi stabbilit trattament prudenzjali ddedikat tal-SES biex jiġi evitat li l-SES jintuża għal skopijiet ta’ arbitraġġ regolatorju. F’dak il-kuntest, l-arbitraġġ regolatorju jseħħ meta stituzzjoni oriġinatriċi tipprovdi titjib tal-kreditu lill-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni miżmuma mill-fornituri tal-protezzjoni billi kuntrattwalment talloka ċerti ammonti biex ikopru t-telf tal-iskoperturi titolizzati matul il-ħajja tat-tranżazzjoni, u tali ammonti, li jkunu ta’ piż fuq ir-rapport tal-introjtu tal-istituzzjoni oriġinatriċi b’mod simili għal garanzija mhux iffinanzjata, ma jkunux ponderati għar-riskju.

    (12)

    L-EBA jenħtieġ li tingħata l-mandat biex tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiżgura determinazzjoni armonizzata tal-valur tal-iskopertura tal-SES. Dawk l-istandards tekniċi regolatorji jenħtieġ li jkunu fis-seħħ qabel ma jsir applikabbli t-trattament prudenzjali l-ġdid. Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq tat-titolizzazzjonijiet sintetiċi, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex japplikaw it-trattament prudenzjali l-ġdid tal-SES.

    (13)

    Bħala parti mir-rapport tagħha dwar il-funzjonament tal-qafas prudenzjali għat-titolizzazzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina wkoll it-trattament prudenzjali ġdid tal-SES fid-dawl tal-iżviluppi fil-livell internazzjonali.

    (14)

    Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-istituzzjonijiet biex isellfu u jassorbu t-telf marbut mal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li tibqa’ tiġi żgurata r-reżiljenza kontinwa tagħhom, ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità l-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (15)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan.

    (16)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri mmirati biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku mill-kriżi tal-COVID-19 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 242, jiżdied il-punt li ġej:

    “(20)

    “marġni pożittiv sintetiku” tfisser marġni pożittiv sintetiku kif definit fil-punt (29) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402.”;

    (2)

    l-Artikolu 248 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    Il-valur tal-iskopertura ta’ marġni pożittiv sintetiku għandu jinkludi, kif applikabbli, l-elementi li ġejjin:

    (i)

    kwalunkwe introjtu mill-iskoperturi titolizzati diġà rikonoxxuti mill-istituzzjoni oriġinatriċi fid-dikjarazzjoni tad-dħul tagħha fl-ambitu tal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli li l-istituzzjoni oriġinatriċi kuntrattwalment allokat għat-tranżazzjoni bħala marġni pożittiv sintetiku u li jkun għadu disponibbli biex jassorbi t-telf;

    (ii)

    kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku li jkun kuntrattwalment allokat mill-istituzzjoni oriġinatriċi fi kwalunkwe perjodu preċedenti u li jkun għadu disponibbli biex jassorbi t-telf;

    (iii)

    kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku li jkun kuntrattwalment allokat mill-istituzzjoni oriġinatriċi għall-perjodu attwali u li jkun għadu disponibbli biex jassorbi t-telf;

    (iv)

    kwalunkwe marġni pożittiv sintetiku kuntrattwalment allokat mill-istituzzjoni oriġinatriċi għal perjodi futuri.

    Għall-finijiet ta’ dan il-punt, kwalunkwe ammont ipprovdut bħala kollateral jew titjib tal-kreditu fir-rigward tat-titolizzazzjoni sintetika u li jkun diġà soġġett għal rekwiżit ta’ fondi proprji skont dan il-Kapitolu ma għandux jiġi inkluż fil-valur tal-iskopertura.”;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika kif l-istituzzjonijiet oriġinaturi jridujiddeterminaw il-valur tal-iskopertura msemmi fil-punt (da) tal-paragrafu 1, b’kont meħud tat-telf rilevanti mistenni li jkun kopert mill-marġni pożittiv sintetiku.

    L-EBA għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2021.

    Il-Kummissjoni hija ddelegata bis-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”;

    (3)

    fl-Artikolu 249(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   “Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri eliġibbli ta’ protezzjoni ta’ kreditu mhux iffinanzjata elenkati fil-punt (g) tal-Artikolu 201(1) għandhom ikunu ġew assenjati valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI rikonoxxuta li kienet skala 2 jew aktar tal-kwalità kreditizja fil-mument meta l-protezzjoni ta’ kreditu kienet rikonoxxuta għall-ewwel darba u li attwalment tkun skala 3 jew aktar tal-kwalità kreditizja.”;

    (4)

    fl-Artikolu 256, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “6.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-punti ta’ attakkament (A) u l-punti ta’ distakkament (D) ta’ titolizzazzjoni sintetika, l-istituzzjoni oriġinatriċi tat-titolizzazzjoni għandha tittratta l-valur tal-iskopertura tal-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni li tikkorrispondi għall-marġni pożittiv sintetiku msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 248(1) bħala segment, u taġġusta l-punti ta’ attakkament (A) u l-punti ta’ distakkament (D) tas-segmenti l-oħra li żżomm billi żżid dak il-valur tal-iskopertura mal-bilanċ pendenti tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni. L-istituzzjonijiet li ma jkunux l-istituzzjoni oriġinatriċi ma għandhomx jagħmlu dan l-aġġustament.”;

    (5)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 269a

    Trattament ta’ titolizzazzjonijiet ta’ skoperturi improduttivi (NPE)

    1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

    (a)

    “titolizzazzjoni NPE” tfisser skopertura improduttiva (NPE) kif definit fil-punt (25) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402;

    (b)

    “titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti” tfisser titolizzazzjoni NPE tradizzjonali li fiha l-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli jkun mill-anqas 50 % tal-ammont pendenti tal-iskoperturi sottostanti fil-mument meta ġew ittrasferiti lill-SSPE.

    2.   Il-piż tar-riskju għal pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni NPE għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 254 jew 267. Il-piż tar-riskju għandu jkun soġġett għal limitu minimu ta’ 100 %, ħlief meta jiġi applikat l-Artikolu 263.

    3.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet għandhom jassenjaw piż tar-riskju ta’ 100 % għall-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni superjuri f’titolizzazzjoni NPE tradizzjonali, ħlief meta jiġi applikat l-Artikolu 263.

    4.   L-istituzzjonijiet li japplikaw l-Approċċ IRB għal kwalunkwe skopertura fl-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti f’konformità mal-Kapitolu 3 u li mhumiex permessi jużaw l-istimi proprji tal-LGD u tal-fatturi ta’ konverżjoni għal tali skoperturi ma għandhomx jużaw is-SEC-IRBA għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju għal pożizzjoni f’titolizzazzjoni NPE u m’għandhomx japplikaw il-paragrafu 5 jew 6.

    5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 268(1), it-telf mistenni assoċjat ma’ skoperturi sottostanti għal titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti għandu jiġi inkluż wara t-tnaqqis tal-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli u, meta applikabbli, ta’ kwalunkwe aġġustament speċifiku addizzjonali għar-riskju ta’ kreditu.

    L-istituzzjonijiet għandhom iwettqu l-kalkolu skont il-formula li ġejja:

    Image 1

    fejn:

    CRmax

    =

    ir-rekwiżit kapitali massimu fil-każ ta’ titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti;

    RWEAIRB

    =

    it-total tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskji tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB;

    ELIRB

    =

    it-total tal-ammonti mistennija ta’ telf tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB;

    NRPPD

    =

    l-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli;

    EVIRB

    =

    it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti li huma soġġetti għall-Approċċ IRB;

    EVPool

    =

    it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti kollha fl-aggregazzjoni;

    SCRAIRB

    =

    għall-istituzzjonijiet oriġinaturi, l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu magħmula mill-istituzzjoni fir-rigward ta’ dawk l-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB biss jekk u sa fejn dawn l-aġġustamenti jaqbżu l-NRPPD; għall-istituzzjonijiet investituri l-ammont huwa żero;

    RWEASA

    =

    it-total tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskji tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ Standardizzat.

    6.   B’deroga mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, meta l-piż tar-riskju medju ponderat skont l-iskopertura kkalkulat skont l-approċċ taċ-ċar kristall stabbilit fl-Artikolu 267 ikun inqas minn 100 %, l-istituzzjonijiet jistgħu japplikaw il-piż tar-riskju aktar baxx, soġġett għal limitu minimu tal-piż tar-riskju ta’ 50 %.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet oriġinaturi li japplikaw is-SEC-IRBA għal pożizzjoni u li huma permessi jużaw l-istimi proprji tal-LGD u tal-fatturi ta’ konverżjoni għall-iskoperturi sottostanti kollha soġġetti għall-Approċċ IRB skont il-Kapitolu 3, għandhom inaqqsu l-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli u, meta applikabbli, kwalunkwe aġġustament speċifiku addizzjonali għar-riskju ta’ kreditu mit-telf mistenni u l-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti assoċjati ma’ pożizzjoni superjuri f’titolizzazzjoni ta’ NPE tradizzjonali kwalifikanti skont il-formula li ġejja:

    Image 2

    fejn:

    RWmax

    =

    il-piż tar-riskju, qabel ma jiġi applikat il-limitu minimu, applikabbli għal pożizzjoni superjuri f’titolizzazzjoni NPE tradizzjonali kwalifikanti meta jintuża l-approċċ taċ-ċar kristall;

    RWEAIRB

    =

    it-total tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskji tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB;

    RWEASA

    =

    it-total tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskji tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ Standardizzat;

    ELIRB

    =

    it-total tal-ammonti mistennija ta’ telf tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB;

    NRPPD

    =

    l-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli;

    EVIRB

    =

    it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti li huma soġġetti għall-Approċċ IRB;

    EVpool

    =

    it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti kollha fl-aggregazzjoni;

    EVSA

    =

    it-total tal-valuri ta’ skopertura tal-iskoperturi sottostanti li huma soġġetti għall-Approċċ Standardizzat;

    SCRAIRB

    =

    l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta’ kreditu magħmula mill-istituzzjoni oriġinatriċi fir-rigward tal-iskoperturi sottostanti soġġetti għall-Approċċ IRB biss jekk u sa fejn dawn l-aġġustamenti jaqbżu l-NRPPD.

    7.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-iskont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli għandu jiġi kkalkulat billi jitnaqqas l-ammont imsemmi fil-punt (b) mill-ammont imsemmi fil-punt (a):

    (a)

    l-ammont pendenti tal-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni NPE fil-mument meta dawk l-iskoperturi ġew ittrasferiti lill-SSPE;

    (b)

    it-total ta’ dan li ġej:

    (i)

    il-prezz tal-bejgħ inizjali tas-segmenti jew, meta applikabbli, partijiet mis-segmenti tat-titolizzazzjoni NPE mibjugħin lil investituri terzi; u

    (ii)

    l-ammont pendenti, fil-mument meta l-iskoperturi sottostanti ġew trasferiti lill-SSPE, tas-segmenti jew, meta applikabbli, ta’ partijiet mis-segmenti ta’ dik it-titolizzazzjoni miżmuma mill-oriġinatur.

    Għall-finijiet tal-paragrafi 5 u 6, matul il-ħajja tat-tranżazzjoni, il-kalkolu tal-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli għandu jiġi aġġustat ’l isfel filwaqt li jitqies it-telf realizzat. Kwalunkwe tnaqqis fl-ammont pendenti tal-iskoperturi sottostanti li jirriżulta minn telf realizzat għandu jnaqqas l-iskont tal-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli, soġġett għal limitu minimu ta’ żero.

    Meta skont ikun strutturat b’tali mod li jkun jista’ jiġi rimborżat b’mod sħiħ jew parzjali lill-oriġinatur, tali skont ma għandux jgħodd bħala skont fil-prezz tax-xiri mhux rimborżabbli għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

    (6)

    L-Artikolu 270 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 270

    Pożizzjonijiet superjuri fit-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ

    1.   Istituzzjoni oriġinatriċi tista’ tikkalkula l-ammonti ta’ skoperturi ponderati skont ir-riskju ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni f’titolizzazzjoni STS fil-karta tal-bilanċ kif imsemmi fl-Artikolu 26a(1) tar-Regolament (UE) 2017/2402 f’konformità mal-Artikoli 260, 262 jew 264 ta’ dan ir-Regolament, kif applikabbli, meta dik il-pożizzjoni tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    it-titolizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 243(2);

    (b)

    il-pożizzjoni tikkwalifika bħala l-pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni superjuri.

    2.   L-EBA għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 b’mod partikolari fir-rigward ta’:

    (a)

    il-volum tas-suq u s-sehem mis-suq tat-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni oriġinatriċi tapplika l-paragrafu 1, fil-klassijiet differenti ta’ assi;

    (b)

    l-allokazzjoni ta’ telf osservata għas-segment superjuri u għal segmenti oħra ta’ titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, meta l-istituzzjoni oriġinatriċi tapplika l-paragrafu 1 fir-rigward tal-pożizzjoni superjuri miżmuma f’tali titolizzazzjonijiet;

    (c)

    l-impatt tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fuq l-ingranaġġ finanzjarju tal-istituzzjonijiet;

    (d)

    l-impatt tal-użu ta’ titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni oriġinatriċi tapplika l-paragrafu 1 dwar il-ħruġ ta’ strumenti kapitali mill-istituzzjonijiet oriġinaturi rispettivi.

    3.   L-EBA għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sal-10 ta’ April 2023.

    4.   Sal-10 ta’ Ottubru 2023 il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport msemmi fil-paragrafu 3, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu b’attenzjoni partikolari għar-riskju ta’ ingranaġġ eċċessiv li jirriżulta permezz tal-użu ta’ titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li jikkwalifikaw għat-trattament f’konformità mal-paragrafu 1, u għas-sostituzzjoni potenzjali tal-ħruġ ta’ strumenti kapitali minn istituzzjonijiet oriġinaturi, permezz ta’ tali użu. Dak ir-rapport għandu, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

    (7)

    fl-Artikolu 430, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta l-istituzzjonijiet jirrapportaw dwar ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji fuq it-titolizzazzjonijiet, l-informazzjoni li jirrapportaw għandha tinkludi informazzjoni dwar it-titolizzazzjonijiet NPE li jibbenefikaw mit-trattament stabbilit fl-Artikolu 269a, dwar it-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ li joriġinaw, u dwar d-diżaggregazzjoni tal-assi sottostanti għal dawk it-titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ skont il-klassi tal-assi.”;

    (8)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 494c

    Anterjorità tal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni superjuri

    B’deroga għall-Artikolu 270, istituzzjoni oriġinatriċi tista’ tikkalkula l-ammonti ta’ skoperturi ponderati skont ir-riskju ta’ pożizzjoni ta’ titolizzazzjoni superjuri f’konformità mal-Artikolu 260, 262 jew 264 meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    it-titolizzazzjoni tkun ingħatat qabel id-9 ta’ April 2021;

    (b)

    it-titolizzazzjoni tkun issodisfat, fit-8 ta’ April 2021.”;

    (9)

    fl-Artikolu 501c, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-EBA, wara li tikkonsulta lill-BERS, għandha, abbażi tad-data disponibbli u s-sejbiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament Sostenibbli, tivvaluta jekk ikunx ġustifikat trattament prudenzjali dedikat tal-iskoperturi relatati ma’ assi, inklużi titolizzazzjonijiet, jew attivitajiet assoċjati b’mod sustanzjali ma’ objettivi ambjentali u/jew soċjali. B’mod partikolari, l-EBA għandha tivvaluta:”;

    (10)

    jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 506a

    CIUs b’portafoll sottostanti ta’ bonds sovrani taż-żona tal-euro

    F’kooperazzjoni mill-qrib mal-BERS u l-EBA, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport sal-31 ta’ Diċembru 2021 li fih għandha tivvaluta jekk humiex meħtieġa bidliet fil-qafas regolatorju biex jiġi promoss is-suq, u x-xiri mill-banek, tal-iskoperturi fil-forma ta’ unitajiet jew ishma f’CIUs b’portafoll sottostanti li jikkonsisti esklussivament f’bonds sovrani tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, meta l-piż relattiv tal-bonds sovrani ta’ kull Stat Membru fil-portafoll totali tas-CIU jkun ugwali għall-piż relattiv tal-kontribuzzjoni kapitali ta’ kull Stat Membru lill-BĊE.

    Artikolu 506b

    Titolizzazzjonijiet tal-NPE

    1.   L-EBA għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-Artikolu 269a u għandha tevalwa t-trattament kapitali regolatorju tat-titolizzazzjonijiet NPE wara li tqis l-istat tas-suq għall-NPEs b’mod ġenerali u l-istat tas-suq tat-titolizzazzjoni tal-NPEs b’mod partikolari, u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sal-10 ta’ Ottubru 2022.

    2.   Sal-10 ta’ April 2023, il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 269a. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġislattiva.”;

    (11)

    fl-Artikolu 519a jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    il-mod kif il-kriterji tas-sostenibbiltà ambjentali jistgħu jiġu integrati fil-qafas tat-titolizzazzjoni, inkluż għall-iskoperturi għal titolizzazzjonijiet NPE.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    B’deroga gmill-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-punti (2) u (4) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-10 ta’ April 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2021.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. P. ZACARIAS


    (1)  ĠU C 377, 9.11.2020, p. 1.

    (2)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 30.

    (3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2021.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).

    (6)  Opinion of the European Banking Authority to the European Commission on the Regulatory Treatment of Non-Performing Exposure Securitisations, (L-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-Trattament Regolatorju tat-Titolizzazzjonijiet tal-Iskoperturi Improduttivi), EBA-OP-2019–13, ippubblikata fit-23 ta’ Ottubru 2019.


    Top