Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2097

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/2097 tal-15 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 4 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/8803

ĠU L 425, 16.12.2020, pp. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2097/oj

16.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 425/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2097

tal-15 ta’ Diċembru 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 4

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fil-25 ta’ Ġunju 2020, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità ppubblika l-Estensjoni tal-Eżenzjoni Temporanja mill-Applikazzjoni tal-IFRS 9 (emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni).

(3)

L-emendi għall-IFRS 4 għandhom l-għan li jindirizzaw il-konsegwenzi kontabilistiċi temporanji tad-dati effettivi differenti tal-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji u tal-IFRS 17 li jmiss Kuntratti tal-Assigurazzjoni. B’mod partikolari, l-emendi għall-IFRS 4 jestendu d-data ta’ skadenza tal-eżenzjoni temporanja mill-applikazzjoni tal-IFRS 9 sal-2023 biex b’hekk id-data effettiva tal-IFRS 9 tiġi allinjata mal-IFRS 17.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1988 (3) stabbilixxa l-1 ta’ Jannar 2021 bħala d-data ta’ skadenza tad-differiment fakultattiv tal-applikazzjoni tal-IFRS 9 għal entitajiet li b’mod predominanti jwettqu attivitajiet ta’ assigurazzjoni, inkluż is-settur tal-assigurazzjoni ta’ konglomerat finanzjarju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Jenħtieġ li dawn l-entitajiet jitħallew jipposponu l-użu tal-IFRS 9 mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-1 ta’ Jannar 2023.

(6)

Wara konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-emendi fl-IFRS 4 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija u kull konglomerat finanzjarju kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/1988 għandhom japplikaw l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2021 għas-snin finanzjarji li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1988 tat-3 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 4 (ĠU L 291, 9.11.2017, p. 72).

(4)  Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).


ANNESS

Estensjoni tal-Eżenzjoni Temporanja mill-Applikazzjoni tal-IFRS 9

Emendi għall-IFRS 4

Emendi għall-IFRS 4 Kuntratti tal-Assigurazzjoni

Il-Paragrafi 20 A, 20J u 20O qegħdin jiġu emendati.

Eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9

20 A

L-IFRS 9 jindirizza l-kontabbiltà għall-istrumenti finanzjarji u huwa effettiv għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2018 jew wara. Madankollu, fil-każ ta’ assiguratur li jissodisfa l-kriterji fil-paragrafu 20B, dan l-IFRS jipprovdi eżenzjoni temporanja li tippermetti, iżda ma timponix, li l-assiguratur japplika l-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl pjuttost milli l-IFRS 9 għal perijodi annwali li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2023. Assiguratur li japplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 għandu:

(a)

...

...

20J

Jekk entità ma tibqax tikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 minħabba valutazzjoni mill-ġdid (ara l-paragrafu 20G(a)), allura l-entità tiġi permessa biex tkompli tapplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 biss sa tmiem il-perjodu annwali li jkun beda immedjatament wara dik il-valutazzjoni mill-ġdid. Madankollu, l-entità ikollha tapplika l-IFRS 9 għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2023 jew wara. Pereżempju, jekk entità tiddetermina li m’għadhiex tikkwalifika għall-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 bl-applikazzjoni tal-paragrafu 20G(a) fil-31 ta’ Diċembru 2018 (tmiem il-perjodu annwali tagħha), allura l-entità tiġi permessa biex tkompli tapplika l-eżenzjoni temporanja mill-IFRS 9 biss sal-31 ta’ Diċembru 2019.

...

Eżenzjoni temporanja minn obbligi speċifiċi f’IAS 28

20O

Il-paragrafi 35–36 tal-IAS 28 Investimenti f’Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti jobbligaw lill-entità tapplika politika uniformi ta’ kontabilità meta tuża l-metodu tal-ekwità. Madankollu, għall-perjodi annwali li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2023 entità tkun permessa, iżda mhux obbligata, li żżomm il-politiki ta’ kontabilità rilevanti applikati minn dik il-kumpanija assoċjata jew impriża konġunta kif ġej:

(a)

...

...


Top