Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1303

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1303 tal-14 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji li l-ESMA jenħtieġ li tqis biex tiddetermina jekk kontroparti ċentrali stabbilita f’pajjiż terz hijiex sistemikament importanti jew aktarx issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/4892

    ĠU L 305, 21.9.2020, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1303/oj

    21.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/7


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1303

    tal-14 ta’ Lulju 2020

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji li l-ESMA jenħtieġ li tqis biex tiddetermina jekk kontroparti ċentrali stabbilita f’pajjiż terz hijiex sistemikament importanti jew aktarx issir sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1) u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(2a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Meta tivvaluta l-grad ta’ riskju sistemiku li CCP ta’ pajjiż terz tippreżenta għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, l-ESMA jenħtieġ li tqis firxa ta’ kunsiderazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi oġġettivi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi CCP ta’ pajjiż terz bħala CCP tal-Grad 1 jew tal-Grad 2. Jenħtieġ ukoll li tqis kull kondizzjoni li skontha l-Kummissjoni setgħet adottat id-deċiżjoni tagħha ta’ ekwivalenza. B’mod partikolari, meta tkun qed tivvaluta l-profil tar-riskju ta’ CCP ta’ pajjiż terz, l-ESMA trid tikkunsidra indikaturi ta’ attività kwantitattivi li jkunu oġġettivi u trasparenti fir-rigward tan-negozju mwettaq f’rabta mal-parteċipanti tal-ikklirjar stabbiliti fl-Unjoni jew li jkunu denominati f’muniti tal-Unjoni, fil-mument tal-valutazzjoni. Filwaqt li l-ESMA trid tqis in-negozju mwettaq mis-CCP b’mod olistiku, il-valutazzjoni tagħha jenħtieġ li tirrifletti r-riskju li CCP partikolari tista’ ġġib għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

    (2)

    Meta jiġu speċifikati l-kriterji li l-ESMA trid tqis meta tkun qed tiddetermina l-grad ta’ CCP ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li jitqiesu n-natura tat-tranżazzjonijiet ikklirjati mis-CCP, inklużi l-kumplessità, il-profil tar-riskju u l-maturità medja tagħhom, kif ukoll it-trasparenza u l-likwidità tas-swieq ikkonċernati u l-livell sa fejn l-attivitajiet ta’ kklirjar tas-CCP huma denominati f’Euro jew f’muniti oħra tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, karatteristiċi speċifiċi li jikkonċernaw ċerti prodotti, bħal prodotti agrikoli, elenkati u eżegwiti fi swieq regolati f’pajjiżi terzi, li huma relatati ma’ swieq li fil-biċċa l-kbira jservu kontropartijiet mhux finanzjarji domestiċi f’dak il-pajjiż terz li jimmaniġġjaw ir-riskji kummerċjali tagħhom permezz ta’ dawn il-kuntratti, jistgħu joħolqu riskju negliġibbli għall-membri tal-ikklirjar u għaċ-ċentri tan-negozjar fl-Unjoni peress li jkollhom livell baxx ta’ interkonnettività sistemika mal-bqija tas-sistema finanzjarja.

    (3)

    Il-pajjiżi fejn topera s-CCP, il-firxa tas-servizzi li tipprovdi, il-karatteristiċi tal-istrumenti finanzjarji li tikklirja kif ukoll il-volumi kklirjati huma indikaturi oġġettivi tal-kumplessità tan-negozju tas-CCP. Meta tqis il-kriterju stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jenħtieġ għalhekk li l-ESMA tikkunsidra s-sjieda, in-negozju u l-istruttura korporattiva tas-CCP, kif ukoll il-firxa, in-natura u l-kumplessità tas-servizzi tal-ikklirjar li toffri s-CCP u l-punt sa fejn dawn is-servizzi huma ta’ importanza għall-membri tal-ikklirjar u l-klijenti (“parteċipanti tal-ikklirjar”) stabbiliti fl-Unjoni. Filwaqt li jenħtieġ li l-importanza sistemika ta’ CCP tiġi vvalutata b’mod olistiku, l-ESMA jenħtieġ li tqis speċifikament il-proporzjon tan-negozju tas-CCP li jitwettaq f’muniti tal-Unjoni, kif ukoll il-proporzjon tan-negozju tas-CCP li oriġina minn parteċipanti tal-ikklirjar stabbiliti fl-Unjoni. Għal CCP li hu aktar probabbli li tkun ta’ importanza sistemika għall-Unjoni, huwa importanti li l-ESMA tivvaluta l-istruttura u s-sjieda tal-grupp li s-CCP tista’ tkun parti minnu sabiex tiddetermina jekk l-interessi tal-Unjoni humiex f’riskju. Barra minn hekk, il-profondità, il-likwidità u t-trasparenza tas-swieq moqdija minn tali CCP jenħtieġ li jiġu vvalutati wkoll sabiex l-ESMA tkun tista’ tifhem aħjar ir-riskju għall-membri tal-ikklirjar stabbiliti fl-Unjoni fit-twettiq ta’ rkant ta’ ġestjoni ta’ inadempjenza.

    (4)

    Il-kapital tas-CCP u r-riżorsi finanzjarji impenjati minn parteċipanti tal-ikklirjar kif ukoll it-tip u n-natura tal-kollateral li jipprovdu huma elementi essenzjali li jridu jiġu kkunsidrati meta jiġi vvalutat kemm is-CCP għandha l-kapaċità li tkun tiflaħ għal xi żvilupp sfavorevoli. Għalhekk jenħtieġ li meta tqis il-kriterju stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA jkollha viżjoni ġenerali tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għas-CCP f’każ ta’ event ta’ inadempjenza jew tip ta’ event ieħor. Jenħtieġ li l-ESMA tqis ukoll in-natura garantita, mhux garantita, impenjata, mhux impenjata, iffinanzjata jew mhux iffinanzjata ta’ dawn ir-riżorsi kif ukoll il-mezzi użati mis-CCP biex tipprovdi ċertezza tad-dritt u fiduċja rigward is-saldu tal-pagamenti li tagħmel u l-kollateral li jkollha tittratta. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-ESMA tikkunsidra l-eżistenza, in-natura u l-effett ta’ qafas ta’ rkupru u riżoluzzjoni għas-CCPs fil-ġurisdizzjoni li fiha topera s-CCP li tapplika għal rikonoxximent. Tali oqfsa ta’ rkupru u riżoluzzjoni jenħtieġ li jiġu vvalutati skont gwida u attributi ewlenin maqbula internazzjonalment. Meta tkun qed tqis ir-riskju tas-saldu u tal-likwidità, jenħtieġ li l-ESMA tagħti attenzjoni partikolari lis-CCPs li aktarx ikunu sistemiċi, fir-rigward tal-livell ta’ sigurtà li biha dawn is-CCPs jaċċessaw il-likwidità kif ukoll il-pressjoni tal-likwidità fuq il-muniti tal-Unjoni. Filwaqt li s-sigurtà tal-pagamenti u tas-saldu tista’ tissaħħaħ permezz tal-użu tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit jew ta’ teknoloġiji reċenti oħra, jenħtieġ li l-ESMA tagħti attenzjoni għar-riskju addizzjonali li dan jista’ jġib lis-CCP, b’mod partikolari r-riskju ċibernetiku.

    (5)

    In-natura tal-kundizzjonijiet imposti minn CCP sabiex il-parteċipanti tal-ikklirjar ikollhom aċċess għas-servizzi tagħha u l-interkonnessjonijiet bejn dawk il-parteċipanti tal-ikklirjar għandhom riperkussjonijiet fuq il-mod li bih CCP tista’ tiġi milquta minn avveniment avvers fir-rigward ta’ dawn il-parteċipanti. Għalhekk, meta tqis il-kriterju stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jenħtieġ li l-ESMA tiddetermina sa fejn possibbli l-identità tal-parteċipanti tal-ikklirjar lis-CCP, b’mod partikolari meta dik is-CCP tipprovdi servizzi lil parteċipanti tal-ikklirjar stabbiliti fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-ESMA tiddetermina wkoll is-sehem mis-suq rilevanti jew l-importanza relattiva ta’ parteċipanti tal-ikklirjar jew gruppi ta’ parteċipanti tal-ikklirjar f’dik is-CCP. Sakemm ikun meħtieġ biex jiġi vvalutat l-impatt li jista’ jkollu fuq l-istruttura tas-sħubija tal-ikklirjar, jenħtieġ li l-ESMA tivvaluta l-kundizzjonijiet u l-opzjonijiet li bihom is-CCP tipprovdi aċċess għas-servizzi tal-ikklirjar tagħha. Fir-rigward ta’ CCP li x’aktarx tkun sistemika għall-Unjoni, jenħtieġ li l-ESMA tivvaluta jekk ir-rekwiżiti ġuridiċi u prudenzjali li CCP timponi fuq il-membri tal-ikklirjar tagħha humiex stretti biżżejjed.

    (6)

    Fil-każ ta’ tfixkil ta’ CCP, il-parteċipanti tal-ikklirjar jista’ jkollhom jiddependu, kemm direttament kif ukoll indirettament, fuq il-forniment ta’ servizzi simili jew identiċi minn CCPs oħra. Għaldaqstant, sabiex tiġi vvalutata l-importanza relattiva tas-CCP li tapplika għar-rikonoxximent, jenħtieġ li meta l-ESMA tqis il-kriterju stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, tiddetermina jekk il-parteċipanti tal-ikklirjar jistgħux jissostitwixxu s-servizzi tal-ikklirjar kollha jew uħud minnhom ipprovduti minn dik is-CCP b’servizzi pprovduti minn CCPs oħra, b’mod partikolari meta s-CCPs alternattivi jkunu awtorizzati jew rikonoxxuti fl-Unjoni. Meta l-membri tal-ikklirjar u l-klijenti stabbiliti fl-Unjoni jkunu jistgħu jikklirjaw biss ċerti prodotti soġġetti għall-obbligu tal-ikklirjar f’CCP waħda ta’ pajjiż terz, jenħtieġ li l-importanza sistemika ta’ dik is-CCP tiġi kkunsidrata b’reqqa kbira mill-ESMA.

    (7)

    Is-CCPs jistgħu jiġu konnessi f’ħafna modi ma’ infrastrutturi finanzjarji oħra bħal CCPs jew depożitarji ċentrali ta’ titoli oħra. Tfixkil ta’ dawn il-konnessjonijiet jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament tajjeb tas-CCP. Għalhekk, meta tqis il-kriterju stabbilit fil-punt (e) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jenħtieġ li l-ESMA tivvaluta l-punt sa fejn is-CCP tkun konnessa ma’ infrastrutturi oħra tas-suq finanzjarju jew ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra b’mod li jista’ jkollu impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha. Meta tagħmel dan, jenħtieġ li l-ESMA tagħti attenzjoni partikolari lil dawn il-konnessjonijiet u interdipendenzi ma’ entitajiet li jinsabu fl-Unjoni. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-ESMA tidentifika u tivvaluta n-natura tas-servizzi esternalizzati mis-CCP u r-riskju li tali arranġamenti jistgħu joħolqu għas-CCP f’każ li dawn b’xi mod jiġu interrotti jew imfixkla.

    (8)

    Meta jiġi determinat, bl-użu ta’ indikaturi kwantitattivi oġġettivi, li l-iskopertura tal-membri tal-ikklirjar u l-klijenti stabbiliti fl-Unjoni għal CCP hija sinifikanti, jenħtieġ li l-ESMA tivvaluta elementi addizzjonali għal kull kriterju. Aktar ma’ CCP tissodisfa minn dawn l-indikaturi, aktar ikun probabbli li l-ESMA tikkonkludi li dik is-CCP tkun ta’ importanza sistemika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha.

    (9)

    Dan ir-Regolament Delegat jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza biex jiżgura l-operazzjonalizzazzjoni l-aktar rapida tar-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    In-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tas-CCP

    1.   Meta tqis il-kriterju stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tivvaluta l-elementi li ġejjin:

    (a)

    il-pajjiżi li fihom is-CCP tipprovdi jew biħsiebha tipprovdi servizzi;

    (b)

    il-punt sa fejn is-CCP tipprovdi servizzi oħrajn flimkien mas-servizzi tal-ikklirjar;

    (c)

    it-tip ta’ strumenti finanzjarji kklirjati jew li jridu jiġu kklirjati mis-CCP;

    (d)

    jekk l-istrumenti finanzjarji kklirjati jew li jridu jiġu kklirjati mis-CCP humiex soġġetti għall-obbligu tal-ikklirjar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (e)

    il-valuri medji kklirjati mis-CCP matul sena, fil-livelli li ġejjin:

    (i)

    Il-livell tas-CCP;

    (ii)

    il-livell ta’ kull membru tal-ikklirjar li jkun entità stabbilita fl-Unjoni jew entità li tkun tifforma parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni;

    (iii)

    il-livell ta’ membri tal-ikklirjar stabbiliti barra mill-Unjoni jew li ma jkunux jiffurmaw parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni fejn il-membri jikklirjaw f’isem il-klijenti u l-klijenti indiretti stabbiliti fl-Unjoni, b’mod aggregat.

    (f)

    jekk is-CCP tkunx lestiet valutazzjoni tal-profil tar-riskju tagħha abbażi ta’ standards miftiehma internazzjonalment jew mod ieħor, il-metodoloġija użata u r-riżultat tal-valutazzjoni.

    2.   Għall-finijiet tal-punt (e) tal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tivvaluta l-valuri li ġejjin b’mod separat:

    (a)

    għal tranżazzjonijiet ta’ titoli (inklużi tranżazzjonijiet ta’ finanzjament ta’ titoli skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)), il-valur ta’ pożizzjonijiet miftuħa jew ta’ interess miftuħ;

    (b)

    għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi nnegozjati f’suq regolat skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-valur tal-interess miftuħ jew tal-fatturat;

    (c)

    għal tranżazzjonijiet ta’ derivattivi barra l-borża (over-the-counter, OTC), l-ammont nozzjonali pendenti gross u nett.

    Dawn il-valuri għandhom jiġu vvalutati għal kull munita u għal kull klassi ta’ assi.

    3.   Fejn japplika xi wieħed mill-indikaturi msemmija fl-Artikolu 6, l-ESMA, flimkien mal-elementi elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tivvaluta wkoll l-elementi li ġejjin:

    (a)

    l-istruttura tas-sjieda tas-CCP;

    (b)

    meta s-CCP tkun tappartjeni għall-istess grupp bħal dak ta’ infrastruttura oħra tas-suq finanzjarju, bħal CCP oħra jew depożitorju ċentrali tat-titoli, l-istruttura korporattiva tal-grupp li għalih tappartjeni s-CCP;

    (c)

    jekk is-CCP tipprovdix servizzi tal-ikklirjar lill-klijenti jew lill-klijenti indiretti stabbiliti fl-Unjoni permezz ta’ membri tal-ikklirjar stabbiliti barra mill-Unjoni;

    (d)

    in-natura, il-profondità u l-likwidità tas-swieq moqdija u l-livell tal-informazzjoni disponibbli dwar id-data adegwata dwar l-ipprezzar għall-parteċipanti tas-suq u kull sors ta’ pprezzar aċċettat b’mod ġenerali u affidabbli;

    (e)

    jekk il-kwotazzjonijiet, il-prezzijiet ta’ talba u offerta prenegozjar u l-profonditajiet ta’ interessi ta’ negozjar humiex pubbliċi;

    (f)

    jekk il-prezz postnegozjar, il-volum u l-ħin tat-tranżazzjonijiet eżegwiti jew konklużi, fuq u barra s-swieq moqdija mis-CCP humiex pubbliċi.

    Artikolu 2

    L-effett ta’ nuqqas jew ta’ tfixkil għal CCP

    1.   Meta jitqies il-kriterju stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tivvaluta l-elementi li ġejjin:

    (a)

    il-kapital, inkluż il-qligħ imfaddal u r-riżervi, tas-CCP;

    (b)

    it-tip u l-ammont ta’ kollateral aċċettat u miżmum mis-CCP, it-telf impost applikat, il-metodoloġija tat-telf impost korrispondenti, il-muniti li fihom huwa ddenominat il-kollateral u l-punt sa fejn il-kollateral huwa pprovdut minn entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jew li huma parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni;

    (c)

    l-ammont massimu ta’ marġni miġbura mis-CCP f’jum wieħed matul perjodu ta’ 365 jum qabel il-valutazzjoni tal-ESMA;

    (d)

    l-ammont massimu ta’ marġni miġbura mis-CCP f’jum wieħed matul perjodu ta’ 365 jum qabel il-valutazzjoni tal-ESMA minn kull membru tal-ikklirjar li tkun entità stabbilita fl-Unjoni jew entità li tkun parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni, għal kull klassi ta’ assi jew fond tal-inadempjenza segregat fejn applikabbli;

    (e)

    fejn applikabbli għal kull fond tal-inadempjenza tas-CCP, il-kontribuzzjonijiet massimi tal-fond tal-inadempjenza meħtieġa u miżmuma mis-CCP f’jum wieħed matul perjodu ta’ 365 jum qabel il-valutazzjoni tal-ESMA;

    (f)

    fejn applikabbli għal kull fond tal-inadempjenza tas-CCP, il-kontribuzzjonijiet massimi tal-fond tal-inadempjenza meħtieġa u miżmuma mis-CCP f’jum wieħed matul perjodu ta’ 365 jum qabel il-valutazzjoni tal-ESMA minn kull membru tal-ikklirjar li tkun entità stabbilita fl-Unjoni jew entità parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni;

    (g)

    l-akbar obbligu ta’ pagament stmat f’jum wieħed b’kollox u f’kull munita tal-Unjoni li tkun ikkawżata mill-inadempjenza ta’ xi wieħed jew tnejn mill-akbar membri tal-ikklirjar singoli (u l-affiljati tagħhom) f’kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli;

    (h)

    l-ammont totali u għal kull munita tal-Unjoni ta’ riżorsi finanzjarji likwidi, għall-benefiċċju tas-CCP, separat skont it-tip ta’ riżorsi, inklużi depożiti ta’ flus, riżorsi impenjati jew mhux impenjati;

    (i)

    l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji likwidi totali impenjati lis-CCP minn entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jew li huma parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni.

    2.   Fejn japplika xi wieħed mill-indikaturi msemmija fl-Artikolu 6, l-ESMA, flimkien mal-elementi elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tivvaluta wkoll l-elementi li ġejjin:

    (a)

    l-identità tal-fornituri tal-likwidità stabbiliti fl-Unjoni jew li jkunu parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni;

    (b)

    il-valuri medji u massimi ta’ kuljum aggregati ta’ pagamenti deħlin u ħerġin f’munita tal-Unjoni;

    (c)

    il-punt sa fejn il-flus tal-bank ċentrali jintużaw għas-saldu u l-pagament jew jekk entitajiet oħra jintużawx għas-saldu jew għall-pagament;

    (d)

    il-punt sa fejn is-CCP tapplika teknoloġiji bħal teknoloġija tar-reġistru distribwit fil-proċess tas-saldu/tal-pagament tagħha;

    (e)

    il-pjan ta’ rkupru tas-CCP;

    (f)

    ir-reġim ta’ riżoluzzjoni applikabbli għas-CCP;

    (g)

    jekk ġiex stabbilit grupp ta’ ġestjoni tal-kriżijiet għal dik is-CCP.

    Artikolu 3

    L-istruttura tas-sħubija tal-ikklirjar tas-CCP

    1.   Meta jitqies il-kriterju stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tivvaluta dan li ġej:

    (a)

    is-sħubija ta’ kklirjar u, meta l-informazzjoni tkun disponibbli, jekk il-klijenti jew klijenti indiretti, stabbiliti fl-Unjoni jew li jkunu parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni jkunux qed jużaw is-servizzi ta’ kklirjar tas-CCP u f’dan il-każ liema klijenti; kif ukoll

    (b)

    l-opzjonijiet differenti disponibbli biex jiġu aċċessati s-servizzi tal-ikklirjar tas-CCP (inklużi mudelli differenti ta’ sħubija u ta’ aċċess dirett għall-klijenti), kull kundizzjoni għall-għoti, iċ-ċaħda jew it-terminazzjoni tal-aċċess.

    2.   Meta japplika xi wieħed mill-indikaturi msemmija fl-Artikolu 6, l-ESMA, flimkien mal-elementi elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha speċifikament tivvaluta kull rekwiżit ġuridiku jew prudenzjali impost mis-CCP fuq il-membri tal-ikklirjar biex jaċċessaw is-servizzi tal-ikklirjar tagħha.

    Artikolu 4

    Servizzi ta’ kklirjar alternattivi pprovduti minn CCPs oħra

    1.   Meta tqis il-kriterju stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tivvaluta jekk il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti stabbiliti fl-Unjoni jistgħux jaċċessaw uħud mis-servizzi tal-ikklirjar jew is-servizzi kollha tal-ikklirjar ipprovduti minn CCP permezz ta’ CCPs oħrajn u jekk dawn is-CCPs ikunux awtorizzati jew rikonoxxuti skont l-Artikoli 14 u 25 ta’ dak ir-Regolament.

    2.   Meta japplika xi wieħed mill-indikaturi msemmija fl-Artikolu 6, l-ESMA, flimkien mal-elementi elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tivvaluta wkoll jekk is-servizzi pprovduti mis-CCP jkunux relatati ma’ klassi ta’ derivattivi soġġetta għall-obbligu tal-ikklirjar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

    Artikolu 5

    Ir-relazzjoni, l-interdipendenzi, jew interazzjonijiet oħra tas-CCP

    1.   Meta tqis il-kriterju stabbilit fil-punt (e) tal-Artikolu 25(2a) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tivvaluta l-ambitu ta’ funzjonijiet, servizzi jew attivitajiet li jkunu ġew esternalizzati mis-CCP.

    2.   Meta japplika xi wieħed mill-indikaturi msemmija fl-Artikolu 6, l-ESMA, flimkien mal-elementi elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tivvaluta wkoll l-elementi li ġejjin:

    (a)

    l-effetti possibbli li jista’ jkun hemm fuq l-Unjoni jew fuq wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha meta l-fornitur ta’ funzjonijiet, servizzi jew attivitajiet esternalizzati ma jkunx kapaċi jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni;

    (b)

    jekk is-CCP isservix ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni;

    (c)

    jekk is-CCP għandhiex arranġamenti ta’ interoperabilità jew ftehimiet ta’ marġinazzjoni inkroċjata ma’ CCPs stabbiliti fl-Unjoni, jew rabtiet ma’ infrastrutturi oħra tas-suq finanzjarju li jinsabu fl-Unjoni jew parteċipazzjoni fihom, bħalma huma d-Depożitarji Ċentrali tat-Titoli jew is-sistemi ta’ pagament.

    Artikolu 6

    Indikaturi tal-iskopertura minima tal-membri tal-ikklirjar u l-klijenti stabbiliti fl-Unjoni għas-CCP

    1.   L-indikaturi għall-finijiet tal-Artikoli minn 1 sa 5 huma dawn li ġejjin:

    (a)

    l-interess miftuħ massimu tat-tranżazzjonijiet ta’ titoli, inklużi t-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli, jew l-iskambju ta’ derivattivi nnegozjati f’muniti tal-Unjoni kklirjati mis-CCP fuq perjodu ta’ sena qabel il-valutazzjoni jew maħsuba li jiġu kklirjati mis-CCP fuq perjodu ta’ sena wara li tkun saret il-valutazzjoni jkun ta’ aktar minn EUR 1000 biljun;

    (b)

    in-nozzjonal massimu pendenti ta’ tranżazzjonijiet ta’ derivattivi barra l-borża denominati f’muniti tal-Unjoni kklirjati mis-CCP fuq perjodu ta’ sena qabel il-valutazzjoni jew maħsuba li jiġu kklirjati mis-CCP fuq perjodu ta’ sena wara li tkun saret il-valutazzjoni jkun ta’ aktar minn EUR 1000 biljun;

    (c)

    ir-rekwiżit tal-marġni aggregat medju u l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza għall-kontijiet miżmuma għand is-CCP minn membri tal-ikklirjar li jkunu entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jew ikunu parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni, ikkalkulat mis-CCP fuq bażi netta fil-livell tal-kont tal-membri tal-ikklirjar fuq perjodu ta’ sentejn qabel il-valutazzjoni jkun ta’ aktar minn EUR 25 biljun;

    (d)

    l-akbar obbligu ta’ pagament stmat imwettaq minn entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jew li jkunu parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata fl-Unjoni, u kkalkulat fuq perjodu ta’ sena qabel il-valutazzjoni, li jirriżulta mill-inadempjenza ta’ mill-inqas tnejn mill-akbar membri tal-ikklirjar singoli u l-affiljati tagħhom, f’kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli jkun ta’ aktar minn EUR 3 biljun.

    Għall-finijiet tal-punt (d), l-obbligu ta’ pagament għandu jaggrega l-impenji fil-muniti kollha tal-Unjoni kkonveriti f’EUR kif meħtieġ.

    2.   L-ESMA tista’ tiddetermina biss, abbażi tal-kriterji speċifikati fl-Artikoli minn 1 sa 5, li CCP ta’ pajjiż terz tkun CCP ta’ Grad 2 meta tal-inqas wieħed mill-indikaturi fil-paragrafu 1 ikun issodisfat.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2099 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 322, 12.12.2019, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


    Top