Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0560

    Regolament (UE) 2020/560 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 508/2014 u (UE) Nru 1379/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

    PE/9/2020/REV/1

    ĠU L 130, 24.4.2020, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/560/oj

    24.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 130/11


    REGOLAMENT (UE) 2020/560 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta' April 2020

    li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 508/2014 u (UE) Nru 1379/2013 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 175 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ntlaqat partikularment ħażin mit-tfixkil fis-suq li nqala’ minħabba t-tnaqqis sinifikanti li kien hemm fid-domanda minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19. L-għeluq tal-postijiet tal-bejgħ, tas-swieq, tal-ħwienet u tal-mezzi ta’ distribuzzjoni wassal għal tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet u fil-volumi. It-tnaqqis fid-domanda u fil-prezzijiet, flimkien mal-vulnerabbiltà tal-katina tal-provvista u mal-kumplessità tagħha, wassal biex l-attivitajiet tal-flotot tas-sajd u tal-produzzjoni tal-frott tal-baħar jagħmlu t-telf. B’hekk, is-sajjieda ġew obbligati li jibqgħu fil-portijiet u dawk li jrabbu l-ħut se jkollhom jarmu l-prodotti tagħhom jew jeqirduhom fi żmien ftit ġimgħat.

    (2)

    Jenħtieġ li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ikun jista’ jappoġġa miżuri speċifiċi sal-31 ta’ Diċembru 2020 biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu jinkludu l-għoti ta’ appoġġ għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd, fosthom tas-sajd f'ilmijiet interni u ta' sajjieda li jistadu bil-wieqfa, u għal ċertu telf ekonomiku għal produtturi fl-akkwakultura u intrapriżi ta' pproċessar u fir-reġjuni ultraperiferiċi, sakemm dawn iseħħu minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu jinkludu wkoll l-għoti ta’ kapital operatorju lil produtturi fl-akkwakultura u intrapriżi ta' pproċessar u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-ħżin tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura skont ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ li n-nefqa għall-attivitajiet appoġġati fil-kuntest ta’ dawk il-miżuri tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

    (3)

    Jenħtieġ li r-riżorsi li huma disponibbli għall-impenji min-naħa tal-FEMS taħt ġestjoni kondiviża jinqasmu b’tali mod li jiżgura li jkunu stabbiliti ammonti fissi għall-kontroll tas-sajd u għall-ġbir ta' data xjentifika, filwaqt li jkun permess li 10 % ta' dawk l-ammonti jintużaw għal miżuri relatati mal-mitigazzjoni tat-tifqigħa ta’ COVID-19, u għall-kumpens għal spejjeż addizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi. Jenħtieġ li r-riżorsi l-oħrajn taħt ġestjoni kondiviża jiġu allokati mill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet tagħhom.

    (4)

    Minħabba l-konsegwenzi soċjoekonomiċi sinifikanti tat-tifqigħa ta’ COVID-19 u l-bżonn ta’ likwidità fl-ekonomija, jenħtieġ li l-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19 ikun jista’ jiġi appoġġat b’rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 75 % tan-nefqa pubblika eliġibbli.

    (5)

    Minħabba l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fl-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi finanzjarji biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19, jenħtieġ li ma jkunx hemm impost limitu massimu finanzjarju fuq il-forniment ta’ appoġġ li jingħata għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd minħabba dik it-tifqigħa. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għal-limitu massimu finanzjarju eżistenti impost għall-każijiet l-oħrajn ta’ waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd. Jenħtieġ li jkompli japplika l-obbligu li l-appoġġ li jingħata għall-waqfien temporanju jitnaqqas mill-appoġġ li jingħata għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd għall-istess bastiment. Għal miżuri relatati mal-mitigazzjoni tat-tifqigħa ta’ COVID-19, jenħtieġ li r-rekwiżit tal-attività għal 120 jum jitnaqqas b'mod proporzjonali għal sidien ta' bastimenti reġistrati għal inqas minn sentejn u għal sajjieda li bdew jaħdmu inqas minn sentejn qabel l-applikazzjoni għal appoġġ.

    (6)

    Minħabba l-urġenza li jingħata l-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ssimplifikata jkun jista’ jiġi estiż biex ikun jinkludi l-emendi fil-programmi operazzjonali marbutin mal-miżuri speċifiċi u l-allokazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi finanzjarji allokati għalihom biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19. Jenħtieġ li dik il-proċedura ssimplifikata tkun tkopri l-emendi kollha meħtieġa biex jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri kkonċernati, fosthom l-introduzzjoni tagħhom u d-deskrizzjoni tal-metodi biex jiġi kkalkulat l-appoġġ.

    (7)

    Minħabba r-rwol ewlieni li għandhom l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-ġestjoni tal-kriżi, jenħtieġ li l-limitu massimu għall-appoġġ għall-pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni jiżdied għal 12 % tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li titqiegħed fis-suq. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu pagamenti bil-quddiem sa 100 % tal-appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għal dak l-appoġġ.

    (8)

    Minħabba t-tfixkil għall-għarrieda fl-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura li kien hemm minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19, u r-riskju li ġej minnu ta’ theddid għas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ħżin tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura maħsubin għall-konsum mill-bniedem. Dan se jkollu l-għan li jżid l-istabbiltà fis-suq, li jtaffi r-riskju li t-tali prodotti jintremew jew jintużaw għal għanijiet oħrajn minflok bħala ikel għall-bnedmin, u li jikkontribwixxi biex jitnaqqas l-impatt tal-kriżi fuq il-qligħ minn fuq dawn il-prodotti. Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu jkun jippermetti lill-produtturi fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura jużaw l-istess tekniki ta’ preservazzjoni jew ta’ konservazzjoni għal speċijiet simili biex ikun żgurat li tinżamm il-kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi.

    (9)

    Minħabba li d-domanda għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura naqset ħafna għall-għarrieda minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19, jenħtieġ li l-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna għall-ħżin ikunu jistgħu jiżdiedu għal 25 % tal-kwantitajiet annwali tal-prodotti kkonċernati li jitqiegħdu għall-bejgħ mill-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata.

    (10)

    Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu mill-ewwel għat-tifqigħa għall-għarrieda u mhux prevedibbli tal-COVID-19, jenħtieġ li jkollhom id-dritt jistabbilixxu prezzijiet skattaturi għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tagħhom biex jiskattaw il-mekkaniżmu tal-ħżin. Jenħtieġ li dawk il-prezzijiet skattaturi jiġu stabbiliti b’tali mod li tinżamm il-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi.

    (11)

    L-appoġġ mill-FEMS jenħtieġ li jkun disponibbli wkoll għal miżuri biex jikkumpensaw għat-telf ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa ta’ COVID-19 għal operaturi fis-sajd, il-farming, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari dak li jirriżulta mid-deterjorament fil-prezz tal-ħut jew minn żieda fl-ispejjeż ta' ħżin. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tapprova, mingħajr dewmien, tali miżuri proposti mill-Istati Membri.

    (12)

    Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (‘TUE’). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

    (13)

    Minħabba l-urġenza li jingħata l-appoġġ meħtieġ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (14)

    Fid-dawl tat-tifqigħa ta’ COVID-19 u l-urġenza biex jiġi indirizzat l-impatt soċjali u ekonomiku tagħha fuq is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, tqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

    (15)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 508/2014 u (UE) Nru 1379/2013 jiġu emendati skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi fir-Regolament (UE) Nru 508/2014

    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 13

    Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni kondiviża

    1.   Ir-riżorsi disponibbli għall-impenji min-naħa tal-FEMS għall-perjodu mill-2014 sal-2020 taħt ġestjoni kondiviża għandhom ikunu ta’ EUR 5 749 331 600 fi prezzijiet kurrenti, skont it-tqassim annwali stabbilit fl-Anness II.

    2.   EUR 580 000 000 mir-riżorsi baġitarji msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-miżuri ta’ kontroll u ta’ infurzar imsemmijin fl-Artikolu 76.

    3.   EUR 520 000 000 mir-riżorsi baġitarji msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-miżuri dwar il-ġbir ta' data msemmijin fl-Artikolu 77.

    4.   EUR 192 500 000 mir-riżorsi baġitarji msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-kumpens tar-reġjuni ultraperiferiċi taħt il-Kapitolu V tat-Titolu V. Ta’ kull sena, dak il-kumpens ma għandux jaqbeż l-ammonti li ġejjin:

    (a)

    EUR 6 450 000 għall-Azores u l-Madeira;

    (b)

    EUR 8 700 000 għall-Gżejjer Kanarji;

    (c)

    EUR 12 350 000 għar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi msemmijin fl-Artikolu 349 TFUE.

    5.   L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw b’mod interkambjabbli r-riżorsi disponibbli taħt il-paragrafi 2 u 3.

    6.   10 % tar-riżorsi baġitarji msemmija fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jiġu allokati għal miżuri relatati mal-mitigazzjoni tat-tifqigħa ta’ COVID-19.”;

    (2)

    fl-Artikolu 16(1), il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “1.   Ir-riżorsi disponibbli għall-impenji min-naħa tal-Istati Membri, imsemmijin fl-Artikolu 13(1) għall-perjodu mill-2014 sal-2020, kif stabbilit fit-tabella mogħtija fl-Anness II, għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-kriterji oġġettivi li ġejjin:”;

    (3)

    l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

    “(e)

    emendi fil-programmi operazzjonali dwar l-appoġġ imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 33(1), fl-Artikolu 35, fl-Artikolu 44(4a), fil-punt (b) tal-Artikolu 55(1), fl-Artikoli 57, 66 u 67 u fl-Artikolu 69(3), fosthom l-allokazzjoni mill-ġdid lilhom ta' riżorsi finanzjarji biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19.”;

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-appoġġ imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 33(1), fl-Artikolu 34 u fl-Artikolu 41(2).”;

    (4)

    fl-Artikolu 25(3), il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-FEMS għall-miżuri msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 33(1) u fl-Artikolu 34 u għas-sostituzzjoni jew għall-modernizzazzjoni tal-magni prinċipali jew anċillari kif imsemmijin fl-Artikolu 41 ma għandhiex taqbeż l-ogħla limitu mit-tnejn li ġejjin:”;

    (5)

    l-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa miżuri għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    fil-każ tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Kummissjoni jew tal-miżuri ta’ emerġenza tal-Istati Membri msemmijin fl-Artikoli 12 u 13, rispettivament, tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew tal-miżuri ta’ konservazzjoni msemmijin fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, fosthom l-istaġuni magħluqin;

    (b)

    f’każ li ma jiġġeddux il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli jew il-protokolli tagħhom;

    (c)

    f’każ li l-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd ikun previst fi pjan ta’ ġestjoni adottat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (*1) jew fi pjan pluriennali adottat taħt l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fejn, abbażi tal-parir xjentifiku, ikun hemm bżonn tnaqqis fl-isforz tas-sajd biex jinkisbu l-objettivi msemmijin fl-Artikolu 2(2) u fil-punt (a) tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (d)

    fejn il-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd iseħħ bejn l-1 ta’ Frar u l-31 ta’ Diċembru 2020 minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19, fosthom fil-każ ta’ bastimenti li joperaw taħt ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli.

    F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tiegħu, l-infiq għall-operazzjonijiet li jingħataw appoġġ taħt il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

    2.   L-appoġġ imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ jingħata għal perjodu massimu ta’ sitt xhur għal kull bastiment fil-perjodu mill-2014 sal-2020. Dak it-tul ta’ żmien massimu ma għandux japplika għall-appoġġ imsemmi fil-punt (d) ta’ dak is-subparagrafu.

    (*1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11)”;"

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   Għall-fini tal-punt (d) tal-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-derogi li ġejjin:

    (a)

    b'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 3, fejn bastiment tas-sajd ikun ilu li ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni inqas minn sentejn fid-data meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal appoġġ, l-Istati Membri jistgħu jikkalkulaw il-jiem minimi ta' attivitajiet tas-sajd meħtieġa għal dak il-bastiment bħala l-proporzjon ta' 120 jum fl-aħħar sentejn kalendarji;

    (b)

    b'deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 3, fejn sajjied ikun ilu li beda jaħdem abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni inqas minn sentejn qabel id-data meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal appoġġ, l-Istati Membri jistgħu jikkalkulaw il-jiem minimi ta' ħidma meħtieġa għal dak is-sajjied bħala l-proporzjon ta' 120 jum fl-aħħar sentejn kalendarji.

    (c)

    b'deroga mill-paragrafu 3, l-appoġġ għandu jingħata wkoll lis-sajjieda li jistadu bil-wieqfa li jkunu ħadmu mill-inqas 120 jum matul l-aħħar sentejn kalendarji qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal appoġġ. Fejn sajjied li jistad bil-wieqfa jkun ilu li beda jaħdem inqas minn sentejn qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal appoġġ, l-Istati Membri jistgħu jikkalkulaw il-jiem minimi ta' ħidma meħtieġa għal dak is-sajjied li jistad bil-wieqfa bħala l-proporzjon ta' 120 jum fl-aħħar sentejn kalendarji.”;

    (6)

    l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4a.   Il-FEMS jista’ jappoġġa miżuri għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19, kif previst fil-punt (d) tal-Artikolu 33(1), taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33.”;

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 4a:

    (a)

    ir-referenzi magħmula fl-Artikoli 30, 32, 33, 38, 39, 41 u 42 għall-bastimenti tas-sajd għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-bastimenti li joperaw esklussivament f'ilmijiet interni;

    (b)

    ir-referenzi magħmula fl-Artikolu 38 għall-ambjent tal-baħar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-ambjent fejn jopera l-bastiment tas-sajd f'ilmijiet interni.”;

    (7)

    l-Artikolu 55 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 55

    Miżuri tas-saħħa pubblika

    1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-iskemi ta’ kumpens li ġejjin:

    (a)

    kumpens lil dawk li jrabbu l-molluski għas-sospensjoni temporanja tal-ġbir tal-molluski li jkunu qed irabbu, fejn tali sospensjoni sseħħ biss għal raġunijiet tas-saħħa pubblika;

    (b)

    l-għoti ta' kapital operatorju u kumpens lill-akkwakulturisti.

    Il-kumpens imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu jista' jingħata għas-sospensjoni temporanja jew għat-tnaqqis tal-produzzjoni u tal-bejgħ jew għall-ispejjeż addizzjonali ta' ħżin li jseħħu bejn l-1 ta’ Frar u l-31 ta’ Diċembru 2020 minħabba t-tifqigħa ta’ COVID-19.

    2.   L-appoġġ taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1 jista’ jingħata biss fejn is-sospensjoni tal-ġbir tal-molluski minħabba li jkunu kkontaminati sseħħ minħabba l-proliferazzjoni tal-plankton li jipproduċi t-tossini jew minħabba l-preżenza ta’ plankton li jkun fih il-bijotossini, u dment li:

    (a)

    il-kontaminazzjoni ddum iktar minn erba’ xhur konsekuttivi; jew

    (b)

    it-telf li s-sospensjoni tal-ġbir twassal għalih ikun jammonta għal iktar minn 25 % tal-fatturat annwali tan-negozju kkonċernat, ikkalkulat abbażi tal-fatturat medju ta’ dak in-negozju matul it-tliet snin kalendarji ta’ qabel is-sena li fiha jkun ġie sospiż il-ġbir.

    Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli speċjali għall-kalkolu fil-każ ta’ kumpaniji li jkollhom inqas minn tliet snin ta’ attività.

    3.   It-tul ta’ żmien li għalih jista’ jingħata l-kumpens taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mhux aktar minn 12-il xahar matul il-perjodu kollu tal-programmazzjoni. F’każijiet debitament iġġustifikati, dan jista’ jiġi estiż darba għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar ieħor, sa perjodu massimu ta’ 24 xahar b’kollox.

    F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tiegħu, l-infiq għall-operazzjonijiet li jingħataw appoġġ taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.”;

    (8)

    fl-Artikolu 66, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “3.   L-appoġġ mogħti lil kull organizzazzjoni tal-produtturi kull sena taħt dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż it-12 % tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li dik l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun qegħdet fis-suq matul it-tliet snin kalendarji ta’ qabel. Fil-każ ta’ organizzazzjoni tal-produtturi li tkun għadha kif ġiet rikonoxxuta, dak l-appoġġ ma għandux jaqbeż it-12 % tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li l-membri ta’ dik l-organizzazzjoni jkunu qiegħdu fis-suq matul it-tliet snin kalendarji ta’ qabel.

    4.   L-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħti pagament bil-quddiem ta’ bejn 50 % u 100 % tal-appoġġ finanzjarju wara li l-pjan ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni jiġi approvat skont l-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.”;

    (9)

    fl-Artikolu 67, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Fejn ikun meħtieġ li tiġi indirizzata t-tifqigħa ta’ COVID-19, il-FEMS jista’ jappoġġa kumpens li jingħata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu rrikonoxxuti u li jaħżnu prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 jew prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 0302 kif elenkati fil-punt (a) tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, dment li dawk il-prodotti jinħażnu skont l-Artikoli 30 u 31 ta’ dak ir-Regolament, u bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-ammont tal-għajnuna għall-ħżin ma jkunx jaqbeż l-ammont tal-ispejjeż tekniċi u finanzjarji tal-azzjonijiet meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni u għall-ħżin tal-prodotti kkonċernati;

    (b)

    il-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna għall-ħżin ma jkunux jaqbżu l-25 % tal-kwantitajiet annwali tal-prodotti kkonċernati li l-organizzazzjoni tal-produtturi tqiegħed għall-bejgħ;

    (c)

    l-appoġġ finanzjarju kull sena ma jkunx jaqbeż l-20 % tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li l-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jkunu qiegħdu fis-suq fil-perjodu 2017 sal-2019.

    Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, fejn membru tal-organizzazzjoni tal-produtturi ma qiegħed l-ebda produzzjoni fis-suq fil-perjodu mill-2017 sal-2019, għandu jittieħed kont tal-valur annwali medju tal-produzzjoni li tkun tqegħdet fis-suq fl-ewwel tliet snin tal-produzzjoni ta' dak il-membru.

    2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

    F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tiegħu, l-infiq għall-operazzjonijiet li jingħataw appoġġ taħt dan l-Artikolu għandu jkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.”;

    (10)

    fl-Artikolu 69, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Il-FEMS jista' jappoġġa l-għoti ta' kapital operatorju u ta' kumpens lill-impriżi ta' pproċessar fil-kamp ta' applikazzjoni stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) għall-akkwakulturisti.”;

    (11)

    fl-Artikolu 70, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Il-FEMS jista' jappoġġa l-kumpens ta' spejjeż addizzjonali mġarrba mill-operaturi fis-sajd, il-farming, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 TFUE.

    Il-FEMS jista' jappoġġa wkoll miżuri biex jikkumpensaw għat-telf ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa ta’ Covid-19, b'mod partikolari dak li jirriżulta mid-deterjorament fil-prezz tal-ħut jew minn żieda fl-ispejjeż ta' ħżin.”;

    (12)

    fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri jistgħu jemendaw il-kontenut tal-pjan ta’ kumpens imsemmi fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw tali emendi lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw id-deċiżjoni tagħha dwar jekk tapprovax dawk l-emendi. Fejn l-emendi jikkonċernaw miżuri biex jikkumpensaw għat-telf ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa ta’ Covid-19 taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(1), il-Kummissjoni għandha tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni fi żmien 15-il jum mill-preżentazzjoni tal-emenda. Minkejja l-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, l-atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw miżuri biex jikkumpensaw għat-telf ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa ta’ Covid-19 għandhom ukoll jistipulaw il-metodi tal-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali u l-metodi ta' implimentazzjoni mill-Istati Membri.”;

    (13)

    fl-Artikolu 79, jitħassar il-paragrafu 2;

    (14)

    fl-Artikolu 94(3), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    50 % tal-infiq pubbliku eliġibbli għall-appoġġ imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 33(1), fl-Artikolu 34 u fl-Artikolu 41(2);”;

    (15)

    fl-Artikolu 95(2), il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    l-operazzjoni tkun relatata mal-appoġġ taħt l-Artikolu 33 jew 34 jew mal-kumpens taħt l-Artikolu 54, l-Artikolu 55 jew l-Artikolu 56 jew l-Artikolu 69(3);”.

    Artikolu 2

    Emendi fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 8(3), jiżdied il-punt li ġej:

    “(f)

    jiġġestixxu l-ħżin temporanju ta' prodotti tal-akkwakultura skont l-Artikoli 30 u 31 ta’ dan ir-Regolament.”;

    (2)

    l-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Artikolu 30

    Mekkaniżmu ta’ ħżin

    L-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju għall-ħżin tal-prodotti elenkati fl-Anness II jew tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 0302 kif elenkati fil-punt (a) tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, sakemm:

    (a)

    jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-għajnuna għall-ħżin stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2);

    (b)

    l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu qiegħdu l-prodotti fis-suq iżda ma jkunux sabu min jixtrihom bil-prezz skattatur imsemmi fl-Artikolu 31;

    (c)

    fejn applikabbli, il-prodotti jissodisfaw l-istandards komuni ta' kummerċjalizzazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 33 u jkunu ta’ kwalità adegwata għall-konsum mill-bniedem;

    (d)

    il-prodotti jkunu stabbilizzati jew ipproċessati u maħżuna f’tankijiet jew f’ġaġeġ, billi jiġu ffriżati, jew abbord il-bastimenti jew f’faċilitajiet fuq l-art, billi jiġu mmellħin, billi jiġu mnixxfin, billi jiġu mmarinati jew, fejn rilevanti, billi jiġu mgħollija u ppasturizzati, kemm jekk il-prodotti jkunu mqattgħin fi fletti, imqattgħin f’biċċiet jew, fejn ikun il-każ, b’rashom maqtugħa, u kemm jekk le;

    (e)

    il-prodotti tal-akkwakultura ma jinħażnux ħajjin;

    (f)

    il-prodotti maħżuna jitqiegħdu mill-ġdid fis-suq għall-konsum mill-bniedem fi stadju iktar tard; u

    (g)

    il-prodotti jibqgħu maħżuna għal mill-inqas ħamest ijiem.

    (*2)  Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).”;"

    (3)

    l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Qabel il-bidu ta’ kull sena, kull organizzazzjoni ta' produtturi tista’ tagħmel proposta, b’mod individwali, għal prezz li jiskatta l-mekkaniżmu tal-ħżin imsemmi fl-Artikolu 30 għal prodotti elenkati fl-Anness II jew għal prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 0302 kif elenkati fil-punt (a) tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.”;

    (b)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “5.   Fejn Stat Membru ma jkunx stabbilixxa l-prezzijiet skattaturi skont il-paragrafu 4 qabel it-tifqigħa ta’ COVID-19, dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi mingħajr dewmien il-prezzijiet skattaturi kkonċernati abbażi tal-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2 u 3. Il-prezzijiet għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2020.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. GRLIĆ RADMAN


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2020.

    (2)  Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

    (3)  Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).


    Top