Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0523

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/523 tas-7 ta’ April 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana f’dak li għandu x’jaqsam mas-subintestatura 90211010 (apparat ortopediku)

    C/2020/2277

    ĠU L 116, 15.4.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/523/oj

    15.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 116/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/523

    tas-7 ta’ April 2020

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana f’dak li għandu x’jaqsam mas-subintestatura 9021 10 10 (apparat ortopediku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-oġġetti (minn hawn ’il quddiem in-“Nomenklatura Magħquda”), li hija riprodotta fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    F’ġieħ iċ-ċertezza legali, jeħtieġ li tiġi ċċarata l-klassifikazzjoni tal-apparat ortopediku elenkat taħt is-subintestatura 9021 10 10 tan-Nomenklatura Magħquda.

    (3)

    F’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C-260/00 sa C-263/00 (2), in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 9021 u n-Nota 6 tal-Kapitolu 90, l-apparat ortopediku huwa ddefinit bħala prodotti li huma maħsubin speċifikament biex jilħqu skop ortopediku partikolari.

    (4)

    F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-apparat ortopediku għandu skop mediku speċifiku, b’kuntrast mal-prodotti ordinarji (sempliċi) li jkunu għall-użu ġenerali. Il-kriterji biex wieħed jiddistingwi l-apparat ortopediku mill-prodotti ordinarji jinkludu wkoll il-metodu tal-manifattura, il-materjali li jkunu magħmulin minnhom, kif jaħdmu, kemm jistgħu jiġu addattati għad-diżabilitajiet speċifiċi tal-pazjenti.

    (5)

    In-Nota 6 tal-Kapitolu 90 tipprevedi li l-apparat ortopediku jservi jew biex jipprevjeni jew biex jikkoreġi d-deformitajiet tal-ġisem jew biex jirfed jew iżomm il-partijiet tal-ġisem wara marda, operazzjoni jew korriment.

    (6)

    It-Taqsima (I) tan-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-intestatura 9021 tagħti l-eżempji tal-apparat ortopediku li tkopri din l-intestatura, flimkien ma’ eżempji ta’ prodotti li mhumiex koperti mill-intestatura 9021. L-ambitu tal-prodotti stabbilit b’dawn in-noti ta’ spjegazzjoni jaqbel man-nota Addizzjonali l-ġdida.

    (7)

    Biex ikun hemm ċertezza legali, jeħtieġ li jingħataw eżempji tal-iskopijiet mediċi ta’ ċerti prodotti li jiddistingwuhom mill-apparat ortopediku li jkun maħsub għal skop ortopediku partikolari.

    (8)

    Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, jenħtieġ li jingħataw spjegazzjonijiet dwar kif jitħaddem dan l-apparat (livell għoli ta’ preċiżjoni) li jkun maħsub biex jipprevjeni li ssir aktar ħsara lill-ġisem jew li jiżdiedu d-diformitajiet, b’distinzjoni minn prodotti ordinarji li ma jitqisux li huma mfasslin bl-istess livell għoli ta’ preċiżjoni u li b’hekk ma jistgħux jipprevjenu għalkollox xi movimenti mhux mixtieqa.

    (9)

    Għalhekk jenħtieġ li tinżied Nota Addizzjonali ġdida fil-Kapitolu 90 tal-Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda biex ikun żgurat li l-interpretazzjoni tagħha madwar l-Unjoni tkun uniformi.

    (10)

    In-Nota Addizzjonali l-ġdida tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/787 (3) li tikklassifika faxxa għall-għaksa (l-hekk imsejjaħ “ortożi bil-lazzijiet”) man-Noti ta’ Spjegazzjoni li diġà hemm tas-subintestatura 9021 10 10 tan-Nomenklatura Magħquda, u tirrifletti l-prattika stabbilita ta’ klassifikazzjoni tal-Istati Membri.

    (11)

    Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jiġi emendat skont dan.

    (12)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Kapitolu 90 tal-Parti Tnejn tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-intestatura “Nota Addizzjonali” wara n-nota 7, hija sostitwita bl-intestatura “Noti Addizzjonali”;

    (2)

    tinżied in-Nota Addizzjonali li ġejja:

    “2.

    Għall-iskopijiet tas-subintestatura 9021 10 10, l-espressjoni ‘apparat ortopediku’ tfisser tagħmir li jkun imfassal speċifikament għal skop ortopediku partikolari, b’differenza minn prodotti li jistgħu jintużaw għal skopijiet diversi (pereżempju, prodotti għall-ġogi, għal-ligamenti jew għall-għeruq li jkunu strapazzati ż-żejjed minħabba attivitajiet sportivi, jew l-użu ta’ tastiera, u prodotti li sempliċiment itaffu l-uġigħ fil-parti difettuża jew diżabbli tal-ġisem, pereżempju uġigħ ikkawżat minn infjammazzjoni).

    Jeħtieġ li l-‘apparat ortopediku’ jipprevjeni kompletament ċertu moviment speċifiku tal-parti difettuża jew diżabbli tal-ġisem (pereżempju, il-ġogi, il-ligamenti jew l-għeruq) biex jiġu evitati aktar korrimenti jew deformitajiet tal-ġisem jew l-aggravament ta’ dawn il-korrimenti jew id-deformitajiet, b’differenza minn prodotti oħrajn li ma jistgħux jipprevjenu ċerti movimenti speċifiċi, iżda li jipprevjenu movimenti tar-riflessi (jiġifieri movimenti mwettqa subkonxjament) permezz tal-inflessibbiltà relattiva ta’ dawk il-prodotti kkawżata minn, pereżempju, qassaba flessibbli, kuxxinetti tal-pressjoni, materjali tessili mhux elastiċi, restrizzjonijiet permezz ta’ strixxi bil-qafla tat-‘tip velkro’.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ April 2020.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali

    Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, il-Każijiet Magħquda C-260/00 sa C-263/00,ECLI:EU:C:2002:637.

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/787 tal-25 ta’ Mejju 2018 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 134, 31.5.2018, p. 1).


    Top