Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0918

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/918 tal-1 ta’ Lulju 2020 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-injam tal-fraxxnu li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk

    C/2020/4293

    ĠU L 209, 2.7.2020, p. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/918/oj

    2.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 209/14


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/918

    tal-1 ta’ Lulju 2020

    li jistabbilixxi deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-injam tal-fraxxnu li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/412 (2) li tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (3) fir-rigward ta’ kundizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-injam tal-fraxxnu li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk.

    (2)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tħassret u ġiet sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/2031. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4) li jistabbilixxi regoli u rekwiżiti dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ssostitwixxa l-Annessi I sa V ta’ dik id-Direttiva.

    (3)

    Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/2072, flimkien mal-punt 87 tal-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-injam tal-fraxxnu, li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk (“l-injam speċifikat”), hija soġġetta għal ċerti rekwiżiti speċjali biex jiġi evitat ir-riskju ta’ infestazzjoni fl-Unjoni mill-pest Agrilus planipennis Fairmaire. Dawk ir-rekwiżiti huma sa ċertu punt differenti mir-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/412, fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-injam speċifikat, u tal-ispezzjoni u s-superviżjoni tiegħu.

    (4)

    Abbażi ta’ awditu mwettaq mill-Kummissjoni f’Ġunju 2018, ġie konkluż li, billi tapplika r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/412 skont il-kontrolli uffiċjali tagħha, il-Kanada tiżgura livell ta’ protezzjoni fitosanitarja li huwa ekwivalenti għal dak ipprovdut mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 87 tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

    (5)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/412 għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2020. Fis-27 ta’ April 2020, il-Kanada talbet għall-estensjoni ta’ dik id-deroga lil hinn mit-30 ta’ Ġunju 2020.

    (6)

    Biex tiġi ggarantita l-kontinwazzjoni tal-importazzjonijiet tal-injam tal-fraxxnu li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk, huwa xieraq li tiġi prevista deroga mill-Artikolu 8(1) u mill-punti 87(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, biex tippermetti l-introduzzjoni tal-injam speċifikat fl-Unjoni soġġetta għall-konformità mar-rekwiżiti speċjali li jirriflettu, bi ftit adattamenti, dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/412.

    (7)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Lulju 2020, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-importazzjonijiet tal-injam speċifikat.

    (8)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika sat-30 ta’ Ġunju 2023, sabiex jippermetti r-rieżami tal-applikazzjoni tiegħu sa dik id-data.

    (9)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Rekwiżiti speċjali għal deroga temporanja

    B’deroga mill-Artikolu 8(1) u mill-punt 87(a) u (b) tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-injam tal-fraxxnu (Fraxinus L.) li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk (“l-injam speċifikat”), għandha tkun soġġetta għall-konformità mar-rekwiżiti speċjali stabbiliti fl-Artikolu 2 u fil-Parti A tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    L-“Injam speċifikat” jissemma fil-Parti B tal-Anness.

    Artikolu 2

    Ċertifikat fitosanitarju

    1.   L-injam speċifikat għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat fitosanitarju maħruġ fil-Kanada, li jiċċertifika l-istat ta’ ħelsien mill-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni u mill-pesti mhux elenkati bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni, soġġett għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031 wara li ssir l-ispezzjoni.

    2.   Taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    id-dikjarazzjoni “F’konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/918”;

    (b)

    in-numru/i tal-lott(ijiet) li jikkorrispondi/u għal kull lott speċifiku li jiġi esportat;

    (c)

    l-isem tal-faċilità/faċilitajiet approvata/i fil-Kanada.

    Artikolu 3

    Data ta’ skadenza

    Dan ir-Regolament għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/412 tas-17 ta’ Marzu 2016 li tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-injam tal-fraxxnu li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk (ĠU L 74, 19.3.2016, p. 41).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).


    ANNESS

    PARTI A

    1.   Ir-rekwiżiti tal-ipproċessar

    L-ipproċessar tal-injam speċifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 1, għandu jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)   It-tqaxxir

    L-injam speċifikat titneħħielu l-qoxra, bl-eċċezzjoni ta’ xi biċċiet żgħar tal-qoxra li jkunu jidhru li huma separati u li jkunu distinti b’mod ċar, u li jikkonformaw ma’ wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

    (1)

    ikollhom wisa’ ta’ inqas minn 3 cm (ikun xi jkun it-tul tagħhom) jew

    (2)

    jekk ikunu usa’ minn 3 cm, l-erja totali tas-superfiċe ta’ kull biċċa qoxra individwali tkun inqas minn 50 cm2.

    (b)   L-isserrar

    L-injam isserrat speċifikat ikun prodott minn injam tond li tneħħietlu l-qoxra.

    (c)   It-trattament bis-sħana

    L-injam speċifikat jissaħħan fuq il-profil kollu tiegħu f’temperatura ta’ minn tal-inqas 71 °C għal 1 200 minuta f’kompartiment tat-tisħin approvata mill-Aġenzija ta’ Spezzjoni Alimentari Kanadiża (CFIA – Canadian Food Inspection Agency), jew minn aġenzija approvata mis-CFIA.

    (d)   It-tnixxif

    L-injam speċifikat jitnixxef skont skedi ta’ tnixxif industrijali li jdumu minn tal-inqas ġimagħtejn u li jkunu rikonoxxuti mis-CFIA.

    Il-kontenut ta’ ndewwa finali tal-injam ma għandux jaqbeż l-10 %, espress bħala persentaġġ ta’ materja niexfa.

    2.   Ir-rekwiżiti għall-faċilitajiet

    L-injam speċifikat irid jiġi prodott, jitqandel jew jinħażen f’faċilità li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    il-faċilità tkun approvata uffiċjalment mis-CFIA skont il-programm ta’ ċertifikazzjoni tagħha fir-rigward tal-pest Agrilus planipennis Fairmaire;

    (b)

    il-faċilità tkun irreġistrata f’bażi tad-data ppubblikata fuq is-sit web tas-CFIA;

    (c)

    il-faċilità tkun ivverifikata mis-CFIA, jew minn aġenzija approvata mis-CFIA, minn tal-inqas darba fix-xahar u jkun ġie konkluż li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan l-Anness. Fil-każ li dawn il-verifiki jitwettqu minn aġenzija approvata mis-CFIA, is-CFIA trid twettaq verifiki ta’ din il-ħidma kull sitt xhur. Il-verifiki kull sitt xhur għandhom jinkludu l-verifika tal-proċeduri u tad-dokumentazzjoni tal-aġenzija u verifiki f’faċilitajiet approvati;

    (d)

    il-faċilità tkun tuża tagħmir għat-trattament tal-injam li jkun ġie kkalibrat b’mod konsistenti mal-manwal tat-tħaddim tat-tagħmir;

    (e)

    il-faċilità tkun iżżomm rekords tal-proċeduri tagħha għall-verifika mis-CFIA jew minn aġenzija approvata mis-CFIA, inkluż it-tul ta’ żmien tat-trattament, it-temperaturi waqt it-trattament u, għal kull lott speċifiku li jrid jiġi esportat, il-kontroll tal-konformità u l-kontenut ta’ ndewwa finali.

    3.   It-tikkettar

    Fuq kull lott tal-injam speċifikat iridu jidhru b’mod ċar kemm in-numru tal-lott kif ukoll tikketta bl-ittri “HT-KD” jew bil-kliem “Heat Treated-Kiln Dried”. Dik it-tikketta trid tinħareġ minn uffiċjal maħtur mill-faċilità approvata, jew taħt is-superviżjoni tiegħu, wara li jkun ġie vverifikat li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-ipproċessar stabbiliti fil-punt 1 u r-rekwiżiti għall-faċilitajiet stabbiliti fil-punt 2.

    4.   L-ispezzjonijiet ta’ qabel l-esportazzjoni

    L-injam speċifikat maħsub għall-Unjoni jrid jiġi spezzjonat mis-CFIA, jew minn aġenzija approvata uffiċjalment mis-CFIA, sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1 u 3 ġew issodisfati.

    PARTI B

    Injam speċifikat bil-kodiċijiet NM rispettivi tiegħu

    1.

    Injam ta’ Fraximus L., minbarra fil-forma ta’

    laqx, partikoli, serratura, ċana, skart u fdalijiet tal-injam, miksub kollu jew parzjalment minn dawn is-siġar,

    materjal tal-injam għall-imballaġġ, fil-forma ta’ kontenituri għal ippakkjar, kaxxi, ċestuni, tnabar u kontenituri simili, palits, kaxxi tal-palits u twavel oħra għat-tagħbija, għenuq tal-palits, bċejjeċ tal-injam, kemm jekk effettivament jintużawx jew le fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kwalunkwe tip, minbarra l-bċejjeċ tal-injam li jintużaw biex jirfdu l-kunsinni tal-injam, li jkunu magħmulin minn injam tal-istess tip u kwalità bħall-injam fil-kunsinna u li jissodisfa l-istess rekwiżiti fitosanitarji tal-Unjoni bħall-injam fil-kunsinna,

    iżda li jinkludi l-injam li ma jkunx żamm il-wiċċ tond naturali tiegħu, u għamara u oġġetti oħra magħmula minn injam mhux ittrattatiżda li jinkludi l-injam li ma jkunx żamm il-wiċċ tond naturali tiegħu, u għamara u oġġetti oħra magħmula minn injam mhux ittrattat

    ex 4401 12 00

    ex 4403 12 00

    ex 4403 99 00

    ex 4404 20 00

    ex 4406 12 00

    ex 4406 92 00

    4407 95 10

    4407 95 91

    4407 95 99

    ex 4407 99 27

    ex 4407 99 40

    ex 4407 99 90

    ex 4408 90 15

    ex 4408 90 35

    ex 4408 90 85

    ex 4408 90 95

    ex 4416 00 00

    ex 9406 10 00


    Top