Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0356

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/356 tal-4 ta’ Marzu 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-polisorbati (E 432–436) fix-xarbiet karbonizzati (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/1192

ĠU L 67, 5.3.2020, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/356/oj

5.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/31


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/356

tal-4 ta’ Marzu 2020

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-polisorbati (E 432–436) fix-xarbiet karbonizzati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, it-tristearat tal-poliossietilen sorbitan (il-polisorbat 65) (E 436) attwalment huwa awtorizzat biex jintuża bħala addittiv tal-ikel tal-grupp “polisorbati” (E 432-436) f’diversità kbira ta’ oġġetti tal-ikel b’livelli massimi li jvarjaw bejn 500 u 10 000 mg/kg u quantum satis fis-supplimenti tal-ikel.

(4)

Fl-4 ta’ Lulju 2018, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-polisorbat 65 (E 436) bħala aġent kontra r-ragħwa f’diversi tipi ta’ xarbiet. Wara dan, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(5)

Mill-applikazzjoni jirriżulta li l-użu propost tal-polisorbat 65 (E 436) huwa meħtieġ fil-livell massimu ta’ 10 mg/kg għall-konteniment u t-trażżin tar-ragħwa waqt il-manifattura tax-xarbiet karbonizzati billi jifforma saff madwar il-bżieżaq tar-ragħwa u jistabbilizza l-bżieżaq il-kbar billi ma jħallihomx jingħaqdu flimkien u jinfaqgħu. L-applikazzjoni turi li huwa meħtieġ it-trażżin tar-ragħwa biex it-tagħmir tal-produzzjoni jkun jista’ jitħaddem b’mod effiċjenti, biex jitnaqqas l-iskart tal-prodott, biex il-post tax-xogħol jibqa’ sikur, u biex il-faċilitajiet jinżammu fi stat nadif u iġjeniku.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x’aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)

Is-sikurezza tal-polisorbati (E 432-436) użati bħala addittivi tal-ikel ġiet evalwata mill-ġdid mill-Awtorità fl-2015 (3). L-Awtorità kkonkludiet li l-istimi tal-esponiment ma kinux jaqbżu l-konsum aċċettabbli ta’ kuljum (ADI) ta’ 25 mg/kg skont il-piż tal-ġisem/kull jum fil-każ tal-prodott raffinat mhux abbinat ma’ isem kummerċjali għall-etajiet kollha, kemm fil-livell medju tal-esponiment, kif ukoll fil-livell għoli; iżda għat-trabi li jkunu għadhom kif telqu jimxu, fl-ogħla livell kienu javviċinaw ħafna l-konsum aċċettabbli ta’ kuljum. L-Awtorità osservat li hi meħtieġa aktar data biex jitnaqqsu l-inċertezzi għall-valutazzjoni tax-xenarju tal-esponiment għall-prodott raffinat, billi ma kinux inkisbu rapporti fuq l-użu għal tliet kategoriji tal-ikel, u li sorsi dietetiċi oħrajn ta’ esponiment għall-polisorbati ma setgħux jitqiesu fl-opinjoni.

(8)

Fl-applikazzjoni, l-applikant kien għamel stima tal-esponiment billi uża l-Mudell tal-Konsum tal-Addittivi tal-Ikel (4) żviluppat mill-Awtorità. L-istimi li ngħataw jindikaw li l-esponiment addizzjonali li jikkawża l-użu estiż huwa negliġibbli (inqas minn 1 % tal-konsum aċċettabbli ta’ kuljum).

(9)

L-użu estiż tal-polisorbat 65 (E 436) fil-livell massimu ta’ 10 mg/kg fil-kategoriji tal-ikel 14.1.4 “Xarbiet mogħtija t-togħma”, 14.2.3 “Sajder u perri”, 14.2.4 “Inbid tal-frott u nbid magħmul” u 14.2.8 “Xarbiet alkoħoliċi oħra inkluż taħlit ta’ xarbiet alkoħoliċi ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi u spirti b’inqas minn 15 % ta’ alkoħol” fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jeħtieġ aġġornament tal-lista tal-Unjoni li mhuwiex probabbli li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, billi l-impatt tiegħu fuq l-esponiment globali għall-polisorbati (E 432-436) huwa negliġibbli. Għaldaqstant, ma hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(10)

F’ġieħ il-konsistenza, jixraq li jiġi indirizzat l-użu mitlub tal-(polisorbat 65) (E 436) billi jiġi awtorizzat il-grupp tal-polisorbati (E 432-436) fil-kategoriji tal-ikel rispettivi.

(11)

Għaldaqstant jixraq li jkun awtorizzat l-użu tal-polisorbati (E 432-436) fil-livell massimu ta’ 10 mg/kg fil-kategoriji tal-ikel 14.1.4 “Xarbiet mogħtija t-togħma”, 14.2.3 “Sajder u perri”, 14.2.4 “Inbid tal-frott u nbid magħmul” u 14.2.8 “Xarbiet alkoħoliċi oħra inkluż taħlit ta’ xarbiet alkoħoliċi ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi u spirti b’inqas minn 15 % ta’ alkoħol”.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)   EFSA Journal 2015; 13(7):4152.

(4)  http://www.efsa.europa.eu/en/applications/foodingredients/tools


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

(1)

fil-kategorija tal-ikel 14.1.4 “Xarbiet mogħtija t-togħma”, tiddaħħal l-entrata l-ġdida li ġejja għall-polisorbati (E 432-436) taħt l-entrata tal-emiċelluloża tas-sojja (E 426):

 

“E 432-436

Polisorbati

10

(1)

xarbiet karbonizzati biss”

(2)

fil-kategorija tal-ikel 14.2.3 “Sajder u perri”, tiddaħħal l-entrata l-ġdida li ġejja għall-polisorbati (E 432-436) taħt l-entrata tal-propan-1, 2-diol alġinat (E 405):

 

“E 432-436

Polisorbati

10

(1)

xarbiet karbonizzati biss”

(3)

fil-kategorija tal-ikel 14.2.4 “Inbid tal-frott u nbid magħmul”, tiddaħħal l-entrata l-ġdida li ġejja għall-polisorbati (E 432-436) taħt l-entrata tal-aċidu metatartariku (E 353):

 

“E 432-436

Polisorbati

10

(1)

xarbiet karbonizzati biss”

(4)

fil-kategorija tal-ikel 14.2.8 “Xarbiet alkoħoliċi oħra inkluż taħlit ta’ xarbiet alkoħoliċi ma’ xarbiet mhux alkoħoliċi u spirti b’inqas minn 15 % ta’ alkoħol”, tiddaħħal l-entrata l-ġdida li ġejja għall-polisorbati (E 432-436) taħt l-entrata tal-propan-1, 2-diol alġinat (E 405):

 

“E 432-436

Polisorbati

10

(1)

xarbiet karbonizzati biss”


Top