EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1345

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1345 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, il-Costa Rica, l-Indja, Iżrael, il-Ġappun, New Zealand, il-Korea t’Isfel, it-Tuneżija u l-Istati Uniti bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi

ST/9513/2021/INIT

ĠU L 306, 31.8.2021, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/12/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1345/oj

31.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1345

tat-28 ta’ Ġunju 2021

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, il-Costa Rica, l-Indja, Iżrael, il-Ġappun, New Zealand, il-Korea t’Isfel, it-Tuneżija u l-Istati Uniti bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jistabbilixxi l-possibbiltà li jingħata aċċess għas-suq tal-Unjoni għal prodotti organiċi minn pajjiżi terzi li jkunu ġew rikonoxxuti fi ftehim kummerċjali li għandhom sistema ta’ produzzjoni li tissodisfa l-istess objettivi u prinċipji billi jiġu applikati regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ assigurazzjoni tal-konformità ta’ dawk tal-Unjoni.

(2)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848, ir-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi għall-fini tal-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (2) ser jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. Għaldaqstant jeħtieġ li jinfetħu n-negozjati biex jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi ma’ ċerti pajjiżi terzi kkonċernati.

(3)

F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 834/2007, il-Kummissjoni stabbilixxiet lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti fl-Anness III għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (3).

(4)

Il-kummerċ ta’ prodotti organiċi bejn l-Unjoni u l-Iżvizzera huwa kopert fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli (4) (“il-Fethim mal-Iżvizzera”). L-Iżvizzera ġiet elenkata fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 għall-fini ta’ trasparenza. Il-Ftehim mal-Iżvizzera jipprevedi mekkaniżmu għall-aġġornament tal-ftehim f’każ li jsiru bidliet fil-liġijiet u fir-regolamenti ta’ xi waħda mill-partijiet. Għaldaqstant mhuwiex meħtieġ li jinfetħu n-negozjati mal-Iżvizzera.

(5)

Iċ-Ċilì huwa rikonoxxut bħala pajjiż terz ekwivalenti permezz tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika taċ-Ċilì dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi (5) (“il-Fethim maċ-Ċilì”). Iċ-Ċilì ġiet elenkat fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 għall-fini ta’ ċarezza. Il-Ftehim maċ-Ċilì jipprevedi l-possibbiltà li r-rikonoxximent jiġi addattat f’każ li jsiru bidliet fil-liġijiet u fir-regolamenti ta’ xi waħda mill-partijiet. Għaldaqstant mhuwiex meħtieġ li jinfetħu n-negozjati maċ-Ċilì.

(6)

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (6), stabbilixxa r-rikonoxximent reċiproku tal-ekwivalenza tal-liġijiet u r-regolamenti attwali dwar il- prodotti organiċi u r-rikonoxximent tas-sistemi ta’ kontroll taż-żewġ partijiet fil-Ftehim. L- Anness 14 ta’ dak ilk-Ftehim dwar il-prodotti organiċi jipprevedi li, minħabba l-fatt li r-Regolament (UE) 2018/848 irid japplika mill-1 ta’ Jannar 2022, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza irid jerġa’ jiġi vvalutat minn kull Parti sal-31 ta’ Diċembru 2023. Għaldaqstant mhuwiex meħtieġ li jinfetħu n-negozjati mar-Renju Unit.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li jinfetħu n-negozjati mal-Arġentina, mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Costa Rica, mal-Indja, ma’ Iżrael, mal-Ġappun, ma’ New Zealand, mal-Korea t’Isfel, mat-Tuneżija u mal-Istati Uniti bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi.

(8)

Biex l-Unjoni tkun tista’ tkompli timxi bir-relazzjonijiet reċiproċi ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-kummerċ ta’ prodotti organiċi, jixraq li jiġu stabbiliti d-direttivi għan-negozjar ta’ ftehimiet li jippermettu lill-Unjoni u lill-pajjiż terz ikkonċernat jirrikonoxxu l-ekwivalenza tal-istandards tas-sistemi tal-produzzjoni organika u tas-sistemi tal-kontrolli tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   B’dan, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tiftaħ negozjati mal-Arġentina, mal-Awstralja, mal-Kanada, mal-Costa Rica, mal-Indja, ma’ Iżrael, mal-Ġappun, ma’ New Zealand, mal-Korea t’Isfel, mat-Tuneżija u mal-Istati Uniti bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stipulati fl-Addendum għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni mal-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).

(4)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 132.

(5)  ĠU L 331, 14.12.2017, p. 4.

(6)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.


Top